|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3207 |
23.12.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/3207
tat-12 ta’ Diċembru 2024
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1), l-ewwel subparagrafu, tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/42/KE (2) awtorizzat lil-Latvja biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 21(1), il-punt (a), tad-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE (3), biex tinnomina lir-riċevitur bħala l-persuna responsabbli biex tħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq il-provvista tal-injam jew fuq il-forniment tas-servizzi relatati sal-31 ta’ Diċembru 2009. Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1008/UE (4), b’deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Latvja kienet awtorizzata li tkompli tinnomina lir-riċevitur tal-injam jew tas-servizzi relatati bħala l-persuna responsabbli biex tħallas il-VAT fil-każ ta’ tranżazzjonijiet tal-injam ippreparat sal-31 ta’ Diċembru 2012 (il-“miżura speċjali”).Il-miżura speċjali ġiet sussegwentement estiża bid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/55/UE (5), (UE) 2015/2396 (6), (UE) 2018/2006 (7) u (UE) 2022/81 (8), u ser tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2024. |
|
(2) |
Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-2 ta’ Mejju 2024, il-Latvja talbet l-awtorizzazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 395(2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, biex tkompli tapplika l-miżura speċjali (it-“talba”). Dik it-talba kienet akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura speċjali. |
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba lil 25 Stat Membru b’ittra ddatata t-3 ta’ Settembru 2024, u lill-Italja fl-4 ta’ Settembru 2024. B’ittra ddatata l-5 ta’ Settembru 2024, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-evalwazzjoni tat-talba. |
|
(4) |
Skont il-Latvja, is-suq tal-injam, li huwa wieħed mill-aktar setturi importanti tal-ekonomija tagħha, huwa partikolarment sensittiv għall-frodi tal-VAT għaliex huwa ddominat minn għadd kbir ta’ operaturi lokali żgħar u fornituri individwali. In-natura tas-suq u tan-negozji involuti ġġenerat frodi tal-VAT, li l-awtoritajiet tat-taxxa Latvjani sabuha diffiċli biex jikkontrollaw. Sabiex jiġi miġġieled dak l-abbuż, l-awtoritajiet tat-taxxa Latvjani introduċew il-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-ħlas tal-VAT fit-tranżazzjonijiet tal-injam, li wera li huwa effettiv ħafna u naqqas il-frodi f’dak is-suq b’mod sinifikanti. |
|
(5) |
Il-miżuri speċjali b’mod ġenerali jingħataw għal perjodu ta’ żmien limitat biex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk dawk il-miżuri speċjali humiex xierqa u effettivi. Il-miżuri speċjali jagħtu żmien lill-Istati Membri biex jintroduċu miżuri konvenzjonali oħra fil-livell nazzjonali biex jiġi mmonitorjat il-moviment tal-materjali, il-ħlas tal-VAT, u l-konformità tal-persuni taxxabbli, li jenħtieġ li jindirizzaw il-problema rispettiva sal-iskadenza tal-miżuri speċjali, u b’hekk l-estensjoni tal-miżura speċjali ssir inutli. Miżura speċjali li tippermetti l-użu tal-mekkaniżmu tar-reverse charge tingħata biss eċċezzjonalment għal oqsma frodulenti speċifiċi u tikkostitwixxi mezz tal-aħħar għażla. |
|
(6) |
Għalhekk, il-Latvja għandha timplimenta miżuri konvenzjonali oħra biex tiġġieled u tipprevjeni l-frodi tal-VAT fis-suq tal-injam qabel l-iskadenza tal-estensjoni tal-miżura speċjali skont din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, biex ma jkunx hemm il-ħtieġa ta’ estensjoni ulterjuri tal-miżura speċjali. |
|
(7) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Latvja tkun awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2026 biss. |
|
(8) |
Il-miżura speċjali mhu ser ikollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT. |
|
(9) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2026.”
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
PINTÉR S.
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/42/KE tal-24 ta’ Jannar 2006 li tawtorizza lil-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura li tidderoga minn Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat (ĠU L 25, 28.1.2006, p. 31).
(3) Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1008/UE tas-7 ta’ Diċembru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 24.12.2009, p. 30).
(5) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/55/UE tat-22 ta’ Jannar 2013 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 22, 25.1.2013, p. 16).
(6) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2396 tal-10 ta’ Diċembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 332, 18.12.2015, p. 142).
(7) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2006 tal-11 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 322, 18.12.2018, p. 20).
(8) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/81 tat-18 ta’ Jannar 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 13, 20.1.2022, p. 49).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/3207/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)