KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fl-10 ta’ Jannar 2008 ( 1 )

Kawża C-418/06 P

Ir-Renju tal-Belġju

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell — FAEGG — Settur ta’ l-uċuħ tar-raba’ li jinħarat — Clearance tal-kontijiet tal-FAEGG — Sistema ta’ kontroll affidabbli u li taħdem — Infiq eskluż mill-finanzjament Komunitarju — Korrezzjoni b’rata fissa — Applikazzjoni retroattiva tal-leġiżlazzjoni fuq il-kontrolli — Obbligi impliċiti — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Ċertezza legali — Ġurisdizzjoni sħiħa”

1. 

F’dan l-appell ir-Renju tal-Belġju (iktar ’il quddiem ukoll l-“appellant”) qed jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem, il-“Qorti tal-Prim’Istanza”) tal-25 ta’ Lulju 2006 (iktar ’il quddiem, is-“sentenza appellata”) ( 2 ), li fiha ġie miċħud ir-rikors tiegħu intiż biex jinkiseb, prinċipalment, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/136/KE ta’ l-4 ta’ Frar 2004 ( 3 ), fil-parti fejn timponi fil-konfront ta’ l-appellant tnaqqis b’rata fissa ta’ 2 % ta’ l-infiq iddikjarat għall-finijiet tal-finanzjament tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), taqsima garanzija, għas-snin finanzjarji 2000 sa 2002, jew, subordinatament, tnaqqis ta’ l-ammont ta’ l-infiq eskluż mill-finanzjament.

I — Il-kuntest ġuridiku

2.

Skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni ( 4 ), il-FAEGG, taqsima garanzija, jiffinanzja, b’mod partikolari, l-interventi intiżi biex jirregolarizzaw is-swieq agrikoli u magħmulin skond ir-regoli Komunitarji fil-qafas ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli ( 5 ). Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li xi nfiq ma jkunx ġiet effettwat skond ir-regoli Komunitarji, hija għandha tiddeċiedi dwar l-infiq li għandu jiġi eskluż mill-finanzjament Komunitarju ( 6 ). L-Istati Membri, min-naħa tagħhom, huma obbligati jadottaw, skond il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, il-miżuri meħtieġa biex jiġi aċċertat jekk l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FAEGG humiex reali u regolari, biex jiġu impeduti u investigati l-irregolaritajiet, kif ukoll biex jiġu rkuprati l-ammonti ta’ flus mitlufin minħabba irregolaritajiet jew negliġenzi ( 7 ).

3.

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92 tas-27 ta’ Novembru 1992, li jistabbilixxi amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll [sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll] għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità ( 8 ), jobbliga lill-Istati Membri biex jistabbilixxu sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, li għandha tiġi applikata, fis-settur ta’ l-uċuħ tar-raba’, b’mod partikolari għall-iskema Komunitarja ta’ għajnuna għall-produtturi ta’ ċerti wċuħ tar-raba’ li jinħarat.

4.

Skond l-Artikolu 2 ta’ l-istess Regolament, “[i]s-sistema integrata għandha tikkomprendi l-elementi li ġejjin:

a)

database ikkompjuterizzata;

b)

sistema ta’ identifikazzjoni alfanumerika għall-qatgħat agrikoli;

c)

sistema alfanumerika għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem;

d)

applikazzjonijiet għall-għajnuna;

e)

sistema integrata tal-kontroll”.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1593/2000 tas-17 ta’ Lulju 2000 li jemenda r-Regolament Nru 3508/92 ( 9 ) u li daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Lulju 2000, ħassar il-kelma “alfanumerika” mill-Artikolu 2(b) u (c) tiegħu.

5.

Għall-finijiet tar-Regolament Nru 3508/92, skond l-Artikolu 1(4) tiegħu, “qatgħa agrikola” tfisser “erja kontinwa ta’ art fejn jitkabbar wiċċ wieħed minn bidwi wieħed”.

6.

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3508/92 jistabbilixxi dan li ġej:

“Is-sistema ta’ identifikazzjoni alfanumerika għall-qatgħat agrikoli għandha tiġi stabbilita fuq mapep u dokumenti tar-reġistru ta’ l-artijiet, fuq referenzi kartografiċi oħra jew fuq ritratti mill-ajru jew stampi bis-satellita jew fuq referenzi ekwivalenti ta’ appoġġ jew fuq il-bażi ta’ aktar minn element wieħed minn dawn”.

