Brussell, 14.6.2023

COM(2023) 303 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Sajd sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2024

{SWD(2023) 172 final}


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Sajd sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2024

1.Introduzzjoni

Din il-Komunikazzjoni tipprovdi aktar dettalji dwar l-istatus tas-sajd Ewropew immonitorjat fl-2022. Tagħti wkoll il-proposti u l-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni ma’ pajjiżi terzi dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2024. L-għan huwa li tittejjeb ir-reżiljenza tas-sajjieda, li tingħata spinta lill-irkupru tal-istokkijiet biex jintlaħaq ir-rendiment massimu sostenibbli (MSY), u li l-istokkijiet jinżammu b’saħħithom fil-livell tal-MSY.

Issa, huma ħafna inqas l-istokkijiet tal-ħut li qed jiġu mistada b’mod eċċessiv u s-sajjieda qed jaraw gwadanji soċjoekonomiċi minn ċerti stokkijiet li ġew ġestiti f’livelli aktar b’saħħithom għal xi żmien. Madankollu, il-prezzijiet għoljin tal-fjuwil dgħajfu l-gwadanji li saru, u dan juri l-ħtieġa li tinbena reżiljenza li tagħmel il-flotta tas-sajd tal-UE inqas dipendenti fuq il-fjuwils fossili u li tikkonserva l-istokkijiet tal-ħut. Biex tindirizza l-isfidi ewlenin u ttejjeb ir-reżiljenza tas-sajd tal-UE, il-Kummissjoni nediet proċess ta’ kooperazzjoni komprensiv u kostruttiv fil-qafas tal-pakkett dwar is-Sajd u l-Oċeani 1 . Huwa kruċjali li jitkomplew dan l-impenn u d-djalogu.

Minn Frar tal-2022, l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna ħalliet impatt fuq is-sajd tal-UE b’diversi modi, speċjalment fil-Baħar l-Iswed. Dan wassal għal tfixkil kontinwu fl-attivitajiet tas-sajd u fil-flussi kummerċjali, kellu impatt fuq il-parir xjentifiku u fuq ċerti negozjati fil-livell internazzjonali. Dan juri l-importanza li tingħata spinta lir-reżiljenza biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel fl-Ewropa, li jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku 2 , u li tittieħed azzjoni ulterjuri favur l-innovazzjoni u t-tranżizzjoni tal-enerġija, kif enfasizzat mill-pakkett dwar is-Sajd u l-Oċeani.

2.Progress fil-kisba tas-sajd sostenibbli fl-UE

Is-sajd sostenibbli jfisser li l-ammont ta’ ħut li jinqabad ma jkunx akbar mill-ammont ta’ ħut li l-istokkijiet jistgħu jirriproduċu fis-sena. Stokk jiġi mistad b’mod sostenibbli fil-livell tal-MSY meta l-proporzjon bejn il-mortalità mis-sajd reali (F) u l-mortalità mis-sajd fil-livell tal-MSY (FMSY) ikun 1 jew anqas 3 .

Bis-saħħa tal-investimenti li saru mis-sajjieda u mill-amministrazzjonijiet nazzjonali u tal-impenn mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni biex is-sajd jiġi ġestit b’mod responsabbli, is-sajd sar aktar sostenibbli u issa hemm ħafna inqas stokkijiet mistada b’mod eċċessiv fl-UE.

Fl-2003, il-biċċa l-kbira tal-istokkijiet ta’ interess għall-UE kienu mistada b’mod eċċessiv ħafna u l-mortalità mis-sajd medja fl-Atlantiku tal-Grigal kienet ta’ 1,68 FMSY. Minn dak iż-żmien ’il hawn ir-rata naqset, u fl-2021, laħqet l-aktar valur baxx ta’ 0,76. Fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, ir-rata ta’ mortalità medjana naqset minn 2,06 FMSY fl-2003 għal 1,7 fl-2020 4 , u s-sitwazzjoni tjiebet peress li issa hemm aktar valutazzjonijiet tal-istokkijiet disponibbli meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Ir-rata ta’ mortalità mis-sajd naqset l-aktar fil-Lvant tal-Mediterran segwita mill-Baħar l-Iswed u mill-Punent tal-Mediterran. Ftit li xejn kien hemm bidla fil-Mediterran Ċentrali.

Fejn ir-rata ta’ mortalità mis-sajd naqset, il-bijomassa tal-istokk tal-ħut qed tiżdied 5 . Dan jgħin biex jittejbu l-qabdiet u l-profittabbiltà tas-sajd u jżid l-effiċjenza fl-emissjonijiet tal-karbonju tagħhom (f’termini ta’ kg ta’ ħut maqbud għal kull kg ta’ karbonju emess). Biex jintwera l-valur ta’ ġestjoni tajba, għall-ewwel darba fil-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd 6 (PKS), fl-2021 fil-Golf tal-Biskalja l-ebda stokk ma ġie mistad b’mod eċċessiv. It-tkabbir tal-popolazzjonijiet tal-ħut f’dik iż-żona kien notevoli, u kien aktar minn tliet darbiet ogħla mil-livell ta’ abbundanza rreġistrat fl-2003.

Id-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art u n-noti tal-bejgħ huma essenzjali għall-monitoraġġ tal-użu tal-kwoti u għar-rapportar tad-data aggregata dwar il-qabdiet. Ir-rappurtar akkurat huwa vitali peress li huwa l-bażi għas-sajd sostenibbli u għal data xjentifika affidabbli. Madankollu, għad hemm problemi biex jiġi żgurat li l-qabdiet kollha jiġu rreġistrati kif suppost u jitnaqqsu mill-kwoti, minħabba nuqqasijiet fil-mod kif l-Istati Membri jiżnu l-prodotti tas-sajd kollha li jinħattu u jirreġistrawhom b’mod akkurat fid-dokumenti tar-reġistrazzjoni tal-qbid. Din hija sejba rikorrenti fl-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni f’diversi baċiri tal-baħar fis-snin preċedenti. Il-Kummissjoni wettqet segwitu dwar il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità billi fetħet ċiklu ta’ evalwazzjoni ieħor fl-2022 u proċeduri ta’ ksur li jirrikjedu li l-Istati Membri jadottaw miżuri biex jirrappurtaw il-qabdiet tagħhom b’mod preċiż.

