Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
22 ta’ Ottubru 2026 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2013/48/UE – Dritt ta’ aċċess għal avukat fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – Artikolu 3(3) – Dritt tal-persuni ssuspettati u tal-persuni akkużati għall-preżenza tal-avukat tagħhom u għall-parteċipazzjoni effettiva tiegħu fl-interrogazzjoni tagħhom – Kunċetti ta’ ‘preżenza’ u ta’ ‘parteċipazzjoni effettiva’ – Artikolu 3(6) – Deroga temporanja mid-dritt ta’ aċċess għal avukat – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-interrogazzjoni tal-persuni ssuspettati mingħajr l-avukat tagħhom fil-każ li ma jkunx jista’ jsir kuntatt miegħu f’terminu speċifiku – Traspożizzjoni inkorretta”
Fil-Kawża C‑681/24,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fil‑15 ta’ Ottubru 2024,
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Kovács, P. Ondrůšek u M. Wasmeier, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata inizjalment minn T. Müller, A. Pagáčová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, u sussegwentement minn T. Müller, J. Očková, A. Pagáčová u J. Vláčil, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn:
L-Ungerija, irrappreżentata minne Zs. Biró‑Tóth u M. Z. Fehér, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President ta’ Awla, R. Frendo (Relatriċi), N. Jääskinen, M. Condinanzi u A. Kornezov, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: E. Sartori, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Diċembru 2025,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Marzu 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma adottatx id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 1), moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tagħha, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2013/48
2 Il-premessi 4, 6, 8, 23 sa 25, 28, 30 sa 32, 44, 52 u 54 tad-Direttiva 2013/48 jiddikjaraw:
“(4) L-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonjiet f’materji kriminali tippresupponi li l-Istati Membri jafdaw fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ xulxin. Il-punt sa fejn jasal ir-rikonoxximent reċiproku jiddependi ħafna minn għadd ta’ fatturi, li jinkludu mekkaniżmi għas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ persuni suspettati jew akkużati u standards minimi komuni meħtieġa biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.
[...]
(6) Ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’materji kriminali jista’ jopera b’mod effettiv biss fi spirtu ta’ fiduċja li fih mhux biss l-awtoritajiet ġudizzjarji, iżda l-atturi kollha fil-proċess kriminali jikkunsidraw deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stati Membri oħra bħala ekwivalenti għal tagħhom, li timplika mhux biss fiduċja fl-adegwatezza tar-regoli ta’ Stati Membri oħra, iżda wkoll fiduċja li dawk ir-regoli huma applikati b’mod korrett. It-tisħiħ ta’ fiduċja reċiproka jeħtieġ regoli dettaljati dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u garanziji proċedurali li jirriżultaw mill-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”)], mill-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”),] u mill-[Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis‑16 ta’ Diċembru 1966 u li daħal fis-seħħ fit 23 ta’ Marzu 1976]. Jeħtieġ ukoll, permezz ta’ din id-Direttiva u permezz ta’ miżuri oħra, żvilupp ulterjuri fl-Unjoni [Ewropea] tal-istandards minimi stipulati fil-Karta u l-KEDB.
[...]
(8) Regoli minimi komuni għandhom iwasslu għal żieda fil-fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri kollha, li, bħala riżultat għandha twassal għal kooperazzzjoni ġudizzjarja aktar effiċjenti fi klima ta’ fiduċja reċiproka, u għall-promozzjoni ta’ kultura ta’ drittijiet fundamentali fl-Unjoni. Regoli minimi komuni bħal dawn għandhom ukoll ineħħu l-ostakoli għall-moviment liberu taċ-ċittadini fit-territorju kollu tal-Istati Membri. Regoli minimi komuni bħal dawn għandhom jiġu stabbiliti fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali, id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà.
[...]
(23) Il-persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom id-dritt li jikkomunikaw mal-avukat li jirrappreżentahom. Tali komunikazzjoni tista’ sseħħ f’kull stadju, inkluż qabel kwalunkwe eżerċizzju tad-dritt li jiltaqgħu ma’ dak l-avukat. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu arranġamenti prattiċi rigward it-tul ta’ ħin, il-frekwenza u l-mezzi ta’ tali komunikazzjoni, inkluż dwar l-użu ta’ vidjokonferenzi u teknoloġija oħra tal-komunikazzjoni biex jippermettu li jsiru tali komunikazzjonijiet. Arranġamenti prattiċi bħal dawn ma għandhomx jippreġudikaw l-eżerċizzju effettiv jew l-essenza tad-dritt tal-persuni suspettati jew akkużati li jikkomunikaw mal-avukat tagħhom.
(24) Fir-rigward ta’ ċerti reati minuri, din id-Direttiva ma għandhiex timpedixxi lill-Istati Membri milli jorganizzaw id-dritt tal-persuni suspettati jew akkużati li jkollhom aċċess għal avukat permezz tat-telefon. Madankollu, il-limitazzjoni tad-dritt b’dan il-mod għandu jkun ristrett għal każijiet fejn il-persuna suspettata jew akkużata mhux ser tiġi interrogata mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja.
(25) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li l-avukat tagħhom ikun preżenti u jipparteċipa b’mod effettiv meta huma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew minn awtorità ġudizzjarja, anke matul is-seduta tal-qorti. Tali parteċipazzjoni għandha tkun f’konformità ma kwalunkwe proċedura taħt liġi nazzjonali li tista’ tirregola l-parteċipazzjoni ta’ avukat matul l-interrogazzjoni tal-persuna suspettata jew akkużata mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja, inkluż matul is-seduta tal-qorti, dment li tali proċedura ma tippreġudikax l-eżerċizzju effettiv u l-essenza tad-dritt ikkonċernat. Matul l-interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja tal-persuna suspettata jew akkużata jew fis-seduta tal-qorti, l-avukat jista’ fost l-oħrajn, f’konformità ma’ tali proċeduri, isaqsi mistoqsijiet, jitlob kjarifika u jagħmel stqarrijiet, li għandhom jiġu rreġistrati f’konformità mal-liġi nazzjonali.
[...]
(28) Fejn il-persuni suspettati jew akkużati jinċaħdu mil-libertà tagħhom, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex jiżguraw li tali persuni jkunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat, inkluż billi jieħdu ħsieb li tingħata għajnuna minn avukat meta l-persuna konċernata ma jkollhiex wieħed, dment li ma jkunux irrinunzjaw għal dan id-dritt. Tali arranġamenti jistgħu jimplikaw, fost l-oħrajn, li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu arranġamenti għall-assistenza minn avukat fuq il-bażi ta’ lista ta’ avukati disponibbli li l-persuna suspettata jew akkużata tkun tista’ tagħżel minnhom. Tali arranġamenti jistgħu jinkludu dawk dwar l-għajnuna legali, jekk applikabbli.
[...]
(30) F’każijiet ta’ distanza ġeografika ’l bogħod tal-persuna suspettata jew akkużata, bħal f’territorji extra-Ewropej jew fejn l-Istat Membru jwettaq jew jipparteċipa f’operazzjonijiet militari barra mit-territorju tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mid-dritt tal-persuna suspettata jew akkużata li jkollha aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed wara ċ-ċaħda tal-libertà. Matul deroga temporanja bħal din, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jinterrogaw lill-persuna konċernata jew iwettqu atti investigattivi jew atti ta’ ġbir ta’ provi previsti f’din id-Direttiva. Meta l-aċċess immedjat għas-servizzi ta’ avukat ma jkunx possibbli minħabba d-distanza ġeografika ’l bogħod tal-persuna suspettata jew akkużata, l-Istati Membri għandhom jagħmlu arranġamenti għal komunikazzjoni permezz tat-telefon jew il-vidjokonferenzar sakemm dan ma jkunx impossibbli.
