52004SC0379(01)

Proposta ta' Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti ta' l-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tal-Kumitat tar-Reġjuni u ta' l-Ombudsman Li twaqqaf l-Iskola Ewropea ta' l-Amministrazzjoni /* SEK/2004/0379 finali */


Proposta ta' DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI, TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA, TAL-QORTI TA' L-AWDITURI, TAL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, TAL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U TA' L-OMBUDSMAN Li twaqqaf l-Iskola Ewropea ta' l-Amministrazzjoni

(preżentata mill-Kummissjoni)

TIFSIRA TAR-RAĠUNIJIET WARA L-PROPOSTA

It-twaqqif ta' Skola Ewropea ta' l-Amministrazzjoni, hawn aktar 'l quddiem imsejjħa "l-Iskola", taqa' taħt il-kuntest ġenerali tar-riforma tas-servizz pubbliku Ewropew. Din ir-riforma tinkludi, fost l-oħrajn, it-tisħiħ ta' l-iżvilupp tar-riżorsi umani permezz tat-taħriġ. Hija bbażata wkoll fuq bidla qawwija fil-kultura amminsitrattiva, partikolarment fil-kultura tat-tmexxija. Inoltre, fil-kwadru tar-riforma ta' l-istatut u tas-sistema tagħha ta' karrieri, hija prevista sistema ġdida għall-moviment bejn gruppi ta' funzjonijiet, li tinkludi attendenza obbligatorja għat-taħriġ. F'dan il-kuntest ġie propost li tagħti sehema skola inter-istituzzjonali.

Għalhekk, is-Segretarji Ġenerali ta' l-istutuzzjonijiet Komunitarji (dawn ta' l-aħħar jinkludu, għall-finijiet preżenti, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Ombudsman) iltaqgħu flimkien biex jesploraw dan il-ħsieb, bl-intenzjoni li għall-inqas parti mit-taħriġ ta' l-impjegati ta' l-istituzzjonijiet ikun jista' jibbenefika minn bażi inter-istituzzjonali. Mill-bidu nett l-Iskola ġiet assoċjata mal-ġabra flimkien, għall-anqas b'mod parzjali, ta' l-isforzi diretti lejn l-iżvilupp professjonali ta' l-impjegati u l-uffiċjali kollha, inklużi dawk ta' l-organizzazzjonijiet u aġenziji l-oħra. Bi ftit eċċezzjonijiet, din l-attività ġiet finanzjata b'mod awtonomu minn kull waħda mill-istituzzjonjiet u organi.

Wara l-ewwel fażi ta' riflessjoni, saret evalwazzjoni mis-Segretarji Ġenerali taħt il-forma ta' grupp ta' ħidma interistituzzjonali. Dan il-grupp ġie inkarigat biex jeżamina l-effetti mixtieqa ta' din il-kreazjoni, b'mod speċjali is-sinerġiji li tista' ġġib. Ir-rapport tal-grupp ta' ħidma u l-proġetti u deċiżjonijiet assoċjati miegħu, ġew approvati mis-Segretarji Ġenerali fit-28 ta' Ottubru 2003. L-evalwazzjoni wriet li t-twaqqif ta' skola interistituzzjonali tagħti kontribut li jmur 'l hinn mill-effetti ekonomiċi ta' effikaċja u effiċjenza fil-qasam tat-taħriġ, bħal dawk deskritti aktar 'l quddiem - biex tagħti impulsività ġdida għat-tifrix tal-valuri komuni u għall-iżvilupp ta' spirtu Ewropew.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-Iskola Ewropea ta' l-Amministrazzjoni, fil-kwadru ġenerali ta' politika tax-xogħol mibnija fuq l-applikazzjoni ta' l-istatut tal-ħaddiema u ta' l-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet, li hija bażi komuni għall-istituzzjonijiet Komunitarji, ser ikollha l-vokazzjoni li tikseb :-