Bħala medja, l-istokkijiet fl-Atlantiku tal-Grigal issa jinsabu fil-medda konsistenti mal-objettivi tal-PKS dwar ir-rata ta’ mortalità mis-sajd. Għalkemm fl-2022 sar progress tajjeb lejn l-objettivi stabbiliti fil-qafas tal-PKS, hemm aktar progress xi jsir, speċjalment fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed.

2.1 Opportunitajiet tas-sajd fl-2023

L-opportunitajiet tas-sajd jikkostitwixxu pass importanti fil-ġestjoni sostenibbli tas-sajd. Fl-Atlantiku, fil-Baħar Baltiku u fi Skagerrak/f’Kattegat, l-opportunitajiet tas-sajd huma prinċipalment iddefiniti bħala limiti ta’ qbid (magħrufa bħala qabdiet totali permissibbli (TACs)).

Is-sitwazzjoni ambjentali differenti għalkollox fil-Baħar Baltiku u fix-xmajjar tiegħu qed tkompli taffettwa l-istokkijiet tal-ħut u l-iżvilupp tagħhom. Illum hemm diversi pressjonijiet fil-Baħar Baltiku, li wasslu għad-degradazzjoni tal-bijodiversità. Illum, dawn il-pressjonijiet jinkludu tniġġis għoli mill-inputs tan-nutrijenti u livelli għolja b’mod persistenti ta’ kontaminanti. Dan jirriżulta parzjalment min-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE 7 . Erbgħa minn kull għaxar attivitajiet tas-sajd (l-aringa tal-Punent, iż-żewġ stokkijiet tal-bakkaljaw u s-salamun fil-baċir ewlieni) ma għadhomx fil-mira u jistgħu jinħattu biss bħala qabda aċċessorja. Is-sajd fil-mira li jifdal huwa l-ħut pelaġiku l-ieħor (il-laċċa kaħla u l-aringa fil-Baħar Baltiku ċentrali, fil-Golf ta’ Bothnia u fil-Golf ta’ Riga) u l-barbun tat-tbajja’, bil-limiti tal-qbid stabbiliti f’konformità mal-MSY, u s-salamun fil-Golf ta’ Bothnia u fil-Golf tal-Finlandja, bil-limiti tal-qbid stabbiliti f’konformità mal-approċċ prekawzjonarju. Il-pjan pluriennali 8 għall-Baħar Baltiku juża l-għodod kollha, jiġifieri s-sospensjoni tas-sajd fil-mira, l-istabbiliment ta’ TACs taħt il-livelli massimi rakkomandati, l-għeluq fiż-żmien riproduttiv u l-limitazzjoni tas-sajd rikreattiv, biex jgħin l-istokkijiet tal-ħut f’diffikultà biex jirkupraw. Iżda sakemm l-Istati Membri ma japplikawx u ma jimplimentawx bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-UE, dawn l-għodod mhux se jkunu biżżejjed biex jippermettu l-irkupru tal-istokkijiet tal-ħut kollha. Fid-Dikjarazzjoni Ministerjali “Il-Baltiku Tagħna”, ittieħed impenn biex id-dritt tal-UE jiġi implimentat bis-sħiħ: huwa essenzjali li dan iseħħ 9 .

Biex jingħelbu l-isfidi relatati mal-pressjonijiet mit-tniġġis, mill-ewtrofikazzjoni u mit-tibdil fil-klima eżerċitati fuq l-ekosistemi tal-baħar, is-sajd u l-akkwakultura l-azzjoni trid tibda bil-kontribut tal-komunità xjentifika. Ix-xjenza tippermetti lil dawk li jfasslu l-politika jieħdu deċiżjonijiet informati u jimplimentaw bis-sħiħ l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi għall-ġestjoni tas-sajd u tal-akkwakultura, wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-politika komuni tas-sajd.

L-ilmijiet ta’ Skagerrak/tal-Atlantiku għandhom pressjonijiet aktar baxxi fuq l-istokkijiet tal-ħut u kundizzjonijiet ambjentali differenti. F’dawn il-baċiri tal-baħar, il-ġestjoni sostenibbli ta’ 29 stokk tat riżultati pożittivi b’żidiet kbar fit-TAC fis-sajd kummerċjali ewlieni għall-2023.

Għall-istokkijiet kondiviżi mar-Renju Unit, iż-żewġ partijiet qablu fuq it-TACs sal-iskadenza stabbilita mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni 10 , f’konformità mal-MSY għall-biċċa l-kbira tal-istokkijiet fejn il-parir kien disponibbli. Għal seba’ stokkijiet (li għalihom kien hemm parir għal waqfien mis-sajd), il-partijiet qablu li jistabbilixxu limitu ta’ qbid baxx għal sitt stokkijiet, li jkopri biss il-qabdiet aċċessorji biex tiġi evitata sitwazzjoni bi kwoti limitanti fis-sajd imħallat, f’konformità mar-Regolament PKS 11 . Għal stokk minnhom, il-partijiet qablu li jimmonitorjaw it-TAC, fuq parir mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) dwar il-livell tat-TAC 12 . Id-diskussjonijiet li saru bejn iż-żewġ partijiet fil-qafas tal-Kumitat Speċjalizzat għas-sajd kienu strumentali biex jiġu ssimplifikati l-konsultazzjonijiet annwali u biex jintlaħaq ftehim sodisfaċenti u f’waqtu 13 .

Fir-rigward tal-istokkijiet kondiviżi bejn l-UE, in-Norveġja u r-Renju Unit, it-tliet partijiet qablu li jistabbilixxu t-TACs f’konformità mal-parir dwar l-MSY. Biex jiġi żgurat l-irkupru kontinwu tal-bakkaljaw tal-Baħar tat-Tramuntana, huma ġeddu l-miżuri ta’ rimedju u stabbilew it-TAC għal żewġ stokkijiet taħt il-livell rakkomandat fil-parir xjentifiku minħabba l-interazzjoni tagħhom mal-merluzz fis-sajd imħallat. It-TACs għall-aringa tal-Baħar tat-Tramuntana ġew stabbiliti f’konformità mal-parir xjentifiku, u l-partijiet qablu li jżommu l-limiti tal-qbid biex itaffu l-impatt fuq l-istokk imnaqqas tal-aringa tal-Baltiku tal-Punent. Il-partijiet qablu li fl-2023, jirrevedu l-mudell ta’ ġestjoni attwali u l-approċċ għall-istabbiliment tat-TAC għall-aringa tal-Baħar tat-Tramuntana 14 . L-uniku stokk kondiviż b’mod bilaterali man-Norveġja li kien ivvalutat ġie stabbilit fil-livell tal-MSY 15 . F’dan il-kuntest, devjazzjoni mill-arranġamenti eżistenti ta’ kondiviżjoni għall-istokkijiet ġestiti b’mod konġunt jista’ jkollha impatt negattiv fuq l-istatus tagħhom u tipperikola l-objettiv li jiġu stabbiliti TACs fil-livelli tal-MSY.