(31) L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jidderogaw temporanjament mid-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fil-fażi ta’ qabel il-kawża fejn ikun hemm ħtieġa, f’każijiet ta’ urġenza, li jiġu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna. Matul deroga temporanja għal dik ir-raġuni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jinterrogaw lil persuni suspettati jew akkużati mingħajr ma jkun preżenti l-avukat, dment li l-persuni suspettati jew akkużati jkunu ġew infurmati li għandhom dritt li jibqgħu siekta u li jistgħu jeżerċitaw dak id-dritt, u dment li tali interrogazzjoni ma tippreġudikax id-drittijiet tad-difiża, inkluż il-privileġġ kontra l-awtoinkriminazzjoni. L-interrogazzjoni tista’ ssir biss għall-fini u sakemm din tkun meħtieġa biex tinkiseb informazzjoni li tkun essenzjali biex jiġu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna. Kwalunkwe abbuż minn din id-deroga fil-prinċipju jippreġudika b’mod irreparabbli d-drittijiet tad-difiża.
(32) L-Istati Membri għandhom ukoll ikunu jistgħu jidderogaw temporanjament mid-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fil-fażi ta’ qabel il-kawża fejn l-azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi tkun imperattiva sabiex jiġi evitat lil-proċedimenti kriminali jiġu pperikolati b’mod sostanzjali, b’mod partikolari biex jiġu evitati l-qerda jew it-tibdil tal-evidenza essenzjali, jew biex tiġi evitata interferenza max-xhieda. Matul deroga temporanja għal din ir-raġuni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jinterrogaw lil persuni suspettati jew akkużati mingħajr ma jkun preżenti l-avukat, dment li l-persuni suspettati jew akkużati jkunu ġew infurmati li għandhom id-dritt li jibqgħu siekta u li jistgħu jeżerċitaw dak id-dritt, u dmenti li tali interrogazzjoni ma tippreġudikax id-drittijiet tad-difiża, inkluż il-privileġġ kontra l-awtoinkriminazzjoni. L-interrogazzjoni tista’ ssir biss għall-fini u sakemm din tkun meħtieġa biex tinkiseb informazzjoni li tkun essenzjali biex jiġi evitat li l-proċedimenti kriminali jiġu pperikolati b’mod sostanzjali. Kwalunkwe abbuż minn din id-deroga fil-prinċipju jippreġudika b’mod irreparabbli d-drittijiet tad-difiża.
[...]
(44) Il-persuni rikjesti għandu jkollhom id-dritt li jikkomunikaw mal-avukat li jirrappreżentahom fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Għandu jkun possibbli li tali komunikazzjoni ssir f’kull stadju, inkluż qabel kwalunkwe eżerċizzju tad-dritt li jiltaqgħu mal-avukat. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu arranġamenti prattiċi rigward it-tul ta’ ħin, il-frekwenza u l-mezzi ta’ komunikazzjoni bejn il-persuni rikjesti u l-avukat tagħhom, inkluż dwar l-użu ta’ vidjokonferenzi u teknoloġija oħra tal-komunikazzjoni biex jippermettu li jsiru tali komunikazzjonijiet. Tali arranġamenti prattiċi ma għandhomx jippreġudikaw l-eżerċizzju effettiv u l-essenza tad-dritt tal-persuni rikjesti li jikkomunikaw mal-avukat tagħhom.
[...]
(52) Din id-Direttiva ssostni d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali li jinsabu fil-Karta, inklużi [...] id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet tad-difiża. Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata skont dawk id-drittijiet u l-prinċipji.
[...]
(54) Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi. L-Istati Membri jistgħu jestendu d-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva bil-għan li jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni. Tali livell ogħla ta’ protezzjoni ma għandux jikkostitwixxi ostakolu għar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi ġudizzjarji li dawk ir-regoli minimi huma mfassla biex jiffaċilitaw. Il-livell ta’ protezzjoni qatt ma għandu jkun inqas mill-istandards previsti mill-Karta jew mill-KEDB, kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem [iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”)].”
3 L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali”, jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat f’ħin u b’mod li l-persuni konċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw d-drittijiet tagħhom ta’ difiża b’mod prattiku u b’mod effettiv.
2. Il-persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed. Fi kwalunkwe każ, il-persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat mill-mument l-aktar qrib minn dawn li ġejjin:
(a) qabel ma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja;
(b) mat-twettiq minn awtorità ta’ investigazzjoni jew awtorità kompetenti oħra ta’ att investigattivi jew att ieħor ta’ ġbir ta’ provi skont il-punt (c) tal-paragrafu 3;
(c) mingħajr dewmien żejjed wara ċ-ċaħda tal-libertà;
(d) fejn ġew imħarrka biex jidhru quddiem qorti li għandha ġurisdizzjoni f’materji kriminali, fi żmien debitu qabel ma jidhru quddiem dik il-qorti.
3. Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat għandu jimplika dan li ġej:
(a) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna suspettata jew akkużata jkollha d-dritt li tiltaqa’ fil-privat u tikkomunika mal-avukat li jirrappreżentaha, inkluż qabel interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew awtorità ġudizzjarja;
(b) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna suspettata jew akkużata jkollha d-dritt li l-avukat tagħha jkun preżenti u jipparteċipa b’mod effettiv meta hija tiġi interrogata. Tali parteċipazzjoni għandha tkun konformi mal-proċeduri taħt il-liġi nazzjonali, dment li tali proċeduri ma jippreġudikawx l-eżerċizzju effettiv u l-essenza tad-dritt konċernat. Fejn avukat jipparteċipa matul interrogazzjoni, il-fatt li saret tali parteċipazzjoni għandu jiġi rreġistrat bl-użu tal-proċedura ta’ reġistrar f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru konċernat;
[...]
4. L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom li jagħmlu l-informazzjoni ġenerali disponibbli biex jagħmluha faċli għall-persuni suspettati jew akkużati li jsibu avukat.
Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar il-preżenza obbligatorja ta’ avukat, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati li jinċaħdu mil-libertà tagħhom ikunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat, sakemm ma jkunux irrinunzjaw dak id-dritt f’konformità mal-Artikolu 9.
5. Huwa f’ċirkostanzi eċċezzjonali u biss fl-istadju ta’ qabel il-kawża li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-applikazzjoni tal-punt (c) tal-paragrafu 2 fejn id-distanza ġeografikament ‘il bogħod ta’ persuna suspettata jew akkużata tagħmilha impossibbli li jiġi żgurat id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed wara li persuna tkun inċaħdet mil-libertà tagħha.
6. F’ċirkostanzi eċċezzjonali u biss fl-istadju ta’ qabel il-kawża, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-applikazzjoni tad-drittijiet previsti fil-paragrafu 3 sakemm dan ikun iġġustifikat fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet konvinċenti li ġejjin:
(a) fejn hemm ħtieġa urġenti li jkunu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna;
(b) fejn l-azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi tkun essenzjali biex jiġu evitati li l-proċedimenti kriminali jiġu pperikolati b’mod sostanzjali.”
4 Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni ta’ derogi temporanji”:
“1. Kwalunkwe deroga temporanja skont l-Artikolu 3(5) jew (6) [...]:
(a) għandha tkun proporzjonata u ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju;
(b) għandha tkun strettament limitata biż-żmien;
(c) ma għandhiex tkun ibbażata esklużivament fuq it-tip ta’ reat allegat jew fuq il-gravità tiegħu; u
(d) ma għandhiex tippreġudika l-ekwità kumplessiva tal-proċedimenti.
2. Derogi temporanji skont l-Artikolu 3(5) jew (6) jistgħu jiġu awtorizzati biss b’deċiżjoni debitament motivata meħuda skont il-każ, jew minn awtorità ġudizzjarja, jew minn awtorità kompetenti oħra bil-kondizzjoni li dik id-deċiżjoni tista’ tkun soġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. Id-deċiżjoni debitament motivata għandha tiġi rreġistrata skont il-proċedura ta’ reġistrar skont il-liġi tal-Istat Membru konċernat.
[...]”
5 L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Rinunzja”, jipprevedi:
“1. Mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali li teħtieġ il-preżenza jew l-assistenza obbligatorja ta’ avukat, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fir-rigward ta’ kwalunkwe rinunzja ta’ dritt imsemmi fl-Artikoli 3 u 10:
(a) il-persuna suspettata jew akkużata tkun ingħatat, bil-miktub jew bil-fomm, informazzjoni ċara u suffiċjenti b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem dwar il-kontenut tad-dritt konċernat u l-konsegwenzi possibbli tar-rinunzja għalih; u
(b) ir-rinunzja tingħata volontarjament u b’mod inekwivoku.
