|
3.2.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 37/6 |
ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/121
tat-28 ta’ Jannar 2021
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea b’risposta għall-Ittra lill-Istati mibgħuta mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-Emenda 28 għat-Taqsima D tal-Kapitolu 9 tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) u l-punt (a) tal-Artikolu 87(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”), li għandha l-għan li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Din stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO). |
|
(2) |
L-Istati Membri tal-Unjoni huma Stati kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, filwaqt l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO għandu jadotta standards u prattiki rakkomandati internazzjonali (“SARPs”). |
|
(4) |
Fil-21 ta’ Diċembru 2017, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSC, United Nations Security Council) iddeċieda fir-Riżoluzzjoni 2396 (2017) tiegħu li l-Istati Membri tan-NU għandhom jiżviluppaw il-kapaċità li jiġbru, jipproċessaw u janalizzaw, b’segwitu għas-SARPs tal-ICAO, id-data tar-reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) u li jiżguraw li d-data tal-PNR tintuża mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kollha tagħhom kif ukoll tiġi kondiviża magħhom kollha, b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali, għall-fini tal-prevenzjoni, is-sejbien u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u l-ivvjaġġar relatat magħhom. |
|
(5) |
Ir-Riżoluzzjoni UNSCR 2396 (2017) ħeġġet ukoll lill-ICAO biex taħdem mal-Istati kontraenti biex tistabbilixxi standard għall-ġbir, l-użu, l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data tal-PNR. |
|
(6) |
Is-SARPs għall-PNR huma stabbiliti fit-Taqsima D tal-Kapitolu 9 tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Dawk is-SARPs huma kkomplementati minn gwida addizzjonali, b’mod partikolari mid-Dokument 9944 tal-ICAO li jistabbilixxi l-linji gwida dwar id-data tal-PNR. |
|
(7) |
Fit-23 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill tal-ICAO adotta l-Emenda 28 għat-Taqsima D tal-Kapitolu 9 tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li stabbiliet sett ġdid ta’ SARPs għall-Istati kontraenti biex jiżviluppaw il-kapaċitijiet tagħhom għall-ġbir, l-użu, l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data tal-PNR għal titjiriet lejn u mit-territorju tagħhom (l-“Emenda 28”), appoġġat minn qafas legali u amministrattiv adatt. |
|
(8) |
F’konformità mal-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, sakemm il-maġġoranza tal-Istati kontraenti għaliha ma jirreġistrawx id-diżapprovazzjoni tagħhom, l-Emenda 28 issir effettiva tliet xhur wara l-iskadenza għar-reġistrazzjoni ta’ tali diżapprovazzjoni. |
|
(9) |
F’konformità mal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kwalunkwe Stat kontraenti li jsibha imprattikabbli li jikkonforma f’kull aspett ma’ tali standards jew proċeduri internazzjonali, jew li jġib ir-regolamenti jew prattiki tiegħu stess f’konformità sħiħa ma’ kwalunkwe standard jew proċedura internazzjonali wara l-emendar ta’ dawn tal-aħħar, jew li jqis li huwa neċessarju li jiġu adottati regolamenti jew prattiki differenti fi kwalunkwe aspett partikolari minn dawk stabbiliti minn standard internazzjonali, jeħtieġ li jagħti notifika immedjata lill-ICAO tad-differenzi bejn il-prattika tiegħu stess u dik stabbilita mill-istandard internazzjonali. In-notifika ta’ tali differenzi għandha impatt fuq l-effetti legali tal-istandards adottati mill-ICAO. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-materja jkollha għalhekk tiġi stabbilita f’konformità mal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
|
(10) |
L-Emenda 28 ġiet innotifikata lill-Istati kontraenti permezz tal-Ittra lill-Istati EC 6/3-20/71. Skont dik l-Ittra lill-Istati, kwalunkwe differenza mill-Emenda 28 jew il-konformità mal-Emenda 28 għandhom jiġu nnotifikati sat-30 ta’ Jannar 2021. |
|
(11) |
L-Unjoni adottat regoli komuni dwar id-data tal-PNR fid-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jikkoinċidi b’mod sinifikanti ma’ dak tas-SARPs, kif riveduti mill-Emenda 28. Id-Direttiva (UE) 2016/681 tinkludi, b’mod partikolari, sett komprensiv ta’ regoli li jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ data tal-PNR minn trasportaturi tal-ajru lill-Istati Membri u tal-ipproċessar ta’ tali data għall-finijiet tal-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ kriminalità serja. |
|
(12) |
L-Unjoni adottat ukoll atti leġiżlattivi dwar il-protezzjoni tad-data personali, speċifikament ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u d-Direttiva 2016/680/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), applikabbli għall-ipproċessar tad-data tal-PNR mit-trasportaturi bl-ajru u operaturi privati oħra u mill-awtoritajiet kompetenti għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali u l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż għall-finijiet ta’ salvagwardja kontra t-theddid għas-sigurtà pubblika u tal-prevenzjoni tiegħu. |
|
(13) |