Għall-istokkijiet mifruxa sew 16 tal-kavall, tal-istokkafixx u tal-aringa Atlantu-Skandjana, l-istati kostali 17 qablu li jistabbilixxu TACs globali fil-livell tal-MSY. Madankollu, fin-nuqqas ta’ arranġamenti ta’ kondiviżjoni, is-somma tal-kwoti mill-istati kostali tkompli taqbeż it-TAC globali maqbul. L-UE ħadet approċċ responsabbli ta’ ebda żieda unilaterali lil hinn mill-aħħar ishma miftiehma, li ma kienx segwit mill-istati kostali kollha. Din is-sitwazzjoni diġà tagħmel pressjoni fuq is-sostenibbiltà ta’ dawn l-istokkijiet. Il-Kummissjoni qiegħda f’diskussjonijiet attivi ma’ stati kostali oħra bl-għan li tikkonkludi arranġamenti ġodda ta’ kondiviżjoni dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet.

Il-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed jospitaw is-sajd ta’ diversi speċijiet b’ħafna stokkijiet kondiviżi ma’ pajjiżi terzi. Ir-rata ta’ mortalità mis-sajd laħqet il-livell sostenibbli għal xi stokkijiet, u sebgħa minnhom laħqu l-FMSY fl-2020, iżda ħafna stokkijiet għadhom qed ikunu mistada ’l fuq mil-livelli sostenibbli. Jeħtieġ li l-azzjoni tkompli tnaqqas l-isforz tas-sajd u tilħaq l-objettiv tal-MSY, b’mod partikolari bl-applikazzjoni tal-pjan pluriennali għall-Mediterran tal-Punent 18 (West Med) u l-Istrateġija tal-2030 tal-Kunsill Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) 19 . L-opportunitajiet tas-sajd għall-2023 huma konformi ma’ sett sostanzjali ta’ miżuri adottati fl-2022.

Biex jintlaħaq l-objettiv tal-MSY sal-2025 fil-qafas tal-pjan pluriennali għall-Punent tal-Mediterran, l-opportunitajiet tas-sajd 20 jadottaw approċċ integrat, li jibni fuq għodod ta’ ġestjoni u jiżviluppa l-mekkaniżmu ta’ kumpens li jħeġġeġ l-użu ta’ rkaptu aktar selettiv u żoni magħluqa. L-Istati Membri huma mħeġġa jkomplu jieħdu miżuri skont dan il-mekkaniżmu. Il-Kunsill stabbilixxa wkoll limiti massimi tal-qbid għall-gambli tal-ilma fond li jiġu mistada l-aktar b’mod eċċessiv u żamm il-limiti massimi għall-isforz tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd bil-konz.

Il-ħidma intensiva fil-qafas tal-GFCM, appoġġata mill-pożizzjoni konsistenti tal-UE fl-organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs), wasslet għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet sinifikanti. Fuq kollox, wasslet għal ħames pjanijiet ta’ ġestjoni pluriennali, ibbażati fuq il-prinċipji tal-politika komuni tas-sajd. Dan wassal għall-adozzjoni ta’ limiti massimi tal-qbid għall-gambli tal-ilma fond fil-Baħar Jonju, fil-Baħar Levantin u fil-Fliegu ta’ Sqallija (li jinkludu l-arranġamenti għall-merluzz) u l-livell massimu ta’ qabdiet għall-paġella ħamra fil-Baħar Alboran. Ġie miftiehem pjan ta’ ġestjoni fit-tul tal-GFCM għall-pelaġiċi żgħar fil-Baħar Adrijatiku biex jiġu żgurati rendimenti għolja fit-tul li huma konsistenti mal-MSY, b’limiti ta’ qbid aktar baxxi fl-2023 għall-inċova u għas-sardin, u l-iffriżar tal-kapaċità għall-bastimenti tat-tkarkir pelaġiku u għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża. Il-GFCM kompla jimplimenta wkoll il-pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar Adrijatiku billi stabbilixxa limitu massimu tal-isforz tas-sajd kemm għall-bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ kif ukoll għall-bastimenti tat-tkarkir bit-travu, biex fl-2026, tintlaħaq il-mira tal-MSY għall-istokkijiet ewlenin kollha. Dan adotta limiti tal-ħsad għall-qroll aħmar u limitu fuq l-isforz tas-sajd għal-lampuki fl-ilmijiet internazzjonali tal-Mediterran. Fir-rigward tal-Baħar l-Iswed, ġiet stabbilita TAC għall-barbun imperjali skont il-pjan tal-GFCM, u ġiet stabbilita kwota awtonoma tal-Unjoni għal-laċċa kaħla.

L-UE qablet ukoll fuq miżuri ambizzjużi għas-sajd fil-baħar għas-sallura Ewropea 21 , inkluż l-estensjoni tal-għeluq fuq il-baħar minn tliet sa sitt xhur, biex dan jikkoinċidi mal-migrazzjoni tas-sallur żgħir u mas-sallur matur li jgħum bejn il-baħar u x-xmajjar. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri se tkun soġġetta għal aktar monitoraġġ matul l-2023. Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib il-progress fl-implimentazzjoni tal-miżuri fid-dikjarazzjoni konġunta dwar it-tisħiħ tal-irkupru għas-sallura Ewropea, iffirmata mill-Kummissjoni u minn xi Stati Membri.

