Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
22 ta’ Ottubru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika agrikola komuni – Skemi ta’ appoġġ dirett – Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014 – Artikolu 53(1) u (4) – Talba għal appoġġ akkoppjat marbut mal-produzzjoni għaż-żamma ta’ baqar li jreddgħu – Kundizzjonijiet għall-għoti tal-appoġġ – Sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll – Regolament Delegat (UE) Nru 640/2014 – Punt 2 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) – Kunċett ta’ ‘nuqqas ta’ konformità’ – Notifika tal-avvenimenti ta’ riproduzzjoni wara l‑31 ta’ Diċembru tas-sena kkonċernata – Artikolu 13(1) – Preżentazzjoni tardiva – Artikolu 30(3) – Tnaqqis tal-appoġġ akkoppjat fil-każ ta’ annimali mhux iddeterminati – Artikolu 30(4)(e) – Eċċezzjonijiet – Artikolu 31 – Sanzjonijiet amministrattivi”
Fil-Kawża C‑431/25 [Dérkei] (i),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ġunju 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Ġunju 2025, fil-proċedura
Agrárminiszter
vs
UZ,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn N. Fenger (Relatur), President tal-Awla, S. Rodin u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Biondi,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑13 ta’ Mejju 2026,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal UZ, minn A. Palatinus, ügyvéd,
– għall-Gvern Ungeriż, minn D. Csoknyai u Z. Fehér, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Bottka u M. Salyková, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU 2014, L 181, p. 1), kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/707 tat‑28 ta’ Frar 2018 (ĠU 2018, L 119, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Delegat Nru 639/2014”), kif ukoll tal-punti 2 u 5 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1), tal-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 30(4)(e) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 181, p. 48), kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/841 tad‑19 ta’ Frar 2021 (ĠU 2021, L 186, p. 12) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Delegat Nru 640/2014”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn UZ u l-Agrárminiszter (il-Ministru għall-Agrikoltura, l-Ungerija) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħti lil UZ għajnuna għaż-żamma ta’ baqar li jreddgħu.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013
3 L-Artikolu 67(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83), jipprevedi li:
“1. Kull Stat Membru għandu jwaqqaf u jħaddem sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll (is-‘sistema integrata’).
2. Is-sistema integrata għandha tapplika għall-iskemi ta’ appoġġ elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009(ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/1017 tal‑15 ta’ April 2021 (ĠU 2021, L 224, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-‘Regolament Nru 1307/2013’)] […]”
Ir-Regolament Nru 1307/2013
4 Ir-Regolament Nru 1307/2013 jinkludi t-Titolu IV, intitolat “Għajnuna akkoppjata”, li fih jinsab il-Kapitolu 1, intitolat “Appoġġ akkoppjat volontarju”, li jinkludi l-Artikolu 52, intitolat “Regoli ġenerali”, li jipprevedi:
“1. L-Istati Membri jistgħu jagħtu appoġġ akkoppjat lill-bdiewa skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Kapitolu (f’dan il-Kapitolu msejjaħ ‘appoġġ akkoppjat’).
[…]
6. L-appoġġ akkoppjat huwa skema li tillimita l-produzzjoni li għandha tieħu l-forma ta’ pagament annwali ibbażat fuq żoni u rendimenti fissi jew fuq numru fiss ta’ annimali u għandu jirrispetta l-limiti massimi finanzjarji li għandhom jiġu determinati mill-Istati Membri għal kull miżura u nnotifikati lill-Kummissjoni [Ewropea].
[…]
9. Biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti u mmirat tal-fondi tal-Unjoni u biex jiġi evitat finanzjament doppju taħt strumenti ta’ appoġġ simili, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta l-atti ddelegati skont l-Artikolu 70 li jistipulaw:
(a) il-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ appoġġ akkoppjat;
[…]”
5 L-Anness I tar-Regolament Nru 1307/2013 jinkludi lista tal-iskemi ta’ appoġġ li fosthom hemm l-appoġġ akkoppjat fakultattiv.
Ir‑Regolament (UE) 2016/429
6 Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU 2016, L 84, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2017, L 57, p. 65, fil-ĠU 2020, L 84, p. 24 u fil-ĠU 2021, L 48, p. 3), emenda r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 30, p. 248).
7 Skont l-Artikolu 271 tar-Regolament 2016/429, l-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament Nru 1760/2000 kif ukoll l-atti adottati abbażi tagħhom għandhom jibqgħu japplikaw sa tliet snin wara d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament 2016/429, stabbilita fl-Artikolu 283 tiegħu għall‑21 ta’ April 2021. Madankollu, l-Artikolu 87 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 tat‑28 ta’ Ġunju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u t-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis (ĠU 2019, L 314, p. 115, rettifika fil-ĠU 2020, L 191, p. 3, fil-ĠU 2020, L 267, p. 5 u fil-ĠU 2023, L 17, p. 101), ippreveda li dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1760/2000 kif ukoll l-atti adottati abbażi tagħhom għandhom jibqgħu japplikaw sal‑21 ta’ April 2021.
8 L-Artikolu 108 tar-Regolament 2016/429 jipprevedi li:
“1. L-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ dawk l-ispeċijiet ta’ annimali terrestri miżmuma li għalihom tkun meħtieġa sistema bħal din minn dan ir-Regolament u minn kwalunkwe regola adottata skontu. Din is-sistema għandha, fejn adatt, tipprevedi li jiġu rreġistrati l-movimenti ta’ dawn l-annimali.
[…]”
5. L-Istati Membri jistgħu, meta xieraq:
(a) Jużaw is-sistema prevista fil-paragrafu 1 b’mod sħiħ jew parzjalment għal finijiet minbarra dawk imsemmijin fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 4;
9 L-Artikolu 109(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:
“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu database kompjuterizzata, tal-inqas għar-reġistrazzjoni ta’:
[…]”
Ir-Regolament Delegat Nru 639/2014
10 L-Artikolu 53 tar-Regolament Delegat Nru 639/2014, intitolat “Kundizzjonijiet għall-għoti tal-appoġġ”, jipprevedi li:
“1. L-Istati Membri għandhom jistipulaw kriterji tal-eliġibbiltà għall-miżuri tal-appoġġ akkoppjat f’konformità mal-qafas stipulat fir-Regolament [Nru 1307/2013] u mal-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament.
[…]
4. Fejn il-miżura ta’ appoġġ akkoppjat tikkonċerna annimali bovini u/jew ovini u kaprini, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu, bħala kundizzjoni għall-eliġibbiltà għall-appoġġ, ir-rekwiżiti għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali stipulati fir-[Regolament Nru 1760/2000] jew fir-Regolament (KE) Nru 21/2004 [tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-ammiali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttiva 91/102/KEE u 64/432/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 42, p. 56, rettifika fil-ĠU 2016, L 116, p. 39)).
Madankollu, mingħajr preġudizzju għal kundizzjonijiet oħra ta’ eliġibbiltà, annimal għandu jitqies ukoll eliġibbli għall-appoġġ meta r-rekwiżiti tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni msemmijin fl-ewwel sottoparagrafu jiġu ssodisfati sa data li għandha tiġi stabbilita mill-Istat Membru u li ma għandhiex tkun iktar tard:
(a) mill-ewwel jum tal-perjodu taż-żamma tal-annimal, meta jiġi applikat perjodu taż-żamma;
(b) minn data magħżula abbażi ta’ kriterji oġġettivi u konsistenti mal-miżura korrispondenti nnotifikata skont l-Anness I, meta ma jiġi applikat l-ebda perjodu taż-żamma.
Sal‑15 ta’ Settembru 2015, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-dati msemmija fit-tieni sottoparagrafu.”
11 L-Anness I tar-Regolament Delegat Nru 639/2014, intitolat “Kontenut tal-informazzjoni li trid tiġi sottomessa lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 67(1)”, jipprovdi, fil-punt 3(f) tiegħu, li din l-informazzjoni għandha tinkludi deskrizzjoni ta’ kull miżura ta’ appoġġ li tinkludi mill-inqas il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà applikabbli.