Bis-saħħa tar-Regolament Nru 1593/2000, it-test ta’ dan l-Artikolu nbidel b’dan li ġej:

“Sistema ta’ identifikazzjoni għal qatgħat agrikoli għandha tkun stabbilita fuq il-bażi ta’ mapep jew dokumenti tar-reġistrazzjoni ta’ l-artijiet jew referenzi kartografiċi oħra. Għandu jsir użu mit-teknika ta’ sistemi kkompjuterizzati ta’ informazzjoni ġeografika preferibbilment ta’ orto-imaġerija mill-arja jew spazjali, bi standard […] omoġeni li tiggarantixxi preċiżjoni ekwivalenti għall-inqas għall-kartografija fuq skala ta’ 1:10000”.

7.

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3508/92 jistabbilixxi li “[i]s-sistema integrata ta’ kontroll għandha tkopri l-applikazzjonijiet kollha għall-għajnuna ssottomessi, b’mod partikolari rigward il-kontrolli amministrattivi, il-kontrolli fuq il-post, u, jekk meħtieġ, il-verifika permezz tar-remote sensing bl-aerial jew bis-satellita”.

8.

L-Artikolu 8 jgħid li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu kontrolli amministrattivi fuq l-applikazzjonijiet għall-għajnuna.

2.   Il-kontrolli amministrattivi għandhom jiġu ssupplimentati b’kontrolli fuq il-post li jkopru kampjun ta’ l-azjendi agrikoli. Għal dawn il-kontrolli kollha, l-Istati Membri għandhom ifasslu pjan għat-teħid tal-kampjuni.

3.   Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità responsabbli sabiex tikkoordina l-kontrolli pprovduti f’dan ir-Regolament.

4.   L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu, skond kondizzjonijiet li jridu jiġu stabbiliti, jużaw ir-remote sensing sabiex jistabbilixxu l-erja tal-qatgħat agrikoli, jidentifikaw l-uċuħ tar-raba’ u jivverifikaw l-istat tagħhom.

[…]”.

9.

Skond l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 3508/92, fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2466/96 tas-17 ta’ Diċembru 1996, li jemenda r-Regolament Nru 3508/92 ( 10 ), fl-1 ta’ Jannar 1997 l-elementi differenti kollha tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll previsti mill-Artikolu 2 ta’ l-istess Regolament kellhom jiġu applikati fil-Belġju. Ir-Regolament Nru 1593/2000 kien imbagħad daħħal fl-Artikolu 13(1) imsemmi, b’mod partikolari, is-subparagrafu (c), li jistabbilixxi l-iktar tard l-1 ta’ Jannar 2005 bħala d-data meta kellha tiġi applikata fid-diversi Stati Membri “il-parti ġeografika tas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-qatgħat skond l-Artikolu 4”.

10.

L-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3887/92 tat-23 ta’ Diċembru 1992, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità ( 11 ), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1678/98 tad-29 ta’ Lulju 1998 ( 12 ), jistabbilixxi li:

“1.   Il-kontrolli amministrattivi u fil-post għandhom isiru b’mod li jippermettu li jkun hemm verifika effikaċi tal-konformità mal-kundizzjonijiet li taħthom jingħataw għajnuna u premji.

2.   Il-kontrolli amministrattivi msemmijin fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KEE) Nru 3508/92 għandhom jinkludu b’mod partikolari:

a)

kontrolli trażversali fuq qatgħat u bhejjem iddikjarati biex jiġi żgurat li l-għajnuna ma tingħatax darbtejn fir-rigward ta’ l-istess sena kalendarja mingħajr ġustifikazzjoni;

b)

[…] ( 13 ).

3.   Il-kontrolli fil-post għandhom ikopru ta’ l-anqas perċentwali sinjifikattiva ta’ l-applikazzjonijiet. Il-perċentwali sinjifikattiva għandha tirrappreżenta ta’ l-anqas:

—

[…];

—

5 % ta’ l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għal ‘erja’. Iżda, din il-perċentwali għandha titnaqqas għal 3 % għal applikazzjonijiet għall-għajnuna għal erja li jkunu iktar minn 700000 għal kull Stat Membru f’sena kalendarja.

