17.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/25


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1992

tal-14 ta' Diċembru 2018

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1191/2014 rigward ir-rappurtar tad-data msemmija fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 f'dak li għandu x'jaqsam mal-idrofluworokarburi li jitqiegħdu fis-suq fir-Renju Unit u fl-Unjoni ta' 27 Stat Membru

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar gassijiet fluworurati b'effett ta' serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1191/2014 (2) jiddetermina l-format u l-mezzi għall-preżentazzjoni ta' rapport imsemmi fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 jistipula li t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta' idrofluworokarburi mill-produtturi jew mill-importaturi huwa suġġett għal kwota annwali sabiex jinkiseb it-tnaqqis gradwali tagħhom. Dawk il-kwoti għall-produtturi u għall-importaturi jiġu kkalkulati abbażi ta' valuri ta' referenza ddeterminati mill-Kummissjoni bbażat mill-kwantitajiet medji annwali tal-idrofluworokarburi li jkunu rrappurtaw il-produtturi jew l-importaturi skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 mill-1 ta' Jannar 2015 'il quddiem bi qbil mal-Anness V ta' dak ir-Regolament.

(3)

Billi fid-29 ta' Marzu 2017 ir-Renju Unit innotifika li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattati jieqfu milli japplikaw għar-Renju Unit mid-data ta' meta jidħol fis-seħħ il-ftehim dwar l-irtirar jew, jekk dan ma jsirx, wara sentejn min-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix li jestendi dak il-perjodu. Minħabba f'hekk, u mingħajr preġudizzju għal ebda dispożizzjoni tal-ftehim dwar l-irtirar, ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 japplika biss sakemm ir-Renju Unit jibqa' Stat Membru.

(4)

Fid-dawl tan-notifika skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea mir-Renju Unit, huwa importanti li jkun żgurat li jkun hemm data preċiża disponibbli dwar it-tqegħid fis-suq fl-Unjoni tal-idrofluworokarburi wara l-irtirar tar-Renju Unit bi skop li jiġu kkalkulati mill-ġdid il-valuri ta' referenza skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014, liema kalkolu huwa maħsub li jsir fl-2020.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1191/2014 jiġi emendat biex jippermetti s-separazzjoni tal-ammonti ta' idrofluworokarburi li jitqiegħdu fis-suq fir-Renju Unit u fl-Unjoni ta' 27 Stat Membru.

(6)

Madankollu, is-separazzjoni tad-data ta' rappurtar dwar l-idrofluworokarburi mqiegħda fis-suq fir-rigward tar-Renju Unit u l-Unjoni ta' 27 Stat Membru tkun meħtieġa biss f'dak il-punt meta d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fih. Għalhekk l-emenda tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1191/2014 hija meħtieġa biss għar-rappurtar tad-data għas-sena kalendarja 2018 u sas-sena, u inkluża s-sena li fiha r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni u d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fih.

(7)

Sabiex is-separazzjoni tal-obbligu ta' rapportar tapplika fir-rigward tar-rappurtar tad-data għas-sena kalendarja 2018 meta d-data trid tiġi ppreżentata sal-31 ta' Marzu 2019, il-varjazzjoni tal-obbligu għandha tidħol fis-seħħ u tapplika qabel dik id-data. Għas-snin sussegwenti kollha, id-data għall-preżentazzjoni tad-data tar-rappurtar għandha tkun il-31 ta' Marzu.

(8)

L-ammonti ta' idrofluworokarburi li skont l-Anness ta' dan l-att ta' implimentazzjoni jridu jiġu rrappurtati li tqiegħdu fis-suq tar-Renju Unit jenħtieġ li jirreferu għall-ammonti mqiegħda fis-suq tar-Renju Unit għall-ewwel darba.

(9)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1191/2014 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 150, 20.5.2014, p. 195.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1191/2014 tat-30 ta' Ottubru 2014 li jiddetermina l-format u l-mezzi għall-preżentazzjoni tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar gassijiet fluworurati b'effett ta' serra (ĠU L 318, 5.11.2014, p. 5).


ANNESS

It-Taqsima 13a li ġejja tinżied fl-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1191/2014:

“ It-Taqsima 13a: Trid timtela mill-produtturi u l-importaturi tal-gassijiet – l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 u l-punti 1(a) sa 1(d); il-punti 2(a), 2(b) u 2(d) u l-punti 3(a) u 3(b) tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 517/2014.

Tapplika għall-ewwel darba għar-rappurtar dwar l-attivitajiet li twettqu fl-2018 (sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2019) u sas-sena, biha inkluża, meta d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit jew ġo fih.

Il-kwantitajiet għandhom jiġu rrappurtati f'tunnellati metriċi bi preċiżjoni sat-tielet pożizzjoni deċimali, separatament għal kull gass elenkat fit-Taqsima 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 517/2014, jew għal taħlitiet li fihom tal-anqas wieħed minn dawk il-gassijiet jew għal kull gass jew taħlita li jinsabu f'polioli mħalltin minn qabel.

 

KWANTITAJIET IKKALKULATI AWTOMATIKAMENT

KUMMENTI

13aA

L-ammont ta' idrofluworokarburi fiżikament imqiegħed fis-suq, bl-esklużjoni ta' użi eżentati

13aA = 4M – Is-somma ta' użi eżentati fit-Taqsima 5 (5 A – 5F)

 

INFORMAZZJONI LI TRID TIĠI RRAPPURTATA

13aB

Minnhom: l-ammont imqiegħed fis-suq tar-Renju Unit għall-ewwel darba

L-ammonti mqiegħda fis-suq tar-Renju Unit, iżda li sussegwentement ġew fornuti fl-Unjoni (mingħajr ir-Renju Unit) fi kwantitajiet kbar ma jridux ikunu inklużi

L-ammonti fornuti għas-suq tar-Renju Unit bl-ingrossa li preċedentement tqiegħdu fis-suq tal-Unjoni (mingħajr ir-Renju Unit) għandhom jiġu inklużi

 

KWANTITAJIET IKKALKULATI AWTOMATIKAMENT

13aC

Minnhom: l-ammont imqiegħed fis-suq tal-Unjoni, mingħajr ir-Renju Unit

13aC = 13aA – 13aB”