Ir-Regolament Delegat Nru 640/2014
12 Il-premessi 15 u 28 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jiddikjaraw li:
“(15) Huwa indispensabbli li jiġu rispettati l-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna, talbiet għall-pagamenti u dikjarazzjonijiet oħra, għall-emenda tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-erja jew talbiet għall-pagamenti, u għal kwalunkwe dokument jew kuntratt ta’ appoġġ, sabiex ikun possibbli għall-awtoritajiet nazzjonali li jipprogrammaw u, sussegwentement, iwettqu kontrolli effettivi dwar il-korrettezza tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna, it-talbiet għall-pagamenti jew dokumenti oħrajn. Għalhekk, għandhom jitfasslu regoli fir-rigward tal-limiti ta’ żmien li fihom l-applikazzjonijiet li jintbagħtu tard jistgħu jiġu aċċettati. Sabiex il-benefiċjarji jitħeġġu jirrispettaw il-limiti ta’ żmien, għandu jiġi applikat tnaqqis dissważiv f’każ ta’ preżentazzjoni tard, sakemm l-ittardjar ma jkunx dovut għal każijiet ta’ force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali.
[…]
(28) Sa fejn huma kkonċernati l-applikazzjonijiet għall-għajnuna taħt l-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew it-talbiet għall-pagament li jaqgħu taħt il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali, in-nuqqasijiet ta’ konformità jwasslu għall-ineliġibbiltà tal-annimal ikkonċernat. Tnaqqis varju għandu jiġi stipulat sa mill-ewwel annimal li jinstab b’nuqqas ta’ konformità iżda, irrispettivament mil-livell ta’ tnaqqis, għandu jkun hemm penali amministrattiva inqas ħarxa meta tliet annimali jew inqas jinstabu b’nuqqasijiet ta’ konformità. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, is-severità tal-penali amministrattivi għandha tiddependi fuq il-perċentwal tal-annimali li jinstabu b’nuqqasijiet ta’ konformità.”
13 L-Artikolu 2 tal-istess regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li:
“Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:
[…]
(2) ‘nuqqas ta’ konformità’ tfisser:
(a) għall-kriterji ta’ eliġibbiltà, l-impenji jew obbligi oħra relatati mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna jew l-appoġġ imsemmi fl-Artikolu 67(2) tar-Regolament [Nru 1306/2013], kwalunkwe nuqqas ta’ ħarsien ta’ dawn il-kriterji ta’ eliġibbiltà, impenji jew obbligi oħra; jew
[…]
(5) ‘dikjarazzjoni oħra’ tfisser kwalunkwe dikjarazzjoni jew dokument, minbarra l-applikazzjonijiet għal appoġġ jew it-talbiet għall-pagament, li għandhom jiġu ppreżentati jew miżmuma mill-benefiċjarju jew parti terza sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti speċifiċi ta’ ċerti miżuri għall-iżvilupp rurali;
[…]
(9) ‘bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali’ tfisser il-bażi tad-dejta kompjuterizzata li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(b) u fl-Artikolu 5 tar-Regolament [Nru 1760/2000] u/jew ir-reġistru ċentrali jew il-bażi tad-dejta kompjuterizzata msemmija fl-Artikolu 3(1)(d), l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8 tar-Regolament [Nru 21/2004] rispettivament;
[…]
(13) ‘skema ta’ għajnuna għall-annimali’ tfisser miżura ta’ appoġġ akkoppjat u volontarju prevista fil-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament [Nru 1307/2013] fejn il-pagament annwali li għandu jingħata fi ħdan limiti kwantitattivi ddefiniti huwa bbażat fuq għadd fiss ta’ annimali;
[…]
(15) ‘applikazzjoni ta’ għajnuna għall-bhejjem’ tfisser l-applikazzjonijiet għall-pagamenti tal-għajnuna fejn il-pagament annwali li għandu jingħata fi ħdan limiti kwantitattivi ddefiniti huwa bbażat fuq għadd fiss ta’ annimali taħt l-appoġġ akkoppjat u volontarju previst fil-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament [Nru 1307/2013];
(16) ‘annimali ddikjarati’ tfisser l-annimali soġġetti għal għajnuna għall-bhejjem taħt l-iskema ta’ għajnuna għall-annimali jew soġġetti għal talba għall-pagament għal miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali;
[…]
(18) ‘annimal determinat”’ tfisser:
(a) għal skema ta’ għajnuna għall-annimali, annimal li fil-każ tiegħu jkunu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha stipulati fir-regoli għall-għoti tal-għajnuna; jew
(b) għal miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali, annimal identifikat permezz ta’ verifiki amministrattivi jew verifiki fuq il-post;
[…]”
14 L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 640/2014 huwa fformulat kif ġej:
“Ħlief f’każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 4, il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament skont dan ir-Regolament wara d-data finali ta’ din il-preżentazzjoni kif iffissata mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament [Nru 1306/2013], għandha twassal għal tnaqqis ta’ 1 % għal kull jum ta’ xogħol fl-ammonti li l-benefiċjarju kien ikun intitolat għalihom kieku l-applikazzjoni jew it-talba kienet ippreżentata fi ħdan il-limitu taż-żmien.
Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura partikolari li għandha tittieħed mill-Istati Membri fir-rigward tal-ħtieġa tal-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe dokument ta’ appoġġ fi żmien xieraq li jippermetti li jiġu skedati u mwettqa kontrolli effettivi, l-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għal appoġġ, dokumenti, kuntratti jew dikjarazzjonijiet oħra li għandhom jiġu ppreżentati lill-awtorità kompetenti meta tali applikazzjonijiet għal appoġġ, dokumenti, kuntratti jew dikjarazzjonijiet, ikunu kostituttivi għall-eliġibbiltà għall-għajnuna jew l-appoġġ ikkonċernati. F’dak il-każ, it-tnaqqis għandu jiġi applikat fuq l-ammont pagabbli għall-għajnuna jew l-appoġġ ikkonċernati.
Jekk dewmien bħal dan jammonta għal aktar minn 25 jum kalendarju, l-applikazzjoni jew it-talba għandha titqies bħala inammissibbli u ma għandhom jingħataw ebda għajnuna jew appoġġ lill-benefiċjarju.”
15 It-Titolu II ta’ dan ir-regolament delegat, intitolat “Is-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll”, jinkludi l-Kapitolu IV, intitolat “Kalkolu tal-għajnuna u tal-penali amministrattivi relatati mal-iskemi ta’ pagamenti diretti u miżuri għall-iżvilupp rurali fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema integrata”. Dan il-kapitolu jiġbor fih l-Artikoli 15 sa 34.
16 L-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament delegat, intitolat “Eċċezzjonijiet mill-applikazzjoni tal-penali amministrattivi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:
“Il-penali amministrattivi previsti f’dan il-Kapitolu ma għandhomx japplikaw fir-rigward tal-parti tal-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament li dwarhom il-benefiċjarju jinforma lill-awtorità kompetenti bil-miktub li l-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament hija inkorretta jew saret inkorretta minn meta ġiet ippreżentata, sakemm il-benefiċjarju ma jkunx ġie avżat bl-intenzjoni tal-awtorità kompetenti li twettaq verifika fuq il-post u li l-awtorità ma tkunx diġà infurmat lill-benefiċjarju b’xi nuqqasijiet ta’ konformità fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament.”
17 L-Artikolu 30(3) u (4) tal-istess regolament delegat, li jinsab fil-Kapitolu IV tiegħu, fit-Taqsima 4 ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Appoġġ akkoppjat u volontarju bbażat fuq applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-bhejjem taħt l-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew l-appoġġ għall-iżvilupp rurali bbażat fuq talbiet għall-pagament li jaqgħu taħt il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali”, jipprovdi li:
“3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 31, jekk l-għadd ta’ annimali ddikjarati f’applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament jaqbeż dak stabbilit bħala riżultat ta’ kontrolli amministrattivi jew verifiki fuq il-post, l-għajnuna jew l-appoġġ għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-annimali stabbiliti.