2. Ir-rinunzja, li tista’ ssir bil-miktub jew bil-fomm, għandha tiġi rreġistrata, kif ukoll iċ-ċirkostanzi li fihom tkun ingħatat ir-rinunzja, bl-użu tal-proċedura ta’ reġistrar f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru konċernat.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jistgħu jirrevokaw ir-rinunzja sussegwentement fi kwalunkwe stadju matul il-proċedimenti kriminali u li huma jiġu infurmati b’dik il-possibbiltà. Tali revoka għandu jkollha effett mill-mument li ssir.”
6 L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2013/48, intitolat “Għajnuna legali”, huwa fformulat kif ġej:
“Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali dwar l-għajnuna legali, li għandha tapplika skont il-Karta u l-KEDB.”
Id-Direttiva (UE) 2016/1919
7 L-Artikolu 1 tad-Direttiva (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2016 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (ĠU 2016, L 297, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 91, p. 40), intitolat “Suġġett”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:
“Din id-Direttiva tikkomplementa [d-Direttiva 2013/48 u d-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 132, p. 1)]. Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jiġi interpretat bħala limitazzjoni tad-drittijiet previsti f’dawk id-Direttivi.”
8 L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/1919, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Din id-Direttiva tapplika għall-persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali li jkollhom dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat skont id-[Direttiva 2013/48] u li:
(a) jiġu mċaħħda mil-libertà;
(b) jkunu meħtieġa li jiġu assistiti minn avukat skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali; jew
(c) jkunu meħtieġa jew permessi li jattendu għal att investigattiv jew att ta’ ġbir ta’ provi, inkluż bħala minimu dawn li ġejjin:
(i) l-identifikazzjoni ta' persuni speċifiċi minn fost oħrajn;
(ii) konfrontazzjonijiet;
(iii) rikostruzzjonijiet tax-xena ta’ reat.”
Id-dritt Ċek
9 L-Artikolu 8(3) tal-Listina základních práv a svobod (il-Karta tad-Drittijiet u Libertajiet Fundamentali), li hija dispożizzjoni ta’ livell kostituzzjonali, jipprovdi:
“Il-persuna akkużata jew il-persuna ssuspettata li wettqet reat kriminali tista’ titqiegħed taħt detenzjoni biss fil-każijiet previsti mil-liġi. Il-persuna mqiegħda taħt detenzjoni għandha tiġi informata immedjatament bir-raġunijiet għat-tqegħid tagħha taħt detenzjoni, tiġi interrogata u, f’terminu massimu ta’ 48 siegħa, tiġi rrilaxxata jew għandha titressaq quddiem imħallef. L-Imħallef għandu jinterroga lill-persuna mqiegħda taħt detenzjoni fi żmien 24 siegħa minn meta din titressaq quddiemu u għandu jiddeċiedi dwar id-detenzjoni tagħha jew għandu jirrilaxxaha.”
10 L-Artikolu 2(4) taż-zákon č.141/1961 Sb., o trestním řízení soudním (trestní řád) (il-Liġi Nru 141/1961 dwar il-Proċedura Kriminali (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali)), fil-verżjoni tagħha applikabbli għal dan ir-rikors (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali”), jipprevedi:
“Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan il-kodiċi, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għandhom jaġixxu ex officio. Huma għandhom jipproċedu bil-kawżi kriminali malajr kemm jista’ jkun; huma għandhom jipproċedu b’urġenza, b’mod partikolari, bil-kawżi li jinvolvu detenzjoni [...]. Huma jieħdu konjizzjoni kawżi kriminali billi jirrispettaw strettament id-drittijiet u l-libertajiet iggarantiti mill-Karta tal-Libertajiet u tad-Drittijiet Fundamentali u mit-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali li bihom hija marbuta r-Repubblika Ċeka; fl-eżekuzzjoni ta’ atti proċedurali kriminali, jista’ jsir indħil fuq id-drittijiet tal-persuni kkonċernati minn tali atti biss f’każijiet iġġustifikati, fuq il-bażi tal-liġi u sa fejn ikun neċessarju sabiex jiġi żgurat l-għan tal-proċedura kriminali. [...]”
11 Skont l-Artikolu 33(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali:
“Il-persuna akkużata għandha d-dritt li tippreżenta osservazzjonijiet dwar il-fatti kollha li bihom hija akkużata u dwar il-provi relatati magħhom, iżda hija ma hijiex obbligata tixhed. Hija tista’ tallega fatti u tipprovdi provi insostenn tad-difiża tagħha, tagħmel proposti kif ukoll tressaq talbiet u tinvoka rimedji. Hija għandha d-dritt li tagħżel avukat u li tikkonsultah anki matul l-atti mwettqa mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Matul l-interrogazzjoni tagħha, hija ma tistax tingħata parir mill-avukat tagħha dwar kif għandha twieġeb għal mistoqsija li tkun diġà saret. Hija tista’ titlob li tinstema’ fil-preżenza tal-avukat tagħha u li l-avukat tagħha jassisti wkoll f’atti oħra tal-fażi ta’ qabel il-proċess kriminali (Artikolu 165). Jekk tkun f’detenzjoni jew tkun qiegħda tiskonta piena li ċċaħħad il-libertà, il-persuna akkużata tista’ tiltaqa’ mal-avukat tagħha fl-assenza ta’ terzi persuni. Il-persuna akkużata tgawdi mid-drittijiet iċċitati iktar ’il fuq anki jekk il-kapaċità legali tagħha tkun limitata.”
12 L-Artikolu 67 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Raġunijiet għad-detenzjoni”, huwa fformulat kif ġej:
“Persuna akkużata tista’ titqiegħed f’detenzjoni biss jekk l-atti tagħha jew fatti konkreti oħra jagħtu lok għal biża’ fondata
(a) li ser taħrab jew tinħeba sabiex tevadi l-proċeduri kriminali jew il-piena, b’mod partikolari jekk l-identità tagħha ma tkunx tista’ tiġi stabbilita immedjatament, jekk hija ma jkollhiex residenza fissa jew inkella jekk ikun hemm ir-riskju li tiġi imposta piena ħarxa fuqha,
(b) li ser tinfluwenza xhieda jew koakkużati li għadhom ma ġewx interrogati jew li b’xi mod ieħor ser tostakola li jiġu skoperti fatti essenzjali għall-proċeduri kriminali; jew
(c) li ser tibda mill-ġdid bl-attività delittwali jew kriminali li biha tinsab akkużata, li ser teżegwixxi r-reat kriminali li hija ppruvat twettaq jew li ser twettaq reat kriminali li hija ppjanat jew li heddet li ser twettaq,
u li l-fatti kkonstatati sa dak il-mument jindikaw li l-att li fir-rigward tiegħu nbdew proċeduri kriminali twettaq, li għandu l-karatteristiċi kollha ta’ reat kriminali, li jeżistu raġunijiet evidenti sabiex jiġi ssuspettat li dan ir-reat twettaq mill-persuna akkużata, u li, fir-rigward tal-persuna akkużata, tan-natura u tal-gravità tar-reat kriminali li għalih hija akkużata, ma huwiex possibbli, fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni, li jintlaħaq l-għan tad-detenzjoni, permezz ta’ miżuri oħra, b’mod partikolari bl-impożizzjoni ta’ waħda mill-miżuri kawtelatorji.”
13 L-Artikolu 75 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Tqegħid taħt detenzjoni, mill-korp tal-pulizija, tal-persuna akkużata”, jipprovdi:
“Fil-preżenza ta’ waħda mir-raġunijiet ta’ detenzjoni (Artikolu 67), il-korp tal-pulizija jista’ jqiegħed lill-persuna akkużata taħt detenzjoni. Madankollu, dan huwa obbligat jinnotifika immedjatament lill-Prosekutur bit-tqegħid taħt detenzjoni mwettaq u jibgħatlu kopja tal-proċess verbali li jkun fassal fl-okkażjoni tat-tqegħid taħt detenzjoni u d-dokumenti l-oħra li l-Prosekutur għandu bżonn sabiex ikun jista’, jekk ikun hemm lok, iressaq talba għal tqegħid taħt detenzjoni. Din it-talba għandha titressaq b’tali mod li l-persuna akkużata tkun tista’ titressaq quddiem il-qorti sa mhux iktar tard minn 48 siegħa wara t-tqegħid tagħha taħt detenzjoni, inkella din il-persuna jkollha tiġi rrilaxxata.”
