SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla)
9 ta’ Frar 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet – Direttiva 89/665/KEE – Artikolu 1(3) – Interess ġuridiku – Aċċess għall-proċeduri ta’ reviżjoni – Nuqqas professjonali serju minħabba ftehim antikompetittiv – Operatur ieħor li huwa definittivament eskluż mill-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt ikkonċernat fl-assenza ta’ sodisfazzjon tar-rekwiżiti minimi meħtieġa”
Fil-Kawża C‑53/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Jannar 2022, fil-proċedura
VZ
vs
CA,
fil-preżenza ta’:
RT,
BO,
Regione Lombardia,
Regione Liguria,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla),
komposta minn D. Gratsias (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič u I. Jarukaitis, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal VZ, minn J. F. G. Brigandì u C. Mendolia, avvocati, |
|
– |
għal CA, minn L. Tamborino, avvocata, |
|
– |
għal RT, minn A. Clarizia, L. Pierallini, L. Sperati u P. Ziotti, avvocati, |
|
– |
għal BO, minn A. Borsero, V. Cannizzaro, C. Merani u S. Ventura, avvocati, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u A.‑L. Desjonquères, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara, P. Ondrůšek u G. Wils, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246, rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44), kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24, u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn kumpannija, VZ, u awtorità kontraenti, CA, dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tannulla d-deċiżjoni ta’ għoti lil RT u BO ta’ kuntratt pubbliku li jirrigwarda s-servizz ta’ għajnuna permezz ta’ ħelikopter li għandu jsir fil-Lombardia (l-Italja) u fil-Liguria (l-Italja). |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 89/665
|
3 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665, intitolat “Skop u disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni”, jiddisponi: “1. Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68)] […] […] Il-kuntratti skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva jinkludu kuntratti pubbliċi, ftehimiet ta’ qafas, konċessjonijiet ta’ xogħlijiet u servizzi u sistemi dinamiċi ta’ xiri. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, rigward kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE […], id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ […], għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi. […] 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, lil kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li tkun jew li qiegħda f’riskju li tiġi leża minħabba ksur allegat. […]” |
|
4 |
L-Artikolu 2a ta’ din id-direttiva, intitolat “Perijodu sospensiv”, jipprevedi fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi tal-paragrafu 2 tiegħu: “Kuntratt ma jistax jiġi konkluż wara d-deċiżjoni li jingħata kuntratt li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE […] qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas 10 ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data li fiha tintbagħat id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt lill-offerenti u lill-kandidati konċernati jekk jintużaw fax jew mezzi elettroniċi, jew jekk jintużaw mezzi ta’ komunikazzjoni oħrajn, qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas 15‑il jum kalendarji b’effett mill-jum wara d-data li fiha tintbagħat id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt lill-offerenti u lill-kandidati konċernati jew mill-inqas 10 ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data tal-wasla tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt. L-offerenti għandhom jitqiesu li huma kkonċernati jekk għad ma ġewx esklużi definittivament. Esklużjoni tkun definittiva jekk tkun ġiet notifikata lill-offerenti kkonċernati u tkun ġiet ikkunsidrata legali minn korp ta’ reviżjoni indipendenti jew ma tkunx għada tista’ tiġi soġġetta għal proċedura ta’ reviżjoni.” |
Id‑Direttiva 2014/24
|
5 |
Skont il-punti 2 u 3 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24, kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2365 tat‑18 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 337, p. 19) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/24”), għall-finijiet tad-Direttiva 2014/24, “awtoritajiet tal-gvern ċentrali” tfisser l-awtoritajiet kontraenti li jinsabu fl-Anness I ta’ din tal-aħħar kif ukoll, sa fejn rettifiki jew emendi twettqu fuq livell nazzjonali, l-entitajiet li kienu ssuċċedewhom u, permezz ta’ “awtoritajiet kontraenti subċentrali”, l-awtoritajiet kontraenti kollha li ma humiex awtoritajiet tal-gvern ċentrali. |