3.Stat tal-flotta tal-UE

L-Istati Membri jeħtiġilhom iżommu l-flotot taħt il-limiti nazzjonali massimi stabbiliti għall-kapaċità tal-bastimenti (tunnellaġġ gross (GT)) u għall-qawwa tal-magna (kW). Jeħtiġilhom inaqqsu l-kapaċità tal-flotot li mhumiex ibbilanċjati billi jirrapportaw kull sena dwar is-sostenibbiltà bijoloġika u ekonomika tal-flotot. Meta jkun hemm evidenza ta’ żbilanċ, jeħtiġilhom jippreżentaw pjanijiet ta’ azzjoni biex jirrimedjawh f’perjodu ta’ żmien ċar. Kwalunkwe kapaċità rtirata b’għajnuna pubblika ma tistax tiġi ssostitwita.

Mill-2022, l-għadd ta’ bastimenti, il-GT u l-qawwa tal-magna naqsu rispettivament, b’0,3 %, 0,7 % u 0,5 %. B’riżultat ta’ dan, f’Diċembru 2022, il-flotta rreġistrata 22 tal-UE kienet tinkludi 72 472 bastiment, jiġifieri 1 321 454 GT u 5 264 658 kW.

Fir-rapporti tagħhom tal-2022, l-Istati Membri jindikaw li l-flotot tagħhom huma taħt il-limiti massimi u jissodisfaw ir-rekwiżiti skont l-Artikolu 22 tar-Regolament PKS. Madankollu, għad hemm tħassib dwar l-akkuratezza u l-affidabbiltà tad-data li tirfed ir-rapporti nazzjonali u l-eżistenza jew l-akkuratezza tal-pjanijiet ta’ azzjoni tal-Istati Membri. Fil-Komunikazzjoni tal-PKS 23 , il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex iżidu t-trasparenza u l-flessibbiltà tal-ġestjoni tal-kapaċità tas-sajd tagħhom, u jiffaċilitaw ir-riallokazzjoni possibbli tal-kapaċità mhux użata għall-investiment strutturali abbord.

4.Prestazzjoni soċjoekonomika

L-enerġija hija waħda mill-elementi ewlenin ta’ kost fil-flotta tas-sajd tal-UE. Il-prezzijiet tal-fjuwil li laħqu l-ogħla livell 24 kellhom impatt għoli fuq il-prestazzjoni soċjoekonomika tal-flotta tas-sajd tal-UE fl-2022. Dan l-impatt isegwi l-interruzzjoni preċedenti minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19 fl-2020 fuq xejriet pożittivi fil-prestazzjoni ekonomika; u t-tfixkil fis-suq ikkawżat mill-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna. Huwa stmat li għall-flotta tas-sajd kollha tal-UE, żieda ta’ 10 ċenteżmi fil-prezz tal-fjuwil tnaqqas il-profitt gross annwali b’EUR 185 miljun (jew 16 % tal-profitt gross annwali tal-2020). F’diversi segmenti tal-flotta li jużaw irkaptu intensiv fil-fjuwil, il-kostijiet tal-enerġija jistgħu jirrappreżentaw sa nofs il-valur totali tal-ħatt l-art.

B’riżultat ta’ dan, il-flotta tas-sajd tal-UE kellha telf kumplessiv għall-ewwel darba mill-2008. Madankollu, wara li l-prezzijiet tal-fjuwil laħqu l-ogħla livell ta’ EUR 1,2 għal kull litru fis-sajf tal-2022, il-prezzijiet naqsu gradwalment għal EUR 0,8-0,9 għal kull litru fl-ewwel trimestru tal-2023. Huwa mistenni li, bil-prezzijiet attwali tal-fjuwil, il-flotta tas-sajd tal-UE tista’ tipproduċi valur miżjud gross ta’ madwar EUR 2,5 biljun, profitt gross qrib it-EUR 300 miljun, tkopri l-kostijiet operazzjonali tagħha u żżomm l-impjiegi u s-salarji ta’ 125 000 sajjied fl-2023. Dan huwa titjib sinifikanti meta mqabbel mal-2022, meta l-biċċa l-kbira tal-flotot tas-sajd tal-UE ma setgħux ikopru l-kostijiet operazzjonali tagħhom. Madankollu, il-prezzijiet attwali tal-fjuwil li għadhom 70 % ogħla mill-prezzijiet tal-2021, fl-2023 se jiġġeneraw minn profitt żgħir ħafna sa ebda profitt nett bħala medja.

L-impatt ta’ din il-prestazzjoni lanqas biss hu mifrux fuq is-segmenti kollha tal-flotta. B’mod ġenerali, is-segmenti tal-flotta li jiddependu mill-istokkijiet sfruttati b’mod sostenibbli u li żiedu l-effiċjenza enerġetika tagħhom (jew li naqqsu l-intensità tal-fjuwil tagħhom) għandhom it-tendenza li jkollhom prestazzjoni aħjar u jiġġeneraw salarji ogħla għall-ekwipaġġi tagħhom minkejja l-kundizzjonijiet ekonomiċi negattivi attwali. Dan juri l-kisbiet soċjoekonomiċi importanti fil-konservazzjoni tal-istokkijiet u fl-effiċjenza enerġetika li għamlu l-flotot tas-sajd tal-UE.

Il-flotta tas-sajd tal-UE hija mistennija li tkopri l-kostijiet operazzjonali tagħha u żżomm l-impjiegi fl-2023 iżda se tibqa’ finanzjarjament vulnerabbli. Din il-vulnerabbiltà hija riżultat tal-livell għoli ta’ intensità enerġetika u d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili. L-Inizjattiva għat-Tranżizzjoni tal-Enerġija 25 tipproponi diversi miżuri biex tgħin lis-settur iħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija tiegħu u jilħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050. Dan jinkludi azzjonijiet li jiggwidaw lill-Istati Membri dwar kif jagħmlu l-aħjar użu mill-finanzjament disponibbli fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura 26 (FEMSA) biex jappoġġaw il-kisba tat-tranżizzjoni tal-enerġija.