- Missjoni ta' għajnuna biex jitjieb it-tħaddim ta' l-amministrazzjonijiet Komunitarji, b.mod speċjali bit-taħriġ għal min imexxi, biex b'hekk tiffaċilita l-iżvilupp ta' kultura ġdida amministrattiva;

- Missjoni fid-dawl tas-soċjalizzazzjoni tal-ħaddiema l-ġodda fl-ispirtu Komunitarju, indipendentement mill-istituzzjoni konċernata, speċjalment permezz ta' ġabra komuni ta' taħriġ fil-bidu tas-servizz. Dan ser iwassal għall-applikazzjoni ta' politika ġdida ta' reklutaġġ fl-istituzzjonijiet, mingħajr ma jiġu sostitwiti r-rekwiżiti speċifiċi ta' kull istituzzjoni;

- Missjoni fil-kwadru tal-karrieri individwali u, b'mod partikolari, rwol biex jiżdied il-livell ta' kompetenza, fil-forma ta' programmi ta' taħriġ obbligatorju in vista tas-sistema ta' "ċertifikazzjoni" għall-metodu l-ġdid ta' passaġġ mill-grupp ta' funzjonijiet ta' l-assistenti għal dak ta' l-amministraturi.

Serje ta' kriterji elenkati aktar 'l isfel, jirriflettu l-karattru politiku u Komunitarju min-naħa waħda, kif ukoll ekonomiku min-naħa l-oħra, ta' arranġament bħal dak. Il-kisba ta' dawn il-kriterji tirrapreżenta valur miżjud meta mqabbla mas-sitwazzjoni preżenti, li fiha t-taħriġ huwa organiżżat, ħlief għal xi ftit eċċezzjonijiet, minn kull istituzzjoni b'mod indipendenti. Il-kriterji jistgħu jinġabru kif ġej :

- Fl-ewwel lok, id-diffużjoni tal-valuri komuni u t-trawwim ta' spirtu ta' għaqda fi ħdan l-amministrazzjonijiet pubbliċi ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni, kif ukoll:

- L-assigurazzjoni li jkunu applikati prinċipji l-aktar koerenti possibbli madwar l-istituzzjonijiet kollha fejn jidħol it-taħriġ, u b'mod konness, il-karriera;

- L-identifikazzjoni ta' serje ta' oqsma li għandhom bżonnijiet identiċi fil-konoxxenzi u l-kompetenzi, li għalhekk huma idonei għal organiżżazzjoni komuni tat-taħriġ;

- Il-kisba aktar faċli ta' massa kritika ta' domanda, fattur determinanti ta' djgħufija fl-istituzzjonijiet iż-żgħar;

- Il-kisba ta' tkabbir f'dak li qed jiġi moffri, per eżempju aktar speċjalizzazzjoni u għażla, dati alternattivi...) ;

- U b'mod partikolari, il-kisba ta' ekonomiji tad-daqs imnissla mill-organiżżazzjoni konġunta, speċjalment għall-aspetti amministrattivi, u li jkun ottimiżżat in-numru ta' parteċipanti f'kull kors.

Il-kisba tal-kriterji msemmija hawn fuq tiġġustifika, kif wera' ir-rapport tal-grupp interistituzzjonali, li jitpoġġew flimkien programmi ta' taħriġ bħal dawk imsemmija fid-deċiżjoni preżenti, u b'hekk juri biċ-ċar l-effetti tas-sinerġiji li jiġu minnhom.

Huwa evidenti li jeżistu oqsma oħra ta' taħriġ li jistgħu jisilfu rwieħom għal organiżżazzjoni interistituzzjonali, bl-applikazzjoni tal-kriterji fuq imsemmija. Għalhekk, id-deċiżjoni preżenti tippermetti metodu evoluttiv, li jħalli miftuħa kull deċiżjoni dwar estensjoni ulterjuri. Hija ma tiffissax konkretament mil-bidu l-kampijiet ta' attività ħlief fl-oqsma tat-taħriġ lil min imexxi, il-korsijiet tad-dħul fis-servizz u t-taħriġ meħtieġ għaċ-ċertifikazzjoni. L-Iskola għalhekk ser tibda minn Jannar ta' l-2005 torganiżża u tqassam, għan-nom ta' l-istituzzjonijiet kollha li huma firmatarji tad-Deċiżjoni, il-korsijiet għad-dħul fis-servizz, kif ukoll il-korsijiet għal min imexxi. Dan jiġi segwit, matul is-sena 2005, mill-korsijiet ta' preparazzjoni u ċertifikazzjoni meħtieġa biex wieħed jagħmel il-pass għall-grupp ta' funzjonijiet ta' amministratur.