|
6 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Ammonti tal-limitu stabbilit”, jiddisponi: “Din id-Direttiva għandha tapplika għall-akkwisti li l-valur stmat tagħhom barra t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) huwa daqs jew aktar mil-limiti stabbiliti li ġejjin: […]
|
|
7 |
L-Artikolu 57 ta’ din id-direttiva, intitolat “Raġunijiet għall-esklużjoni”, jiddisponi, fil-paragrafu 4 tiegħu: “L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jiġu obbligati minn Stati Membri li jeskludu mill-parteċipazzjoni fi proċedura tal-akkwist kwalunkwe operatur ekonomiku fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
|
8 |
La r-Regione Lombardia (ir-Reġjun ta’ Lombardia, l-Italja) u lanqas ir-Regione Liguria (ir-Reġjun ta’ Liguria, l-Italja) ma jinsabu fost l-awtoritajiet imsemmija fl-Anness I tal-imsemmija direttiva. |
Id‑dritt Taljan
|
9 |
L-Artikolu 80(5)(c) tad-decreto legislativo n. 50 – Codice dei contratti pubblici (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 50 dwar il-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi), tat‑18 ta’ April 2016 (GURI Nru 91, tad‑19 ta’ April 2016, suppliment ordinarju Nru 10 għall-GURI), kif emendat bid-decreto-legge n. 135 – Disposizioni urgenti in materia di sostegno e semplificazione per le imprese e per la pubblica amministrazione (id-Digriet-Liġi Nru 135, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet urġenti ta’ sostenn u ta’ semplifikazzjoni għall-impriżi u l-amministrazzjoni pubblika), tal‑14 ta’ Diċembru 2018 (GURI Nru 290, tal‑14 ta’ Diċembru 2018, p. 1), jiddisponi: “L-awtoritajiet kontraenti għandhom jeskludu mill-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti operatur ekonomiku f’waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin […] meta: […]
[…]” |
|
10 |
Skont l-Artikolu 35(1)(b) tal-codice del processo amministrativo (il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva) (GURI Nru 156, tas‑7 ta’ Lulju 2010, suppliment ordinarju għall-GURI Nru 148), “[i]l-qorti għandha tiddikjara, anki ex officio, li r-rikors huwa inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrent jew fil-preżenza ta’ kwalunkwe raġuni oħra li tipprekludi deċiżjoni fuq il-mertu”. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
11 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2018, CA organizzat proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għall-provvista ta’ servizz ta’ salvataġġ permezz ta’ ħelikopter lill-entitajiet tas-servizz tas-saħħa reġjonali tar-Reġjun ta’ Lombardia u tar-Reġjun ta’ Liguria (iktar ’il quddiem il-“proċedura kontenzjuża”), għal valur bażiku tal-kuntratt fl-ammont ta’ EUR 205581900 mingħajr VAT. L-avviż tas-sejħa għal offerti ppubblikat minn CA kien jeżiġi mill-offerenti, bħala prova tal-kapaċità teknika u professjonali tagħhom, il-pussess ta’ ċertifikazzjoni partikolari. |
|
12 |
VZ, li ma kellhiex din iċ-ċertifikazzjoni u li, minħabba f’hekk, ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-proċedura kontenzjuża, permezz ta’ rikors ippreżentat fis‑16 ta’ Jannar 2019 quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia, l-Italja), il-qorti tar-rinviju, ikkontestat dan l-avviż għal sejħa għal offerti, sa fejn dan tal-aħħar kien jeħtieġ il-pussess tal-imsemmija ċertifikazzjoni. Permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2019, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata permezz ta’ sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), tas‑26 ta’ Frar 2020, u għalhekk saret definittiva. |
|
13 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Frar 2019, l-Autorità garante della concorrenza e del mercato (l-Awtorità li Tiggarantixxi l-Osservanza tal-Kompetizzjoni u tar-Regoli tal-Kuntratt, AGCM, l-Italja) ikkonstatat li ċerti impriżi, fosthom BO, JF u RT, l-uniċi offerenti fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża, kienu wettqu, bejn is-sena 2001 u x-xahar ta’ Awwissu 2017, ksur gravi tal-Artikolu 101 TFUE, fil-forma, b’mod partikolari, ta’ ftehim orizzontali li jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni li għandhom bħala għan li jiġu ffissati l-prezzijiet tas-servizzi ta’ ħelikopters u intiżi sabiex jinfluwenzaw l-awtoritajiet kontraenti fir-rigward tal-iffissar ta’ prezzijiet għas-servizzi ta’ xogħol u ta’ trasport tal-passiġġieri bl-ajru kollha kemm huma, inkluża d-determinazzjoni tal-valur bażiku tas-suq ta’ servizzi b’valuri stmati b’mod eċċessiv. L-AGCM imponiet sanzjonijiet fuq BO, JF u RT. Hija kkunsidrat, madankollu, li l-provi miġbura fil-kuntest tal-investigazzjoni ma kinux suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ akkordju restrittiv tal-kompetizzjoni fil-kuntest tal-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti għal servizzi. |
