|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1531 |
31.7.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1531
tat-18 ta’ Frar 2025
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Korea fi programmi tal-Unjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 186 u 212 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Permezz tal-ittra datata l-14 ta’ Frar 2022, ir-Repubblika tal-Korea esprimiet l-interess formali tagħha li tiġi assoċjata ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027) stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (“Orizzont Ewropa”). |
|
(2) |
Fil-15 ta’ Mejju 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2023/1093 (2), li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Repubblika tal-Korea għal ftehim dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Korea f’Orizzont Ewropa. |
|
(3) |
In-negozjati tlestew u l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, dwar il-Parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Korea fi programmi tal-Unjoni (il-“Ftehim”) ġie inizjalat fid-29 ta’ Marzu 2024. Il-konklużjoni tan-negozjati tħabbret uffiċjalment fil-25 ta’ Marzu 2024 fi Brussell, il-Belġju. Fuq talba tar-Repubblika tal-Korea, saru sessjonijiet ta’ negozjati addizzjonali u verżjoni modifikata tat-test tal-Ftehim ġiet inizjalata fit-23 ta’ Settembru 2024. |
|
(4) |
L-objettivi tal-Ftehim huma li jiġi stabbilit jistabbilixxu qafas dejjiemi għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Korea u li jiġu stipulati t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Korea fi programmi tal-Unjoni li huma miftuħa għall-parteċipazzjoni tagħha f’konformità mal-atti bażiċi li jistabbilixxu programmi tal-Unjoni kif definiti fil-Ftehim. Skont il-Ftehim, l-Unjoni ser twettaq miżuri ta’ kooperazzjoni mar-Repubblika tal-Korea skont l-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 3(1) tal-Ftehim, it-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Korea fi kwalunkwe programm jew attività tal-Unjoni huma soġġetti għall-atti bażiċi u kif koperti mill-Protokolli ta’ dan il-Ftehim. |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 3(2) tal-Ftehim, it-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Korea f’Orizzont Ewropa huma stabbiliti fil-Protokoll dwar l-Assoċjazzjoni tar-Repubblika tal-Korea ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027) (il-“Protokoll dwar l-Assoċjazzjoni tal-Korea ma’ Orizzont Ewropa”) tal-Ftehim. |
|
(7) |
F’konformità mal-mandat tal-Kunsill, il-Protokoll dwar l-Assoċjazzjoni tal-Korea ma’ Orizzont Ewropa ġie negozjat b’mod parallel mal-Ftehim u, skont l-Artikolu 17(9) tal-Ftehim, jifforma parti integrali minnu. Ir-Repubblika tal-Korea tassoċja mal-Pilastru II “Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali Ewropea” ta’ Orizzont Ewropa. |
|
(8) |
Ir-Repubblika tal-Korea tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 16(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2021/695. |
|
(9) |
Il-Ftehim jikkonforma mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2021/695, li jirrikjedi li l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi terzi ma’ Orizzont Ewropa skont l-Artikolu 16(1), il-punt (d), ta’ dak ir-Regolament tkun f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fi ftehim li jkopri l-parteċipazzjoni ta’ tali pajjiż jew territorju fi kwalunkwe programm tal-Unjoni, dment li l-ftehim jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tal-pajjiż terz li jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni; jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni, inkluż il-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali u l-kostijiet amministrattivi tagħhom; ma jagħti lill-pajjiż terz ebda setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-programm tal-Unjoni, u jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni li tiżgura ġestjoni finanzjarja soda u li tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. |
|
(10) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat. |
|
(11) |
Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kooperazzjoni f’waqtha bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Korea fil-qasam tar-riċerka, tal-iżvilupp teknoloġiku u tal-innovazzjoni u li tiġi permessa l-parteċipazzjoni tal-entitajiet tal-Korea f’Orizzont Ewropa, il-Ftehim għandu jiġi applikat b’mod provviżorju, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Korea fi programmi tal-Unjoni huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim (3).
Artikolu 2
Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja, f’konformità mal-Artikolu 17(2) tal-Ftehim, mid-data li fiha l-Partijiet innotifikaw lil xulxin tat-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dak l-għan, sakemm dan jidħol fis-seħħ.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Frar 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
A. DOMAŃSKI
(1) Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/695/oj).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1093 tal-15 ta’ Mejju 2023 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Repubblika tal-Korea għal Ftehim dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Korea fi programmi tal-Unjoni u, dwar l-assoċjazzjoni tar-Repubblika tal-Korea ma’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027) (ĠU L 146, 6.6.2023, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1093/oj).
(3) It-test tal-Ftehim huwa ppublikat fi-ĠU L, 2025/1532, 31.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree/2025/1532/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1531/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)