Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
22 ta’ Ottubru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Regolament (UE) 2022/1854 – Intervent ta’ emerġenza biex jilqa’ għall-prezzijiet għoljin tal-enerġija – Artikolu 6(1) – Limitu massimu fuq id-dħul miksub mis-suq imwettaq mill-produtturi tal-elettriku li jużaw ċerti sorsi ta’ enerġija – Artikolu 8 – Miżura preċedenti nazzjonali – Kontribuzzjoni nazzjonali kkalkolata fuq id-dħul kollu tal-produtturi tal-elettriku, miġbur sabiex tiġi ffinanzjata entità pubblika inkarigata li tiżgura l-istabbiltà finanzjarja u s-sigurtà tas-suq tal-enerġija – Miżura li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2022/1854 – Direttiva (UE) 2018/2001 – Promozzjoni tal-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli – Artikolu 3(1), (3) u (4) – Regolament (UE) 2019/943 – Artikolu 3(a), (b), (h) u (p), kif ukoll Artikolu 10(1), (4) u (5) – Direttiva (UE) 2019/944 – Regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku – Artikolu 5(1), (3) u (4) – Regolament (UE) 2021/1119 – Liġi Ewropea dwar il-Klima – Artikoli 2 u 4 – Nondiskriminazzjoni – Proporzjonalità – Artikolu 63 TFUE – Assenza ta’ informazzjoni suffiċjenti – Inammissibbiltà – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Assenza ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Nuqqas ta’ ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”
Fil-Kawża C‑327/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, Il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Mejju 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Marzu 2025, fil-proċedura
“VETS Svoge” EOOD
vs
Predsedatel na Upravitelnia savet na Fond “Sigurnost na elektroenergiynata sistema”,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn R. Frendo, Presidenta tal-Awla, I. Jarukaitis (Relatur), President tar-Raba’ Awla, u M. Condinanzi, Imħallef,
Avukat Ġenerali: A. Biondi,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal “VETS Svoge” EOOD, minn M. Raykov u L. G. Terzieva, advokati,
– għall-Predsedatel na Upravitelnia savet na Fond “Sigurnost na elektroenergiynata sistema”, minn V. Marinova,
– għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn I. Gurov u L. Vétillard, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet, T. Scharf u I. Zaloguin, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas‑6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija (ĠU 2022, L 261 I, p. 1); tal-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU 2021, L 243, p. 1), ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 191(2) TFUE; tal-Artikolu 3(1), (3) u (4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2018, L 328, p. 82, rettifiki fil-ĠU 2020, L 311, p. 11, fil-ĠU 2021, L 224, p. 42, fil-ĠU 2022, L 41, p. 37 u fil-ĠU L, 2025/90854); tal-Artikolu 3(a), (b), (h) u (p), kif ukoll tal-Artikolu 10(1), (4) u (5) tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU 2019, L 158, p. 54), ikkunsidrati flimkien mal-premessi 22 u 23 tiegħu kif ukoll mal-Artikolu 5(1), (3) u (4) tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125) u mal-Artikolu 8 tar-Regolament 2022/1854; tal-Artikolu 63 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “VETS Svoge” EOOD (iktar ’il quddiem “VETS Svoge”) u l-Predsedatel na Upravitelnia savet na Fond “Sigurnost na elektroenergiynata sistema” (il-President tal-Bord tad-Diretturi tal-Fond għas-“Sigurtà tas-Sistema tal-Enerġija Elettrika”, il-Bulgarija, iktar ’il quddiem l-“awtorità amministrattiva”) dwar il-legalità ta’ att li jikkonstata kreditu pubbliku tal-Istat fil-konfront ta’ din il-kumpannija.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Il-Karta
3 L-Artikolu 17 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għall-proprjetà”, jipprovdi, fl-paragrafu 1 tiegħu:
“Kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista' tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta' kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. [...] ”
4 L-Artikolu 51 tal-Karta, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fl-paragrafu 1 tiegħu:
“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. [...]”
It-Trattat FUE
5 Skont l-Artikolu 63(1) TFUE:
“Fil-kwadru tad-dispożizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita. ”
6 L-Artikolu 191(2) TFUE huwa fformulat kif ġej:
“Il-politika ta’ l-Unjoni [Ewropea] dwar l-ambjent għandha jkollha l-mira ta’ protezzjoni ta' livell għoli li tieħu kont tad-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni ta' l-Unjoni. Għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq il-prinċipji li azzjoni preventiva għandha tittieħed, li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità tissewwa f'ras il-għajn u li min iniġġeż għandu jħallas.
F’dan il-kuntest, il-miżuri ta’armonizzazzjoni li jirrispondu għall-ħtiġijiet ta’ protezzjoni ambjentali għandhom jinkludu, fejn xieraq, klawsola ta’ salvagwardja li tħalli l-Istati Membri li jieħdu miżuri provviżorji għal raġunijiet ambjentali non-ekonomiċi, suġġett għall-proċedura ta' monitoraġġ mill-Unjoni.”
Id-Direttiva 2018/2001
7 L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2018/2001, intitolat “Mira ġenerali vinkolanti tal-Unjoni għall‑2030”, kien jipprovdi, fil-paragrafi 1, 3 u 4 tiegħu:
“1. L-Istati Membri għandhom kollettivament jiżguraw li s-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija tal-Unjoni fl-2030 ikun ta' mill-inqas 32 %. Il-Kummissjoni [Ewropea] għandha tevalwa din il-mira, bil-ħsieb li tressaq proposta leġislattiva sal-2023 biex iżżidha fejn ikun hemm aktar tnaqqis sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, fejn ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-impenji internazzjonali tal-Unjoni għad-dekarbonizzazzjoni, jew fejn tnaqqis sinifikanti fil-konsum tal-enerġija fl-Unjoni jiġġustifika tali żieda.
[...]
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-politiki nazzjonali [...] u l-iskemi ta' appoġġ tagħhom, jitfasslu b'kont meħud debitu għall-ġerarkija tal-iskart [...] bil-għan li jiġu evitati effetti ta' distorsjoni indebiti fuq is-swieq tal-materja prima. L-Istati Membri m'għandhomx jagħtu appoġġ għall-enerġija rinnovabbli prodotta mill-inċinerazzjoni tal-iskart jekk ma kienx hemm konformità mal-obbligi tal-ġbir separat stipulati f'dik id-Direttiva.
4. Mill‑1 ta' Jannar 2021, is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli mill-konsum finali gross tal-enerġija ta' kull Stat Membru m'għandhiex tkun anqas mis- sehem ta' referenza li jidher fit-tielet kolonna tat-tabella fil-Parti A tal-Anness I għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw il-konformità ma' dak is-sehem ta' referenza. Jekk Stat Membru ma jżommx is-sehem ta' referenza tiegħu kif imkejjel fuq perijodu ta' sena, għandhom japplikaw l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 32(4) tar-Regolament (UE) 2018/1999 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2018, L 328, p. 1)].”
Ir‑Regolament 2019/943
8 Il-premessi 22 u 23 tar-Regolament 2019/943 jipprovdu:
“(22) Jenħtieġ li l-prinċipji ewlenin tas-suq jistabbilixxu li l-prezzijiet tal-elettriku jridu jiġu stabbiliti skont id-domanda u l-provvista. Jenħtieġ li dawk il-prezzijiet jindikaw meta jkun meħtieġ l-elettriku, u b'hekk jipprovdu inċentivi tas-suq għall-investimenti f'sorsi flessibbli bħall-ġenerazzjoni flessibbli, l-interkonnessjoni, ir-rispons tad-domanda jew il-ħżin tal-enerġija.
(23) Filwaqt li d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-elettriku, b'enerġija minn sorsi rinnovabbli li qed isiru parti importanti tas-suq, hija wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija, huwa fundamentali li s-suq jelimina l-ostakoli eżistenti għall-kummerċ transkonfinali u jħeġġeġ l-investimenti fl-infrastruttura ta' appoġġ, pereżempju b'żieda fil-ġenerazzjoni flessibbli, l-interkonnessjoni, ir-rispons tad-domanda u l-ħżin tal-enerġija. Biex tiġi appoġġata din il-bidla lejn ġenerazzjoni varjabbli u distribwita u biex ikun żgurat li l-prinċipji tas-suq tal-enerġija jkunu l-bażi tas-swieq futuri tal-elettriku tal-Unjoni, huwa essenzjali li jkun hemm attenzjoni ġdida fuq is-swieq integrati tul perjodu qasir u fuq il-prezzijiet li jirriflettu n-nuqqas ta' domanda. ”
9 L-Artikolu 3 tar-Regolament 2019/943, intitolat “Prinċipji dwar it-tħaddim tas-swieq tal-elettriku”, jipprevedi:
“L-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni, l-operaturi tas-suq u l-operaturi delegati għandhom jiżguraw li s-swieq tal-elettriku jitħaddmu skont il-prinċipji li ġejjin:
(a) il-prezzijiet għandhom jiġu stabbiliti abbażi tad-domanda u l-provvista;
(b) ir-regoli tas-suq għandhom jinkoraġġixxu l-formazzjoni libera tal-prezzijiet u għandhom jevitaw l-azzjonijiet li jipprevjenu l-formazzjoni tal-prezzijiet abbażi tad-domanda u l-provvista;
[...]