14 L-Artikolu 76 tal-istess kodiċi, intitolat “Tqegħid ta’ persuna ssuspettata taħt detenzjoni”, jipprevedi:
“(1) Fil-preżenza ta’ waħda mir-raġunijiet għad-detenzjoni (l-Artikolu 67), il-korp tal-pulizija jista’, f’każijiet urġenti, jipproċedi bit-tqegħid taħt detenzjoni tal-persuna ssuspettata li wettqet reat kriminali, anki jekk tkun għadha ma nbdietx prosekuzzjoni kriminali kontriha (l-Artikolu 160(1)). It-tqegħid taħt detenzjoni huwa suġġett għall-kunsens minn qabel tal-Prosekutur. It-tqegħid taħt detenzjoni jista’ jsir mingħajr dan il-kunsens biss jekk il-każ ikollu jipproċedi mingħajr dewmien u l-kunsens ma jkunx jista’ jinkiseb minn qabel, b’mod partikolari jekk persuna tkun inqabdet in flagrante delicto jew waqt li kienet qiegħda taħrab.
[...]
(3) Il-korp tal-pulizija li pproċeda bit-tqegħid taħt detenzjoni għandu jinterroga lill-persuna mqiegħda taħt detenzjoni u jimla rapport tal-interrogazzjoni, li fih huwa għandu jindika l-post, id-data u ċ-ċirkustanzi tat-tqegħid taħt detenzjoni u jniżżel id-data personali li tikkonċerna lill-persuna mqiegħda taħt detenzjoni u r-raġunijiet sostantivi għat-tqegħid taħt detenzjoni.
(4) Il-korp tal-pulizija li pproċeda bit-tqegħid taħt detenzjoni jew li lilu ġiet ittrasferita l-persuna li nqabdet in flagrante delicto, skont il-paragrafu 2, għandu jirrilaxxa immedjatament lil din il-persuna jekk is-suspetti jitneħħew jew jekk jieqfu jeżistu r-raġunijiet għat-tqegħid taħt detenzjoni għal kwalunkwe raġuni oħra. Jekk il-persuna mqiegħda taħt detenzjoni ma tiġix irrilaxxata, il-korp tal-pulizija għandu jibgħat lill-Prosekutur r-rapport tal-interrogazzjoni tiegħu, flimkien ma’ kopja tal-ordni li jinbdew proċeduri kriminali u provi oħrajn, sabiex il-Prosekutur ikun jista’, jekk ikun neċessarju, japplika sabiex il-persuna tinżamm taħt arrest preventiv. Il-korp tal-pulizija għandu jippreżenta t-talba mingħajr dewmien sabiex il-persuna mqiegħda taħt detenzjoni skont din il-liġi tkun tista’ titressaq quddiem il-qorti sa mhux iktar tard minn 48 siegħa wara t-tqegħid taħt detenzjoni; altrimenti, il-persuna mqiegħda taħt detenzjoni għandha tiġi rrilaxxata.
(5) Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 33(1), (5) u (6) u dawk tal-Artikoli 91, 92, 93 u 95 għandhom ukoll jiġu debitament osservati meta l-persuna mqiegħda taħt detenzjoni tiġi interrogata filwaqt li ma jkunu nbdew ebda proċeduri kriminali kontriha (Artikolu 160).
(6) Il-persuna ssuspettata mqiegħda taħt detenzjoni għandu jkollha d-dritt li titlob li jkun preżenti avukat waqt l-interrogazzjoni kif previst fil-paragrafu 3, ħlief meta l-avukat ma jkunx disponibbli/ma jistax jiġi kkuntattjat fit-terminu stabbilit fil-paragrafu 4.”
15 Skont l-Artikolu 77 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, intitolat “Deċiżjoni dwar il-persuna mqiegħda taħt detenzjoni”:
“(1) Jekk il-Prosekutur ma jkunx ordna r-rilaxx tal-persuna mqiegħda taħt detenzjoni fuq il-bażi ta’ dokumenti li jkunu waslulu, possibbilment wara interrogazzjoni ġdida, huwa għandu jressaq lil din il-persuna quddiem il-qorti fi żmien 48 siegħa mit-tqegħid taħt detenzjoni u jressaq, b’mod parallel, talba għal tqegħid taħt detenzjoni. Mat-talba, huwa għandu jehmeż il-provi miksuba sa dak il-mument.
(2) L-Imħallef għandu jinterroga lill-persuna mqiegħda taħt detenzjoni (paragrafu 1) u, fi żmien 24 siegħa min-notifika tat-talba tal-Prosekutur, jiddeċiedi dwar ir-rilaxx jew it-tqegħid taħt detenzjoni ta’ din il-persuna. L-Imħallef għandu jikkomunika mingħajr dewmien u b’mod xieraq id-data u l-post tal-interrogazzjoni lill-avukat magħżul jew maħtur, jekk dan ikun jista’ jiġi kkuntattjat u jekk il-persuna mqiegħda taħt detenzjoni tkun talbet il-preżenza tiegħu, kif ukoll lill-Prosekutur. L-avukat u l-Prosekutur jistgħu jkunu preżenti waqt l-interrogazzjoni u jagħmlu mistoqsijiet lill-persuna mqiegħda taħt detenzjoni, iżda biss meta l-Imħallef jagħtihom permess jitkellmu. L-iskadenza tat-terminu ta’ 24 siegħa min-notifika tat-talba għal tqegħid taħt detenzjoni mressqa mill-Prosekutur fi kwalunkwe każ timmotiva l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rilaxx tal-persuna akkużata.”
Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
16 Fis‑7 ta’ Novembru 2016, ir-Repubblika Ċeka nnotifikat lill-Kummissjoni l-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/48 li hija kienet adottat f’din id-data. Dawn il-miżuri ġew segwiti minn 19‑il miżura oħra, li ġew innotifikati bejn il‑15 ta’ Marzu 2017 u s‑17 ta’ Mejju 2021. Din id-direttiva kellha tiġi trasposta sa mhux iktar tard mis‑27 ta’ Novembru 2016.
17 Wara li eżaminat il-miżuri nnotifikati, il-Kummissjoni qieset li dawn ma kinux jiżguraw konformità tad-dritt Ċek mal-Artikolu 3(6)(b), mal-Artikolu 5(2) u (3)(b) kif ukoll mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2013/48. Għalhekk, fit‑23 ta’ Settembru 2021, hija bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Ċeka.
18 Fit‑28 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni qieset li t-tweġibiet mogħtija għal din l-ittra ta’ intimazzjoni ma kinux sodisfaċenti fir-rigward tal-Artikolu 3(6)(b) u tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2013/48 u bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Ċeka.
19 Fl‑24 ta’ Novembru 2023, ir-Repubblika Ċeka bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-opinjoni motivata u pproponiet li tipprovdi kjarifiki lill-Kummissjoni waqt laqgħa ta’ ħidma.
20 Wara din il-laqgħa li nżammet fit‑2 ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni, peress li ma kinitx konvinta mill-argumenti tar-Repubblika Ċeka dwar l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2013/48, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tagħha, iddeċidiet, fil‑15 ta’ Ottubru 2024, li tippreżenta dan ir-rikors lill-Qorti tal-Ġustizzja.
21 Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑30 ta’ Jannar 2025, l-Ungerija ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Ċeka.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
22 Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tqajjem ilment wieħed, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ traspożizzjoni korretta, fl-ordinament ġuridiku Ċek, tal-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2013/48, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tagħha.
23 Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn l-Artikolu 76(6) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jippermetti li persuna mqiegħda taħt detenzjoni tiġi interrogata mill-korp tal-pulizija fil-kuntest tal-proċedura ta’ qabel il-proċess kriminali mingħajr ma jkollha aċċess għal avukat jekk dan tal-aħħar ma jkunx jista’ jiġi kkuntattjat fi żmien 48 siegħa mit-tqegħid taħt detenzjoni, dan l-Artikolu 76(6) imur kontra l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2013/48. Fil-fatt, il-fatt li avukat ma jistax jiġi kkuntattjat ma jikkostitwixxix raġuni imperattiva li tippermetti li ssir interrogazzjoni fl-assenza tiegħu, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(6).