Bl-għan li ttaffi l-konsegwenzi immedjati għall-UE fl-2022 li rriżultaw mill-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, fl-2022 il-Kummissjoni ħadet azzjoni rapida biex tiskatta l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd 27 (FEMS) u l-FEMSA ħalli jiġu implimentati miżuri ta’ appoġġ għall-kriżijiet 28 . Għall-FEMS, 14-il Stat Membru għamlu progress b’modifiki tal-programmi operazzjonali tagħhom biex jisfruttaw dan l-appoġġ. L-appoġġ jista’ jiġi kkombinat ma’ pakketti oħra ta’ kriżi, b’mod partikolari mal-Qafas Temporanju ta’ Għajnuna mill-Istat għall-kriżijiet 29 , b’massimu ta’ EUR 300 000 disponibbli għall-kumpaniji fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura sa tmiem l-2023.

5.Obbligu ta’ ħatt l-art

Il-proġetti ta’ riċerka u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati kollha ġġeneraw tagħlimiet siewja dwar il-ġestjoni tal-iskartar skont ir-regoli tal-obbligu ta’ ħatt l-art u dwar il-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Dawn kisbu għarfien akbar tal-għodod (ta’ mitigazzjoni), tas-sitwazzjoni tal-qbid f’sajd u baċiri tal-baħar differenti u ta’ kif jistgħu jiġu evitati il-qabdiet mhux mixtieqa bl-użu ta’ rkaptu jew tekniki tas-sajd aktar selettivi, billi jittieħdu miżuri speċifiċi għaż-żona jew għall-ħin, jew l-għeluq f’ħin reali.

Il-FEMS u l-FEMSA (li joffru rata għolja ta’ għajnuna pubblika) jipprovdu appoġġ għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art. Fi tmiem l-2022 30 , l-Istati Membri kienu għażlu 5 160 operazzjoni b’finanzjament totali mill-FEMS ta’ EUR 180,7 miljun għall-obbligu ta’ ħatt l-art (żieda minn 4 762 operazzjoni u EUR 169,2 miljun fis-sena ta’ qabel). Il-biċċa l-kbira tal-operazzjonijiet kellhom l-għan li jżidu l-valur miżjud jew il-kwalità tal-qabdiet mhux mixtieqa 31 , inaqqsu l-impatt tas-sajd fuq l-ambjent tal-baħar u jeliminaw il-qbid skartat 32 .

Madankollu, l-azzjoni tal-Istati Membri biex jimmonitorjaw u jinfurzaw l-obbligu ta’ ħatt l-art għadha mhix biżżejjed. Ir-riskji ewlenin assoċjati mal-obbligu ta’ ħatt l-art, bħall-iskartar illegali u mhux dokumentat tal-qabdiet waqt is-sajd fuq il-baħar, mhumiex mitigati biżżejjed. Jeħtieġ li l-inċentivi attwali għan-nuqqas ta’ konformità 33 jiġu evitati u skoraġġuti permezz tal-monitoraġġ u l-infurzar. Ir-Regolament PKS jirrikonoxxi d-diffikultà fl-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art f’sajd imħallat fejn ikun hemm aktar minn speċi waħda, fejn x’aktarx jinqabdu speċijiet differenti fl-istess operazzjoni tas-sajd, u fejn ikunu disponibbli għodod bħal skambji tal-kwoti.

Bħalissa, l-Istati Membri jużaw l-aktar tekniki ta’ monitoraġġ tradizzjonali 34 , li mhumiex biżżejjed 35 . Dan l-aħħar, il-Parlament u l-Kunsill qablu dwar sistema riveduta ta’ kontroll tas-sajd fuq proposta tal-Kummissjoni, b’mod partikolari biex jingħata mandat għall-użu tal-għodod ta’ monitoraġġ elettroniku mill-bogħod (REM). L-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd tgħin lill-Istati Membri fit-tħejjija ta’ pjanijiet operazzjonali REM għal proġetti pilota fil-livell reġjonali kif ukoll nazzjonali, u biex tidentifika l-aħjar strateġiji possibbli għall-monitoraġġ tal-konformità.

Il-konformità dgħajfa, l-iskartar mhux dokumentat u r-rappurtar ħażin tal-qabdiet jimminaw l-akkuratezza tad-data dwar il-qabdiet (il-ħatt l-art, il-qabdiet mhux mixtieqa, u l-qbid skartat) u r-rappurtar, li jirfdu l-kwalità tal-parir xjentifiku. Fl-2023, l-Istati Membri u l-Kummissjoni qed jaħdmu mal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) biex jirrieżaminaw l-eżenzjonijiet għall-obbligu ta’ ħatt l-art ħalli jtejbu d-data. Permezz tas-CINEA 36 , il-Kummissjoni wettqet ukoll studju li jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għas-sajd tal-Istati Membri għall-Baħar Baltiku, għall-Baħar tat-Tramuntana u għall-Ilmijiet tal-Punent tal-Atlantiku. Huwa essenzjali li jittejbu l-monitoraġġ u l-infurzar biex jiġi żgurat li d-data dwar il-qabdiet tkun akkurata, peress li x-xjenzati jużaw id-data rrappurtata fil-ġurnali ta’ abbord u miġbura skont il-Qafas għall-Ġbir tad-Data 37 biex jirfdu l-parir xjentifiku. Kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni dwar il-PKS 38 , l-akkuratezza tad-data hija essenzjali għall-evalwazzjonijiet li jgħinu lill-Kummissjoni tiddeċiedi jekk l-azzjoni tal-UE għandhiex titkompla jew tiġi aġġustata.

6.Il-messaġġi u l-orjentazzjonijiet ewlenin għall-proposti tal-opportunitajiet tas-sajd għall-2024

6.1. Stadji ewlenin favur l-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd li jmiss

Il-Kummissjoni se tibbaża l-proposti tagħha tal-2024 għall-opportunitajiet tas-sajd fuq il-parir xjentifiku maħruġ mill-ICES u mill-STECF, inkluż il-kunsiderazzjonijiet tal-ekosistema, fuq id-deċiżjonijiet meħuda matul in-negozjati internazzjonali ma’ pajjiżi terzi, fuq id-deċiżjonijiet meħuda mill-RFMOs fl-2023 u fuq analiżi soċjoekonomika.

Fil-proposti inizjali tagħha, il-Kummissjoni se tkopri l-akbar għadd ta’ stokkijiet possibbli filwaqt li tqis l-għoti f’waqtu meħtieġ tal-parir xjentifiku.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati biex jivvalutaw il-parir xjentifiku hekk kif isir disponibbli għall-pubbliku. Il-partijiet ikkonċernati jistgħu wkoll jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet permezz tal-Kunsilli Konsultattivi, l-awtoritajiet nazzjonali u individwalment.