[…]
4. Fejn jinstabu każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni għall-annimali bovini, ovini u kaprini għandhom japplikaw dawn li ġejjin:
[…]
(d) meta n-nuqqas ta’ konformità li jinstab jirrigwarda entrati żbaljati fir-reġistru, fil-passaporti tal-bhejjem jew fil-bażi tad-data kompjuterizzata għall-annimali, iżda ma jkunx rilevanti għall-verifika tar-rispett tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 53(4) tar-Regolament ta’ Delega [Nru 639/2014] fil-qafas tal-iskema ta’ għajnuna jew tal-miżura ta’ appoġġ ikkonċernati, l-annimal ikkonċernat għandu jitqies biss bħala mhux stabbilit jekk jinstabu entrati żbaljati bħal dawn f’minn tal-inqas żewġ verifiki f’perjodu ta’ 24 xahar. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-annimali kkonċernati għandhom jitqiesu bħala mhux stabbiliti wara l-ewwel sejba;
(e) meta n-nuqqasijiet ta’ konformità misjuba jkunu relatati ma’ notifiki tard ta’ avvenimenti tal-annimali fil-bażi tad-data kompjuterizzata, l-annimal ikkonċernat għandu jitqies bħala ddeterminat jekk in-notifika tkun seħħet qabel il-bidu tal-perjodu taż-żamma jew qabel id-data ta’ referenza stabbilita skont l-Artikolu 53(4) tar-Regolament ta’ Delega [Nru 639/2014].”
18 L-Artikolu 31(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, intitolat “Penali amministrattivi fir-rigward ta’ annimali fil-qafas tal-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew tal-miżuri ta’ appoġġ marbuta mal-annimali”, huwa fformulat kif ġej:
“1. L-ammont totali ta’ għajnuna jew appoġġ li għalih huwa intitolat il-benefiċjarju skont skema ta’ għajnuna għall-annimali jew miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali jew tip ta’ operazzjoni taħt tali miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata għandu jitħallas abbażi tal-għadd ta’ annimali stabbilit skont l-Artikolu 30(3), dment li wara l-verifiki amministrattivi jew il-kontrolli fuq il-post:
[…]
2. […]
Jekk il-perċentwal stabbilit skont il-paragrafu 3 ikun iżjed minn 50 %, l-ebda għajnuna jew appoġġ li għalihom kieku l-benefiċjarju jkun intitolat skont l-Artikolu 30(3) ma għandhom jingħataw fil-qafas tal-iskema ta’ għajnuna jew tal-miżura ta’ appoġġ jew tat-tip ta’ operazzjoni fil-qafas ta’ din il-miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jkun soġġett għal penali addizzjonali ta’ ammont li jkun daqs l-ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-għadd ta’ annimali ddikjarati u l-għadd ta’ annimali stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 30(3). […]
[…]
3. Sabiex jiġu stabbiliti l-perċentwali msemmija fil-paragrafu 2, l-għadd ta’ annimali ta’ skema ta’ għajnuna jew miżura ta’ appoġġ jew tip ta’ operazzjoni li jinstab li ma jkunx determinat għandu jiġi diviż bl-għadd ta’ annimali determinati għal dik l-iskema ta’ għajnuna jew miżura ta’ appoġġ jew tip ta’ operazzjoni taħt tali miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata.”
Id-dritt Ungeriż
Id-Digriet Ministerjali Nru 5/2015
19 L-Artikolu 7(2b) tal- az Európai Mezőgazdasági Garancia Alapból finanszírozott egységes területalapú támogatás, valamint az ahhoz kapcsolódó átmeneti nemzeti támogatás igénybevételével kapcsolatos egyes kérdésekről szóló 5/2015. (II. 19.) FM rendelet [id-Digriet Ministerjali Nru 5/2015. (II. 19.) dwar Ċerti Kwistjonijiet Relatati mal-Aċċess għall-Pagament Uniku skont l-Erja Ffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija kif ukoll għall-Għajnuna Nazzjonali Tranżitorja Marbuta mal-Pagament Uniku (iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali Nru 5/2015”)] jipprevedili:
“Matul il-kontroll amministrattiv li jirrigwarda l-annimali li għalihom tintalab għajnuna skont dan id-digriet, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli għall-għajnuna biss l-avvenimenti ta’ riproduzzjoni (inkluż it-tgħammir poliġiniku u t-tgħammir liberu) li jkunu ġew innotifikati lis-sistema ta’ monitoraġġ tar-riproduzzjoni, mingħajr żbalji, sal‑31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ riferiment, permezz tal-formola u fil-forma previsti għal dan il-għan, u l-għajnuna tista’ tiġi stabbilita biss billi tittieħed inkunsiderazzjoni din id-data.”
20 L-Artikolu 13(3)(c) ta’ dan id-digriet jipprovdi li:
“L-għoti ta’ appoġġ akkoppjat marbut maż-żamma ta’ baqar li jreddgħu huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-bidwi […] jiżgura r-reġistrazzjoni, fil-bażi tad-data ċentralizzata, tal-fertilizzazzjonijiet (tgħammir), tat-tgħammir poliġiniku u tat-tgħammir liberu, kif ukoll tat-trapjanti tal-embrijuni li wasslu għat-twelidijiet li seħħew bejn l‑1 ta’ Jannar tas-sena ta’ riferiment u l-iskadenza tal-perijodu ta’ żamma.”
21 L-Artikolu 16(1) sa (3) tal-istess digriet jipprevedi li:
“(1) Matul il-kontroll tal-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 59 tar-Regolament [Nru 1306/2013], kif ukoll tal-Artikolu 42 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni [tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas‑17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 227, p. 69)].
(2) Matul il-kontrolli, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, għandha, meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-għajnuna, tiġi applikata l-proċedura prevista fl-Artikoli 30 sa 32, kif ukoll fl-Artikolu 34, tar-Regolament Delegat [Nru 640/2014].
(3) Matul il-kontroll amministrattiv li jirrigwarda l-annimali u t-trobbija, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-għoti ta’ għajnuna, biss id-data li tkun ġiet iddikjarata fir-reġistru tas-sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni individwali tal-ispeċi bovini u li tkun tinsab f’dan ir-reġistru.”
Id-Digriet Ministerjali Nru 9/2015
22 L-Artikolu 4(2), (4) u (5) tal-a termeléshez kötött közvetlen támogatások igénybevételének szabályairól szóló 9/2015. (III. 13.) FM rendelet [id-Digriet Ministerjali Nru 9/2015. (III. 13.) dwar il-Modalitajiet għall-Użu tal-Għajnuna Diretta Akkoppjata mal-Produzzjoni (iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali Nru 9/2015”)] jipprovdi li:
“(2) Il-Magyar Államkincstár (it-Teżor Pubbliku, l-Ungerija) jagħti d-deċiżjonijiet tiegħu dwar l-għajnuna wara li jitwettqu l-kontrolli previsti mir-Regolament [Nru 1306/2013], mir-Regolament Delegat [Nru 640/2014] u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni [Nru 809/2014], u filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni r-regoli dwar it-tnaqqis u s-sanzjonijiet l-oħra previsti fihom.
[…]
(4) Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, inklużi l-kundizzjonijiet tal-kundizzjonalità, ikkonstatat matul il-kontrolli, għandhom, meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-għajnuna, jiġu applikati l-konsegwenzi legali previsti fl-Artikoli 13, 15, 30 sa 32, 34 u 37 sa 41 tar-Regolament Delegat [Nru 640/2014] fir-rigward tal-għajnuna prevista fil-Kapitolu II, u l-konsegwenzi legali previsti fl-Artikoli 13 u 15 sa 19 ta’ dan ir-regolament fir-rigward tal-għajnuna prevista fil-Kapitolu III.
(5) Matul il-kontroll tal-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, għandhom jiġu applikati l-konsegwenzi legali previsti fl-Artikoli 24 sa 29, 30(e), 33 sa 36, 42 u 43 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni [Nru 809/2014] fir-rigward tal-għajnuna prevista fil-Kapitolu II, u l-konsegwenzi legali previsti fl-Artikoli 24 sa 29, 30(e) u 34 sa 41 ta’ dan ir-regolament fir-rigward tal-għajnuna prevista fil-Kapitolu III.”
23 Il-formulazzjoni tal-Artikolu 9(6a) ta’ dan id-digriet hija identika għal dik tal-Artikolu 7(2b) tad-Digriet Nru 5/2015.
24 L-Artikolu 11(1)(d) tad-Digriet Ministerjali Nru 9/2015 jipprevedi li:
“Jista’ jibbenefika minn għajnuna għaż-żamma ta’ baqar li jreddgħu l-bidwi […] [li] jiżgura r-reġistrazzjoni, fil-bażi tad-data ċentralizzata, tal-fertilizzazzjonijiet (tgħammir), tat-tgħammir poliġiniku u tat-tgħammir liberu, kif ukoll tat-trapjanti tal-embrijuni li wasslu għat-twelidijiet li seħħew bejn l‑1 ta’ Jannar tas-sena ta’ riferiment u l-iskadenza tal-perijodu ta’ żamma[.]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
25 UZ jeżerċita attività fit-trobbija ta’ baqar li jreddgħu u jwettaq riproduzzjonijiet permezz ta’ tgħammir poliġiniku fl-azjenda agrikola tiegħu.