24 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li l-pożizzjoni tar-Repubblika Ċeka li, sabiex jiġi ggarantit id-dritt ta’ aċċess għal avukat, huwa suffiċjenti li l-persuna mqiegħda taħt detenzjoni tkun ingħatat il-possibbiltà li tikkuntattja u li tagħżel avukat li jista’ jkun preżenti waqt l-interrogazzjoni, tmur kontra l-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48, li jsemmi b’mod ċar iż-żewġ aspetti tad-dritt ta’ aċċess għal avukat, jiġifieri l-preżenza ta’ avukat u l-parteċipazzjoni effettiva tal-avukat waqt l-interogazzjoni. Fil-fatt, mill-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li ma teżisti ebda sitwazzjoni li fiha din il-persuna tista’ tiġi interrogata mingħajr il-preżenza ta’ avukat, b’eċċezzjoni fejn l-Istati Membri jkunu għamlu użu mid-deroga temporanja prevista fl-Artikolu 3(6) tal-imsemmija direttiva jew fejn l-imsemmija persuna tkun irrinunzjat għal dan id-dritt konformement mal-Artikolu 9 tagħha.
25 Skont il-Kummissjoni, minn naħa, in-neċessità li l-persuna ssuspettata tiġi rrilaxxata fi żmien 48 siegħa ma tiġġustifikax il-possibbiltà li din tiġi interrogata mingħajr avukat u, min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ abbuż tad-dritt ta’ aċċess għal avukat ma jistax jiġġustifika li dan id-dritt jiġi ssuġġettat għal kundizzjoni ġenerali kuntrarja għall-formulazzjoni u għall-għan tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/48. Għalhekk, skont din l-istituzzjoni, sabiex jiġi rrimedjat ir-riskju ta’ ostakolu għall-proċeduri kriminali minħabba l-fatt li l-avukat magħżul minn din il-persuna ma jistax jiġi kkuntattjat, ir-Repubblika Ċeka tista’ tiżgura li avukat ikun jista’ jiġi kkuntattjat u disponibbli sabiex jipprovdi assistenza legali. Din il-possibbiltà ma tikkonsistix fl-impożizzjoni, fuq din il-persuna, ta’ avukat partikolari, iżda f’li jiġi żgurat li avukat ikun effettivament disponibbli matul iż-żmien limitat li għandha ddum l-interrogazzjoni.
26 Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Ċeka tesponi li l-proċedura li tippermetti lill-persuna mqiegħda taħt detenzjoni tagħżel avukat b’mod effettiv hija rregolata mill-pokyn policejního prezidenta č. 103/2013, o plnění některých úkolů policejních orgánů Policie České republiky v trestním řízení (l-Istruzzjoni tad-Direttorat tal-Pulizija Nru 103/2013, dwar it-Twettiq ta’ ċerti Kompiti tal-Organi ta’ Pulizija tal-Pulizija tar-Repubblika Ċeka fil-Kuntest tal-Proċeduri Kriminali). Minn din l-istruzzjoni jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn l-avukat magħżul mill-persuna ssuspettata ma jistax ikun preżenti waqt l-interrogazzjoni tagħha, il-korp tal-pulizija jitlob lil din il-persuna jekk hija tixtieqx li f’din l-okkażjoni jkun preżenti avukat ieħor. Għalhekk, sakemm iż-żmien disponibbli jippermetti dan, l-imsemmija persuna tibqa’ libera li tagħżel avukat ieħor. Jekk hija ma tkunx taf b’avukati oħra, la waqt it-tqegħid tagħha taħt detenzjoni u lanqas wara, il-korp tal-pulizija jqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha l-lista ta’ avukati ġestita mill-Kamra tal-Avukati Ċeka jew in-numri tat-telefon tagħhom. Konsegwentement, l-ipoteżi ta’ interrogazzjoni tal-persuna ssuspettata mingħajr il-preżenza ta’ avukat tista’ verament isseħħ biss f’sitwazzjoni fejn, minkejja dawn it-tentattivi kollha, din il-persuna ma tkunx għażlet avukat li jista’ jiġi kkuntattjat fi żmien 48 siegħa mit-tqegħid tagħha taħt detenzjoni. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni Ċeka tiggarantixxi li l-persuni ssuspettati mqiegħda taħt detenzjoni jkunu jistgħu jagħżlu avukat li jkun preżenti għall-interrogazzjoni.
27 Ir-Repubblika Ċeka tqis li anki jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali kellha titqies li hija inkompatibbli mal-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48, din hija konformi mal-Artikolu 3(6) ta’ din id-direttiva, sa fejn, l-ewwel nett, hija tista’ tiġi applikata biss b’mod eċċezzjonali, it-tieni nett, hija tiġi applikata sabiex jiġi evitat li jiġu kompromessi serjament proċeduri kriminali u, it-tielet nett, hija tippreżupponi evalwazzjoni individwali min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni.
28 Ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-possibbiltà li persuna ssuspettata tiġi interrogata fl-assenza ta’ avukat fuq il-bażi tal-Artikolu 76(6) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali hija intiża li tapplika biss fil-każ speċifiku u għalkollox eċċezzjonali fejn din il-persuna, sabiex tikseb ir-rilaxx tagħha u tevita l-ġustizzja, tinsisti deliberatament sabiex tiġi assistita minn avukat partikolari, filwaqt li dan tal-aħħar ikun, forsi wkoll deliberatament, indisponibbli. Tali rilaxx jista’ mhux biss joħloq theddida serja għall-proċeduri kriminali peress li din il-persuna tkun tista’ taħrab sabiex tevita l-prosekuzzjoni kriminali, tinfluwenza x-xhieda jew tkompli bl-attività delittwali jew kriminali tagħha, iżda wkoll għall-interessi protetti mid-dritt kriminali, inklużi l-ħajja u s-saħħa tal-persuni, theddida li tista’ tiġi evitata biss billi tittieħed azzjoni immedjata. L-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2013/48 jirrigwarda preċiżament tali sitwazzjonijiet.
29 Ir-Repubblika Ċeka ssostni li mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, li fuqha huwa bbażat l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/48, jirriżulta li ma huwiex neċessarju li avukat ikun effettivament u sistematikament preżenti waqt l-interrogazzjoni. B’mod partikolari, fil-kuntest tal-kontroreplika tiegħu, dan l-Istat Membru jindika li, fis-sentenza tagħha tat‑23 ta’ Frar 2010, Yoldaș vs It‑Turkija (CE:ECHR:2010:0223JUD002750304, punt 52), il-Qorti EDB ma kkonkludietx li kien hemm ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB peress li l-assenza ta’ avukat waqt l-interrogazzjoni kienet dovuta għar-rieda tal-persuna kkonċernata, li kienet irrinunzjat għad-dritt tagħha li tiġi assistita minn avukat, minkejja li kienet ġiet informata b’dan id-dritt. Minn dan jirriżulta li dak li huwa determinanti fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 6(3)(c) tal-KEDB, ma huwiex il-preżenza effettiva ta’ avukat waqt l-interrogazzjoni, iżda l-possibbiltà għall-persuna kkonċernata li tkun tista’ teżerċita effettivament id-dritt tagħha ta’ aċċess għal avukat, li tagħżel liberament lil dan tal-aħħar u li tkun debitament informata dwar dan id-dritt.
30 Skont dan l-Istat Membru, l-argument tal-Kummissjoni li dan ir-riskju ta’ abbuż jista’ jiġi rrimedjat billi jiġi żgurat li avukat disponibbli jinħatar ex officio sabiex jipprovdi assistenza legali jekk l-avukat magħżul mill-persuna ssuspettata ma jkunx disponibbli jwassal sabiex l-Istati Membri jiġu mġiegħla, fuq il-bażi tad-Direttiva 2013/48, jassenjaw lill-imsemmija persuna avukat maħtur ex officio bħala parti mill-għajnuna legali, filwaqt li dan il-qasam ikun eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva bis-saħħa tal-Artikolu 11 tagħha.