Il-Kummissjoni se twettaq diversi konsultazzjonijiet mar-Renju Unit, man-Norveġja u ma’ stati kostali oħra minn Ottubru, bl-għan li tikkonkludi fil-ħin l-eżitu fil-Kunsill ta’ Diċembru.

Minbarra li tistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd, matul is-sena l-Kummissjoni se taħdem biex tikseb progress dwar l-arranġamenti għall-kondiviżjoni tal-istokkijiet mifruxa sew ma’ pajjiżi terzi li ma għandhomx arranġamenti bħal dawn, biex tiżgura li l-istokkijiet kondiviżi jinqabdu b’mod sostenibbli.

6.2. L-istabbiliment ta’ opportunitajiet tas-sajd għal baċiri tal-baħar differenti

Għall-istokkijiet ġestiti biss mill-UE fil-Baħar Baltiku, fi Skagerrak/f’Kattegat u fl-Atlantiku, il-Kummissjoni se tipproponi kwoti f’konformità mal-MSY meta dan il-parir ikun disponibbli. Fejn il-pjanijiet ta’ ġestjoni jipprovdu l-flessibbiltà biex jiġu stabbiliti limiti tal-qbid, il-Kummissjoni tista’ tipproponi li tintuża l-medda superjuri tal-MSY għal stokkijiet b’saħħithom, dment li l-parir xjentifiku jqis li dan ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi skont il-pjan pluriennali speċjalment għas-sajd imħallat. Għall-istokkijiet fejn il-parir xjentifiku jkun għal waqfien mis-sajd jew meta l-bijomassa tkun naqset tant li jkunu taħt limitu sikur, il-Kummissjoni se tipproponi miżuri ta’ rimedju kif deskritt f’kull pjan pluriennali biex l-istokkijiet jinbnew mill-ġdid. Se tiffoka l-azzjoni fuq il-kisba ta’ evalwazzjoni xjentifika sħiħa tal-MSY għal stokkijiet ewlenin oħra mill-aktar fis possibbli.

Fir-rigward tal-obbligu ta’ ħatt l-art, se tnaqqas l-eżenzjonijiet de minimis jew ta’ sopravivenza għolja mill-parir tal-ICES fejn xieraq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tevalwa wkoll il-progress tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-miżuri attwali għat-tnaqqis tal-qabdiet aċċessorji li jakkumpanjaw it-TACs ta’ qabdiet aċċessorji inevitabbli biss adottati biex itaffu sitwazzjonijiet potenzjali ta’ kwoti limitanti.

Il-Kummissjoni beħsiebha timxi, fejn possibbli, favur sistema ta’ TACs pluriennali għall-istokkijiet fl-UE biss. Dan se jżid l-effiċjenza u l-prevedibbiltà għan-negozji tas-sajd tal-UE għall-istokkijiet magħżula f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, mal-partijiet ikkonċernati u mal-ICES. L-Istati Membri huma mitluba jelenkaw l-istokkijiet ta’ prijorità li għalihom jirrakkomandaw TACs ta’ sentejn. Wara valutazzjoni, il-Kummissjoni se titlob lill-ICES biex jivvaluta l-istokkijiet identifikati:

(I)imqabbla mal-kriterji ta’ parir pluriennali tal-ICES;

(II)f’termini tal-fattibbiltà tal-parir pluriennali; u

(III) f’termini tal-implikazzjonijiet possibbli ta’ tali parir pluriennali.

Għal stokkijiet kondiviżi ġestiti mar-Renju Unit, man-Norveġja u ma’ stati kostali oħra, l-UE se tkompli tibbaża l-pożizzjoni tagħha fuq l-aħjar parir xjentifiku disponibbli, bl-objettiv li tistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd f’konformità mal-MSY. L-UE se ssegwi l-impenji konġunti bejn l-UE u r-Renju Unit fil-Kumitat Speċjalizzat għas-Sajd, bl-għan li jinkisbu sajd u ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet kondiviżi. Se ssegwi impenji simili fil-qafas trilaterali (l-UE, ir-Renju Unit, in-Norveġja), u tfittex arranġamenti ta’ kondiviżjoni sostenibbli u komprensivi għall-istokkijiet tal-istati kostali. Din il-ħidma hi parti mid-dimensjoni esterna tal-politika komuni tas-sajd u tkopri madwar 70 % tat-TACs kollha stabbiliti fl-Atlantiku tal-Grigal. Il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex ittejjeb il-kooperazzjoni u l-andament ta’ dawn il-konsultazzjonijiet.

Fir-rigward tal-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed, huwa essenzjali li l-Istati Membri jkomplu jsegwu l-objettivi tal-pjan pluriennali għall-Punent tal-Mediterran u tal-GFCM skont l-Istrateġija tal-2030. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri ta’ akkumpanjament fil-qafas tal-programmi tal-FEMSA. Peress li din hija l-aħħar sena tal-perjodu tranżizzjonali tal-pjan pluriennali, il-proposta għall-opportunitajiet tas-sajd se timmira għal implimentazzjoni sħiħa biex l-MSY jinkiseb sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2025 għall-istokkijiet kollha, abbażi ta’ approċċ olistiku. B’mod partikolari għandha tinkludi l-għodod ta’ ġestjoni disponibbli u l-mekkaniżmu ta’ kumpens biex jittejbu s-selettività tal-irkaptu u l-għeluq taż-żoni. L-STECF jevalwa l-implimentazzjoni tal-pjan pluriennali kull sena. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet ħidma fuq kull aspett tas-sostenibbiltà bil-ħsieb li f’Lulju 2024, tirrapporta dwar ir-riżultati u l-impatt tal-pjan fuq l-istokkijiet u s-sajd ikkonċernati.