|
14 |
CA qieset li din id-deċiżjoni tal-AGCM ma kinitx rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Marzu 2020, CA tat żewġ lottijiet tal-kuntratt ikkonċernat mill-proċedura kontenzjuża lil RT u lott ta’ dan il-kuntratt lil BO. |
|
15 |
Permezz ta’ rikorsi ppreżentati quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l-Italja), BO, RT u JF ikkontestaw is-sanzjonijiet li l-AGCM kienet imponiet fuqhom. Dawn ir-rikorsi kollha ġew miċħuda bħala infondati. BO, RT u JF appellaw mis-sentenzi ta’ din il-qorti quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat). Din l-aħħar qorti kkonfermat is-sentenza tal-imsemmija qorti li ċaħdet ir-rikors ta’ JF, bħal dak li ċaħad ir-rikors ta’ RT, ħlief fir-rigward tal-ammont tas-sanzjoni. Il-kawża dwar l-eżami tal-appell ippreżentat quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) minn BO għadha pendenti. |
|
16 |
Fl‑1 ta’ Ġunju 2020, VZ informat lil CA bid-deċiżjoni tat-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio) li ċaħdet ir-rikors ta’ RT ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-AGCM. VZ sostniet li din is-sentenza setgħet taffettwa l-evalwazzjoni tal-integrità ta’ RT u tal-affidabbiltà tagħha fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-servizz ta’ salvataġġ permezz ta’ ħelikopter u tistabbilixxi l-eżistenza ta’ nuqqas professjonali serju, fis-sens tal-Artikolu 80(5) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, li tiġġustifika l-esklużjoni tal-parteċipazzjoni ta’ RT fil-proċedura kontenzjuża. Għalhekk, essenzjalment, hija talbet l-annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt ikkonċernat. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Lulju 2020, CA kkunsidrat li s-sentenza nnotifikata minn VZ ma żiedet ebda element supplimentari meta mqabbla ma’ dawk li jinsabu fid-deċiżjoni tal-AGCM, diġà magħrufa u analizzata minn CA. VZ ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni ta’ CA. |
|
17 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, sa fejn VZ ġiet definittivament eskluża mill-parteċipazzjoni fil-proċedura kontenzjuża wara ċ-ċaħda definittiva tar-rikors tagħha kontra l-avviż tas-sejħa għal offerti kkonċernat, din għandha, bħala prinċipju, konformement mal-ġurisprudenza tal-qrati Taljani, titqies li ma għandhiex interess sabiex tikkontesta l-għoti tal-kuntratt ikkonċernat. |
|
18 |
Madankollu, wara l-għoti tas-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2013, Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448), tal‑5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199), kif ukoll tal‑11 ta’ Mejju 2017, Archus u Gama (C‑131/16, EU:C:2017:358), din il-ġurisprudenza tal-qrati Taljani evolviet, fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt li fiha pparteċipaw biss żewġ offerenti, l-eżami ta’ rikors intiż sabiex jinkiseb il-ftuħ ta’ proċedura ġdida, ippreżentat mill-offerent eskluż minħabba nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti minimi previsti fis-sejħa għal offerti kkonċernata, huwa ammissibbli. Madankollu, fid-dawl tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Bietergemeinschaft Technische Gebäudebetreuung und Caverion Österreich (C‑355/15, EU:C:2016:988), il-qrati Taljani japplikaw din il-“ġurisprudenza innovatriċi” biss fil-każ ta’ “rikorsi doppji”, eżaminati fil-kuntest tal-istess proċedura ta’ rikors dwar id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt ikkonċernat. Issa, f’dan il-każ, l-esklużjoni ta’ VZ mill-parteċipazzjoni fil-proċedura kontenzjuża ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, li saret res judicata qabel ma VZ ippreżentat rikors kontra l-għoti ta’ dan il-kuntratt. |
|
19 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li, f’dan il-każ, VZ tikkontesta r-rifjut ta’ CA li tannulla d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt ikkonċernat minħabba nuqqas professjonali serju mwettqa mill-offerenti kollha, li, kif ikkonfermat is-sentenza msemmija fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, ipparteċipaw f’akkordju li jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni, fatt li jikkostitwixxi nuqqas serju mwettaq minn operatur ekonomiku fil-qasam professjonali. |