Jekk il-kontrolli fil-post jiżvelaw irregolaritajiet sinjifikattivi f’reġjun jew parti minn reġjun, l-awtorità kompetenti għandha tagħmel kontrolli addizzjonali matul is-sena kurrenti f’dik l-erja u għandha żżid il-perċentwali ta’ applikazzjonijiet li għandhom jiġu vverifikati matul is-sena ta’ wara għal dak ir-reġjun jew parti minn reġjun.

4.   L-applikazzjonijiet li jiġu vverifikati fil-post għandhom jintgħażlu mill-awtorità kompetenti fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju u ta’ fattur ta’ rappresentattività ta’ l-applikazzjonijiet għall-għajnuna mibgħuta. L-analiżi tar-riskju għandha tikkunsidra:

—

l-ammont ta’ l-għajnuna;

—

in-numru ta’ qatgħat u l-erja jew in-numru ta’ bhejjem li għalihom tintalab l-għajnuna;

—

il-bidliet mis-sena ta’ qabel;

—

ir-riżultati tal-kontrolli magħmulin fis-snin ta’ qabel;

—

fatturi oħrajn li għandhom jiġu ddefiniti mill-Istati Membri;

—

ksur tar-Regolament (KE) Nru 820/97 ( 14 ).

[…]

7.   L-erjas tal-qatgħat agrikoli għandhom jiġu ddeterminati b’mezzi xierqa ddefiniti mill-awtorità kompetenti li jiżguraw kejl bi preċiżjoni ta’ l-inqas ekwivalenti għal dak meħtieġ għall-kejl uffiċjali skond ir-regoli nazzjonali. L-awtorità nazzjonali għandha tistabbilixxi marġni ta’ tolleranza wara li jiġi kkunsidrat il-metodu ta’ kejl, il-preċiżjoni tad-dokumenti uffiċjali disponibbli, fatturi lokali (bħal pendil, forma tal-qatgħa) u d-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu li ġej.

[…]”.

11.

Bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2801/99 tal-21 ta’ Diċembru 1999, li jemenda r-Regolament Nru 3887/92 ( 15 ), it-test ta’ l-Artikolu 6(2) imsemmi iktar ’il fuq ġie sostitwit, mill-1 ta’ Jannar 2000 b’dan li ġej:

“Il-kontrolli amministrattivi msemmijin fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KEE) Nru 3508/92 għandhom jinkludu b’mod partikolari:

a)

kontrolli trażversali fuq qatgħat u annimali ddikjarati biex jiġi żgurat li l-istess għajnuna ma tingħatax iktar minn darba għall-istess sena kalendarja/tas-suq u biex ma takkumulax indebitament l-għajnuna mogħtija skond l-iskemi ta’ għajnuna Komunitarja li jinvolvu d-dikjarazzjonijiet ta’ l-erjas;

b)

[…] ( 16 );

c)

[…] ( 17 )”.

Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 2801/99 bidel it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 3887/92 b’dan li ġej:

“—

5 % ta’ l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għal erja”.

12.

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 3887/92 jgħid hekk:

“Jekk Stat Membru jiddeċiedi li juża r-remote sensing fuq il-kampjun kollu msemmi fl-Artikolu 6(3) jew fuq parti minnu, għandu:

—

jagħmel interpretazzjoni fotografika ta’ l-istampi mis-satellita jew ritratti mill-ajru tal-qatgħat kollha li għandhom jiġu kkontrollati biex jintgħarfu l-uċuħ veġetali u titkejjel l-erja;

—

jagħmel kontoll fil-post ta’ l-applikazzjonijiet kollha li fir-rigward tagħhom l-interpretazzjoni fotografika ma tippermettix li tiġi vverifikata l-preċiżjoni tad-dikjarazzjoni għas-sodisfazzjon ta’ l-awtorità kompetenti.”

13.

L-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 3887/92, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1648/95 tas-6 ta’ Lulju 1995 ( 18 ), jistabbilixxi, b’mod partikolari, dan li ġej:

“Jekk jiġi kkonstatat li l-erja ddikjarata f’applikazzjoni għall-għajnuna għal erja taqbeż l-erja ddeterminata, l-ammont ta’ l-għajnuna għandu jiġi kkalkulat abbażi ta’ l-erja effettivament iddeterminata fil-mument tal-kontroll. Madankollu, ħlief fil-każijiet ta’ forza maġġuri, l-erja effettivament iddeterminata għandha titnaqqas:

—

b’darbtejn id-differenza iddeterminata jekk din taqbeż it-3 % jew 2 ettari, imma mhux iktar minn 20 % ta’ l-erja ddeterminata.