31 Fin-nota ta’ intervent tagħha, l-Ungerija ssostni wkoll li l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ma timponix rekwiżit assolut ta’ preżenza tal-avukat waqt l-interrogazzjoni. F’dan ir-rigward, hija tqis li leġiżlazzjoni nazzjonali li tiggarantixxi lill-persuni ssuspettati “marġni ta’ manuvra suffiċjenti” sabiex jagħżlu avukat li jkun preżenti waqt l-interrogazzjoni tissodisfa dan ir-rekwiżit.
32 Fir-risposta tagħha għal din in-nota ta’ intervent, il-Kummissjoni tirribatti li, meta tiġi adita, il-Qorti EDB tevalwa każ b’każ l-ekwità globali tal-proċedura nazzjonali. Issa, mhux l-istess jgħodd fil-każ ta’ proċedura għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba ksur tal-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2013/48 Peress li din id-dispożizzjoni tiddefinixxi preċiżament il-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-applikazzjoni tad-drittijiet previsti fl-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, kull leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet tmur kontra dan l-Artikolu 3(6). B’hekk, l-inkompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mal-imsemmija direttiva hija biżżejjed, waħedha, sabiex jiġi stabbilit ksur tagħha, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi evalwata, f’kull każ speċifiku, l-ekwità globali tal-proċedura mmexxija fuq il-bażi ta’ dik il-leġiżlazzjoni nazzjonali.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
33 L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48 jistipula l-prinċipju fundamentali li l-persuni ssuspettati u l-persuni akkużati għandhom id-dritt ta’ aċċess għal avukat f’terminu u skont modalitajiet li jippermettulhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom b’mod konkret u effettiv (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2024, Stachev, C‑15/24 PPU, EU:C:2024:399, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34 Dan il-prinċipju huwa kkonkretizzat fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, li bis-saħħa tiegħu l-persuni ssuspettati u l-persuni akkużati għandhom ikollhom aċċess għal avukat mingħajr dewmien indebitu u, fi kwalunkwe każ, minn meta jseħħ l-ewwel minn erba’ avvenimenti speċifiċi elenkati fil-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva jippreċiża, fil-punti (a) sa (c) tiegħu, l-elementi inklużi fid-dritt ta’ aċċess għal avukat (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2024, Stachev, C‑15/24 PPU, EU:C:2024:399, punt 48).
35 Għalhekk, bis-saħħa tal-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati jkollhom id-dritt li l-avukat tagħhom ikun preżenti u jipparteċipa b’mod effettiv meta huma jiġu interrogati. Tali parteċipazzjoni għandha tkun konformi mal-proċeduri previsti mid-dritt nazzjonali, bil-kundizzjoni li tali proċeduri ma jippreġudikawx l-eżerċizzju effettiv u l-essenza nnifisha tad-drittijiet ikkonċernati.
36 Għalkemm mit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48, moqrija fid-dawl tal-premessa 25 ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-“parteċipazzjoni effettiva” tal-avukat fl-interrogazzjoni sseħħ konformement mar-regoli proċedurali previsti mid-dritt nazzjonali, dan ir-riferiment espliċitu għad-drittijiet tal-Istati Membri jirrigwarda biss l-imsemmija “parteċipazzjoni effettiva” u mhux it-terminu “preżenza”.
37 Minn dan jirriżulta, minn naħa, kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punti 44 u 45 tal-konklużjonijiet tagħha, li r-riferiment għar-regoli proċedurali nazzjonali magħmul mill-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48 jikkonċerna biss il-parteċipazzjoni effettiva tal-avukat fl-interrogazzjoni tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata. Dan ir-riferiment għalhekk ma huwiex intiż li jippermetti lill-Istati Membri jillimitaw, lil hinn mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(3)(b) ta’ din id-direttiva, il-preżenza nnifisha tal-avukat f’din l-interrogazzjoni, iżda huwa intiż biss li jipprevedi l-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tiegħu.
38 Min-naħa l-oħra, peress li d-Direttiva 2013/48 ma fiha ebda definizzjoni tat-terminu “preżenza”, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini li fir-rigward tagħhom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni u ma jirreferix għad-dritt tal-Istati Membri għandha tiġi stabbilita konformement mas-sens normali tagħhom fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmlu parti (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2026, Knocknamona u Massey, C‑27/25 u C‑356/25, EU:C:2026:596, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
39 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li, fis-sens normali tiegħu fil-lingwaġġ kurrenti, it-terminu “preżenza” jindika l-fatt li persuna tkun, bħala prinċipju, fiżikament jew materjalment f’post partikolari f’mument preċiż, filwaqt li l-antonimu ta’ dan it-terminu huwa dak ta’ “assenza”.
40 Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest li fih jintuża l-imsemmi terminu, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li dan jinsab b’mod partikolari fil-premessa 25 tad-Direttiva 2013/48, li tippreċiża li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati u l-persuni akkużati jkollhom dritt għall-preżenza tal-avukat tagħhom u għall-parteċipazzjoni effettiva tiegħu waqt l-interrogazzjoni tagħhom mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja, inkluż waqt is-seduti quddiem qorti.
41 Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 30 tagħha, jirriżulta li, fil-każ ta’ separazzjoni ġeografika tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mid-dritt li din il-persuna jkollha aċċess għal avukat mingħajr dewmien indebitu wara ċ-ċaħda tal-libertà tagħha, u biss matul il-fażi ta’ qabel il-proċess kriminali, iżda, matul iż-żmien li ddum din id-deroga temporanja, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx, b’mod partikolari, jinterrogaw lill-imsemmija persuna. Minn dan jirriżulta li l-“aċċess għas-servizzi ta’ avukat”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3, jeħtieġ, il-preżenza, bħala prinċipju fiżika, tiegħu waqt l-interrogazzjoni tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata.
42 Barra minn hekk, l-Artikolu 3(3)(a) tal-imsemmija direttiva, moqri fid-dawl tal-premessi 23 u 44 tagħha jiddikjara, essenzjalment, li l-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati għandu jkollhom id-dritt li jiltaqgħu fil-privat mal-avukat li jirrappreżentahom u li jikkomunikaw miegħu, fi kwalunkwe mument, inkluż qabel ma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew awtorità ġudizzjarja. Minn dan isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiddistingwi d-“dritt ta’ komunikazzjoni” ta’ dawn il-persuni mal-avukat tagħhom, li jista’ jiġi eżerċitat permezz ta’ mezzi ta’ telekomunikazzjoni, u d-“dritt tagħhom li jiltaqgħu” ma’ dan l-avukat, li jeżiġi, għall-kuntrarju, il-preżenza, bħala prinċipju fiżika, ta’ dan tal-aħħar. Dan japplika wkoll għall-preżenza tal-avukat matul l-interrogazzjoni, li fiha huwa għandu jkun jista’ jipparteċipa b’mod effettiv.
43 Finalment, fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttiva 2013/48, mill-premessi 4, 6 u 54 tagħha jirriżulta li din hija intiża, b’mod partikolari, li timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet kriminali, li jippreżupponi fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fis-sistemi ta’ ġustizzja kriminali rispettivi tagħhom. Minn dan jirriżulta wkoll li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tisħiħ ta’ din il-fiduċja reċiproka jeżiġi regoli ddettaljati fil-qasam tal-protezzjoni tal-garanziji u tad-drittijiet proċedurali li jirriżultaw b’mod partikolari mill-Karta kif ukoll mill-KEDB.
44 F’dan ir-rigward, il-Qorti EDB iddeċidiet li l-persuni ssuspettati għandhom jibbenefikaw mill-preżenza fiżika tal-avukat tagħha matul is-seduti inizjali mmexxija mill-pulizija u matul l-interrogazzjonijiet sussegwenti li jsiru matul il-proċedura ta’ qabel il-fażi tal-għoti tas-sentenza. Din il-preżenza għandha tippermetti lill-avukat jipprovdi lil din il-persuna assistenza mhux astratta, iżda effettiva u konkreta, u b’mod partikolari għandha tippermettilu jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-persuna ssuspettata interrogata ma jiġux ippreġudikati (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 9 ta’ Novembru 2018, Beuze vs Il‑Belġju, CE:ECHR:2018:1109JUD007140910, punt 134; Qorti EDB, 23 ta’ Mejju 2019, Doyle vs L‑Irlanda, CE:ECHR:2019:0523JUD005197917, punt 74; Qorti EDB, 4 ta’ Ġunju 2019, Farrugia vs Malta, CE:ECHR:2019:0604JUD006304113, punt 97, u Qorti EDB, 18 ta’ Jannar 2022, Atristain Gorosabel vs Spanja, CE:ECHR:2022:0118JUD001550815, punt 49).