Il-ġestjoni kondiviża tal-istokkijiet hija meħtieġa wkoll biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fl-ilmijiet internazzjonali u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed. Għal dan l-għan, il-proposta għall-opportunitajiet tas-sajd fl-2024 se tkopri miżuri li jirriżultaw mill-miżuri tal-GFCM diġà fis-seħħ, u miżuri addizzjonali li għandhom jiġu adottati fis-sessjoni annwali tal-GFCM ta’ Novembru. Għall-ispeċijiet tal-Baħar l-Iswed, il-Kummissjoni se tipproponi TACs u kwoti għall-barbun imperjali u għal-laċċa kaħla, f’konformità mal-miżuri li għandhom jiġu adottati fis-sessjoni annwali.

Il-progress li sar fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed irid ikompli u anke jitħaffef fil-konferenza ta’ livell għoli tal-GFCM li se ssir f’Malta bejn it-3 u l-4 ta’ Ottubru 2023. L-Istati Membri kollha jridu jkomplu jieħdu azzjoni biex jiksbu s-sostenibbiltà tal-istokkijiet peress li din hija l-bażi għal settur tas-sajd reżiljenti, u għall-protezzjoni tal-ekosistemi f’dawn il-baċiri tal-baħar.

Minħabba l-ħtieġa li tittejjeb il-protezzjoni tas-sallura Ewropea, minbarra l-monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd tal-2023 u l-valutazzjoni tal-miżuri għall-2024 għall-ilmijiet tal-baħar, il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex itejbu l-pjanijiet tagħhom għall-ġestjoni tas-sallura skont ir-Regolament dwar is-Sallura, f’konformità mal-obbligi ambjentali tagħhom 39 . Huwa importanti li jiżdiedu l-miżuri fl-ilmijiet interni biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi peress li r-rata ta’ mortalità tas-sallura fl-ilmijiet interni hija sinifikanti u teħtieġ azzjoni ta’ rimedju urġenti. Bħalissa, il-GFCM qed jaħdem fuq pjanijiet futuri ta’ ġestjoni fit-tul, b’mod partikolari għas-sallura Ewropea u għall-lampuka, li għalihom il-miżuri attwali jintemmu fl-2023.

7.Konklużjoni

Is-sostenibbiltà tas-sajd tal-UE tjiebet fl-2022. Madankollu, is-sitwazzjoni fil-Baħar Baltiku għadha diffiċli, u xi stokkijiet kummerċjali li qabel kienu importanti qed jonqsu minħabba diversi pressjonijiet. It-tibdil fil-klima jaffettwa l-attivitajiet tal-bniedem, l-intensità tal-pressjonijiet u xi aspetti tal-istat, kif ukoll ir-rabtiet bejniethom. Huma meħtieġa aktar azzjoni u impenn akbar biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed.

Il-proposti tal-Kummissjoni għall-opportunitajiet tas-sajd tal-2024 se jfittxu li jippermettu li l-istokkijiet jirkupraw u jikkonsolidaw l-istokkijiet tal-ħut li laħqu livelli sostenibbli. Dan se jagħti spinta lir-reżiljenza tas-sajjieda. L-implimentazzjoni msaħħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE mill-Istati Membri, kif ukoll l-isforz kontinwu mill-Kummissjoni dwar azzjonijiet huma importanti biex jiġu indirizzati l-pressjonijiet l-oħra fuq l-istokkijiet tal-ħut. L-UE qiegħda tiġġieled it-tniġġis tal-baħar permezz ta’ numru ta’ inizjattivi leġiżlattivi u ta’ politika fil-qafas usa’ tal-pjan ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero 40 .

Kif iddikjarat fil-pakkett dwar is-Sajd u l-Oċeani, issa jeħtieġ li naraw impenn akbar biex iż-żoni tal-baħar u s-sajd Ewropew tagħna jkunu adattati għall-futur. Settur tas-sajd b’saħħtu huwa kruċjali biex jiġu ppreservati l-komunitajiet kostali Ewropej u għall-ġestjoni tat-tranżizzjoni favur sistemi tal-ikel aktar sostenibbli.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri, lill-Kunsilli Konsultattivi, lill-partijiet ikkonċernati u lill-pubbliku jipprovdu feedback dwar din il-Komunikazzjoni sal-31 ta’ Awwissu 2023.



Skeda tax-xogħol ippjanata 41

Meta

Xiex

Minn Mejju sa Novembru 2023

Parir xjentifiku tal-ICES

Minn Ġunju sal-aħħar ta’ Awwissu 2023

Konsultazzjoni pubblika dwar il-Komunikazzjoni

L-aħħar ta’ Awwissu 2023

Il-Kummissjoni tadotta l-proposta għall-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar Baltiku

Minn Ottubru sa Diċembru 2023

Konsultazzjonijiet annwali dwar l-opportunitajiet tas-sajd mar-Renju Unit, mar-Renju Unit u man-Norveġja, u man-Norveġja

Nofs Settembru 2023

Il-Kummissjoni tadotta l-proposta għall-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar Baltiku

Ottubru 2023

Laqgħa tal-Kunsill dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-Baħar Baltiku

Konsultazzjonijiet mal-istati kostali dwar stokkijiet mifruxa sew fil-Grigal tal-Atlantiku

L-aħħar ta’ Ottubru 2023

Il-Kummissjoni tadotta l-proposta għall-opportunitajiet tas-sajd fl-Atlantiku/fil-Baħar tat-Tramuntana

Mis-7 sal-11 ta’ Novembru 2023

Sessjoni annwali tal-GFCM

L-1 ta’ Diċembru 2023

Il-valutazzjoni tal-istokk u l-parir dwar il-ġestjoni tal-STECF

Diċembru 2023

Laqgħa tal-Kunsill dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-Atlantiku/għall-Baħar tat-Tramuntana

Laqgħa tal-Kunsill dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-Baħar Mediterran u għall-Baħar l-Iswed