(h) għandhom jitneħħew b'mod progressiv l-ostakoli għall-flussi transkonfinali tal-elettriku bejn iż-żoni tal-offerti jew l-Istati Membri u għat-tranżazzjonijiet transkonfinali fis-swieq tal-elettriku u tas-servizzi relatati;
[...]
(p) Ir-regoli tas-suq għandhom jiffaċilitaw il-kummerċ tal-prodotti madwar l-Unjoni, u l-bidliet regolatorji għandhom iqisu l-effetti fuq is-swieq u l-prodotti forward u futuri kemm fuq terminu qasir kif ukoll fuq terminu twil;
[...]”
10 L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, intitolat “Limiti tekniċi tal-offerti”, jipprovdi:
“1. Ma għandu jkun hemm la limitu massimu u lanqas limitu minimu tal-prezz tal-elettriku bl-ingrossa. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika, fost l-oħrajn, għall-offerti u l-ikklirjar fil-perjodi kollha ta’ żmien u tinkludi l-enerġija ta’ bbilanċjar u l-prezzijiet tal-iżbilanċ, mingħajr preġudizzju għal-limiti tekniċi tal-prezzijiet li jistgħu jiġu applikati fil-perjodu ta’ żmien tal-ibbilanċjar u għall-perjodi ta’ żmien ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata skont il-paragrafu 2.
[...]
4. L-awtoritajiet regolatorji jew, fejn Stat Membru ħatar awtorità kompetenti oħra għal dak l-iskop, dawn l-awtoritajiet kompetenti maħtura, għandhom jidentifikaw il-politiki u l-miżuri applikati fit-territorju tagħhom li jistgħu jikkontribwixxu biex jillimitaw b’mod indirett il-formazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa, anki bil-limitazzjoni tal-offerti relatati mal-attivazzjoni tal-enerġija ta’ bbilanċjar, tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità, miżuri mill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, miżuri maħsuba biex jisfidaw ir-riżultati tas-suq, jew biex jipprevjenu l-abbuż tal-pożizzjonijiet dominanti jew taż-żoni tal-offerti ddefiniti b’mod ineffiċjenti.
5. Meta awtorità regolatorja jew awtorità kompetenti maħtura tidentifika politika jew miżura li tista’ tgħin biex tillimita l-formazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa, din għandha tieħu l-azzjonijiet kollha xierqa biex telimina jew, jekk dan ma jkunx possibbli, biex tillimita l-impatt ta’ dik il-politika jew miżura fuq l-imġiba tal-offerti. L-Istati Membri għandhom jipprovdu rapport lill-Kummissjoni sal-5 ta' Jannar 2020 li jagħti dettalji dwar il-miżuri u l-azzjonijiet li ħadu jew li beħsiebhom jieħdu.”
Id-Direttiva 2019/944
11 Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/944, intitolat “Prezzijiet tal-provvista bbażati fis-suq”:
“1. Il-fornituri għandhom ikunu ħielsa li jiddeterminaw il-prezz li bih jipprovdu l-elettriku lill-klijenti. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjonijiet xierqa biex jiżguraw il-kompetizzjoni effettiva bejn il-fornituri.
[...]
3. B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri jistgħu japplikaw interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku lil klijenti domestiċi foqra jew vulnerabbli f'termini ta' enerġija. Tali interventi pubbliċi għandhom ikunu soġġetti għall-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 4 u 5.
4. Interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-elettriku għandhom:
(a) ikunu mmirati lejn interess ekonomiku ġenerali u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiksbu dak l-interess ekonomiku ġenerali;
(b) ikunu definiti b'mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorji u verifikabbli;
(c) jiggarantixxu aċċess ugwali lill-impriżi tal-elettriku tal-Unjoni għall-klijenti;
(d) għandhom ikunu limitati fiż-żmien u jkunu proporzjonati fir-rigward tal-benefiċjarji tagħhom;
(e) m'għandhomx jirriżultaw fi spejjeż addizzjonali għall-parteċipanti fis-suq b'mod diskriminatorju.
[...] ”
Ir‑Regolament 2021/1119
12 L-Artikolu 2 tar-Regolament 2021/1119, intitolat “Objettiv tan-newtralità klimatika” jipprevedi:
“1. L-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra madwar l-Unjoni rregolati mil-liġi tal-Unjoni għandhom jiġu bbilanċjati fi ħdan l-Unjoni sa mhux iktar tard mill-2050, biex b’hekk l-emissjonijiet netti jitnaqqsu għal żero sa dik id-data, u l-Unjoni għandu jkollha l-għan li sussegwentement tikseb emissjonijiet negattivi.
2. L-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa fil-livell tal-Unjoni u fil-livell nazzjonali, rispettivament, biex ikun jista’ jinkiseb b’mod kollettiv l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fil-paragrafu 1, filwaqt li jqisu l-importanza tal-fatt li jippromwovu kemm l-ekwità u s-solidarjetà fost l-Istati Membri kif ukoll il-kosteffettività fl-ilħuq ta’ dan l-objettiv.”
13 Skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Miri klimatiċi tal-Unjoni intermedji”:
“1. Sabiex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1), il-mira klimatika vinkolanti tal-Unjoni għall-2030 għandha tkun tnaqqis domestiku tal-emissjonijiet netti tal-gassijiet b’effett ta’ serra (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) b’mill-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990.
[...]
2. Sat-30 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni biex tippermetti l-kisba tal-mira stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) u tikkunsidra li tieħu l-miżuri meħtieġa, inkluż l-adozzjoni ta’ proposti leġiżlattivi, f’konformità mat-Trattati.
[...]
3. Bl-għan li jintlaħaq l-objettiv ta’ newtralità klimatika stipulat fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament, għandha tiġi stabbilita mira tal-Unjoni kollha għall-klima għall-2040. [...]
[...]
5. Meta tipproponi l-mira klimatika tal-Unjoni għall-2040 skont il-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra dan li ġej:
[...]
(g) l-effiċjenza enerġetika u l-prinċipju ‘l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel’, l-affordabbiltà tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista;
[...]
7. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom jinżammu taħt rieżami fid-dawl tal-iżviluppi u l-isforzi li jkunu saru fil-livell internazzjonali [...]”
Ir‑Regolament 2022/1854
14 Il-premessi 25, 40 u 41 tar-Regolament 2022/1854 kienu jipprovdu:
“(25) F’sitwazzjoni fejn il-konsumaturi jkunu esposti għal prezzijiet estremament għoljin li jagħmlu ħsara wkoll lill-ekonomija tal-Unjoni, huwa neċessarju li b’mod temporanju jiġi limitat id-dħul straordinarju tas-suq tal-produtturi b’kostijiet marġinali aktar baxxi, billi jiġi applikat limitu massimu fuq id-dħul tas-suq miksub mill-bejgħ tal-elettriku fl-Unjoni.
[...]
(40) Peress li t-taħlita tal-ġenerazzjoni u l-istruttura tal-kostijiet tal-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija jvarjaw ħafna fost l-Istati Membri, jenħtieġ li jitħallew iżommu jew jintroduċu miżuri nazzjonali ta’ kriżi taħt kondizzjonijiet speċifiċi.
(41) B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri jżommu l-possibbiltà li jillimitaw aktar id-dħul tal-produtturi li għalihom japplika l-limitu massimu tad-dħul mis-suq u li jistabbilixxu limitu massimu speċifiku fuq id-dħul mis-suq miksub mill-bejgħ tal-elettriku prodott mill-faħam iebes, li l-prezz tiegħu jista’ jkun ferm aktar baxx mill-prezz ta’ teknoloġiji marġinali f’xi Stati Membri. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew ukoll iżommu jew jintroduċu miżuri nazzjonali ta' kriżi, li jillimitaw id-dħul mis-suq tal-produtturi għajr dawk soġġetti għal-limitu massimu tad-dħul mis-suq fl-Unjoni kollha.”
15 Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”:
“Dan ir-Regolament jistabbilixxi intervent ta’ emerġenza biex jittaffew l-effetti tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija permezz ta’ miżuri eċċezzjonali, immirati u limitati fiż-żmien. Dawk il-miżuri għandhom l-għan li jnaqqsu l-konsum tal-elettriku, jintroduċu limitu fuq id-dħul mis-suq li ċerti produtturi jirċievu mill-ġenerazzjoni tal-elettriku u jqassmu mill-ġdid lill-klijenti finali tal-elettriku b'mod immirat, [...]”
16 L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Limitu massimu obbligatorju fuq id-dħul mis-suq”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Id-dħul mis-suq tal-produtturi miksub mill-ġenerazzjoni tal-elettriku mis-sorsi msemmija fl-Artikolu 7(1) għandu jkun limitat għal massimu ta’ EUR 180 [euro] għal kull [megawatt siegħa (MWh)] ta’ elettriku prodott.”
17 L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Applikazzjoni tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq tal-produtturi tal-elettriku”, kien jispeċifika, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-limitu massimu fuq id-dħul miksub mis-suq previst fl-Artikolu 6 tal-istess regolament kien japplika għad-dħul miksub mis-suq imwettaq mill-bejgħ tal-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija li dan il-paragrafu 1 jelenka.
18 L-Artikolu 8 tar-Regolament 2022/1854, intitolat “Miżuri nazzjonali ta’ kriżi”, kien jipprovdi:
“1. L-Istati Membri jistgħu:
(a) iżommu jew jintroduċu miżuri li jillimitaw aktar id-dħul mis-suq tal-produtturi li jiġġeneraw l-elettriku mis-sorsi elenkati fl-Artikolu 7(1), inkluż il-possibbiltà li ssir distinzjoni bejn it-teknoloġiji, kif ukoll id-dħul mis-suq ta’ parteċipanti oħra fis-suq, inklużi dawk attivi fil-kambju tal-elettriku;
(b) jistabbilixxu limitu massimu ogħla fuq id-dħul mis-suq għall-produtturi li jiġġeneraw l-elettriku mis-sorsi elenkati fl-Artikolu 7(1), dment li l-investimenti u l-kostijiet operattivi tagħhom jaqbżu l-massimu stabbilit fl-Artikolu 6(1);
(c) iżommu jew jintroduċu miżuri nazzjonali biex jillimitaw id-dħul mis-suq tal-produtturi li jiġġeneraw l-elettriku minn sorsi mhux imsemmija fl-Artikolu 7(1);
(d) jistabbilixxu limitu massimu speċifiku fuq id-dħul mis-suq miksub mill-bejgħ tal-elettriku prodott mill-faħam iebes;
(e) jissoġġettaw lill-unitajiet idroelettriċi mhux imsemmija fl-Artikolu 7(1), il-punt (d), għal limitu massimu fuq id-dħul mis-suq, jew iżommu jew jintroduċu tali miżuri li jillimitaw aktar id-dħul mis-suq tagħhom, inkluż il-possibbiltà li ssir distinzjoni bejn it-teknoloġiji.
2. Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom, f’konformità ma’ dan ir-Regolament:
(a) ikunu proporzjonati u mhux diskriminatorji;
(b) ma jipperikolawx is-sinjali ta’ investiment;
(c) jiżguraw li l-investimenti u l-ispejjeż operattivi jkunu koperti;
(d) ma jfixklux il-funzjonament tas-swieq tal-operaturi tal-elettriku, u b’mod partikolari, ma jaffettwawx l-ordni tal-mertu u l-formazzjoni tal-prezzijiet fis-suq tal-operaturi;
(e) ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.”
19 Skont l-Artikolu 22(2)(c) ta’ dan ir-regolament, l-Artikoli 6 sa 8 tiegħu kienu applikaw mill‑1 ta’ Diċembru 2022 sat‑30 ta’ Ġunju 2023.
Id-dritt Bulgaru
Il-Liġi dwar l-Enerġija
20 Iż-Zakon za energetikata (il-Liġi dwar l-Enerġija) (DV Nru 107, tad‑9 ta’ Diċembru 2003), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Enerġija”), tipprovdi, fl-Artikolu 36f tagħha:
“(1) Għandhom jitħallsu kontribuzzjonijiet mensili ta’ 5 % lill-[Fond ‘Sigurnost na elektroenergiynata sistema’ (il-Fond ‘Sigurtà tas-Sistema tal-Enerġija Elettrika’, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem il-“FSSE”)]:
1. il-produtturi tal-elettriku, fuq id-dħul mill-bejgħ tal-elettriku, mingħajr [taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)], u dawk li jirċievu primjum [...] skont iż-Zakon za energiyata ot vazobnovyaemi iztochnitsi [il-Liġi dwar l-Enerġija ġġenerata minn Sorsi Rinnovabbli, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Enerġija Rinnovabbli”], anki fuq id-dħul minn dan il-primjum, mingħajr [VAT].
[...] ;
(2) Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1, bl-eċċezzjoni tal-produtturi msemmija fl-Artikolu 30(2) tal-Liġi dwar l-Enerġija Rinnovabbli, għandhom, sal‑20 tax-xahar kurrenti:
[...]
2. biex iħallsu lill-[FSSE] il-kontribuzzjoni korrispondenti skont il-paragrafu 1 tax-xahar preċedenti.
(3) Il-produtturi tal-elettriku msemmija fl-Artikolu 30(2) tal-[Liġi dwar l-Enerġija Rinnovabbli] għandhom kull sena, qabel il‑31 ta’ Marzu:
[...]
2. biex iħallsu lill-[FSSE] il-kontribuzzjonijiet korrispondenti skont il-paragrafu 1 għas-sena kalendarja preċedenti.
[...]
(5) Għall-finijiet tat-tassazzjoni, il-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-[FSSE] huma kkunsidrati bħala spejjeż operattivi kurrenti.”
Ir-Regolament dwar ir-Riżorsi tal-FSSE
21 In-Naredba za reda i nachina za nabiraneto, razhodvaneto, otchitaneto i kontrola na sredstvata na Fond “Sigurnost na elektroenergiynata sistema” (ir-Regolament dwar il-Modalitajiet u l-Mezzi ta’ ġbir, ta’ nfiq, ta’ kontabbiltà u ta’ kontroll tar-riżorsi tal-FSSE), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar ir-Riżorsi tal-FSSE”) jipprevedi, fl-Artikolu 5 tiegħu:
“Il-[FSSE] għandu jiġi ffinanzjat bi:
1. kontribuzzjonijiet ta’5 % tad-dħul tal-produtturi tal-elettriku mill-bejgħ tal-elettriku, mingħajr VAT;
[...]”
22 Skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament:
“(1) Id-dħul imsemmi fil-punt 1 tal-Artikolu 5 huwa d-dħul mill-bejgħ kollu ffatturat bi prezzijiet irregolati jew innegozjati liberament tal-elettriku ġġenerat mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, inkluż:
1. id-dħul mill-bejgħ tal-elettriku attiv;
2. id-dħul mill-provvista tal-enerġija tal-ibbilanċjar abbażi ta’ kuntratt [...]; ;
3. ir-riżultat nett tal-ibbilanċjar abbażi ta’ kuntratt [...].
(2) Għall-finijiet tal-kalkolu tad-dħul kif iddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 5, l-ispejjeż iddikjarati tal-enerġija tal-ibbilanċjar mhux iġġenerat għandhom jitnaqqsu bħala parti minn regolamentazzjoni downstream.
(3) Meta r-riżultat nett ta’ bbilanċjar fis-sens tal-punt 3 tal-paragrafu 1 ikun negattiv, l-ammont tiegħu għandu jitnaqqas mill-ammont tad-dħul għall-finijiet tal-kalkolu tad-dħul fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 5.
[...]”
Il-Liġi ta’ Applikazzjoni tal-Liġi Finanzjarja tal‑2022
23 Iż-Zakon za prilagane na razporedbi na Zakona za darzhavnia byudzhet na Republika Bulgaria za 2022 g., Zakona za byudzheta na darzhavnoto obshtestveno osiguryavane za 2022 g. i Zakona za byudzheta na Natsionalnata zdravnoosiguritelna kasa za 2022 g. (il-Liġi dwar l-Applikazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Liġi Finanzjarja tar-Repubblika tal-Bulgarija għall‑2022, tal-Liġi dwar il-Baġit għall-Assigurazzjoni Soċjali tal-Istat għall‑2022 u tal-Liġi dwar il-Baġit tal-Fond Nazzjonali tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa), (DV Nru 104, tat‑30 ta’ Diċembru 2022) fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi ta’ Applikazzjoni tal-Liġi Finanzjarja tal‑2022”), tipprevedi, fil-paragrafu 8 tad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali u finali tagħha:
“(1) Il-produtturi tal-elettriku li għandhom impjanti ta’ produzzjoni tal-elettriku b’kapaċità installata ta’ iktar minn 1 [megawatt (MW)], li d-dħul tagħhom miksub mis-suq joriġina mill-bejgħ tal-elettriku ġġenerat minn sorsi msemmija fl-Artikolu 7(1) tar-[Regolament 2022/1854], [...] għandhom iħallsu lill-[FSSE] kontribuzzjonijiet allokati li jirrappreżentaw id-differenza pożittiva bejn id-dħul miksub mis-suq, mingħajr [VAT], u l-limitu massimu ta’ dħul stabbilit, ikkalkolat billi jiġu applikati l-valuri għat-tip ta’ produttur ikkonċernat, b’perijodu ta’ kunsinna mill‑1 ta’ Diċembru 2022 sat‑30 ta’ Ġunju 2023, [...]. L-ammont tal-kontribuzzjoni allokata għandu jiġi kkalkolat għal kull tranżazzjoni.
(2) Il-valuri użati għall-kalkolu tal-limitu massimu tad-dħul għat-tip ta’ produttur ikkonċernat, fis-sens tal-punt 1, għandhom jiġu ddeterminati b’deċiżjoni tal-Ministerski savet [il-Kunsill tal-Ministri, (il-Bulgarija)].
(3) Il-produtturi li għandhom impjanti ta’ produzzjoni tal-elettriku b’kapaċità installata ta’ iktar minn 1 MW, detenturi ta’ kuntratt ta’ kumpens permezz ta’ primjums fis-seħħ fit‑8 ta’ Ottubru 2022, li d-dħul tagħhom miksub mis-suq joriġina mill-bejgħ tal-elettriku ġġenerat minn sorsi msemmija fl-Artikolu 7(1) tar-[Regolament 2022/1854], għandhom iħallsu lill-[FSSE] kontribuzzjonijiet allokati fuq id-dħul miksub mis-suq għal kull tranżazzjoni konkluża bi prezzijiet liberament innegozjati, mingħajr [VAT], b’perijodu ta’ kunsinna mill‑1 ta’ Diċembru 2022 sat‑30 ta’ Ġunju 2023, bl-eċċezzjoni tat-tranżazzjonijiet fuq l-enerġija tal-ibbilanċjar. L-ammont tal-kontribuzzjoni allokata ta’ kull tranżazzjoni huwa kkalkolat kif ġej:
1. id-differenza pożittiva bejn id-dħul miksub mis-suq bi prezzijiet liberament innegozjati (prezz tas-suq miksub) li joriġina mit-tranżazzjoni kkonċernata, mingħajr [VAT], u l-limitu massimu ta’ dħul stabbilit, ikkalkolat billi jiġi applikat il-prezz tas-suq stmat skont id-deċiżjoni dwar il-prezz maħruġa mill-Komisia za energiyno i vodno regulirane [(il-Kummissjoni Regolatorja tal-Enerġija u tal-Ilma, il-Bulgarija)], li tiffissa l-primjum fis-seħħ għall-produttur ikkonċernat, għall-produtturi li għalihom l-ammont ta’ dan il-primjum huwa differenti minn BGN 0.00 għal kull MWh, mingħajr [VAT], u
2. 90 % tad-differenza pożittiva bejn id-dħul miksub mis-suq bi prezzijiet liberament innegozjati (prezz tas-suq miksub) li joriġina mit-tranżazzjoni kkonċernata, mingħajr [VAT], u l-limitu massimu ta’ dħul stabbilit, ikkalkolat billi jiġi applikat il-prezz preferenzjali ddeterminat mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Regolatorja tal-Enerġija u tal-Ilma, konformement mal-kuntratt ta’ kumpens permezz ta’ primjums, għall-produtturi li għalihom l-ammont iffissat tal-primjum fis-seħħ huwa ta’ BGN 0.00 għal kull MWh mingħajr [VAT].
[...]
(11) Il-kontribuzzjonijiet allokati skont il-punti 1, 3, 4 u 5 għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala spejjeż operattivi kurrenti għall-finijiet tat-tassazzjoni tal-produtturi, tan-negozjanti tal-elettriku u tal-fornitur pubbliku.
[...]
(15) Il-kontribuzzjonijiet allokati skont il-punti 1, 3, 4 u 5 huma obbligi pubbliċi tal-Istat, filwaqt li l-kontribuzzjonijiet mhux imħallsa fit-termini huma stabbiliti u rkuprati konformement mal-Danachno-osiguritelnia protsesualen kodeks [il-Kodiċi ta’ Proċedura fil-qasam tat-taxxi u tal-kontribuzzjonijiet soċjali] [...].
[...]”
Il-Liġi Finanzjarja tal‑2023
24 Il-paragrafu 3 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-Liġi dwar l-applikazzjoni taż-Zakon za darzhavnia byudzhet na Republika Balgaria za 2023 (il-Liġi Finanzjarja tar-Repubblika tal-Bulgarija għall‑2023), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Finanzjarja tal‑2023”), jipprovdi:
“(1) Il-produtturi tal-elettriku li għandhom impjanti għall-ġenerazzjoni tal-elettriku b’kapaċità installata ta’ iktar minn 1 MW, li d-dħul tagħhom miksub mis-suq joriġina mill-bejgħ ta’ elettriku ġġenerat minn enerġija eolika, minn enerġija solari (solari termika u solari fotovoltajka), minn enerġija ġeotermali, mill-enerġija idroelettrika mingħajr ġibjuni, minn bijokarburanti (solidi u gassużi, bl-esklużjoni tal-bijometan), minn skart, minn enerġija nukleari, minn linjite, minn prodotti petrolifiċi u minn pit, kif ukoll minn elettriku ġġenerat minn faħam u minn impjanti idroelettriċi, għandhom iħallsu lill-[FSSE] kontribuzzjonijiet allokati li jikkorrispondu għad-differenza pożittiva bejn id-dħul miksub mis-suq, mingħajr [VAT], u l-limitu massimu tad-dħul stabbilit, ikkalkolat billi jiġu applikati l-valuri għat-tip ta’ produttur ikkonċernat, b’perijodu ta’ kunsinna mill‑1 ta’ Lulju sal‑31 ta’ Diċembru 2023, [...]. L-ammont tal-kontribuzzjoni allokata għandu jiġi kkalkolat għal kull tranżazzjoni.
(2) Il-valuri użati għall-kalkolu tal-limitu massimu tad-dħul għat-tip ta’ produttur ikkonċernat, fis-sens tal-paragrafu 1, għandhom jiġu ddeterminati b’deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri.
(3) Il-produtturi li għandhom impjanti ta’ produzzjoni tal-elettriku b’kapaċità installata ta’ iktar minn 1 MW, għandhom kuntratt ta’ kumpens permezz ta’ primjums fis-seħħ fit‑8 ta’ Ottubru 2022, li d-dħul tagħhom miksub mis-suq joriġina mill-bejgħ tal-elettriku ġġenerat minn enerġija eolika, minn enerġija solari (solari termika u solari fotovoltajka), minn enerġija ġeotermali, mill-enerġija idroelettrika mingħajr ġibjuni, minn bijokarburanti (solidi u gassużi, bl-esklużjoni tal-bijometan), minn skart, minn enerġija nukleari, minn linjite, minn prodotti petrolifiċi u minn pit, għandhom iħallsu lill-[FSSE] kontribuzzjonijiet allokati fuq id-dħul miksub mis-suq għal kull tranżazzjoni konkluża bi prezzijiet liberament innegozjati, mingħajr [VAT], b’perijodu ta’ kunsinna mill‑1 ta’ Diċembru 2023, bl-eċċezzjoni tat-tranżazzjonijiet fuq l-enerġija tal-ibbilanċjar. L-ammont tal-kontribuzzjoni allokata ta’ kull tranżazzjoni huwa kkalkolat [skont l-istess metodu bħal dak li kien previst fil-paragrafu 8 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-Liġi ta’ Applikazzjoni tal-Liġi Finanzjarja tal‑2022].
[...]”
25 Il-punti (11) u (15) ta’ dan il-paragrafu 3 jirriproduċu b’mod identiku d-dispożizzjonijiet tal-punti (11) u (15) tal-paragrafu 8 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-Liġi ta’ Applikazzjoni tal-Liġi Finanzjarja tal‑2022.
Il-Liġi Finanzjarja tal‑2024
26 Il-paragrafu 3 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali taż-Zakon za darzhavnia byudzhet na Republika Balgaria za 2024 (il-Liġi Finanzjarja tar-Repubblika tal-Bulgarija għall‑2024), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Finanzjarja tal‑2024”), jirriproduċi d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-Liġi Finanzjarja tal‑2023, għall-elettriku kkunsinnat bejn l‑1 ta’ Jannar u l‑31 ta’ Diċembru 2024.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
27 VETS Svoge hija kumpannija rregolata mid-dritt Bulgaru proprjetarja ta’ ħames impjanti idroelettriċi. Hija għandha l-kwalità ta’ produttur tal-elettriku u hija inkluża fil-lista ta’ persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar ir-Riżorsi tal-FSSE. Skont l-Artikolu 36f(1) tal-Liġi dwar l-Enerġija, hija għandha tħallas kontribuzzjoni mensili ta’ 5 % tad-dħul mill-bejgħ tal-elettriku tagħha (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjoni ta’ 5 %”).
28 Permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva tat‑8 ta’ April 2024, infetħet proċedura amministrattiva ta’ adozzjoni ta’ att li jikkonstata kreditu pubbliku tal-Istat. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, VETS Svoge kellha, f’din id-data, djun dovuti u mhux imħallsa minħabba kontribuzzjonijiet dovuti skont l-Artikolu 36f(1) tal-Liġi dwar l-Enerġija għax-xhur ta’ Jannar u ta’ Frar 2024, ta’ 86 828.39 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 44 395), li jirrappreżentaw 5 % tad-dħul ikkalkolat skont l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar ir-Riżorsi tal-FSSE.
29 Permezz tal-ittra tal‑14 ta’ Lulju 2014, din il-kumpannija ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din id-deċiżjoni ta’ ftuħ. Hija indikat li kienet ħallset dawn id-djun fil-ħin, filwaqt li annettiet l-ordnijiet ta’ ħlas korrispondenti.
30 Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ April 2024, l-awtorità amministrattiva indikat lill-imsemmija kumpannija li hija ma kinitx ikkalkolat u ħallset korrettament il-kontribuzzjonijiet tagħha skont dan l-Artikolu 36f għax-xahar ta’ Diċembru 2022 kif ukoll għax-xhur ta’ Jannar, ta’ Frar, ta’ Marzu, ta’ April, ta’ Settembru u ta’ Ottubru 2023 peress li hija kienet, mingħajr bażi legali, naqqset mid-dħul li fuqu l-kontribuzzjoni ta’ 5 % hija kkalkolata l-kontribuzzjonijiet allokati li hija kienet ħallset skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-Liġi ta’ Applikazzjoni tal-Liġi Finanzjarja tal‑2022 kif ukoll skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-Liġi Finanzjarja tal‑2023.
31 Minkejja li VETS Svoge wettqet ċerti ħlasijiet sabiex tħallas l-ammont prinċipali tal-kontribuzzjonijiet dovuti skont l-Artikolu 36f tal-Liġi dwar l-Enerġija għas-sena 2023 kif ukoll parti mill-kontribuzzjoni dovuta għax-xahar ta’ Jannar 2024, l-awtorità amministrattiva qieset li din il-kumpannija ma kinitx issodisfat kompletament l-obbligi tagħha ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet ta’ 5 % kif ukoll tal-interessi moratorji relatati magħhom. Din l-awtorità għalhekk adottat, fit‑22 ta’ April 2024, att li jikkonstata kreditu pubbliku tal-Istat, li jistabbilixxi l-ammont totali tad-djun ta’ VETS Svoge għal BG 55 671.89 (madwar EUR 28 465), jiġifieri BGN 41 971.86 (madwar EUR 21 460) bħala ammont prinċipali, li jikkorrispondi għall-kontribuzzjonijiet ta’ 5 % fuq id-dħul mill-bejgħ tal-elettriku mingħajr VAT għax-xhur ta’ Jannar u ta’ Frar 2024, u BGN 13 700.03 (madwar EUR 7 005) għall-interessi moratorji dovuti fuq il-kontribuzzjonijiet ta’ 5 % mhux imħallsa fil-ħin għall-perijodu mill‑1 ta’ Awwissu 2021 sat‑22 ta’ April 2024.
32 VETS Svoge adixxiet lill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) b’rikors li jikkontesta l-legalità ta’ dan l-att.
33 Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Ottubru 2024, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors. Hija kkonstatat b’mod partikolari li, għax-xhur ta’ Marzu 2022 kif ukoll ta’ Jannar, ta’ Frar, ta’ Marzu, ta’ April, ta’ Settembru u ta’ Ottubru 2023, għal kull wieħed mill-ħames impjanti tagħha, din il-kumpannija kienet għamlet tnaqqis mid-dħul tagħha mill-bejgħ tal-elettriku li jinsab fil-fatturi li hija stess kienet ħarġet, b’tali mod li hija kienet ħallset kontribuzzjoni skont l-Artikolu 36f tal-Liġi dwar l-Enerġija inqas minn dik dovuta skont dan l-artikolu.
34 L-imsemmija qorti qieset, f’dan ir-rigward, li l-kontribuzzjonijiet dovuti skont l-imsemmi artikolu u l-kontribuzzjonijiet allokati dovuti skont il-paragrafu 8 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-Liġi ta’ Applikazzjoni tal-Liġi Finanzjarja tal‑2022, adottata abbażi tar-Regolament 2022/1854, kif ukoll dawk dovuti skont il-paragrafu 3 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-Liġi tal-Finanzi tal‑2023 u tal-Artikolu 3 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-Liġi Finanzjarja tal‑2024, qabel kollox, għandhom bħala suġġett relazzjonijiet soċjali differenti u huma rregolati minn atti leġiżlattivi differenti, li bejniethom ma hemmx korrispondenza, sussegwentement, għandhom mekkaniżmi ta’ kalkolu, ta’ ħlas u ta’ determinazzjoni differenti, u, fl-aħħar nett, ġew adottati sabiex jikkumpensaw spejjeż ta’ natura u ta’ ammonti differenti. Hija żiedet li, billi adotta dawn iż-żewġ kontribuzzjonijiet, il-leġiżlatur Bulgaru kien segwa għanijiet differenti. Hija rrilevat ukoll li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tranżitorji ma kienet emendat l-Artikolu 36f tal-Liġi dwar l-Enerġija jew il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjoni ta’ 5 % prevista f’dan l-artikolu.
35 Konsegwentement, l-istess qorti qieset li l-awtorità amministrattiva kellha raġun tqis li VETS Svoge ma kinitx ikkalkolat jew ħallset korrettament il-kontribuzzjonijiet dovuti skont l-imsemmi Artikolu 36f billi naqqset il-kontribuzzjonijiet allokati mid-dħul li abbażi tiegħu dawn l-ewwel kontribuzzjonijiet huma kkalkolati.
36 VETS Svoge appellat fil-kassazzjoni quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju. Insostenn ta’ dan l-appell, hija ssostni li l-konstatazzjonijiet tal-qorti tal-ewwel istanza jmorru kontra, minn naħa, il-Liġi dwar l-Enerġija, il- Liġi ta’ Applikazzjoni tal-Liġi Finanzjarja tal‑2022, il-Liġijiet Finanzjarji , tal‑2023 u tal‑2024, ir-Regolament dwar ir-Riżorsi tal-FSSE kif ukoll il-prinċipji u l-libertajiet fundamentali stabbiliti fil-Konstitutsia na Republika Bulgaria (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija), peress li jimponu piż finanzjarju mhux iġġustifikat u sproporzjonat fuq il-produtturi tal-elettriku, u, min-naħa l-oħra, imorru kontra d-dritt tal-Unjoni.
37 F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tindika, l-ewwel nett, li mir-Regolament 2022/1854 jirriżulta b’mod partikolari li d-dħul tal-produtturi tal-elettriku li jaqbeż il-limitu massimu tad-dħul stabbilit minn dan ir-regolament ma jitqiesx bħala dħul għall-produtturi kkonċernati, iżda jikkostitwixxi dħul għall-benefiċċju tal-Istati Membri, li jiġi dirett mill-ġdid lejn il-konsumaturi finali sabiex jiġu limitati l-effetti negattivi taż-żidiet fil-prezzijiet. Hija tirrileva wkoll li, skont l-imsemmi regolament, l-introduzzjoni jew iż-żamma fis-seħħ, mill-Istati Membri, ta’ miżuri li jillimitaw iktar id-dħul miksub mis-suq hija possibbli biss bl-osservanza tal-kundizzjonijiet elenkati mill-istess regolament. Minn dan jirriżulta li miżura addizzjonali tista’ titqies li hija proporzjonata biss jekk ma tikkawżax ħsara lill-produtturi u ma taffettwax il-kompetizzjoni.
38 It-tieni nett, din il-qorti tirrileva li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ta’ 5 % prevista fl-Artikolu 36f tal-Liġi dwar l-Enerġija, id-dħul mill-bejgħ tal-elettriku huwa kkostitwit mid-dħul mill-bejgħ kollu ffatturat bi prezzijiet irregolati jew liberament innegozjati, filwaqt li l-uniċi spejjeż li jistgħu jitnaqqsu huma l-ispejjeż tan-nuqqas tal-provvista. Għaldaqstant, il-miżura msemmija f’dan l-Artikolu 36f ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament 2022/1854, peress li hija sproporzjonata, ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ispejjeż operattivi, tal-produzzjoni kif ukoll tal-investiment tal-produtturi tal-elettriku u tillimita l-attività ta’ dawn tal-aħħar. Dan ir-regolament, bħala strument tad-dritt tal-Unjoni, jipprevali fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali u għalhekk jeskludi l-koeżistenza tal-kontribuzzjoni prevista fl-Artikolu 36f tal-Liġi dwar l-Enerġija, li tammonta wkoll għal limitu massimu ta’ dħul, mal-limitu massimu obbligatorju ta’ dħul li huwa jistabbilixxi.
39 Barra minn hekk, anki jekk jitqies li dan l-aħħar limitu massimu u l-kontribuzzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 36f jistgħu jikkoeżistu, għandu jiġi kkonstatat li l-ammont miġbur bħala kontribuzzjonijiet allokati ma jikkostitwixxix dħul mill-perspettiva tal-produttur ikkonċernat. Konsegwentement, ikun illegali li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 36f tal-Liġi dwar l-Enerġija, il-kontribuzzjoni ta’ 5 % dovuta skont din id-dispożizzjoni tiġi kkalkolata wkoll fuq l-ammont tal-kontribuzzjonijiet allokati. Dan iwassal, barra minn hekk, għal tassazzjoni doppja fiskali tal-istess valur. Dan ikun ukoll sproporzjonat u kuntrarju għall-għanijiet tar-Regolament 2022/1854, li huwa intiż li jillimita mhux id-dħul fittizju, iżda d-dħul effettivament imwettaq.
40 F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti żżid li, konformement mal-punt 11 tal-paragrafu 8 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-Liġi ta’ Applikazzjoni tal-Liġi Finanzjarja tal‑2022, il-kontribuzzjonijiet allokati huma rrikonoxxuti bħala spejjeż operattivi kurrenti tal-produtturi tal-elettriku. Il-fatt li jiġu ttrattati bħala dħul għall-finijiet biss tat-tassazzjoni tagħhom skont dan l-Artikolu 36f jikkostitwixxi att arbitrarju tal-Istat inkompatibbli mal-prinċipji ta’ solidarjetà u ta’ proporzjonalità stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li tali miżura hija legali fid-dawl tad-dritt intern, għandu, skont il-prinċipju lex posterior derogat legi priori, jittieħed inkunsiderazzjoni t-tħassir impliċitu tal-imsemmi Artikolu 36f, peress li l-kunċett ta’ “dħul” għandu jinftiehem fis-sens ta’ dan il-paragrafu 8 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali.
41 It-tielet nett, l-obbligu li titħallas kontribuzzjoni ta’ 5 % fuq l-ammont tal-kontribuzzjonijiet allokati jiskoraġġixxi l-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli u jwassal għall-waqfien tal-investimenti kif ukoll għal limitazzjoni forzata tal-produzzjoni ta’ dan it-tip ta’ elettriku, fid-dawl tat-telf iġġenerat. Barra minn hekk, din il-kontribuzzjoni hija inkompatibbli mal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u tal-promozzjoni tan-newtralità klimatika segwita mir-Regolament 2021/1119.
42 Ir-raba’ nett, l-imsemmija kontribuzzjoni hija inkompatibbli mal-moviment liberu tal-kapital, peress li tissuġġetta lill-produtturi li jixtiequ jidħlu fis-suq Bulgaru tal-elettriku jew iżommu l-attività tagħhom hemmhekk għal taxxa eċċessiva, li, barra minn hekk, tirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment u tikser l-Artikolu 17 tal-Karta.
43 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 8 tar-[Regolament 2022/1854] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-osservanza ta’ miżura nazzjonali, bħalma hija dik prevista fl-Artikolu 36f [tal-Liġi dwar l-Enerġija], li tipprovdi għal kontribuzzjoni ta’ 5 % tad-dħul mill-bejgħ tal-elettriku u li fl-istess ħin tistabbilixxi limitu massimu obbligatorju għad-dħul mis-suq tal-produtturi tal-elettriku?
2) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: l-Artikolu 8 tar-Regolament 2022/1854 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li l-kontribuzzjoni ta’ 5 % tad-dħul mill-bejgħ tal-elettriku tiġi kkalkolata abbażi ta’ u tkun dovuta fir-rigward ta’ ammonti li jaqbżu l-limitu massimu obbligatorju tad-dħul, li l-produtturi tal-elettriku huma obbligati jittrasferixxu fil-[FSSE], u li ma jikkostitwixxux dħul għalihom? Fl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jitqies li l-kontribuzzjoni ta’ 5 % tad-dħul mill-bejgħ tal-elettriku hija nondiskriminatorja fid-dawl tal-fatt li għal uħud mill-produtturi din il-kontribuzzjoni twassal għal impożizzjoni doppja tal-istess [dħul]?
3) Fir-rigward tal-interpretazzjoni:
– il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 2 l-Artikolu 4 tar-[Regolament 2021/1119], ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 191(2) TFUE, li jistabbilixxu l-importanza fundamentali tat-tranżizzjoni min-naħa tal-Istati Membri fir-rigward tas-sistema tal-enerġija, ibbażata fuq sorsi rinnovabbli,
– tal-Artikolu 3(1), (3) u (4) tad-[Direttiva 2018/2001], li jistabbilixxi l-għan vinkolanti għall-Unjoni Ewropea li tilħaq, sal‑2030, sehem iddeterminat tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u l-obbligu għall-Istat Membru li jiżguraw li jintlaħaq dan is-sehem, u
– tal-Artikolu 3(a), (b), (h) u (p) u tal-Artikolu 10(1), (4) u (5) tar-[Regolament 2019/943], ikkunsidrati flimkien mal-premessi 22 u 23 tal-preambolu tiegħu u mal-Artikolu 5(1), (3) u (4) tad-[Direttiva 2019/944] u mal-Artikolu 8 tar-Regolament 2022/1854, li jirregolaw il-prinċipji marbuta mad-determinazzjoni tal-prezzijiet fis-suq tal-kummerċ tal-elettriku,
id-dritt tal-Unjoni jippermetti li r-Repubblika tal-Bulgarija timponi fuq u tiġbor kontribuzzjonijiet mingħand il-produtturi tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, bħalma hija l-kontribuzzjoni prevista fl-Artikolu 36f [tal-Liġi dwar l-Enerġija] fuq l-ammonti li jaqbżu l-limitu massimu obbligatorju tad-dħul, li l-produtturi tal-elettriku huma obbligati jittrasferixxu fil-FSSE, u li ma jikkostitwixxux dħul għalihom? Fid-dawl tal-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, dan it-trattament jista’ jitqies li huwa proporzjonat meta wieħed iqis li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-ispejjeż operattivi effettivament sostnuti mill-produtturi tal-elettriku?
4) Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 63 TFUE u tal-Artikolu 17 tal- [Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jippermettux dispożizzjoni u prassi nazzjonali, bħal dawk deskritti f’din il-kawża, li bis-saħħa tagħhom jiġi impost, fuq l-ammonti li l-produtturi tal-elettriku jħallsu lill-Istat (pereżempju l-ammonti li jaqbżu l-limitu massimu obbligatorju għad-dħul tal-produtturi tal-elettriku), [kreditu] pubbliku ieħor (fl-ammont ta’ 5 % fis-sens tal-Artikolu 36f [tal-Liġi dwar l-Enerġija])?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
44 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8 tar-Regolament 2022/1854 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-produtturi tal-elettriku huma suġġetti għal kontribuzzjoni mensili li tammonta għal 5 % tad-dħul tagħhom mill-bejgħ tal-elettriku, li sservi sabiex tiffinanzja entità pubblika li għandha l-għan li tiggarantixxi l-istabbiltà finanzjarja tas-settur tal-enerġija kif ukoll is-sigurtà tan-network tal-elettriku ta’ dan l-Istat Membru, liema kontribuzzjoni tikkoeżisti mal-miżura ta’ limitu massimu tad-dħul tal-produtturi tal-elettriku prevista minn dan ir-regolament.
45 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li, skont l-elementi li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, il-kawża prinċipali tikkonċerna l-kontribuzzjoni mensili prevista fl-Artikolu 36f(1) tal-Liġi dwar l-Enerġija, dovuta għall-bejgħ tal-elettriku mwettaq minn VETS Svoge matul il-perijodu mill‑1 ta’ Awwissu 2021 sat‑22 ta’ April 2024.
46 Għaldaqstant, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 22(2)(c) tar-Regolament 2022/1854, l-Artikoli 6 sa 8 tiegħu kienu japplikaw mill‑1 ta’ Diċembru 2022 sat‑30 ta’ Ġunju 2023. Minn dan jirriżulta li, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament ma jistax jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik deskritta fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, għal perijodu li matulu dan l-artikolu ma kienx applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2026, Secab, C‑423/23, EU:C:2026:32, punt 38), jiġifieri għall-perijodu qabel l‑1 ta’ Diċembru 2022 u għall-perijodu wara t‑30 ta’ Ġunju 2023.
47 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-perijodu li matulu dawn l-Artikoli 6 sa 8 kienu applikabbli, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2022/1854 jipprevedi li d-dħul miksub mis-suq imwettaq mill-produtturi tal-elettriku mis-sorsi msemmija fl-Artikolu 7(1) tiegħu għandu jkun limitat għal massimu ta’ EUR 180 għal kull MWh ta’ elettriku ġġenerat. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, dawn is-sorsi huma l-enerġija eolika, l-enerġija solari, l-enerġija ġeotermali, l-enerġija idroelettrika mingħajr ġibjuni, il-kombustibbli mill-bijomassa solidi u gassużi, bl-esklużjoni tal-bijometan, l-iskart, l-enerġija nukleari, il-linjite, il-prodotti abbażi taż-żejt mhux maħdum u l-pit.
48 Fir-rigward tal-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, dan jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu, diversi miżuri oħra li l-Istati Membri jistgħu jieħdu. Dawn huma, essenzjalment, iż-żamma fis-seħħ jew l-introduzzjoni ta’ miżuri li jillimitaw iktar id-dħul miksub mis-suq imwettaq mill-produtturi li jiġġeneraw l-elettriku mis-sorsi elenkati fl-Artikolu 7(1) tiegħu; l-iffissar ta’ limitu massimu ogħla fuq id-dħul miksub mis-suq għal dawn il-produtturi, sakemm l-ispejjeż ta’ investiment u operattivi tagħhom jaqbżu l-massimu stabbilit fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi Regolament; iż-żamma fis-seħħ jew l-introduzzjoni ta’ miżuri nazzjonali intiżi li jillimitaw id-dħul miksub mis-suq imwettaq mill-produtturi li jiġġeneraw l-elettriku minn sorsi mhux elenkati f’dan l-Artikolu 7(1); l-istabbiliment ta’ limitu massimu speċifiku għad-dħul miksub mis-suq iġġenerat mill-bejgħ tal-elettriku mill-faħam, u l-issuġġettar tal-unitajiet idroelettriċi mhux inklużi fl-Artikolu 7(1)(d) għal limitu massimu fuq id-dħul miksub mis-suq, jew iż-żamma fis-seħħ jew l-introduzzjoni ta’ miżuri li jkomplu jillimitaw id-dħul miksub mis-suq tagħhom. L-Artikolu 8(2) tal-istess regolament jelenka, min-naħa tiegħu, il-kundizzjonijiet li l-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu 8(1) għandhom josservaw.
49 Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament 2022/1854, dan jintroduċi intervent ta’ emerġenza intiż li jtaffi l-effetti tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija permezz ta’ miżuri eċċezzjonali, immirati u limitati fiż-żmien, li huma intiżi, b’mod partikolari, li jintroduċu limitu massimu tad-dħul miksub mis-suq li ċerti produtturi jiksbu mill-ġenerazzjoni tal-elettriku u li jaqsmuh mill-ġdid, b’mod immirat, bejn il-klijenti finali tal-elettriku.
50 Għalhekk, il-premessa 25 ta’ dan ir-regolament tippreċiża li, f’sitwazzjoni fejn il-konsumaturi jkunu esposti għal prezzijiet estremament għoljin li jagħmlu ħsara wkoll għall-ekonomija tal-Unjoni, huwa neċessarju li b’mod temporanju jiġi limitat id-dħul straordinarju tas-suq tal-produtturi bi spejjeż marġinali iktar baxxi, billi jiġi applikat limitu massimu fuq id-dħul miksub mis-suq mill-bejgħ tal-elettriku fl-Unjoni. F’dan is-sens ukoll, il-premessa 41 tal-imsemmi regolament tindika li l-Istati Membri għandhom iżommu l-possibbiltà li jillimitaw iktar id-dħul tal-produtturi li għalihom japplika l-limitu massimu fuq id-dħul miksub mis-suq u dan, skont il-premessa 40 tal-istess regolament, peress li t-taħlita ta’ produzzjoni u l-istruttura tal-ispejjeż tal-impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku jvarjaw b’mod kunsiderevoli bejn l-Istati Membri.
51 Issa, għandu jiġi kkonstatat li kontribuzzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija imposta fuq il-produtturi kollha tal-elettriku li jbiegħu l-elettriku fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li għandha l-għan li tiffinanzja entità pubblika inkarigata li tiggarantixxi l-istabbiltà finanzjarja tas-settur tal-enerġija kif ukoll is-sigurtà tan-network tal-elettriku tal-imsemmi Stat Membru, minn naħa, ma tikkostitwixxix il-miżura ta’ limitu massimu tad-dħul prevista fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2022/1854. Min-naħa l-oħra, hija lanqas ma tista’ tkun inkluża fost il-miżuri li l-Istati Membri jistgħu jieħdu skont l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, l-għan ta’ tali kontribuzzjoni huwa manifestament estranju għall-għan imfittex minn dan ir-regolament u l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tiegħu bl-ebda mod ma jikkorrispondi għal dak tal-miżuri previsti minn dan l-Artikolu 8.
52 Minn dan jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi kontribuzzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2022/1854 u, b’mod partikolari, f’dak tal-Artikoli 6 sa 8 tiegħu.
53 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li minn ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament ma jirriżulta li dan japplika għal miżura ta’ limitu massimu tad-dħul stabbilita minn leġiżlazzjoni nazzjonali għal perijodu preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, u li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, applikabbli ratione temporis, ma jistax jitqies li l-Istati Membri huma mċaħħda mill-possibbiltà li jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Electrabel et, C‑633/23, EU:C:2025:991, punt 58).
54 Issa, din l-aħħar konstatazzjoni għandha, a fortiori, tapplika wkoll fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kontribuzzjoni, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, min-natura tagħha stess, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2022/1854. B’mod partikolari, minn ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament ma jirriżulta li, matul il-perijodu ta’ applikazzjoni ratione temporis tiegħu, l-Istati Membri huma mċaħħda mill-kompetenza tagħhom li jimponu imposti obbligatorji intiżi li jiffinanzjaw entitajiet pubbliċi inkarigati b’kompiti ta’ interess pubbliku bħal, f’dan il-każ, il-garanzija tal-istabbiltà finanzjarja tas-settur tal-enerġija u s-sigurtà tan-network tal-elettriku nazzjonali.
55 F’dan ir-rigward, huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, b’mod li jippreżervaw, b’mod partikolari, l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Electrabel et, C‑633/23, EU:C:2025:991, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ kontribuzzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari tal-għan tagħha u tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, din bl-ebda mod ma tista’ tippreġudika dan l-effett utli u, barra minn hekk, xejn ma jindika li din tmur kontra d-dritt tal-Unjoni b’mod ieħor.
56 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 8 tar-Regolament 2022/1854 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-produtturi tal-elettriku huma suġġetti għal kontribuzzjoni mensili li tammonta għal 5 % tad-dħul tagħhom mill-bejgħ tal-elettriku, li sservi sabiex tiffinanzja entità pubblika li għandha l-għan li tiggarantixxi l-istabbiltà finanzjarja tas-settur tal-enerġija kif ukoll is-sigurtà tan-network tal-elettriku ta’ dan l-Istat Membru, liema kontribuzzjoni tikkoeżisti mal-miżura ta’ limitu massimu tad-dħul tal-produtturi tal-elettriku prevista minn dan ir-regolament.
Fuq it-tieni domanda
57 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8 tar-Regolament 2022/1854, b’mod partikolari l-kundizzjoni ta’ nondiskriminazzjoni stabbilita f’dan l-Artikolu 8(2)(a), għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-kontribuzzjoni mensili li l-produtturi tal-elettriku huma responsabbli għaliha skont din il-leġiżlazzjoni, li sservi sabiex tiffinanzja entità pubblika li għandha l-għan li tiggarantixxi l-istabbiltà finanzjarja tas-settur tal-enerġija kif ukoll is-sigurtà tan-network tal-elettriku ta’ dan l-Istat Membru, tiġi kkalkolata u miġbura abbażi tad-dħul kollu mill-bejgħ tal-elettriku mwettaq fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru minn dawn il-produtturi.
58 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar, minn naħa, li, kif ġie rrilevat fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, dan l-Artikolu 8 ma jistax jiġi interpretat bħala li jipprekludi tali leġiżlazzjoni nazzjonali għal perijodu li matulu l-imsemmi Artikolu 8 ma kienx applikabbli. Min-naħa l-oħra, kif ġie kkonstatat fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Minn dan jirriżulta li l-istess Artikolu 8 ma jistax jipprekludi li kontribuzzjoni bħal dik deskritta fil-punt preċedenti tiġi kkalkolata u miġbura abbażi tad-dħul kollu mill-bejgħ tal-elettriku mwettaq fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru minn dawn il-produtturi.
59 Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 8 tar-Regolament 2022/1854, b’mod partikolari l-kundizzjoni ta’ nondiskriminazzjoni stabbilita f’dan l-Artikolu 8(2)(a), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-kontribuzzjoni mensili li l-produtturi tal-elettriku huma responsabbli għaliha skont din il-leġiżlazzjoni, li sservi sabiex tiffinanzja entità pubblika li għandha l-għan li tiggarantixxi l-istabbiltà finanzjarja tas-settur tal-enerġija kif ukoll is-sigurtà tan-network tal-elettriku ta’ dan l-Istat Membru, tiġi kkalkolata u miġbura abbażi tad-dħul kollu mill-bejgħ tal-elettriku mwettaq fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru minn dawn il-produtturi.
Fuq it-tielet domanda
60 Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, l-interpretazzjoni, l-ewwel, tal-Artikolu 2(1) u (2), kif ukoll tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2021/1119, ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 191(2) TFUE, it-tieni, tal-Artikolu 3(1), (3) u (4) tad-Direttiva 2018/2001 u, it-tielet, tal-Artikolu 3(a), (b), (h) u (p), kif ukoll tal-Artikolu 10(1), (4) u (5) tar-Regolament 2019/943, ikkunsidrati flimkien mal-premessi 22 u 23 tiegħu, mal-Artikolu 5(1), (3) u (4) tad-Direttiva 2019/944 kif ukoll mal-Artikolu 8 tar-Regolament 2022/1854.
61 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet it-tilwima u li għandha terfa’ r-responsabbiltà sabiex tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (ara s-sentenzi tal‑21 ta’ April 1988, Pardini, 338/85, EU:C:1988:194, punt 8; tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 61 u tal‑11 ta’ Ġunju 2026, OTP banka, C‑81/24, EU:C:2026:470, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
62 Fil-fatt, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ għalhekk tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata u tal‑11 ta’ Ġunju 2026, OTP banka, C‑81/24, EU:C:2026:470, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
63 Madankollu, mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha, l-ewwel nett, tinkludi espożizzjoni fil-qosor tas-suġġett tal-kawża prinċipali, kif ukoll tal-fatti rilevanti, kif ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju, jew, tal-inqas, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha huma bbażati d-domandi. Hija għandha, it-tieni nett, tinkludi s-sustanza tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw għall-kawża prinċipali u, skont il-każ, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti. It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju għandha tindika r-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali (ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Municipiul Piatra Neamț, C‑13/14, EU:C:2014:2000, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2026, Darashev, C‑312/24, EU:C:2026:449, punt 56).
64 F’dan il-każ, ċertament, il-qorti tar-rinviju esponiet il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali kif ukoll is-suġġett ta’ din it-tilwima. Barra minn hekk, hija indikat, fir-rigward tat-tielet domanda, li l-kontribuzzjoni ta’ 5 % tiskoraġġixxi l-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, twassal għall-waqfien tal-investimenti kif ukoll għal limitazzjoni forzata tal-ġenerazzjoni ta’ dan it-tip ta’ elettriku, u hija inkompatibbli mal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u tal-promozzjoni tan-newtralità klimatika.
65 Madankollu, minbarra dawn l-affermazzjonijiet ġenerali, u kif sostniet ukoll l-awtorità amministrattiva, din il-qorti bl-ebda mod ma esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija f’din id-domanda u lanqas ir-rabta li hija tistabbilixxi bejniethom u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.
66 F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din it-tilwima tirrigwarda l-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ kontribuzzjoni implimentata mil-leġiżlatur Bulgaru, intiża għall-finanzjament ta’ entità pubblika li għandha l-għan li tiggarantixxi l-istabbiltà finanzjarja tas-settur tal-enerġija kif ukoll is-sigurtà tan-network tal-elettriku ta’ dan l-Istat Membru. Issa, l-imsemmija qorti bl-ebda mod ma spjegat ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn, minn naħa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar din il-kontribuzzjoni u l-modalitajiet tal-kalkolu tagħha u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet li, permezz tat-tielet domanda tagħha, hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom. Għalkemm il-qorti tar-rinviju ssemmi, barra minn hekk, b’mod ġeneriku, ir-Regolament 2021/1119, ebda wieħed mill-atti l-oħra u ebda waħda mid-dispożizzjonijiet imsemmija fit-tielet domanda tagħha ma jissemmew fid-deċiżjoni tar-rinviju.
67 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għat-tielet domanda. Konsegwentement, din hija inammissibbli, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza.
Fuq ir-raba’ domanda
68 Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 63 TFUE u l-Artikolu 17 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bis-saħħa tagħha, il-produtturi tal-elettriku li jwettqu bejgħ tal-elettriku fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru huma responsabbli għall-ħlas ta’ kontribuzzjoni mensili ta’ 5 % intiża sabiex tiffinanzja entità pubblika li għandha l-għan li tiggarantixxi l-istabbiltà finanzjarja tas-settur tal-enerġija kif ukoll is-sigurtà tan-network tal-elettriku ta’ dan l-Istat Membru, ikkalkolata fuq id-dħul kollu tagħhom li joriġina minn dan il-bejgħ.
69 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, minbarra dikjarazzjoni ġenerali li tali kontribuzzjoni tirrestrinġi l-moviment liberu tal-kapital, il-qorti tar-rinviju bl-ebda mod ma spjegat, la r-raġunijiet li għalihom hija tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE u lanqas ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn din id-dispożizzjoni u l-kawża prinċipali. Għaldaqstant, sa fejn din ir-raba’ domanda tirrigwarda din id-dispożizzjoni, hija inammissibbli, skont il-ġurisprudenza esposta fil-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza.
70 Min-naħa l-oħra, sa fejn il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tal-Karta, għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għalihom biss meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.
71 Id-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma għalhekk intiżi li jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet (sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19 u tad‑29 ta’ Lulju 2024, protectus, C‑185/23, EU:C:2024:657, punt 41).
72 Min-naħa l-oħra, meta sitwazzjoni legali ma tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġuriżdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet tal-Karta possibbilment invokati ma jistgħux, waħedhom, jistabbilixxu din il-ġuriżdizzjoni (ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 22 u tal‑21 ta’ Mejju 2026, 24.hu, C‑843/24, EU:C:2026:426, punt 28).
73 Il-kunċett ta’ “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, jippreżupponi l-eżistenza ta’ element ta’ konnessjoni bejn att tad-dritt tal-Unjoni u l-miżura nazzjonali kkonċernata li tmur lil hinn mill-fatt li s-suġġetti kkonċernati jkunu qrib xulxin jew li wieħed minn dawn is-suġġetti jkollu effett indirett fuq l-ieħor (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, protectus, C‑185/23, EU:C:2024:657, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
74 Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura nazzjonali taqax taħt l-“implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, hemm lok li jiġu vverifikati, fost elementi oħra, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex bħala għan li timplimenta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura ta’ din il-leġiżlazzjoni u jekk din għandhiex għanijiet oħra minbarra dawk koperti mid-dritt tal-Unjoni, anki jekk tista’ taffettwa indirettament lil dan tal-aħħar, kif ukoll jekk teżistix leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni speċifika fil-qasam jew li tista’ taffettwaha (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, protectus, C‑185/23, EU:C:2024:657, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
75 F’dan il-każ, minn naħa, mill-analiżi tal-ewwel domanda jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2022/1854. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tar-rinviju ma turix l-eżistenza ta’ rabta bejn din il-leġiżlazzjoni u att ieħor tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-imsemmija leġiżlazzjoni għandha l-għan li timplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.
76 Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġuriżdizzjoni sabiex tirrispondi għar-raba’ domanda sa fejn din tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tal-Karta.
Fuq l-ispejjeż
77 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas‑6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-produtturi tal-elettriku huma suġġetti għal kontribuzzjoni mensili li tammonta għal 5 % tad-dħul tagħhom mill-bejgħ tal-elettriku, li sservi sabiex tiffinanzja entità pubblika li għandha l-għan li tiggarantixxi l-istabbiltà finanzjarja tas-settur tal-enerġija kif ukoll is-sigurtà tan-network tal-elettriku ta’ dan l-Istat Membru, liema kontribuzzjoni tikkoeżisti mal-miżura ta’ limitu massimu tad-dħul tal-produtturi tal-elettriku prevista minn dan ir-regolament.
2) L-Artikolu 8 tar-Regolament 2022/1854, b’mod partikolari, il-kundizzjoni ta’ nondiskriminazzjoni stabbilita f’dan l-Artikolu 8(2)(a),
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-kontribuzzjoni mensili li l-produtturi tal-elettriku huma responsabbli għaliha skont din il-leġiżlazzjoni, li sservi sabiex tiffinanzja entità pubblika li għandha l-għan li tiggarantixxi l-istabbiltà finanzjarja tas-settur tal-enerġija kif ukoll is-sigurtà tan-network tal-elettriku ta’ dan l-Istat Membru, tiġi kkalkolata u miġbura abbażi tad-dħul kollu mill-bejgħ tal-elettriku mwettaq fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru minn dawn il-produtturi.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.