26 Permezz ta’ talba unika ppreżentata fl‑4 ta’ Mejju 2022, u sussegwentement emendata fil‑5 ta’ Awwissu 2022, UZ ressaq quddiem it-Teżor Pubbliku talba għal għajnuna tranżitorja marbuta maż-żamma ta’ 69 baqra li tredda’, abbażi tad-Digriet Ministerjali Nru 5/2015, kif ukoll talba għal appoġġ akkoppjat marbut maż-żamma ta’ dawn l-istess baqar, abbażi tad-Digriet Ministerjali Nru 9/2015.
27 Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑31 ta’ Mejju 2023 u tat‑23 ta’ Ġunju 2023, it-Teżor Pubbliku ċaħad din it-talba unika u ordna li jitnaqqsu mill-ammonti tal-għajnuna li kellhom jiġu ddeterminati fil-futur is-somom ta’ 864 743 forint Ungeriż (HUF) u ta’ 2 727 785 HUF, rispettivament, kif ukoll multa li għandha tiġi rkuprata b’mod differit, imposta fuq UZ, fl-ammonti ta’ 701 820 HUF u ta’ 1 862 878 HUF, rispettivament.
28 Fit‑13 ta’ Frar 2024, il-Ministru għall-Agrikoltura kkonferma d-deċiżjonijiet tat-Teżor Pubbliku. Huwa indika li l-kontrolli amministrattivi kienu ppermettew li jiġi kkonstatat li t-talbiet ta’ UZ kienu konformi mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna fir-rigward ta’ 41 annimal u li ma kinux konformi ma’ dawn il-kundizzjonijiet fir-rigward ta’ 28 annimal. Fil-fatt, in-notifika tal-avvenimenti ta’ riproduzzjoni relatati ma’ dawn l-aħħar annimali, li seħħew permezz ta’ tgħammir poliġiniku bejn l‑1 ta’ Ġunju u l‑31 ta’ Diċembru 2022, twettqet tard, jiġifieri fit‑3 ta’ Jannar 2023, u għalhekk wara d-data ta’ skadenza tal‑31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ riferiment, prevista fl-Artikolu 7(2b) tad-Digriet Ministerjali Nru 5/2015 u fl-Artikolu 9(6a) tad-Digriet Ministerjali Nru 9/2015. Barra minn hekk, peress li d-differenza bejn in-numru ta’ annimali ddikjarati u n-numru ta’ annimali ammessi għall-benefiċċju tal-għajnuna kienet ta’ iktar minn 50 % (68.29 %), UZ ma kellux dritt għall-għoti ta’ din l-għajnuna u kien suġġett għal multa li kellha tiġi rkuprata b’mod differit, skont il-punt (e) tal-Artikolu 30(4) u l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014.
29 Adita b’rikors minn UZ, il-qorti tal-ewwel istanza annullat id-deċiżjonijiet tal-Ministru għall-Agrikoltura u tat-Teżor Pubbliku u ordnat lil dan tal-aħħar jibda proċedura ġdida. Hija rrilevat li l-avvenimenti ta’ riproduzzjoni relatati ma’ 28 annimal kienu ġew innotifikati tard. Madankollu, hija qieset li t-Teżor Pubbliku kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014. Konsegwentement, din il-qorti stiednet lil dan tal-aħħar, fil-kuntest tal-proċedura wara li l-kawża ntbagħtet lura, sabiex ma jikklassifikax annimali bħala mhux iddeterminati għas-sempliċi raġuni li l-avvenimenti ta’ riproduzzjoni relatati magħhom ma kinux ġew innotifikati sal‑31 ta’ Diċembru 2022, jekk jiġi stabbilit li d-dewmien ma jaqbiżx it-terminu indikat fl-aħħar sentenza ta’ din id-dispożizzjoni.
30 Il-Ministru għall-Agrikoltura ppreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra s-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza quddiem il-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija), li hija l-qorti tar-rinviju. Huwa jikkontesta l-applikabbiltà tal-imsemmija dispożizzjoni f’din il-kawża għar-raġuni li, peress li la t-talba għal għajnuna ta’ UZ u lanqas id-dokumenti ta’ sostenn tagħha ma ġew ippreżentati tard, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 ma japplikax u l-effetti tiegħu ma jestendux għan-notifiki lis-sistemi speċjalizzati operati min-Nemzeti Élelmiszerlánc Biztonsági Hivatal (l-Uffiċċju Nazzjonali għas-Sigurtà tal-Katina Alimentari, l-Ungerija), bħas-sistema ta’ monitoraġġ tar-riproduzzjoni.
31 Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-avvenimenti ta’ riproduzzjoni għandhom jiġu nnotifikati lill-Uffiċċju Nazzjonali għas-Sigurtà tal-Katina Alimentari u rreġistrati fis-sistema ta’ monitoraġġ tar-riproduzzjoni permezz ta’ formola mqiegħda għad-dispożizzjoni minn dan l-uffiċċju. Din il-formola għandha tinkludi l-elementi uniċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali tal-ifrat imrobbija u tal-annimali tal-ifrat imgħammra, kif ukoll id-dati tal-bidu u tat-tmiem tar-riproduzzjoni. Id-data inkluża fin-notifiki tidher fis-sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni individwali tal-ispeċi bovini.
32 Din il-qorti tirrileva li l-obbligu li jiġu nnotifikati l-avvenimenti kollha ta’ riproduzzjoni bħala kundizzjoni għall-għoti tal-għajnuna marbuta maż-żamma ta’ baqar li jreddgħu huwa intiż li jiggarantixxi li huma biss l-azjendi agrikoli li josservaw b’mod permanenti mhux biss il-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna fis-sens strett, iżda wkoll ir-regoli dwar l-obbligi professjonali b’mod ġenerali, li jibbenefikaw minn tali għajnuna. Madankollu, fid-dawl tal-għan ta’ din l-għajnuna, l-irregolarità mwettqa minn detentur ta’ annimali li jiddikjara avveniment ta’ riproduzzjoni mhux assoċjat ma’ twelid li jkun seħħ matul is-sena ta’ riferiment biss wara t-tmiem ta’ din is-sena tista’ titqies bħala mhux determinanti. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li n-notifiki magħmula tard minn UZ ma jistgħux jirrigwardaw twelidijiet li seħħew matul is-sena 2022, peress li l-għoġġiela kkonċepiti matul it-tgħammir poliġiniku li beda fl‑1 ta’ Ġunju 2022 u ntemm fil‑31 ta’ Diċembru 2022 setgħu jitwieldu biss wara din is-sena ta’ riferiment.
33 Il-konsegwenzi legali tan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għan-notifika għandhom, skont l-Artikolu 16(1) sa (3) tad-Digriet Ministerjali Nru 5/2015 u l-Artikolu 4(2), (4) u (5) tad-Digriet Ministerjali Nru 9/2015, jiġu ddeterminati abbażi tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li għalihom jirreferu dawn id-dispożizzjonijiet.
34 Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 30(4)(d) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 ma huwiex applikabbli f’dan il-każ peress li n-notifika ma hija vvizzjata b’ebda żball, kif jirrikonoxxi wkoll il-Ministru għall-Agrikoltura. Barra minn hekk, l-Artikolu 30(4)(e) ta’ dan ir-regolament delegat lanqas ma huwa applikabbli peress li d-data tal‑31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ riferiment ma tistax tikkorrispondi għal data ta’ riferiment stabbilita konformement mal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014 meta t-tgħammir tal-annimali tal-ifrat jintemm f’din id-data jew warajha. Għaldaqstant, ma jkunx possibbli li jiġi rrifjutat l-għoti tal-ammont totali tal-għajnuna mitluba u li tiġi imposta sanzjoni li għandha tiġi rkuprata bin-nifs peress li l-annimali kkonċernati ma jistgħux jitqiesu bħala mhux iddeterminati.
