Official Journal L 183 , 16/07/1985 P. 0021 - 0021
Finnish special edition: Chapter 9 Volume 1 P. 0123
Spanish special edition: Chapter 09 Volume 2 P. 0003
Swedish special edition: Chapter 9 Volume 1 P. 0123
Portuguese special edition Chapter 09 Volume 2 P. 0003
Id-Direttiva tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 1985 li temenda d-Direttiva 83/181/KEE li tistabbilixxi l-iskop ta' l-Artikolu 14 (1) (d) tad-Direttiva 77/388/KEE li għandha x'taqsam ma’ l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta' ċerti oġġetti (85/346/KEE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 99 u 100 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], Billi d-Direttiva 83/181/KEE [4] tippreskrivi l-kwantità minima ta' karburanti li jinstabu f'tankijiet tal-karburanti ta' vetturi tal-mutur kummerċjali li jridu jkunu eżenti mit-taxxa fuq il-valur miżjud fid-dħul; Billi, sabiex tħaffef il-mogħdija fil-fruntieri interni tal-Komunità, il-kwantità msemmija għandha tiżdied, fl-istadju inizjali, għal vetturi mfasslin għal, u li jistgħu jiġu użati, għat-trasport ta' persuni u l-ivjaġġar bejn l-Istati Membri; billi, fit-tieni stadju, il-Kunsill għandu jiddeċiedi, fuq proposta mill-Kummissjoni, dwar iż-żieda tal-kwantità msemmija applikabbli għal vetturi li jivvjaġġaw bejn l-Istati Membri u mfasslin għal, u li jistgħu jiġu użati, għat-trasport ta' oġġetti. ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Id-Direttiva 83/181/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej: 1. L-Artikolu 83 huwa mibdul b'dan li ġej: "Artikolu 83 L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-applikazzjoni ta' l-eżenzjoni ta' karburanti li jinsabu fit-tankijiet tal-karburaturi standard ta' vetturi tal-mutur kummerċjali: (a) meta l-vettura tkun toriġina minn pajjiż terz, sa 200 litru għal kull vettura u għal kull vjaġġ; (b) meta l-vettura toriġina minn Stat Membru ieħor: - sa 200 litru għal kull vettura u għal kull vjaġġ fil-każ ta' vetturi mfasslin għal, u li jistgħu jiġu użati, għat-trasport, bi jew mingħajr rimunerazzjoni, ta' oġġetti, - sa 600 litru għal kull vettura u għal kull vjaġġ fil-każ ta' vetturi mfasslin għal, u li jistgħu jiġu użati, għat-trasport, bi jew mingħajr rimunerazzjoni, ta' iktar minn disa’ persuni, inkluż is-sewwieq. Waqt li jaġixxi bi qbil mal-proċedura illi jipprovdi għalih it-Trattat dwar dan il-punt, il-Kunsill għandu jiddeċidi, fuq proposta mill-Kummissjoni, qabel l-1 ta' Lulju 1986, dwar iż-żieda fil-kwantità ta' karburanti li ser jkunu mdaħħlin ħielsa mid-dazju u li jkunu jinsabu fit-tankijiet tal-karburaturi standard tal-vetturi msemmija fl-ewwel inċiż ta' (b) fl-ewwel sottoparagrafu." 2. L-Artikolu 84(a) nbidel b'dan li ġej: "(a) vetturi tal-mutur kummerċjali mqabbda biex jaħdmu fit-trasport internazzjonali illi ġejjin minn stati terzi għaż-żona tal-fruntiera tagħhom, sa profondità massima ta' 25 kilometri b'linja dritta, billi dan it-trasport jikkonsisti minn vjaġġi magħmula minn persuni li joqogħdu f'dik iż-żona;". Artikolu 2 L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux iktar tard mill-1 ta' Ottubru 1985. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan. Artikolu 3 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussell, fit-8 ta' Lulju 1985. Għall-Kunsill Il-President J. Santer [1] ĠU C 95, tas-6.4.1984, pġ. 3. [2] ĠU C 172, tat-2.7.1984, pġ. 15. [3] ĠU C 248, tas-17.9.1984, pġ. 13. [4] ĠU L 105, tat-23.4.1983, pġ. 38. --------------------------------------------------