Fl-istess vena, id-deċiżjoni preżenti tipprevedi, għall-ewwel snin mit-twaqqif ta' l-Iskola, li t-tmexxija amminsitrattiva tagħha tkun magħquda ma' organiżżazzjoni interistituzzjonali eżistenti, u cioé l-EPSO (European Personnel Selection Office - Uffiċċju tas-Selezzjoni tal-Ħaddiema tal-Komunitajiet Ewropej). Din l-għaqda għandha tippermetti, kemm f'termini ta' effettività kif ukoll fejn jidħol il-finanzjament limitat ta' l-operazzjonijiet, il-kisba ta' ċerti effetti ta' sinerġija, speċjalment fil-kamp amministrattiv (ġestjoni tar-riżorsi) u t-tmexxija (Kunsill ta' amministrazzjoni, Direttur), kif juri r-rapport preċitat. Mhux aktar tard wara tlett snin ta' esperjenza, u għab-bażi ta' evalwazzjoni eżawrjenti tal-kisbiet reġistrati, din l-għaqda terġa' tiġi eżaminata.

Proposta ta' DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI, TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA, TAL-QORTI TA' L-AWDITURI, TAL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, TAL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U TA' L-OMBUDSMAN Li twaqqaf l-Iskola Ewropea ta' l-Amministrazzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITÀ EWROPEA, IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA, IL-QORTI TA' L-AWDITURI, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U L-OMBUDSMAN,

Wara li raw l-Istatut tal-ħaddiema tal-Komunitajiet Ewropej u r-reġim applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEKA) Numru 259/68 [1], u b'mod speċjali t-tielet u r-raba' subinċiżi ta' l-Artikolu 24 ta' l-istess Statut,

[1] ĠU L 56 ta' l-4 ta' Marzu 1968, paġ. 1. Règolament emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, KEKA, Euratom) numru 490/2002 (ĠU L 77 ta' l-20 ta' Marzu 2002, paġ. 1).

Wara li raw il-parir tal-Kumitat ta' l-Istatut,

Wara li kkunsidraw illi:

(1) Jeħtieġ li l-istituzzjonijiet jintensifikaw l-investiment tagħhom fit-taħriġ professjonali ta' l-impjegati tagħhom.

(2) Koperazzjoni interistituzzjonali f'dan il-qasam tippermetti l-ħolqien ta' sinerġiji fil-livell tar-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa, biex b'hekk jissaħħu l-iskambji bejn l-istituzzjonijiet u d-diffużjoni tal-valuri komuni u ta' prattiċi professjonali armoniżżati.

(3) Għal dawn ir-raġunijiet jeħtieġ li jkunu konferiti fuq organiżżazzjoni interistituzzjonali komuni dawk il-meżżi li jistgħu jwasslu għal ċerti azzjonijiet fil-qasam tat-taħriġ professjonali tal-ħaddiema u aġenti oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

(4) Minħabba raġunijiet ta' ekonomija u effikaċja, jeħtieġ li din l-organiżżazzjoni tkun amministrattivament magħquda ma' organu interistituzzjonali eżistenti, cioé Uffiċċju tas-Selezzjoni tal-Ħaddiema tal-Komunitajiet Ewropej stabbilit bid-Deċiżjoni 2002/620/CE tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti ta' l-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tal-Kumitat tar-Reġjuni u ta' l-Ombudsman, u dan għall-inqas għall-perjodu tal-bidu.