35 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kúria (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Il-punt 2 tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat [Nru 640/2014] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-annimali ma jistgħux jitqiesu li ma għandhomx il-kwalità ta’ annimali speċifiċi jew li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għall-għoti tal-għajnuna fil-każ fejn in-notifika tkun saret wara t-tmiem tas-sena korrispondenti għat-tgħammir poliġiniku jew liberu li tispiċċa fil‑31 ta’ Diċembru ta’ din is-sena jew li testendi lil hinn minn din id-data, anki jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-għajnuna tistabbilixxi wkoll il‑31 ta’ Diċembru tas-sena tal-għajnuna bħala d-data finali (ta’ riferiment) għan-notifika ta’ dawn ir-riproduzzjonijiet, peress li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-trobbija u r-riproduzzjoni tal-annimali tal-ifrat la jistabbilixxu data u lanqas terminu għan-notifika lir-reġistru tal-avvenimenti riproduttivi?
2) Il-punt 2 tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, kont tenut tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat [Nru 639/2014], għandu jiġi interpretat fis-sens li d-data tal‑31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ għajnuna ma tistax tiġi aċċettata bħala d-data ta’ riferiment msemmija fl-Artikolu 30(4)(e) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, stabbilita konformement mal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014, għat-tgħammir liberu u poliġiniku li jintemm f’din id-data jew wara din id-data?
3) Fil-każ li l-annimali kkonċernati minn dan it-tip ta’ riproduzzjoni għandhom jitqiesu bħala mhux iddeterminati u fejn għandu jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, huwa rilevanti, għall-finijiet tal-konsegwenzi legali ta’ din il-konstatazzjoni, il-fatt li l-annimal ikkonċernat ikun, skont il-każ, affettwat matul is-sena inkwistjoni minn avveniment riproduttiv li kien innotifikat għal perijodu preċedenti jew li, fid-dawl tat-tul tal-ġestazzjoni, il-ħlas kien ikun impossibbli matul is-sena inkwistjoni minħabba li l-avveniment riproduttiv seħħ wara din is-sena?
4) Fil-każ li l-annimali kkonċernati ma jistgħux jitqiesu bħala mhux iddeterminati għall-finijiet tal-għajnuna, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, moqri fid-dawl tal-punti 2 u 5 tal-Artikolu 2(1) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sanzjoni li tikkonsisti fi tnaqqis tal-ammont tal-għajnuna ta’ 1 % għal kull jum ta’ xogħol minħabba l-preżentata tard tal-applikazzjoni għal għajnuna u tad-dokumenti ta’ sostenn, kuntratti jew dikjarazzjonijiet oħra li fuqhom hija bbażata din l-applikazzjoni tapplika wkoll fil-każ ta’ notifika lir-reġistru, wara l‑31 ta’ Diċembru tas-sena tal-għajnuna, ta’ avvenimenti riproduttivi ta’ annimali tal-ifrat li ma jkunux taw lok għal ħlas?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
36 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm każ ta’ nuqqas ta’ konformità meta l-avvenimenti ta’ riproduzzjoni tal-annimali, li seħħew matul is-sena ta’ riferiment, ikunu ġew innotifikati biss wara d-data ta’ skadenza stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-għajnuna, minkejja li din id-data ma hija prevista la mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni u lanqas mir-regoli tad-dritt nazzjonali fil-qasam tat-trobbija u tar-riproduzzjoni tal-annimali tal-ifrat.
37 Mill-punt 2(a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jirriżulta li t-terminu “nuqqas ta’ ħarsien” jiddeskrivi s-sitwazzjoni li fiha l-kriterji ta’ ammissibbiltà, l-impenji jew l-obbligi l-oħra relatati mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna jew tal-appoġġ imsemmija fl-Artikolu 67(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 ma jkunux issodisfatti.
38 Din l-aħħar dispożizzjoni tirrigwarda, billi tirreferi għall-Anness I tar-Regolament Nru 1307/2013, l-appoġġ akkoppjat fakultattiv. Min-naħa l-oħra, ebda għajnuna nazzjonali tranżitorja ma hija msemmija f’dan l-anness. Għaldaqstant, tali għajnuna nazzjonali ma hijiex koperta mid-definizzjoni li tinsab fil-punt 2(a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014. Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk id-dritt nazzjonali kellux l-intenzjoni li jissuġġetta l-għajnuna tranżitorja marbuta maż-żamma ta’ baqar li jreddgħu prevista mid-Digriet Ministerjali Nru 5/2015 għall-istess skema bħal dik li tirriżulta minn dan ir-regolament delegat, kif jidher li hija tqis.
39 Fir-rigward tad-definizzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà għall-benefiċċju tal-appoġġ akkoppjat fakultattiv, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Delegat Nru 639/2014, li ġie adottat abbażi tal-Artikolu 52(9) tar-Regolament Nru 1307/2013, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 53 tiegħu, li huwa preċiżament intitolat “Kundizzjonijiet għall-għoti tal-appoġġ”, li l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-kriterji ta’ ammissibbiltà għall-benefiċċju tal-miżuri ta’ appoġġ akkoppjat konformement mal-qafas stabbilit mir-Regolament Nru 1307/2013 u mal-kundizzjonijiet iddikjarati f’dan ir-regolament delegat.
40 Meta jadottaw deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ appoġġ akkoppjat fakultattiv jew jeżaminaw mill-ġdid tali deċiżjonijiet, l-Istati Membri huma obbligati, skont l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1307/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 53(6) ta’ dan ir-regolament u mal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014, jinnotifikaw dawn id-deċiżjonijiet lill-Kummissjoni. Konformement mal-punt 3(f) tal-Anness I tar-Regolament Delegat Nru 639/2014, huma għandhom jispeċifikaw, fil-komunikazzjonijiet magħmula lill-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà għal kull miżura ta’ appoġġ.
41 Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Istati Membri għandhom, bla ħsara għall-osservanza tal-qafas stabbilit mir-Regolament Nru 1307/2013 u tal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Delegat Nru 639/2014, setgħa ta’ evalwazzjoni sabiex jiddefinixxu l-kriterji jew il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà għall-benefiċċju tal-miżuri ta’ appoġġ akkoppjat (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2024, Agrárminiszter (Rata tat-twelid), C‑538/22, EU:C:2024:568, punt 41).
42 Fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu għalhekk jiddefinixxu kemm il-kundizzjonijiet sostantivi li għandhom jiġu osservati sabiex wieħed jibbenefika mill-miżuri ta’ appoġġ akkoppjat kif ukoll ir-rekwiżiti proċedurali li għandhom jiġu osservati f’dan ir-rigward, bħat-termini għan-notifika. Huma jistgħu wkoll jiddeterminaw f’liema strument legali huma previsti dawn il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti.
43 Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din is-setgħa ta’ evalwazzjoni għandha tiġi eżerċitata fl-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 2022, Avicarvil Farms, C‑443/21, EU:C:2022:899, punt 38, u tat‑23 ta’ Ottubru 2025, Aaranevi Komers DS, C‑267/24, EU:C:2025:829, punt 61).
44 Fir-rigward tal-kundizzjonijiet sostantivi li, skont id-dritt nazzjonali, għandhom jiġu osservati sabiex bidwi jibbenefika minn miżuri ta’ appoġġ akkoppjat, il-qafas stabbilit mir-Regolament Nru 1307/2013 u l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Delegat Nru 639/2014 ma jipprekludux lil Stat Membru milli jissuġġetta l-benefiċċju ta’ miżura ta’ appoġġ akkoppjat għall-obbligu li jiġi nnotifikat avveniment ta’ riproduzzjoni li jinvolvi annimal partikolari li la jkun twelid u lanqas fertilizzazzjoni ċerta. Fil-fatt, kif essenzjalment sostnew kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Ungeriż, Stat Membru jista’, sabiex isegwi l-attività tal-bdiewa u b’hekk jippermetti l-kontrolli neċessarji, jirreġistra l-isforzi tagħhom sabiex iżommu, jew saħansitra jżidu, il-merħla tagħhom, mingħajr ma dawn l-avvenimenti jkunu neċessarjament twelidijiet jew iwasslu għalihom. L-obbligu li jiġu nnotifikati dawn l-avvenimenti jippermetti li jiġi żgurat li l-fondi tal-politika agrikola komuni jintużaw sabiex tiġi sostnuta din l-attività, mingħajr ma l-isforzi rreġistrati f’dan is-sens ikunu neċessarjament twelidijiet jew iwasslu għal twelidijiet.