45 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-kunċett ta’ “preżenza” ta’ avukat, fis-sens tal-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48, ifisser li l-persuni ssuspettati u l-persuni akkużati għandhom dritt għall-preżenza, bħala prinċipju fiżika, tal-avukat tagħhom waqt l-interrogazzjoni tagħhom.
46 B’dan premess, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali, il-preżenza tal-avukat tista’ tiġi żgurata permezz ta’ mezzi oħra, b’mod partikolari diġitali, bil-kundizzjoni li dawn jiggarantixxu l-eżerċizzju sħiħ u effettiv tad-drittijiet tad-difiża.
47 Madankollu, id-dritt għall-preżenza ta’ avukat waqt l-interrogazzjoni jista’ jkun suġġett għal derogi temporanji. Għalhekk, konformement mal-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2013/48, f’ċirkustanzi eċċezzjonali u biss fl-istadju ta’ qabel il-proċess kriminali, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-applikazzjoni tad-drittijiet previsti fl-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva sakemm dan ikun iġġustifikat fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, fuq il-bażi ta’ waħda miż-żewġ “raġunijiet konvinċenti” msemmija fil-punti (a) u (b) ta’ dan l-Artikolu 3(6). L-ewwel raġuni hija marbuta mal-eżistenza ta’ “ħtieġa urġenti li jkunu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna”. It-tieni raġuni tista’ tqum “fejn l-azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi tkun essenzjali biex jiġu evitati li l-proċedimenti kriminali jiġu pperikolati b’mod sostanzjali”.
48 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Ċeka sempliċement tipprevedi l-possibbiltà li l-persuna mqiegħda taħt detenzjoni tagħżel avukat li jista’ jkun preżenti għall-interrogazzjoni, bil-konsegwenza li din l-interrogazzjoni tista’ ssir mingħajr il-preżenza tal-avukat għas-sempliċi raġuni li min intgħażel ma jkunx disponibbli fis-sigħat ta’ wara t-tqegħid taħt detenzjoni.
49 Barra minn hekk, fir-rigward tal-istruzzjoni msemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, imressqa mir-Repubblika Ċeka, għandu jitfakkar, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implimentati b’saħħa vinkolanti inkontestabbli kif ukoll bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali li jeżiġi li, meta d-direttiva tkun intiża li toħloq drittijiet għall-individwi, il-benefiċjarji jitqiegħdu f’pożizzjoni li jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2025, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (Direttiva dwar l-informaturi), C‑152/23, EU:C:2025:147, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).
50 Min-naħa l-oħra, prattika nieqsa minn pubbliċità adegwata hija min-natura tagħha modifikabbli skont ir-rieda tal-amministrazzjoni, b’tali mod li ma tistax titqies li tikkostitwixxi eżekuzzjoni valida tal-obbligi li għandu Stat Membru bis-saħħa tat-Trattat FUE (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2025, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (Direttiva dwar l-informaturi), C‑152/23, EU:C:2025:147, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).
51 Minn dan isegwi li, kuntrarjament għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48, il-leġiżlazzjoni Ċeka ma tiggarantixxix il-preżenza ta’ avukat u l-parteċipazzjoni effettiva tiegħu fl-interrogazzjoni.
52 Għad irid jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni Ċeka tistax tiġi analizzata bħala deroga temporanja mill-obbligu msemmi fl-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48, li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(6) ta’ din id-direttiva F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka tqis li l-possibbiltà li l-persuna ssuspettata tiġi interrogata fl-assenza ta’ avukat hija ġġustifikata fid-dawl tar-riskju li, fin-nuqqas ta’ dan, il-proċeduri kriminali jiġu ostakolati. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 76(4) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, jekk, fi żmien 48 siegħa mit-tqegħid tagħha taħt detenzjoni, din il-persuna ma titressaqx quddiem qorti bil-għan li titressaq talba għal tqegħid taħt detenzjoni, hija jkollha tiġi rrilaxxata. Għalhekk huwa neċessarju li tiġi interrogata f’dan it-terminu, peress li, fil-każ ta’ rilaxx, hija tista’ taħrab jew tinterferixxi ma’ xhieda potenzjali.
53 Madankollu, fir-rigward tar-riskju ta’ ostakolu għall-proċeduri kriminali, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-Artikolu 67 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali huwa intiż li jistabbilixxi r-raġunijiet għalfejn jidher li huwa ġġustifikat li l-imsemmija persuna titqiegħed taħt detenzjoni pjuttost milli tiġi interrogata mingħajr il-preżenza ta’ avukat. Ebda waħda mir-raġunijiet iddikjarati minn din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ma tista’ titqies li tikkorrispondi għal waħda miż-żewġ “raġunijiet konvinċenti” msemmija, rispettivament, fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2013/48, li fuq il-bażi tagħhom l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-obbligu li jiggarantixxu d-dritt ta’ aċċess għal avukat. B’mod partikolari, sa fejn ir-Repubblika Ċeka ssemmi raġunijiet marbuta mar-riskju li jiġu kompromessi l-proċeduri kriminali, għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li l-Artikolu 3(6)(b) ta’ din id-direttiva jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu deroga temporanja minn dan id-dritt f’sitwazzjonijiet fejn “l-azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi tkun essenzjali biex jiġu evitati li l-proċedimenti kriminali jiġu pperikolati b’mod sostanzjali”, la l-għan u lanqas il-formulazzjoni tal-Artikolu 67 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali ma jippermettu li jitqies li din id-dispożizzjoni hija intiża li tistabbilixxi qafas, f’tali limiti, għal deroga mill-imsemmi dritt.
54 Issa, mill-istruttura kif ukoll mill-għanijiet tal-imsemmija direttiva jirriżulta li d-derogi temporanji li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu għad-dritt ta’ aċċess għal avukat huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 3(5) u (6) tagħha (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, VW (Dritt ta’ aċċess għal avukat fil-każ ta’ nuqqas ta’ dehra), C‑659/18, EU:C:2020:201, punt 42).
55 Fir-rigward tal-istruttura tad-Direttiva 2013/48, l-Artikolu 3(6) tagħha, bħala dispożizzjoni li tidderoga mill-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) sa (3) tagħha, għandu jiġi interpretat b’mod strett. Barra minn hekk, l-Artikolu 8 tal-istess direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni ta’ derogi temporanji”, ikopri biss, fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal avukat, id-derogi previsti fl-Artikolu 3(5) jew (6) tagħha. Il-premessi 30 sa 32 tad-Direttiva 2013/48 jirreferu wkoll għal dawn id-derogi biss (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, VW (Dritt ta’ aċċess għal avukat fil-każ ta’ nuqqas ta’ dehra), C‑659/18, EU:C:2020:201, punt 43).
56 Fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttiva 2013/48, mill-premessi 4 u 6 tagħha jirriżulta, minn naħa, li din hija intiża, b’mod partikolari, li ssaħħaħ il-fiduċja reċiproka tal-Istati Membri fis-sistemi rispettivi tagħhom ta’ ġustizzja kriminali sabiex b’hekk jimplimentaw il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet kriminali, li l-portata tagħhom tiddependi mill-qrib minn ċerti parametri, fosthom il-mekkaniżmi ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni ssuspettati jew tal-persuni akkużati. Min-naħa l-oħra, mill-premessi 8 u 52 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din hija intiża wkoll sabiex tiggarantixxi livell komuni ta’ dritt għal smigħ xieraq lill-persuni ssuspettati jew lill-persuni akkużati fl-Unjoni kollha, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal avukat fil-kuntest tal-proċeduri kriminali.