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Twaqqif ta' l-Iskola Ewropea ta' l-Amministrazzjoni

Hija b'dan imwaqqfa l-Iskola Ewropea ta' l-Amministrazzjoni, minn hawn 'l quddiem imsejjħa "l-Iskola".

Artikolu 2

Għanijiet

1. L-Iskola hija responsabbli, għan-nom ta', u fil-kwadru tad-direzzjonijiet stabbiliti mill-istituzzjonijiet firmatarji tad-deċiżjoni preżenti, minn hawn 'l quddiem imsejjħin "l-istituzzjonijiet", li tfassal u twettaq programmi ta' taħriġ professjonali fl-ottika ta' l-iżvilupp tar-riżorsi umani u ta' l-iżvilupp tal-karriera.

2. Biex tilħaq dak li qed jitolbu minnha l-istituzzjonijiet, l-Iskola:

a) tfassal, torganiżża u tixtarr l-programmi ta' taħriġ;

b) tiffaċilita il-partiċipazzjoni għall-programmi ta' taħriġ esterni;

c) tista' tilħaq kull għan ieħor konness ma' u li jgħin lil missjoni tagħha.

3. Is-Segretarji Ġenerali ta' l-Istituzzjonijiet, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-rappreżentant ta' l-Ombudsman jiddeterminaw u, fejn meħtieġ jimmodifikaw, l-oqsma ta' taħriġ li għalihom l-Iskola hija responsabbli.

4. Fuq talba ta' istituzzjoni, organu, uffiċċju jew agenzija, l-Iskola tista' tagħti l-assistenza tagħha bi ħlas fil-qasam tat-tfassil tat-taħriġ.

Artikolu 3

Talbiet u Lmenti, Metodu

It-talbiet u l-ilmenti li joħorġu mill-eżerċizzju ta' l-għanijiet kontemplati fil-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 2 għandhom ikunu indirizzati lill-Iskola. Kull min jixtieq jirrikorri għal dan irid jindirizza lill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Amministrazzjoni Magħquda

1. L-Iskola hija amministrattivament magħquda ma' Uffiċċju tas-Selezzjoni tal-Ħaddiema tal-Komunitajiet Ewropej, minn hawn 'l quddiem imsejjaħ "l-Uffiċċju" [2].

[2] ĠU L 197 tas-26 ta' Lulju 2002, paġ. 5.

2. Din l-amministrazzjoni magħquda tinvolvi:

a. .Li l-entitajiet eżistenti fi ħdan l-Uffiċċju jkunu responsabbli għal ċertu xogħol amministrattiv ta' l-Iskola;

b. L-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta' kunsill t'amministrazzjoni ta' l-Iskola;

c. L-eżerċizzju tal-funzjoni ta' direttur ta' l-Iskola.

Il-funzjonijiet previsti fis-sottoparagrafi b) u c) jinqdew mill-organi korrispondenti ta' l-Uffiċċju.

3. Mhux aktar tard minn tlett snin wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni preżenti, l-għaqda amministrattiva tista' tintemm permeżż ta' deċiżjoni tal-Kunsill t'Amministrazzjoni meħuda b'maġġoranza kwalifikata kif definita fil-paragrafu 5 ta' l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2002/621/KE [3] basta għall-anqas ħames istituzzjonijiet jaqblu.

[3] ĠU L 197 tas-26 ta' Lulju 2002, paġ. 56

Artikolu 5

Tħaddim fil-Prattika

Is-Segretarji Ġenerali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-Segretarji Ġenerali tal-Qorti ta' l-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tal-Kumitat tar-Reġjuni u tar-Rappreżentant ta' l-Ombudsman, għandhom bi ftehim jieħdu l-miżuri neċessarji biex titħaddem din id-deċiżjoni fil-prattika.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-ġurnata li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula Brussel, fil-

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

Għall-Kummissjoni Għall-Qorti tal-Ġustizzja

Il-President Il-President

Għall-Qorti ta' l-Awdituri Għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali

Il-President Il-President

Għall-Kumitat tar-Reġjuni

Il-President L-Ombudsman