45 Fir-rigward tal-istrument legali nazzjonali li fih jinsabu l-kundizzjonijiet sostantivi u r-rekwiżiti proċedurali li għandhom jiġu osservati, għandu jiġi rrilevat li mill-kuntest stabbilit mir-Regolament Nru 1307/2013 jew mill-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Delegat Nru 639/2014 ma jirriżultax li l-kriterji jew il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà għall-benefiċċju tal-miżuri ta’ appoġġ akkoppjat għandhom neċessarjament jiġu previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tat-trobbija u tar-riproduzzjoni tal-annimali tal-ifrat. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-regolament u dan ir-regolament delegat ma jipprojbixxux lill-Istati Membri milli jipprevedu d-data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni ta’ notifika dwar l-avvenimenti ta’ riproduzzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar miżura ta’ għajnuna.
46 Barra minn hekk għandu jitfakkar ukoll li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi li r-regoli ta’ dritt ikunu ċari u preċiżi u li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-partijiet f’kawża, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu b’eżattezza l-firxa tal-obbligi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni timponilhom u sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jsiru jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jagħrfu jimxu b’konsegwenza (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Avicarvil Farms, C‑443/21, EU:C:2022:899, punt 46).
47 Għalhekk, sakemm jista’ jitqies li l-obbligu li tiġi osservata data ta’ skadenza għan-notifika tal-avvenimenti ta’ riproduzzjoni tal-annimali huwa previst f’leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu b’mod prevedibbli l-obbligi tagħhom sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa skont dan, l-impożizzjoni ta’ dan l-obbligu ma tistax titqies li tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali.
48 Issa, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-għajnuna li tirregola preċiżament kwistjonijiet relatati mal-ammissibbiltà għall-miżuri ta’ appoġġ akkoppjat fakultattiv hija, bħala prinċipju, l-att ġuridiku li jiġi kkonsultat bl-iktar mod naturali sabiex wieħed ikun jaf il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta’ tali appoġġ. Tali leġiżlazzjoni nazzjonali tidher għalhekk adatta sabiex tippermetti lill-persuni kkonċernati jidentifikaw id-data ta’ skadenza li huma għandhom josservaw sabiex jinnotifikaw l-avvenimenti ta’ riproduzzjoni li jikkonċernaw l-annimali li fir-rigward tagħhom huma jixtiequ jitolbu jew diġà talbu dan l-appoġġ.
49 Għaldaqstant, fid-dawl tal-elementi sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jitqies li l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jipprojbixxix lil Stat Membru milli jistabbilixxi d-data ta’ skadenza li għandha tiġi osservata, bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ miżura ta’ appoġġ akkoppjat, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu dwar din il-miżura, kif jidher li sar mill-Ungerija.
50 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li Stat Membru li, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu, imfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, ikun ippreveda li l-obbligu li jiġu nnotifikati l-avvenimenti ta’ riproduzzjoni tal-annimali kkonċernati qabel data ta’ skadenza kien jikkostitwixxi wieħed mill-kriterji ta’ ammissibbiltà għall-miżuri ta’ appoġġ akkoppjat, fis-sens tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014, jista’ jqis li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu jikkostitwixxi każ ta’ “nuqqas ta’ konformità”, fis-sens tal-punt 2(a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014.
51 Barra minn hekk, il-punt 18(a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament delegat jiddefinixxi “annimal determinat” bħala annimal li, fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna marbuta mal-annimali, jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha applikabbli għall-għoti ta’ għajnuna.
52 Konsegwentement, in-nuqqas ta’ osservanza, għal annimal partikolari, tal-obbligu, previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jiġu nnotifikati l-avvenimenti ta’ riproduzzjoni li jikkonċernawh u li seħħew matul is-sena ta’ riferiment qabel data ta’ skadenza jimplika li dan l-annimal ma jistax, bħala prinċipju, jitqies li huwa ddeterminat.
53 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 2 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm każ ta’ nuqqas ta’ konformità meta l-avvenimenti ta’ riproduzzjoni tal-annimali, li seħħew matul is-sena ta’ riferiment, ikunu ġew innotifikati biss wara d-data ta’ skadenza stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-għajnuna, minkejja li din id-data ma hija prevista la mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni u lanqas mir-regoli tad-dritt nazzjonali fil-qasam tat-trobbija u tar-riproduzzjoni tal-annimali tal-ifrat, sakemm l-imsemmija data tkun prevista f’leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’mod prevedibbli l-obbligi tagħhom sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa skont dan.
Fuq it-tieni domanda
54 Peress li, kif jirriżulta mill-punt 28 ta’ din is-sentenza, l-avvenimenti ta’ riproduzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħew bejn l‑1 ta’ Ġunju u l‑31 ta’ Diċembru 2022, għandu jitqies li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 30(4)(e) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l‑31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ riferiment bħala d-data ta’ riferiment stabbilita skont l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014 fil-każ ta’ avvenimenti ta’ riproduzzjoni li jintemmu f’din l-istess data.
55 L-Artikolu 30(4) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jelenka sitwazzjonijiet li fihom, minkejja l-konstatazzjoni ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward tas-sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni tal-annimali tal-ifrat, l-annimal ikkonċernat jista’ jitqies li huwa ddeterminat. Din id-dispożizzjoni tirrigwarda għalhekk regoli ta’ ammissibbità għall-benefiċċju tal-appoġġ akkoppjat u mhux is-sanzjonijiet amministrattivi applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, li huma previsti fl-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament delegat.
56 Fost dawn l-ipoteżijiet, l-Artikolu 30(4)(e) tal-imsemmi regolament delegat jipprevedi li, meta l-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatati jkunu jikkonċernaw notifiki tardivi ta’ avvenimenti relatati mal-annimali fid-database kompjuterizzata, l-annimal ikkonċernat jitqies li huwa ddeterminat jekk in-notifika tkun saret qabel il-bidu tal-perijodu ta’ żamma jew qabel id-data ta’ riferiment stabbilita konformement mal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014.
57 Ir-riferiment magħmul, f’dan l-Artikolu 30(4)(e), għan-notifiki tardivi ta’ avvenimenti relatati mal-annimali fid-database kompjuterizzata ma jirreferix biss għan-notifiki meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll għal dawk previsti mid-dritt nazzjonali bħala kriterji ta’ ammissibbiltà, fis-sens tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014.
58 Fil-fatt, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, mill-Artikolu 108(5) u mill-Artikolu 109(1) tar-Regolament 2016/429 jirriżulta li d-database li għaliha jirreferu dawn id-dispożizzjonijiet hija wkoll intiża sabiex tirreġistra data li n-notifika tagħha hija meħtieġa mill-Istati Membri.
59 Konsegwentement, minkejja li, fir-rigward tal-annimali tal-ifrat, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014 jirreferi biss għar-rekwiżiti fil-qasam tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-annimali previsti mir-Regolament Nru 1760/2000, li ġie emendat bir-Regolament 2016/429, ir-regoli stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014 huma rilevanti wkoll sabiex jiġi eżaminat jekk id-data ta’ riferiment imposta minn Stat Membru hijiex konformi mal-Artikolu 30(4)(e) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014.
60 It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014 jeżiġi li din id-data, stabbilita mill-Istat Membru, ma tkunx sussegwenti għall-ewwel jum tal-perijodu ta’ żamma tal-annimal ikkonċernat, meta jiġi applikat tali perijodu, jew tkun data magħżula abbażi ta’ kriterji oġġettivi u kompatibbli mal-miżura korrispondenti nnotifikata konformement mal-Anness I ta’ dan ir-regolament delegat, meta ma jiġi applikat ebda perijodu ta’ żamma.
61 Għalkemm, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-data msemmija fl-Artikolu 30(4)(e) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 ġietx stabbilita abbażi ta’ kriterji oġġettivi u kompatibbli mal-miżura ta’ appoġġ akkoppjat ikkonċernata, għandu jiġi ppreċiżat li, għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bdiewa jkunu jistgħu jkollhom iż-żmien neċessarju sabiex iwettqu n-notifika meħtieġa mid-dritt nazzjonali u jkollhom, sabiex jagħmlu dan, aċċess rapidu u faċli għal infrastrutturi li jippermettulhom jibagħtu din in-notifika lill-amministrazzjoni kompetenti fit-terminu mogħti mingħajr diffikultà (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2025, Aaranevi Komers DS, C‑267/24, EU:C:2025:829, punt 62).
