|
23.8.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 251/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/537/PESK
tat-3 ta' Lulju 2014
dwar l-iffirmar u l-konklużjoni, f'isem l-Unjoni E ropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Ċentru-Afrikana dwar il-modalitajiet għat-trasferiment lir-Repubblika Ċentru-Afrikana ta' persuni detenuti mill-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea (EUFOR RCA) fit-twettiq tal-mandat tagħha u dwar il-garanziji applikabbli għal tali persuni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fl-10 ta' Frar 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/73/PESK (1) dwar operazzjoni militari tal-Unjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUFOR RCA). |
|
(2) |
Wara l-adozzjoni ta' Deċiżjoni mill-Kunsill fl-14 ta' Marzu 2014 li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati, ir-Rappreżentant Għoli nnegozjat, f'konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u R-Repubblika Ċentru- Afrikana dwar il-modalitajiet għat-trasferiment lir-Repubblika Ċentru-Afrikana ta' persuni detenuti mill-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea (EUFOR RCA) fit-twettiq tal-mandat tagħha u dwar il-garanziji applikabbli għal tali persuni (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”). |
|
(3) |
F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru (22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fit-tfassil u fl-implementazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta' difiża. Id-Danimarka ma tipparteċipax fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u għalhekk ma tikkontribwixxix għall-finanzjament ta' din l-operazzjoni. |
|
(4) |
Il-Ftehim għandu jiġi approvat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Ċentru-Afrikana dwar il-modalitajiet għat-trasferiment lir-Repubblika Ċentru-Afrikana ta' persuni detenuti mill-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea (EUFOR RCA) fit-twettiq tal-mandat tagħha u dwar il-garanziji applikabbli għal tali persuni (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.
It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex ikun jorbot lill-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Lulju 2014.
Għall-Kunsill
Il-President
S. GOZI
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/73/PESK tal-10 ta' Frar 2014 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUFOR RCA) (ĠU L 40, 11.2.2014, p. 59).