Barra minn hekk, hemm żewġ ftehimiet internazzjonali dwar l-ipproċessar u t-trasferiment tad-data tal-PNR fis-seħħ bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, speċifikament mal-Awstralja (4) u l-Istati Uniti (5). Fis-26 ta’ Lulju 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat l-Opinjoni 1/15 dwar il-ftehim previst bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tal-PNR, iffirmat fil-25 ta’ Ġunju 2014 (6) (l-“Opinjoni 1/15”). |
|
(14) |
L-aspetti relatati mal-PNR tat-Taqsima D tal-Kapitolu 9 tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kif riveduta mill-Emenda 28, jirrigwardaw qasam li għalih l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva taħt l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, billi l-Emenda 28 tista’ taffettwa regoli komuni dwar il-protezzjoni u l-ipproċessar tad-data tal-PNR. |
|
(15) |
Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar din il-materja, għall-finijiet tal-preparazzjoni tal-Emenda 28, ittieħdet f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2107 (7). Dik il-pożizzjoni tirrifletti r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali u tat-trasferimenti tad-data tal-PNR lil pajjiżi terzi, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttivi (UE) 2016/680 u (UE) 2016/681, kif ukoll ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fl-Opinjoni 1/15. |
|
(16) |
Is-SARPs, kif riveduti mill-Emenda 28, ġeneralment isegwu l-linji tal-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita fid-Deċiżjoni (UE) 2019/2107 u jistabbilixxu salvagwardji ambizzjużi dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari dwar id-drittijiet tas-suġġetti tad-data, is-sorveljanza minn awtorità indipendenti, id-data sensittiva, l-ipproċessar awtomatizzat tad-data tal-PNR u n-nondiskriminazzjoni, l-iskopijiet li għalihom id-data tal-PNR tista’ tiġi pproċessata, u ż-żamma, l-użu, l-iżvelar u trasferimenti ulterjuri tad-data tal-PNR. |
|
(17) |
Għaldaqstant, ladarba l-Emenda 28 tippermetti li jinkiseb progress sinifikanti fil-livell internazzjonali fir-rigward tal-istandards għall-protezzjoni tad-data tal-PNR, ma ġiet notifikata ebda diżapprovazzjoni mill-Istati Membri tal-Unjoni taħt l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. |
|
(18) |
Madankollu, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fir-rigward tat-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tal-PNR huma aktar eżiġenti mis-SARPs kif riveduti mill-Emenda 28. |
|
(19) |
L-Istandard 9.34(a), kif stabbilit fl-Emenda 28, jirrikjedi li l-Istati kontraenti la jfixklu u lanqas jimpedixxu t-trasferiment tad-data tal-PNR lil Stat kontraenti ieħor li jikkonforma mas-SARPs. Taħt l-Istandard 9.34(b), kif stabbilit fl-Emenda 28, l-Istati kontraenti jżommu l-abbiltà li jżommu jew jintroduċu livelli ogħla ta’ protezzjoni f’konformità mal-qafas legali u amministrattiv domestiku tagħhom, u li jidħlu f’arranġamenti addizzjonali ma’ Stati kontraenti oħrajn biex jistabbilixxu dispożizzjonijiet aktar dettaljati relatati mat-trasferiment tad-data tal-PNR. Madankollu, il-lingwaġġ attwali tal-Istandard 9.34, mill-perspettiva tal-Unjoni u l-Istati Membri, mhuwiex ċar biżżejjed f’termini legali biex jiżgura li l-Istati Membri ma jkunux preklużi milli jimponu dawk ir-rekwiżiti aktar eżiġenti. |
|
(20) |
F’dawk iċ-ċirkostanzi, sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni u mas-SARPs, jenħtieġ li l-Istati Membri, b’risposta għall-Ittra lill-Istati EC 6/3-20/71, jinnotifikaw b’mod formali differenza fis-sens tal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Tali differenza jenħtieġ li tkun limitata għall-Istandard 9.34 fit-Taqsima D tal-Kapitolu 9 tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kif rivedut mill-Emenda 28. |
|
(21) |
Għalhekk, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni. |
|
(22) |
Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi espressa mill-Istati Membri. |
|
(23) |
L-Irlanda hija marbuta bid-Direttiva (UE) 2016/681 u għalhekk tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(24) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni b’risposta għall-Ittra lill-Istati EC 6/3-20/71, maħruġa mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fis-17 ta’ Lulju 2020 (8), għandha tiġi espressa mill-Istati Membri.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Jannar 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
A. P. ZACARIAS
(1) Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132).
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(3) Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).
(4) Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri (ĠU L 186,14.7.2012, p. 4).
(5) Il-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (ĠU L 215, 11.8.2012, p. 5).
(6) L-Opinjoni 1/15 tal-Qorti (Awla Manja) tas-26 ta’ Lulju 2017, ECLI:EU:C:2017:592.
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2107 tat-28 ta’ Novembru 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tar-reviżjoni tal-Kapitolu 9 tal-Anness 9 (Faċilitazzjoni) għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-istandards u l-prattiki rakkomandati dwar id-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (ĠU L 318, 10.12.2019, p. 117).
(8) Ara d-dokument ST 5457/21 hawnhekk: http://register.consilium.europa.eu.