62 Issa, peress li l-avvenimenti ta’ riproduzzjoni jiġu ppjanati u organizzati mill-bdiewa u jseħħu, fil-parti l-kbira tal-każijiet, fuq diversi jiem, ma jistax jitqies li l-iffissar tad-data ta’ skadenza għan-notifika ta’ dawn l-avvenimenti għall-aħħar jum tas-sena ta’ riferiment, li matulha l-imsemmija avvenimenti jistgħu jseħħu jew jintemmu, ma jippermettix lill-bdiewa jieħdu fil-ħin id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex ikunu jistgħu josservaw din id-data. Fil-fatt, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, l-ippjanar u l-organizzazzjoni tal-avvenimenti ta’ riproduzzjoni kif ukoll it-tul tal-iżvolġiment tagħhom jippermettu lill-bdiewa jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jipproċedu fil-ħin għan-notifika ta’ dawn l-avvenimenti.
63 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 30(4)(e) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l‑31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ riferiment bħala d-data ta’ riferiment stabbilita skont l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014 fil-każ ta’ avvenimenti ta’ riproduzzjoni li jintemmu f’din l-istess data.
Fuq it-tielet domanda
64 Peress li mit-talba għal deċiżjoni preliminari bl-ebda mod ma jirriżulta li wieħed mill-avvenimenti ta’ riproduzzjoni li jikkonċernaw l-annimali ddikjarati minn UZ kien diġà ġie ddikjarat matul is-sena ta’ riferiment preċedenti għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, meta jiġi kkonstatat każ ta’ nuqqas ta’ konformità minħabba n-nuqqas ta’ osservanza, għal sena ta’ riferiment, tal-obbligu li jiġu nnotifikati l-avvenimenti ta’ riproduzzjoni qabel data ta’ skadenza stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u meta, għaldaqstant, l-annimali kkonċernati minn dawn l-avvenimenti għandhom jitqiesu li huma mhux iddeterminati, il-fatt li twelid li jirriżulta minn wieħed mill-imsemmija avvenimenti ma setax iseħħ, fid-dawl tat-tul tal-ġestazzjoni, matul din l-istess sena ta’ riferiment għandux effett fuq il-konsegwenza ġuridika li tirriżulta minn din il-konstatazzjoni.
65 Għandu jiġi ppreċiżat li l-fatt li annimali ddikjarati ma jissodisfawx kriterji ta’ ammissibbiltà u għalhekk ma humiex iddeterminati jwassal għal konsegwenzi kemm fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna, konformement mal-Artikolu 30(3) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, li jipprevedi li, jekk in-numru ta’ annimali ddikjarati f’talba għal għajnuna jew għal pagament ikun ogħla min-numru ta’ annimali ddeterminati wara kontrolli amministrattivi jew kontrolli fuq il-post, dan l-ammont jiġi kkalkolat abbażi tan-numru tal-annimali ddeterminati biss, kif ukoll fir-rigward tas-sanzjonijiet amministrattivi applikabbli skont l-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament delegat.
66 Issa, mill-punt 44 ta’ din is-sentenza jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’, bħala prinċipju, tipprevedi, bħala kriterju ta’ ammissibbiltà, fis-sens tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014, l-obbligu li jiġu nnotifikati l-avvenimenti ta’ riproduzzjoni minkejja li dawn ma jkunux twelidijiet u ma jkunux wasslu għal twelidijiet.
67 Tali obbligu jista’ jiġi impost ukoll meta avveniment ta’ riproduzzjoni li jseħħ matul is-sena ta’ riferiment iwassal, fid-dawl tat-tul tal-ġestazzjoni, għal twelid fis-sena ta’ wara. Fil-fatt, in-notifika meħtieġa tista’ leġittimament tkun intiża li tidentifika l-isforzi tal-bdiewa sabiex iżommu, jew saħansitra jżidu, il-merħla tagħhom, indipendentement mir-riżultat ta’ dawn l-isforzi f’termini ta’ twelidijiet. Għalhekk, il-fatt li l-bidwi kkonċernat ma jistax jinforma lill-awtoritajiet kompetenti bl-eżistenza u bid-data ta’ twelid qabel it-tmiem tas-sena ta’ riferiment minħabba l-assenza ta’ tali avveniment f’din id-data ma għandu ebda effett fuq il-kapaċità ta’ dan il-bidwi li josserva l-obbligu ta’ notifika tal-avvenimenti ta’ riproduzzjoni.
68 Minn dan isegwi li l-applikazzjoni tal-konsegwenzi previsti kemm mill-Artikolu 30(3) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 kif ukoll mill-Artikolu 31 tiegħu, meta l-annimali jitqiesu li ma humiex iddeterminati minħabba n-notifika tardiva ta’ avvenimenti ta’ riproduzzjoni li seħħew matul is-sena ta’ riferiment, ma hijiex ikkontestata mill-fatt li dawn l-avvenimenti setgħu wasslu għal twelidijiet fis-sena ta’ wara din is-sena.
69 Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 30(3) u l-Artikolu 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta jiġi kkonstatat każ ta’ nuqqas ta’ konformità minħabba n-nuqqas ta’ osservanza, għal sena ta’ riferiment, tal-obbligu li jiġu nnotifikati l-avvenimenti ta’ riproduzzjoni qabel data ta’ skadenza stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u meta, għaldaqstant, l-annimali kkonċernati minn dawn l-avvenimenti għandhom jitqiesu li huma mhux iddeterminati, il-fatt li twelid li jirriżulta minn wieħed mill-imsemmija avvenimenti ma setax iseħħ, fid-dawl tat-tul tal-ġestazzjoni, matul din l-istess sena ta’ riferiment ma għandu ebda effett fuq il-konsegwenza ġuridika li tirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet.
Fuq ir-raba’ domanda
70 Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li jiddetermina s-sanzjoni amministrattiva applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità dovut għan-notifika tal-avvenimenti ta’ riproduzzjoni tal-annimali kkonċernati li seħħew matul is-sena ta’ riferiment wara d-data tal‑31 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena, stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali bħala d-data ta’ skadenza għan-notifika ta’ tali avveniment.
71 L-Artikolu 13, li jinsab fil-Kapitolu III, intitolat “Applikazzjonijiet għall-għajnuna u talbiet għal pagamenti”, tat-Titolu II tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li, ħlief f’każijiet ta’ forza maġġuri jew ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, il-preżentazzjoni ta’ talba għal għajnuna jew ta’ talba għal pagament skont dan ir-regolament wara d-data ta’ skadenza għal din il-preżentazzjoni twassal għal tnaqqis ta’ 1 % għal kull jum tax-xogħol mill-ammonti li l-benefiċjarju kien ikollu dritt għalihom kieku t-talba għal għajnuna jew għal pagament kienet ġiet ippreżentata fit-terminu mogħti.
72 Skont it-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 13(1), dan l-ewwel subparagrafu japplika wkoll għat-talbiet għal appoġġ, għad-dokumenti, għall-kuntratti jew għad-dikjarazzjonijiet l-oħra li għandhom jintbagħtu lill-awtorità kompetenti, jekk dawn it-talbiet għal appoġġ, id-dokumenti, il-kuntratti jew id-dikjarazzjonijiet ikunu jikkostitwixxu elementi tal-ammissibbiltà għall-benefiċċju tal-għajnuna jew tal-appoġġ ikkonċernat. F’dan il-każ, it-tnaqqis jiġi applikat għall-ammont pagabbli bħala għajnuna jew appoġġ ikkonċernat.
73 Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament delegat, jekk dan id-dewmien ikun ta’ iktar minn 25 jum kalendarju, it-talba għal għajnuna jew għal pagament titqies li hija inammissibbli u ma tingħata ebda għajnuna jew appoġġ lill-benefiċjarju.
74 Barra minn hekk, il-premessa 15 tal-istess regolament delegat tiddikjara l-importanza tal-osservanza tat-termini għall-preżentazzjoni tat-talbiet għal għajnuna marbuta mas-superfiċji jew tat-talbiet għal pagament u ta’ dikjarazzjonijiet oħra, għall-emenda tat-talbiet għal għajnuna marbuta mas-superfiċji jew tat-talbiet għal pagament kif ukoll għall-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe dokument ta’ sostenn jew kuntratt, sabiex l-amministrazzjonijiet nazzjonali jkunu jistgħu jippjanaw u, sussegwentement, iwettqu kontrolli effikaċi fir-rigward tal-eżattezza tat-talbiet għal għajnuna, tat-talbiet għal pagament jew ta’ dokumenti oħra.