|
20 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, fis-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675, punti 27 u 28), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li offerent ikklassifikat fit-tielet pożizzjoni, li jkun ippreżenta rikors kontra l-għoti tal-kuntratt ikkonċernat, għandu jingħata interess leġittimu sabiex jitlob l-esklużjoni tal-offerta tal-offerent rebbieħ u tal-offerent imqiegħed fit-tieni pożizzjoni meta l-offerta tiegħu stess tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala irregolari, peress li ma jkunx jista’ jiġi eskluż li l-awtorità kontraenti kkonċernata tista’, f’tali każ, issib li huwa impossibbli li tagħżel offerta regolari oħra u sussegwentement tipproċedi sabiex torganizza proċedura ġdida. Il-qorti tar-rinviju tqis li s-sitwazzjoni ta’ VZ tidher, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-interess ġuridiku tagħha, komparabbli ma’ dik tar-rikorrent inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675). Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li VZ kellha mix-xahar ta’ Ottubru 2019, provi insostenn tal-fatt li hija kellha ċ-ċertifikazzjoni partikolari meħtieġa mis-sejħa għal offerti dwar il-proċedura kontenzjuża. |
|
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ammissibbiltà
|
22 |
Fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, CA ssostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, minħabba li d-domandi magħmula huma ġenerali u ipotetiċi u li, f’kull każ, ir-risposta li għandha tingħata għaliha tirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza. |
|
23 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima, u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, kemm-il darba d-domandi magħmula jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għal dawn id-domandi (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Centre public d’action sociale de Liège (Irtirar jew sospensjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn), C‑825/21, EU:C:2022:810, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
24 |
Issa, il-qorti tar-rinviju indikat b’mod ċar li, skont id-dispożizzjonijiet proċedurali tad-dritt Taljan, kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-qrati Taljani, hija jista’ jkollha tiċħad ir-rikors ta’ VZ minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku, sakemm l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 ma għandux, fid-dawl, jekk ikun il-każ, tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi tali ċaħda. Minn dan isegwi li d-domandi magħmula għandhom rabta diretta mas-suġġett tal-kawża prinċipali u ma jistgħux jitqiesu li huma purament ipotetiċi. |
|
25 |
Barra minn hekk, talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax tiġi miċħuda bħala inammissibbli, għas-sempliċi raġuni li r-risposta għad-domandi magħmula diġà tirriżulta, skont l-opinjoni ta’ waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Viva Telecom Bulgaria, C‑257/20, EU:C:2022:125, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
26 |
Il-Gvern Franċiż isostni, min-naħa tiegħu, fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li t-tieni domanda għandha titqies bħala parzjalment inammissibbli, sa fejn il-qorti tar-rinviju naqset milli tippreċiża l-“l-prinċipji [tad-dritt tal-Unjoni] dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni” li huma previsti minn din id-domanda. Issa, huwa evidenti li l-prinċipji msemmija huma dawk li jistgħu jiġu dedotti mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, fosthom b’mod partikolari l-Artikolu 101 TFUE, li barra minn hekk jirriżulta wkoll b’mod ċar mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju. |
|
27 |
Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq il‑mertu
|
28 |
Permezz tad-domandi tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 għandux, fid-dawl tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tippermettix lil operatur li jipparteċipa fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, minħabba li ma kienx jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni previsti mis-sejħa għal offerti kkonċernata u li r-rikors tiegħu kontra l-inklużjoni ta’ din il-kundizzjoni, f’din is-sejħa għal offerti, ġie miċħud b’deċiżjoni li kisbet il-forza ta’ res judicata, li tikkontesta r-rifjut tal-awtorità kontraenti kkonċernata li tannulla d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt pubbliku wara l-konferma, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, tal-parteċipazzjoni kemm tal-offerent magħżul kif ukoll tal-offerenti l-oħra kollha fi ftehim li jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-istess settur bħal dak ikkonċernat mill-proċedura għall-għoti tal-imsemmi kuntratt pubbliku. |
|
29 |
Skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu aċċessibbli, skont modalitajiet li huma jistgħu jiddeterminaw, tal-inqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li tkun jew li qiegħda f’riskju li tiġi leża minħabba ksur allegat tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew tar-regoli nazzjonali li jittrasponu dan id-dritt (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Amt Azienda Trasporti e Mobilità et, C‑328/17, EU:C:2018:958, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
Għaldaqstant, l-Istati Membri ma humiex obbligati li jagħmlu dawn il-proċeduri ta’ reviżjoni aċċessibbli għal kull persuna li tixtieq tikseb l-għoti ta’ kuntratt pubbliku, iżda huwa possibbli għalihom li jeżiġu li l-persuna kkonċernata tkun ġiet leża jew tirriskja li tiġi leża mill-ksur li hija tallega (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Amt Azienda Trasporti e Mobilità et, C‑328/17, EU:C:2018:958, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt tista’, bħala prinċipju, validament tikkostitwixxi, fid-dawl tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665, kundizzjoni li għandha tiġi ssodisfatta sabiex jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata tiġġustifika interess li tikseb il-kuntratt ikkonċernat jew li qiegħda f’riskju li ġġarrab dannu minħabba n-natura allegatament illegali tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt. Fin-nuqqas ta’ tressiq ta’ offerta, tali persuna diffiċilment tista’ turi li hija għandha interess li tikkontesta din id-deċiżjoni jew li hija leża jew li qiegħda f’riskju li tiġi leża minħabba dan l-għoti ta’ kuntratt (sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2004, Grossmann Air Service, C‑230/02, EU:C:2004:93, punt 27, kif ukoll tat‑28 ta’ Novembru 2018, Amt Azienda Trasporti e Mobilità et, C‑328/17, EU:C:2018:958, punt 46). |
|
32 |
Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, fil-każ fejn operatur ma jkunx ippreżenta offerta fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt li ma jkollu l-ebda possibbiltà li jikseb, minħabba l-preżenza, fid-dokumenti relatati mas-sejħa għal offerti jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ikkonċernati, ċerti speċifikazzjonijiet li huwa ma setax josserva, ikun eċċessiv li jkun meħtieġ minnu li, qabel ma jkun jista’ jibda l-proċeduri ta’ reviżjoni previsti mid-Direttiva 89/665 sabiex jikkontesta dawn l-ispeċifikazzjonijiet, huwa jippreżenta offerta fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Amt Azienda Trasporti e Mobilità et, C‑328/17, EU:C:2018:958, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
Issa, id-domandi preliminari magħmula jirrigwardaw l-ipoteżi ta’ operatur li ma jkunx ippreżenta offerta fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt minħabba li ma kienx jissodisfa kundizzjoni ta’ parteċipazzjoni prevista fis-sejħa għal offerti kkonċernata u li seta’ jikkontesta l-inklużjoni ta’ din il-kundizzjoni, f’din is-sejħa għal offerti, permezz tal-preżentata ta’ rikors kontra l-imsemmija sejħa għal offerti, li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni li saret res judicata qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt ikkonċernat. |
|
34 |
Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza, ma jistax jitqies li tali operatur jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li tkun jew li qiegħda f’riskju li tiġi leża minħabba ksur allegat”, fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665. |
|
35 |
Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, il-fatt li, sadanittant, dan l-operatur ħa l-miżuri neċessarji sabiex jissodisfa l-kundizzjoni meħtieġa mis-sejħa għal offerti kkonċernata, b’tali mod li, fil-każ ta’ annullament tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt li għaliha huwa ma setax jipparteċipa u ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura ġdida abbażi tal-istess rekwiżiti, huwa jkun jista’ jissottometti offerta u jikseb il-kuntratt ikkonċernat. |
|
36 |
Huwa minnu li, imsejħa sabiex tinterpreta l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, l-offerenti għandhom interess leġittimu ekwivalenti għall-esklużjoni tal-offerta tal-oħrajn għall-finijiet tal-kisba tal-kuntratt ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2013, Fastweb, C‑100/12, EU:C:2013:448, punt 33, u tal‑5 ta’ April 2016, PFE, C‑689/13, EU:C:2016:199, punt 27), ikun xi jkun in-numru ta’ parteċipanti fil-proċedura u n-numru ta’ parteċipanti li ppreżentaw rikorsi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2013, Fastweb, C‑100/12, EU:C:2013:448, punt 33, kif ukoll tal‑5 ta’ April 2016, PFE, C‑689/13, EU:C:2016:199, punti 28 u 29). |
|
37 |
Madankollu, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Bietergemeinschaft Technische Gebäudebetreuung und Caverion Österreich (C‑355/15, EU:C:2016:988, punti 30 sa 32), is-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2013, Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448), u tal‑5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199) kienu kkaratterizzati mill-fatt li, minn naħa, l-offerti tal-offerenti kkonċernati ma kinux is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ esklużjoni mill-awtorità kontraenti u, min-naħa l-oħra, kien fil-kuntest tal-istess proċedura ta’ reviżjoni dwar id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt ikkonċernat li kull wieħed mill-offerenti kkontesta r-regolarità tal-offerta tal-ieħor, peress li kull wieħed għandu interess leġittimu ekwivalenti għall-esklużjoni tal-offerta tal-ieħor, b’dan it-tilwim possibbilment iwasslu għas-sejba tal-impossibbiltà, għal din l-awtorità kontraenti, li tipproċedi bl-għażla ta’ offerta regolari. |
|
38 |
Għall-kuntrarju, meta, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, offerent ikun ġie definittivament eskluż mill-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt ikkonċernat minn deċiżjoni tal-awtorità kontraenti kkonfermata minn deċiżjoni ġudizzjarja li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 ma jipprekludix li dan l-offerent jiġi rrifjutat l-aċċess għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku kkonċernat u l-konklużjoni tal-kuntratt korrispondenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Bietergemeinschaft Technische Gebäudebetreuung und Caverion Österreich, C‑355/15, EU:C:2016:988, punti 35 u 36; tal‑11 ta’ Mejju 2017, Archus u Gama, C‑131/16, EU:C:2017:358, punti 57 sa 59; kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2021, NAMA et, C‑771/19, EU:C:2021:232, punt 42). |
|
39 |
Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, hija n-natura li għadha ma hijiex definittiva tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni li tiddetermina l-locus standi ta’ offerent kontra deċiżjoni ta’ għoti (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punti 73 u 74, kif ukoll id-digriet tas‑17 ta’ Mejju 2022, Estaleiros Navais de Peniche, C‑787/21, mhux ippubblikat, EU:C:2022:414, punt 25). Issa, skont l-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva 89/665, l-esklużjoni ta’ offerent mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt ta’ offerent hija definittiva jekk din tkun ġiet innotifikata lilu u tkun ġiet ikkunsidrata legali minn korp ta’ reviżjoni indipendenti jew ma tkunx tista’ tkun iktar is-suġġett ta’ rikors. |
|
40 |
Il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza huma, barra minn hekk, applikabbli wkoll għal operatur li ma jkunx ippreżenta offerta fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, minħabba li ma kienx jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa mis-sejħa għal offerti kkonċernata u ma setax jingħata dan il-kuntratt pubbliku, u li r-rikors tiegħu kontra din is-sejħa għal offerti, li jikkontesta l-legalità tal-inklużjoni ta’ din il-kundizzjoni, ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni li saret res judicata qabel l-adozzjoni tal-imsemmi kuntratt pubbliku. Fil-fatt, is-sitwazzjoni ta’ tali operatur ma hijiex essenzjalment differenti, f’dak li jirrigwarda l-esklużjoni definittiva tiegħu minn tali proċedura ta’ għoti, minn dik ta’ offerent kif imsemmi fil-punt 38. |
|
41 |
Is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675), imsemmija mill-qorti tar-rinviju, ma tistax twassal għal konklużjoni differenti. |
|
42 |
Kif jirriżulta mill-punti 8 sa 10 ta’ din is-sentenza, din ma tikkonċernax il-każ ta’ offerent li l-esklużjoni tiegħu mill-parteċipazzjoni fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt tkun ġiet deċiża leċita permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li jkollha l-awtorità ta’ res judicata, iżda tikkonċerna l-istess każ bħal dak imsemmi fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, jiġifieri dak ta’ offerent li jikkontesta l-legalità tal-ammissjoni tal-offerta ta’ offerent jew ta’ diversi offerenti oħra u li huwa stess ġie kkonfrontat b’kontestazzjoni tal-ammissibbiltà tal-offerta tiegħu, li għadha ma ġietx deċiża b’mod definittiv. |
|
43 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li jidħlu l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 28 tal-imsemmija sentenza, li jgħidu li, jekk ir-rikors tal-offerent eskluż jitqies fondat, l-awtorità kontraenti tkun tista’ tieħu d-deċiżjoni li tannulla l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt ikkonċernata u li tiftaħ proċedura ġdida, għar-raġuni li l-offerti regolari li jifdal ma jikkorrispondux suffiċjentement għall-aspettattivi ta’ din l-awtorità kontraenti. Issa, l-imsemmija ċirkustanzi, li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, fil-punt 29 tal-istess sentenza, li, f’tali ċirkustanzi, l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali ma tistax, taħt piena li tippreġudika l-effettività tad-Direttiva 89/665, tkun suġġetta għall-konstatazzjoni minn qabel li l-offerti kollha inqas ikklassifikati minn dik tal-offerent li jkun ippreżenta dan ir-rikors huma wkoll irregolari, ma jinsabux fil-kawża prinċipali. |
|
44 |
Fl-aħħar nett, il-fatt li operatur definittivament eskluż mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt jinvoka, insostenn tar-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt ikkonċernat jew kontra r-rifjut tal-awtorità kontraenti li terġa’ lura minn din id-deċiżjoni, il-parteċipazzjoni tal-offerenti kollha f’dan il-kuntratt fi ftehim li jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ma tistax tiġġustifika interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665. |
|
45 |
Fil-fatt, operatur li jinsab f’sitwazzjoni bħal din ma jiddistingwixxix ruħu, definittivament, minn kull operatur ieħor li seta’ potenzjalment jippreżenta offerta. Issa, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din l-aħħar ċirkustanza ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika li tali operatur jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li tkun jew li qiegħda f’riskju li tiġi leża minħabba ksur allegat”, fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665. |
|
46 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tippermettix lil operatur li jipparteċipa fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, minħabba li ma kienx jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni previsti mis-sejħa għal offerti kkonċernata u li r-rikors tiegħu kontra l-inklużjoni ta’ din il-kundizzjoni, f’din is-sejħa għal offerti, ġie miċħud b’deċiżjoni li kisbet il-forza ta’ res judicata, li tikkontesta r-rifjut tal-awtorità kontraenti kkonċernata li tannulla d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt pubbliku wara l-konferma, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, tal-parteċipazzjoni kemm tal-offerent magħżul kif ukoll tal-offerenti l-oħra kollha fi ftehim li jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-istess settur bħal dak ikkonċernat mill-proċedura għall-għoti tal-imsemmi kuntratt pubbliku. |
Fuq l‑ispejjeż
|
47 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L‑Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tippermettix lil operatur li jipparteċipa fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, minħabba li ma kienx jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni previsti mis-sejħa għal offerti kkonċernata u li r-rikors tiegħu kontra l-inklużjoni ta’ din il-kundizzjoni, f’din is-sejħa għal offerti, ġie miċħud b’deċiżjoni li kisbet il-forza ta’ res judicata, li tikkontesta r-rifjut tal-awtorità kontraenti kkonċernata li tannulla d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt pubbliku wara l-konferma, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, tal-parteċipazzjoni kemm tal-offerent magħżul kif ukoll tal-offerenti l-oħra kollha fi ftehim li jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-istess settur bħal dak ikkonċernat mill-proċedura għall-għoti tal-imsemmi kuntratt pubbliku. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.