(1)      COM(2023) 100 final; COM(2023) 101 final; COM(2023) 102 final; u COM(2023) 103 final.
(2)      COM/2019/640 final
(3)      Għal analiżi dettaljata tal-FMSY u l-istat tal-bijomassa tal-istokkijiet tal-ħut fil-baċiri tal-baħar kollha, ara t-Taqsima 1 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjah.
(4)      Il-valur tal-2021 għadu mhux disponibbli peress li l-valutazzjonijiet tal-GFCM twettqu bid-data miġbura sal-2020.
(5)      (+18 % bħala total, +39 % fl-Atlantiku tal-Grigal, +6 % fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed mill-2003).
(6)      Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd.
(7)      B’mod partikolari d-Direttiva dwar in-Nitrati, id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi, id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar il-Ħabitats u dik dwar l-Għasafar, id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, id-Direttiva dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu, id-Direttiva dwar il-Plastik li jintuża darba biss, ir-Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, il-Politika Marittima Integrata u l-Politika Agrikola Komuni.
(8)      Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet.
(9)       https://commission.europa.eu/system/files/2020-09/ministerial_declaration_our_baltic_conference.pdf
(10)      Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, ST/5198/2021/INIT (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10-2539).
(11)      Il-Premessa (51) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/194 tat-30 ta’ Jannar 2023 li jistabbilixxi għall-2023 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, kif ukoll li jistabbilixxi għall-2023 u għall-2024 tali opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut tal-baħar fond
(12)      Rekord bil-miktub tal-konsultazzjonijiet dwar is-sajd bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea għall-2023: https://oceans-and-fisheries.ec.europa.eu/system/files/2022-12/2023-eu-uk-fisheries-consultations_en.pdf .
(13)      Għall-minuti tal-laqgħat tal-SCF, ara: https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/relations-non-eu-countries/relations-united-kingdom/eu-uk-trade-and-cooperation-agreement/meetings-eu-uk-partnership-council-and-specialised-committees-under-trade-and-cooperation-agreement/specialised-committee-fisheries_en .
(14)      Rekord tal-konsultazzjoni dwar is-sajd bejn l-Unjoni Ewropea, in-Norveġja u r-Renju Unit għall-2023: https://oceans-and-fisheries.ec.europa.eu/system/files/2022-12/2023-eu-no-uk-fisheries-consultations_en.pdf .
(15)      Rekord tal-konklużjoni tal-konsultazzjoni dwar is-sajd bejn in-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar ir-regolazzjoni tas-sajd fi Skagerrak u f’Kattegat għall-2023: https://oceans-and-fisheries.ec.europa.eu/system/files/2023-03/2023-eu-norway-skagerrak-fisheries-consultations_en.pdf .
(16)      https://www.ices.dk/community/groups/pages/wgwide.aspx Il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Istokkijiet Mifruxa Sew (WGWIDE) jiġbor u janalizza d-data dwar stokkijiet kbar ta’ speċijiet pelaġiċi, kif ukoll speċijiet oħra mifruxa sew u li jpassu ħafna.
(17)      L-istati kostali fil-Grigal tal-Atlantiku għall-istokkijiet rilevanti huma l-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit, in-Norveġja, l-Iżlanda, il-Gżejjer Faeroe, Greenland u l-Federazzjoni Russa.
(18)      Ir-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014.
(19)      L-istrateġija tal-2030 tal-GFCM għas-sajd u l-akkwakultura sostenibbli fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed. https://www.fao.org/documents/card/en/c/cb7562en .
(20)      Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/195 tat-30 ta’ Jannar 2023 dwar l-iffissar għall-2023 tal-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet u gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed.
(21)      L-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2023/195.
(22)      Inkluż il-flotta attiva fir-reġjuni ultraperifiċi.
(23)      COM/2023/103 final.
(24)      Aktar mid-doppju fl-2022 meta mqabbel mal-prezzijiet medji fl-2021.
(25)      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-Tranżizzjoni tal-Enerġija tas-settur tas-Sajd u tal-Akkwakultura tal-UE, COM(2023) 100 final.
(26)      Ir-Regolament (UE) 2021/1139.
(27)      Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014.
(28)      Ir-Regolament (UE) 2022/1278 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/500.
(29)      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Qafas Temporanju ta’ Kriżi għall-miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat biex jappoġġaw l-ekonomija wara l-aggressjoni kontra l-Ukrajna mir-Russja 2022/C 131 I/01.
(30)      Ir-rapport ta’ implimentazzjoni tal-FEMS tal-2022, il-pubblikazzjoni tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd se ssegwi.
(31)      L-Artikolu 42 tar-Regolament FEMS.
(32)      L-Artikoli 38 u 39 tar-Regolament dwar il-FEMS.
(33)      Dawn jinkludu l-iskartar illegali u mhux dokumentat biex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ “kwoti limitanti”, biex jiġi mmassimizzat il-profitt (“selezzjoni skont il-valur”) u biex jitnaqqsu l-kostijiet tal-manipulazzjoni u l-ħżin tal-qabdiet ta’ valur baxx.
(34)      Bħal spezzjonijiet fuq il-baħar, spezzjonijiet waqt il-ħatt l-art, analiżi tad-data u sorveljanza mill-ajru.
(35)      Diversi Stati Membri qablu li jipparteċipaw fi proġett pilota REM ikkoordinat mill-EFCA biex jitgħallmu l-aħjar prattika dwar il-kontrolli REM (bastiment jew tnejn għal kull Stat Membru). Id-Danimarka tuża r-REM fil-flotta tas-sajd għall-iskampu, li topera fil-Kattegat u fin-Netherlands qed iwettqu skema tas-sajd iddokumentata bis-sħiħ fuq ftit bastimenti fil-Baħar tat-Tramuntana. L-ebda proġett mhu qed jintuża għal skopijiet ta’ kontroll u infurzar.
(36)       https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/89868cc6-015f-11ec-8f47-01aa75ed71a1
(37)      Ir-Regolament (UE) 2017/1004.
(38)      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Il-politika komuni tas-sajd illum u għada: Patt dwar is-Sajd u l-Oċeani lejn ġestjoni tas-sajd sostenibbli, ibbażata fuq ix-xjenza, innovattiva u inklużiva, COM/2023/103 final.
(39)      COM(2023) 102.
(40)      Dawn jinkludu l-istabbiliment ta’ limiti għall-iskart tal-baħar, għall-istorbju taħt l-ilma, għan-nutrijenti u għall-kontaminanti skont l-MSFD u l-miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex dawn jintlaħqu. COM/2021/400 final
(41) Għall-istokkijiet ġestiti mill-RFMO fl-ilmijiet tal-UE u f’ċerti ilmijiet mhux tal-UE, l-opportunitajiet tas-sajd jiġu adottati wara l-laqgħa annwali tal-RFMOs, billi jiġi rivedut ir-regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd.