|
17.6.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 162/27 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/934
tas-16 ta’ Ġunju 2022
li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerti roti tal-aluminju għall-użu fit-triq li joriġinaw mill-Marokk soġġetti għar-reġistrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 14(5a) tiegħu,
Wara li informat lill-Istati Membri,
Billi:
|
(1) |
Fis-17 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika ta’ bidu”), il-bidu ta’ proċediment antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti roti tal-aluminju għall-użu fit-triq li joriġinaw mill-Marokk wara lment mill-Assoċjazzjoni tal-Manifatturi Ewropej tar-Roti (“l-ilmentatur”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti roti tal-aluminju għall-użu fit-triq. |
1. PRODOTT SOĠĠETT GĦAR-REĠISTRAZZJONI
|
(2) |
Il-prodott soġġett għal din ir-reġistrazzjoni huwa roti tal-aluminju għall-użu fit-triq tal-vetturi bil-mutur tal-intestaturi 8701 sa 8705, bl-aċċessorji tagħhom jew mingħajrhom u kemm jekk mgħammra bit-tajers kif ukoll jekk le, li joriġinaw mill-Marokk (“il-prodott ikkonċernat”). |
|
(3) |
Il-prodott ikkonċernat bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċijiet NM ex 8708 70 10 u ex 8708 70 50 (kodiċijiet TARIC: 8708701015, 8708701050, 8708705015 u 8708705050). Il-kodiċijiet NM u TARIC huma mogħtija għall-informazzjoni biss. L-ambitu ta’ din l-investigazzjoni huwa soġġett għad-definizzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat kif imsemmi hawn fuq. |
2. RAĠUNIJIET GĦAR-REĠISTRAZZJONI
|
(4) |
Skont l-Artikolu 14(5a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għandha tirreġistra l-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ divulgazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, sabiex il-miżuri jkunu jistgħu jiġu applikati sussegwentement fuq dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ tali reġistrazzjoni, sakemm ma jkollhiex biżżejjed evidenza li r-rekwiżiti skont l-Artikolu 10(4)(c) jew l-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku ma jkunux issodisfati. |
|
(5) |
Il-Kummissjoni vverifikat jekk l-importaturi kinux akkonoxxenti, jew jekk kellhomx ikunu akkonoxxenti, tad-dumping fir-rigward tal-livell tad-dumping u d-dannu allegat jew misjub. Hija analizzat ukoll jekk kienx hemm żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet li, fid-dawl ta' meta seħħet u l-volum u ċirkostanzi oħra, x'aktarx imminat serjament l-effett ta' rimedju tad-dazju antidumping definittiv li għandu jiġi applikat. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni għalhekk eżaminat l-evidenza li għandha għad-dispożizzjoni tagħha fid-dawl tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku. Għal din l-analiżi, il-Kummissjoni qagħdet, fost l-oħrajn, fuq id-data tal-importazzjonijiet kif indikat fit-Tabella 1. |
2.1. Il-konoxxenza tal-importaturi dwar id-dumping, il-livell tiegħu u d-dannu allegat
|
(7) |
Il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-Marokk qed ikunu iddampjati. |
|
(8) |
L-avviż ta’ bidu għal dan il-proċediment ippubblikat fis-17 ta’ Novembru 2021 enfasizza li l-marġni ta’ dumping ikkalkulat huwa sinifikanti, jiġifieri 14 %. L-evidenza fl-ilment tipprovdi biżżejjed appoġġ f’dan l-istadju li l-produtturi esportaturi jipprattikaw id-dumping. |
|
(9) |
L-ilment ipprovda wkoll biżżejjed evidenza ta' dannu allegat lill-industrija tal-Unjoni, inkluż tnaqqis fis-sehem mis-suq u żvilupp negattiv ta' indikaturi ewlenin oħra tal-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. |
|
(10) |
Permezz tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, in-notifika ta' bidu hija dokument pubbliku aċċessibbli għall-importaturi kollha. Barra minn hekk, bħala partijiet interessati fl-investigazzjoni, l-importaturi għandhom aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment u l-fajl mhux kunfidenzjali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li, fuq din il-bażi, l-importaturi kienu konxji, jew kellhom ikunu konxji, tal-prattiki allegati ta' dumping, il-portata tagħhom u d-dannu allegat. |
|
(11) |
Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma hemm l-ebda evidenza li r-rekwiżit tal-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament bażiku ma ntlaħaqx. |
2.2. Żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet
|
(12) |
Abbażi tad-data statistika miġbura fil-qosor fit-Tabella 1 hawn taħt, il-Kummissjoni sabet li l-għadd ta’ roti tal-aluminju tat-triq importati mill-Marokk lejn l-Unjoni żdied bi 43 % matul il-perjodu mill-1 ta’ Diċembru 2021 sat-30 ta’ April 2022, jiġifieri wara l-bidu tal-każ, meta mqabbel mal-perjodu bejn l-1 ta’ Diċembru 2020 sat-30 ta’ April 2021, jiġifieri l-istess perjodu tas-sena ta’ qabel u parti mill-perjodu ta’ investigazzjoni (il-perjodu tal-investigazzjoni huwa mill-1 ta’ Ottubru 2020 sat-30 ta’ Settembru 2021). Barra minn hekk, il-volum medju ta’ importazzjonijiet fix-xahar mill-Marokk lejn l-Unjoni fil-perjodu mill-1 ta’ Diċembru 2021 sat-30 ta’ April 2022 kien 92 300 unità ogħla mill-volum medju ta’ importazzjonijiet fix-xahar lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. |
|
(13) |
Għalhekk, fid-dawl ta' din iż-żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma hemm l-ebda evidenza li dan ir-rekwiżit ma ġiex issodisfat. Tabella 1
|
||||||||||||||||||
2.3. Imminar tal-effett rimedjali tad-dazju
|
(14) |
Kif ġie konkluż fit-taqsima 2.2, kien hemm żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-bidu tal-investigazzjoni attwali. Din iż-żieda tirrappreżenta aktar minn 92 300 rota tal-aluminju addizzjonali fuq bażi ta’ kull xahar meta mqabbla mal-għadd ta’ roti tal-aluminju importati mill-Marokk matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Din iż-żieda waħedha tirrappreżenta madwar 2 % tal-konsum tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. |
|
(15) |
Skont id-data tal-importazzjoni miġbura fil-qosor fit-tabella 2 hawn taħt, il-prezz medju tal-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat għal kull rota matul il-perjodu mill-1 ta’ Diċembru 2021 sat-30 ta’ April 2022 kien 14.8 % ogħla mill-prezz medju tal-importazzjoni mill-Marokk osservat matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Madankollu, jeħtieġ li jitqies li l-aluminju primarju jikkostitwixxi madwar 50 % tal-kost tal-produzzjoni ta’ ARW u li l-prezz tal-bejgħ huwa indiċjat mal-prezz tal-aluminju tal-London Metal Exchange. Il-Kummissjoni nnotat li l-prezz medju tal-aluminju żdied b’50 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni meta mqabbel mal-perjodu Diċembru 2021 - April 2022. Għalhekk, jidher li ż-żieda fil-prezz ta’ 14.8 % irriflettiet biss parzjalment iż-żieda fil-kost tal-produzzjoni u, għalhekk, l-importazzjonijiet għadhom kapaċi jagħmlu pressjoni fuq il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Tabella 2
|
||||||||||||
|
(16) |
Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-evidenza fil-fajl ma wrietx li dan ir-rekwiżit ma ġiex issodisfat. |
2.4. Konklużjoni
|
(17) |
Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni sabet li ma hemm l-ebda evidenza konklużiva li turi li r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta' żvelar minn qabel mhijiex ġustifikata f'dan il-każ. Sa mill-pubblikazzjoni tan-notifika ta' bidu, meta l-produtturi esportaturi kienu konxji jew kellhom ikunu konxji bid-dumping u l-ħsara allegata, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat komplew jiżdiedu b'mod li jista' jimmina b'mod serju l-effett rimedjali tad-dazji antidumping matul il-perjodu ta' qabel l-iżvelar ukoll. |
|
(18) |
Għalhekk f’konformità mal-Artikolu 14(5a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se tirreġistra l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ żvelar minn qabel. |
3. PROĊEDURA
|
(19) |
Il-partijiet kollha interessati huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, dment li jippreżentaw talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn jenħtieġ li jinstemgħu. |
4. REĠISTRAZZJONI
|
(20) |
Skont l-Artikolu 14(5a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għandha tirreġistra l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ żvelar minn qabel skont l-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, sakemm ma jkunx hemm biżżejjed evidenza li r-rekwiżiti tal-Artikolu 10(4)(c) u (d) mhumiex issodisfati. |
|
(21) |
Kull responsabbiltà għall-ġejjieni tiġi mis-sejbiet definittivi ta' din l-investigazzjoni antidumping. L-allegazzjonijiet fl-ilment li jitlob il-bidu tal-investigazzjoni jistmaw marġnijiet ta’ dumping ta’ madwar 14 % u livell medju ta’ eliminazzjoni tad-dannu sa 43 % għall-prodott ikkonċernat. L-ammont ta’ obbligazzjoni possibbli fil-futur huwa stmat f’dawk il-livelli fuq il-bażi tal-ilment, jiġifieri 14 % bħala proporzjon tal-valur tal-importazzjoni CIF tal-prodott ikkonċernat. |
5. IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI
|
(22) |
Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5a) tar-Regolament (UE) 2016/1036, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet ta’ ċerti roti tal-aluminju għall-użu fit-triq tal-vetturi bil-mutur tal-intestaturi 8701 sa 8705, bl-aċċessorji tagħhom jew mingħajrhom u kemm jekk mgħammra b’tajers kif ukoll jekk le, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 8708 70 10 u ex 8708 70 50 (kodiċijiet TARIC: 8708701015, 8708701050, 8708705015 u 8708705050) u li joriġinaw fil-Marokk.
2. Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi erba’ ġimgħat wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ġunju 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) ĠU C 464, 17.11.2021, p. 19.
(3) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).