75 Il-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jiddefinixxi “dikjarazzjoni oħra” bħala kull dikjarazzjoni jew dokument, minbarra t-talbiet għal għajnuna jew għal pagament, li għandu jiġi ppreżentat jew miżmum minn benefiċjarju jew minn terz sabiex jikkonforma mar-rekwiżiti speċifiċi relatati ma’ ċerti miżuri ta’ żvilupp rurali.
76 Mill-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ikkorroborata mill-premessa 15 ta’ dan ir-regolament delegat jirriżulta li l-Artikolu 13(1) tiegħu jikkonċerna l-ammissibbiltà tat-talbiet għal għajnuna, għal pagament jew għal appoġġ kif ukoll tad-dokumenti marbuta mill-qrib magħhom.
77 Min-naħa l-oħra, dan l-Artikolu 13(1) la jiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom in-nuqqas ta’ osservanza tat-termini stabbiliti mid-dritt nazzjonali għan-notifika ta’ avvenimenti relatati mal-annimali jwassal għal każ ta’ nuqqas ta’ konformità u lanqas is-sanzjonijiet amministrattivi li għandhom jiġu applikati f’dan il-każ.
78 F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li n-notifiki tal-avvenimenti ta’ riproduzzjoni tal-annimali ddikjarati għandhom jiġu ppreżentati sa mhux iktar tard minn data ta’ skadenza prevista mid-dritt nazzjonali, li hija differenti minn dik prevista għall-preżentazzjoni tat-talba għal appoġġ.
79 Għalhekk, in-notifiki tardivi fir-rigward ta’ din id-data ta’ skadenza ma jistgħux jiġu assimilati ma’ preżentazzjoni tardiva ta’ talba għal appoġġ jew ta’ dokumenti marbuta mill-qrib magħha, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, peress li din id-dispożizzjoni ma hijiex għalhekk rilevanti fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ notifika ta’ avvenimenti ta’ riproduzzjoni qabel data ta’ skadenza partikolari, prevista mid-dritt nazzjonali sabiex bidwi jkun jista’ jibbenefika minn appoġġ għaż-żamma ta’ baqar li jreddgħu.
80 Il-kundizzjonijiet li fihom il-ksur ta’ din id-data ta’ skadenza jwassal għal każ ta’ nuqqas ta’ konformità huma ppreċiżati b’mod partikolari fl-Artikolu 30(4)(e) ta’ dan ir-regolament delegat u s-sanzjonijiet amministrattivi li għandhom jiġu applikati f’dan il-każ huma previsti fl-Artikolu 31 tiegħu.
81 Minn dan isegwi li fil-każ fejn tiġi kkonstatata notifika tardiva u d-dati msemmija fl-Artikolu 30(4)(e) tal-imsemmi regolament delegat ma jkunux ġew osservati, l-annimal ikkonċernat ma jistax jitqies li huwa ddeterminat għar-raġuni li d-dewmien kien ta’ inqas minn 25 jum kalendarju, imsemmija fl-Artikolu 13(1) tal-istess regolament delegat.
82 Barra minn hekk, is-sanzjonijiet amministrattivi applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità dovut għan-notifika tardiva ta’ avvenimenti relatati mal-annimali li jwasslu għan-nuqqas ta’ determinazzjoni ta’ dawn l-annimali huma dawk previsti fl-Artikolu 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 u mhux dawk previsti fl-Artikolu 13(1) tiegħu.
83 Madankollu, skont l-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament delegat, is-sanzjonijiet amministrattivi previsti fl-Artikolu 31 tal-imsemmi regolament delegat ma japplikawx għall-parti tat-talba għal għajnuna jew tat-talba għal pagament li l-benefiċjarju jkun indika bil-miktub lill-awtorità kompetenti bħala li hija inkorretta jew li tkun saret inkorretta wara l-preżentazzjoni tat-talba, bil-kundizzjoni li l-benefiċjarju ma jkunx ġie avżat li din l-awtorità kellha l-intenzjoni li twettaq kontroll fuq il-post u ma jkunx diġà ġie informat mill-imsemmija awtorità bil-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatati fit-talba tiegħu għal għajnuna jew għal pagament.
84 L-Artikolu 34 tal-istess regolament delegat jagħmel dan l-Artikolu 15 applikabbli, fir-rigward tal-annimali ddikjarati, għall-iżbalji u għall-ommissjonijiet relatati mal-entrati fid-database kompjuterizzata għall-annimali, magħmula wara l-preżentazzjoni tat-talba għal għajnuna jew għal pagament.
85 L-applikabbiltà tal-imsemmi Artikolu 15 hija suġġetta għall-kundizzjoni doppja li l-annimali tal-ifrat ikkonċernati jitqiesu bħala “annimali ddikjarati”, fis-sens tal-punt 16 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, u li n-notifika tal-avvenimenti ta’ riproduzzjoni meħtieġa mid-dritt nazzjonali ssir permezz tal-inklużjoni ta’ tali informazzjoni fid-database kompjuterizzata għall-annimali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Agrarmarkt Austria, C‑350/23, EU:C:2024:771, punti 88 sa 92).
86 Jekk dan ikun il-każ, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, skont l-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament delegat, moqri flimkien mal-Artikolu 34 tiegħu, ebda sanzjoni amministrattiva prevista fl-Artikolu 31 tal-imsemmi regolament delegat ma tista’ tiġi imposta minħabba s-sempliċi fatt li n-notifika meħtieġa mid-dritt nazzjonali tkun saret b’mod tardiv, bil-kundizzjoni, madankollu, li l-benefiċjarju ma jkunx ġie avżat li l-awtorità kompetenti kellha l-intenzjoni li twettaq kontroll fuq il-post u ma jkunx diġà ġie informat minn din l-awtorità b’każ ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatat minn din tal-aħħar.
87 Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jiddeterminax is-sanzjoni amministrattiva applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità dovut għan-notifika tal-avvenimenti ta’ riproduzzjoni tal-annimali kkonċernati li seħħew matul is-sena ta’ riferiment wara d-data tal‑31 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena, stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali bħala d-data ta’ skadenza għan-notifika ta’ tali avveniment.
Fuq l-ispejjeż
88 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Il-punt 2 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità, kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/841 tad‑19 ta’ Frar 2021,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ikun hemm każ ta’ nuqqas ta’ konformità meta l-avvenimenti ta’ riproduzzjoni tal-annimali, li seħħew matul is-sena ta’ riferiment, ikunu ġew innotifikati biss wara d-data ta’ skadenza stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-għajnuna, minkejja li din id-data ma hija prevista la mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni u lanqas mir-regoli tad-dritt nazzjonali fil-qasam tat-trobbija u tar-riproduzzjoni tal-annimali tal-ifrat, sakemm l-imsemmija data tkun prevista f’leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’mod prevedibbli l-obbligi tagħhom sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa skont dan.
2) L-Artikolu 30(4)(e) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, kif emendat bir-Regolament Delegat 2021/841,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l‑31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ riferiment bħala d-data ta’ riferiment stabbilita skont l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament, kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/707 tat‑28 ta’ Frar 2018, fil-każ ta’ avvenimenti ta’ riproduzzjoni li jintemmu f’din l-istess data.
3) L-Artikolu 30(3) u l-Artikolu 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, kif emendat bir-Regolament Delegat 2021/841,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
meta jiġi kkonstatat każ ta’ nuqqas ta’ konformità minħabba n-nuqqas ta’ osservanza, għal sena ta’ riferiment, tal-obbligu li jiġu nnotifikati l-avvenimenti ta’ riproduzzjoni qabel data ta’ skadenza stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u meta, għaldaqstant, l-annimali kkonċernati minn dawn l-avvenimenti għandhom jitqiesu li huma mhux iddeterminati, il-fatt li twelid li jirriżulta minn wieħed mill-imsemmija avvenimenti ma setax iseħħ, fid-dawl tat-tul tal-ġestazzjoni, matul din l-istess sena ta’ riferiment ma għandu ebda effett fuq il-konsegwenza ġuridika li tirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet.
4) L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, kif emendat bir-Regolament Delegat 2021/841,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jiddeterminax is-sanzjoni amministrattiva applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità dovut għan-notifika tal-avvenimenti ta’ riproduzzjoni tal-annimali kkonċernati li seħħew matul is-sena ta’ riferiment wara d-data tal‑31 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena, stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali bħala d-data ta’ skadenza għan-notifika ta’ tali avveniment.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.