57 Issa, interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/48 fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu derogi oħra mid-dritt ta’ aċċess għal avukat li ma humiex elenkati b’mod eżawrjenti minn dan l-Artikolu 3, tmur kontra dawn l-għanijiet kif ukoll kontra l-istruttura ta’ din id-direttiva u l-kliem stess tal-imsemmi Artikolu 3 u ċċaħħad dan id-dritt mill-effett utli tiegħu (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, VW (Dritt ta’ aċċess għal avukat fil-każ ta’ nuqqas ta’ dehra), C‑659/18, EU:C:2020:201, punt 45).
58 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti, b’mod ġenerali, li l-persuni ssuspettati jiġu interrogati fl-assenza ta’ avukat jekk dan ma jkunx jista’ jiġi kkuntattjat jew ma jidhirx għall-interrogazzjoni fi żmien 48 siegħa mit-tqegħid taħt detenzjoni, ma taqax taħt ir-raġunijiet għal deroga temporanja minn dan id-dritt elenkati b’mod eżawrjenti mid-Direttiva 2013/48 u tikser, minħabba f’hekk, l-obbligu msemmi fl-Artikolu 3(6) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tagħha.
59 Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni mill-argument tar-Repubblika Ċeka li, peress li, konformement mal-leġiżlazzjoni Ċeka, l-interrogazzjoni tal-persuna ssuspettata għandha ssir fi żmien 48 siegħa wara t-tqegħid tagħha taħt detenzjoni, fejn din il-persuna għandha tiġi rrilaxxata wara li jiskadi dan it-terminu, huwa neċessarju, sabiex jiġi evitat kull ostakolu għall-proċeduri kriminali, li din il-persuna tiġi interrogata mingħajr ma jkun preżenti avukat sabiex jassistiha meta hija ma tkunx għażlet avukat jew meta l-avukat ma jkunx deher fit-terminu stabbilit. Fil-fatt, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, xejn ma jipprekludi lill-Istat Membru kkonċernat milli jiżgura li avukat li jkun jista’ jiġi kkuntattjat ikun jista’ jiġi assenjat lil din il-persuna f’tali ċirkustanzi.
60 Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ċeka, tali miżura ma tfissirx li l-Istati Membri jkunu qegħdin jiġu mġiegħla illegalment, fuq il-bażi tad-Direttiva 2013/48, jassenjaw lill-imsemmija persuna avukat maħtur ex officio bħala għajnuna legali, filwaqt li dan il-qasam huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.
61 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2016/1919 jirriżulta espressament li din tikkompleta d-Direttiva 2013/48, peress li d-dritt għall-għajnuna legali huwa marbut mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal avukat. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1)(a) sa (c) tad-Direttiva 2016/1919 jipprevedi li din tapplika għall-persuni ssuspettati u għall-persuni akkużati, fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, li jibbenefikaw mid-dritt ta’ aċċess għal avukat bis-saħħa tad-Direttiva 2013/48 u li huma mċaħħda mil-libertà, obbligati li jkunu assistiti minn avukat konformement mad-dritt tal-Unjoni jew mad-dritt nazzjonali, jew obbligati jew awtorizzati li jkunu preżenti għal ċerti miżuri investigattivi jew ta’ ġbir ta’ provi (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2025, Barało, C‑530/23, EU:C:2025:322, punt 53).
62 Issa, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2013/48 jipprevedi li l-persuni ssuspettati u l-persuni akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali għandhom, fi kwalunkwe każ, aċċess għal avukat f’erba’ każijiet, elenkati, rispettivament, fil-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni. Dan id-dritt għandu għalhekk jiġi ggarantit lilhom, l-ewwel nett, qabel ma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra ta’ infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja, it-tieni nett, meta jitwettqu ċerti miżuri ta’ investigazzjoni jew ta’ ġbir ta’ provi, it-tielet nett, mingħajr dewmien indebitu wara li jkunu ġew imċaħħda mil-libertà jew, ir-raba’ nett, fi żmien xieraq qabel id-dehra tagħhom quddiem qorti kompetenti.
63 Minn dan jirriżulta li l-okkorrenza, b’mod partikolari, tal-avveniment imsemmi fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2013/48, jiġifieri interrogazzjoni, tikkundizzjona mhux biss il-mument li fih jibda japplika d-dritt ta’ aċċess għal avukat, iżda wkoll, fl-istess waqt, l-applikabbiltà tad-Direttiva 2016/1919 u d-dritt għall-għajnuna legali stabbilita minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2025, Barało, C‑530/23, EU:C:2025:322, punt 55).
64 Huwa minnu li, mill-premessa 28 tad-Direttiva 2013/48 jirriżulta li, meta persuni ssuspettati jew persuni akkużati jinċaħdu mil-libertà tagħhom, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li tali persuni jkunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt ta’ aċċess għal avukat, b’mod partikolari billi jieħdu ħsieb li tingħatalhom għajnuna minn avukat meta dawn ma jkollhomx, suġġett għall-kundizzjoni li ma jkunux irrinunzjaw għal dan id-dritt.
65 Madankollu diversi għażliet, li josservaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2013/48, huma disponibbli għall-Istat Membru kkonċernat sabiex jindirizza r-riskju ta’ ostakolu għall-proċeduri kriminali li jirriżulta mill-assenza ta’ għażla ta’ avukat mill-persuna ssuspettata jew mill-fatt li l-avukat magħżul ma jkunx deher fit-terminu stabbilit. Qabel kollox, fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali msemmija fl-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2013/48, b’mod partikolari meta jkun imperattiv għall-awtoritajiet investigattivi li jaġixxu immedjatament sabiex jevitaw li jikkompromettu serjament il-proċeduri kriminali, dawn l-awtoritajiet jistgħu jipproċedu bl-interrogazzjoni fl-assenza ta’ avukat. Sussegwentement, jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfatti u jekk l-awtoritajiet kompetenti jqisu li xorta huwa neċessarju li ssir l-interrogazzjoni, huma jistgħu, sabiex jirrimedjaw l-assenza ta’ għażla ta’ avukat mill-persuna ssuspettata jew l-impossibbiltà għall-avukat magħżul li jkun preżenti għal din l-interrogazzjoni, jaħtru ex officio avukat disponibbli. Fl-aħħar nett, meta l-persuna ssuspettata tirrinunzja għad-dritt tagħha ta’ aċċess għal avukat fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, l-interrogazzjoni tista’ sseħħ ukoll fl-assenza ta’ avukat.
66 L-eżistenza ta’ dawn l-għażliet differenti tindika li r-rispett tad-dritt ta’ aċċess għal avukat previst fl-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48 ma jimplikax inevitabbilment l-obbligu, għall-Istat Membru kkonċernat, li jipprevedi l-ħatra ex officio ta’ avukat sabiex jassisti lill-persuna ssuspettata waqt l-interrogazzjoni tagħha. Barra minn hekk, tali ħatra ma timplikax neċessarjament li l-persuna ssuspettata għandha tibbenefika, bis-saħħa tad-Direttiva 2016/1919, minn għajnuna legali, ġaladarba din id-direttiva tipprevedi l-obbligu li tingħata tali għajnuna biss meta jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet.
67 Konsegwentement, ma jistax jiġi sostnut li t-tkomplija tal-interrogazzjoni fl-assenza tal-avukat tista’ tkun iġġustifikata miċ-ċirkustanza li l-assenza ta’ ħatra ta’ avukat mill-persuna ssuspettata jew il-fatt li dan tal-aħħar ma deherx fit-terminu stabbilit tista’ tikkostitwixxi miżura intiża sabiex ittawwal il-proċeduri min-naħa ta’ din il-persuna ssuspettata u tista’ tostakola l-proċeduri kriminali.
68 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, billi ma adottatx id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2013/48, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tagħha, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva.
Fuq l-ispejjeż
69 Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. . Peress li r-Repubblika Ċeka tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din l-istituzzjoni.
70 Skont l-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-proċeduri għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess. Konsegwentement, l-Ungerija għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Billi ma adottatx id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tagħha, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-imsemmija direttiva.
2) Ir-Repubblika Ċeka hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.
3) L-Ungerija għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.
Firem
* Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.