Jekk id-differenza ddeterminata hija ogħla minn 20 % ta’ l-erja ddeterminata, ma tingħata l-ebda għajnuna marbuta ma’ l-erja

[…]”.

14.

Ir-Regolament Nru 3887/92 tħassar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2419/01 tal-11 ta’ Diċembru 2001 ( 19 ), li jistabbilixxi regoli ddettaljati ġodda għall-applikazzjoni tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll stabbilita mir-Regolament Nru 3508/92, applikabbli, skond l-Artikolu 54 tiegħu, għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna li jirrigwardaw il-kampanji ta’ promozzjoni jew il-perijodi ta’ għoti ta’ premji mill-1 ta’ Jannar 2002.

15.

L-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 2419/2001 li jikkorrispondi għad-dispożizzjoni ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 3887/92, jgħid hekk:

“Mingħajr preġudizzju għan-nuqqasijiet [għat-tnaqqis] u esklużjonijiet f’konformità ma’ l-Artikoli 32 sa 35, jekk il-qasam dikjarat [l-erja ddikjarata] fl-applikazzjoni ta’ [għal] għajnuna taż-żona [għal erja] jiskorri [tiskorri] l-qasam determinat [l-erja ddeterminata] għal dak il-grupp ta’ kultivazzjoni [uċuħ tar-raba’] bħala riżultat ta’ verifiki amministrattivi jew fuq l-art [fil-post] l-għajnuna għandha tkun kalkulata fuq il-bażi taż-żona [ta’ l-erja ddeterminata] għal dak il-grupp ta’ kultivazzjoni [uċuħ tar-raba’]”.

II — Il-fatti li wasslu għall-kawża

16.

L-awtoritajiet Belġjani adottaw mill-1996 sistema ta’ identifikazzjoni tal-qatgħat agrikoli ibbażata fuq ritratti mill-ajru provenjenti mis-sistema kompjuterizzata ta’ informazzjoni ġeografika (SIĠ) ( 20 ). Il-qatgħat agrikoli kienu jiġu identifikati fuq ir-ritratti mill-ajru permezz ta’ mmarkar manwali magħmul mill-bdiewa, u l-awtoritajiet amministrattivi kienu mbagħad jeffettwaw il-memorizzazzjoni grafika ta’ dan l-immarkar fis-SIĠ.

17.

Wara li saru verifiki fil-Belġju f’Mejju 2001, id-dipartimenti tal-Kummissjoni inkarigati mill-clearance tal-kontijiet tal-FAEGG sabu li kien hemm xi anomaliji fil-kontrolli magħmulin mill-awtoritajiet Belġjani fis-settur ta’ l-uċuħ tar-raba’ li jinħarat.

18.

Fit-30 ta’ Settembru 2003, il-Kummissjoni adottat rapport fil-qosor fejn ikkunsidrat, b’mod partikolari, li r-Renju tal-Belġju, matul is-snin tal-ħsad 1999 sa 2001, ma kien ħares la l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3508/92 u lanqas l-Artikoli 6 u 9 tar-Regolament 3887/92, minn naħa, billi ma naqqasx l-erja ddikjarata tal-qatgħat agrikoli li fir-rigward tagħhom saret applikazzjoni għall-għajnuna u/jew m’għamilx kontrolli fil-post fil-każijiet fejn il-kontroll amministrattiv kien jindika li l-erja ddikjarata kienet ikbar minn dik immemorizzata fis-SIĠ (iktar ’il quddiem l-“erja SIĠ”), u min-naħa l-oħra, billi dam biex jeffettwa l-memorizzazzjoni grafika tal-qatgħat agrikoli fis-SIĠ bil-konsegwenza li xi każijiet ma ġewx ikkunsidrati fl-analiżi tar-riskji. Il-Kummissjoni kkonkludiet li r-Renju tal-Belġju ma kienx għamel il-kontrolli sekondarji b’mod adegwat jew konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli.

19.

Fl-4 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2004/136 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), fejn ġie impost, b’mod partikolari, tnaqqis b’rata fissa ta’ 2 % (ekwivalenti għal EUR 9322809) ta’ l-infiq effettwat mill-aġenziji li jħallsu rrikonoxxuti mir-Renju tal-Belġju u ddikjarati skond il-FAEGG, taqsima garanzija, għas-settur ta’ l-uċuħ tar-raba’ li jinħarat u għas-snin finanzjarji 2000 sa 2002, minħabba n-nuqqasijiet relattivi għall-kontrolli sekondarji.

III — Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

20.

B’rikors promotur ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ April 2004, u rreġistrat bin-numru C-176/04, ir-Renju tal-Belġju talab l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fil-parti fejn kienet tipprovdi għat-tnaqqis b’rata fissa msemmi iktar ’il fuq, jew, subordinatament, it-tnaqqis għal EUR 1079814 ta’ l-infiq eskluż mill-finanzjament.

21.

B’digriet tat-8 ta’ Ġunju 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja rrinvijat il-kawża lill-Qorti tal-Prim’Istanza wara li applikat l-Artikolu 51 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja kif jirriżulta mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/407/KE, Euratom, tas-26 ta’ April 2004, li temenda l-Artikoli 51 u 54 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 21 ).

22.

Ir-rikors, li ġie rreġistrat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza bin-numru T-221/04, kien ibbażat fuq tliet motivi. Bl-ewwel motiv ir-rikorrent fl-ewwel istanza sostna li ma kisirx l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3508/92 u l-Artikoli 6 u 9 tar-Regolament Nru 3887/92. Bit-tieni motiv, ifformulat subordinatament għall-ewwel wieħed, ġie allegat il-ksur min-naħa tal-Kummissjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti minnha fid-dokument Nru VI/5330/97 tat-23 ta’ Diċembru 1997 bl-isem “Linji gwida għall-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni fuq il-clearance tal-kontijiet tat-taqsima garanzija tal-FAEGG” ( 22 ) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”), kif ukoll, fl-aħħar mill-aħħar, il-ksur ta’ l-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament Nru 729/70 ( 23 ), kif emendat mir-Regolament Nru 1287/95 ( 24 ), u l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/99 ( 25 ). Bit-tielet motiv, ifformulat subordinatament għall-ewwel tnejn, ġie sostnut li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-determinazzjoni ta’ l-ammont tar-rettifika magħmula mill-Kummissjoni.

23.

Fis-sentenza appellata, li ċaħdet għal kollox ir-rikors u kkundannat lir-rikorrent fl-ewwel istanza għall-ispejjeż, il-Qorti tal-Prim’Istanza, preliminarjament, irrilevat ex officio l-inammissibbiltà tat-talba subordinata intiża biex jinkiseb tnaqqis fl-ammont tar-rettifika, billi kkunsidrat li ma setgħetx, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, tissostitwixxi jew tibdel id-deċiżjoni kkontestata ( 26 ).

24.

Fil-mertu, il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-ewwel nett, eżaminat flimkien u ċaħdet l-ewwel motiv u l-ewwel parti tat-tieni motiv, li fiha ġie sostnut li ma ġietx sodisfatta fil-każ partikolari l-kundizzjoni li jrid ikun hemm nuqqas sinjifikattiv fl-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji, skond il-Linji Gwida.

25.

B’referenza għall-ewwel wieħed mill-ilmenti magħmulin fil-konfront tar-Renju tal-Belġju fir-rapport fil-qosor tal-Kummissjoni, dwar ir-reazzjoni insuffiċjenti ta’ l-awtoritajiet Belġjani għall-anomaliji li ġew skoperti permezz tas-SIĠ meta sar il-kontroll amministrattiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel nett irrilevat minn dan ir-rapport imsemmi li kienu tħallsu xi għajnuniet mingħajr ma kienet saret indaġni ulterjuri mill-awtoritajiet Belġjani f’xi każijiet fejn l-erja ddikjarata fl-applikazzjoni għall-għajnuna kienet taqbeż iktar minn 5 % ta’ l-erja SIĠ u fil-każijiet kollha fejn l-erja żejda ddikjarata kienet ta’ anqas minn 5 % ( 27 ).

26.

Hija osservat li “meta jirriżulta mis-SIĠ, waqt il-kontroll amministrattiv, li l-erja ddikjarata f’applikazzjoni għall-għajnuna tkun ikbar mill-erja SIĠ, id-differenza relattiva hija anomalija li tindika irregolarità potenzjali fl-applikazzjoni (iktar ’il quddiem l-‘anomaliji’)”. Il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet li, “jekk l-erja SIĠ tikkorrispondi iktar ma’ l-erja reali milli ma’ dik iddikjarata fl-applikazzjoni għall-għajnuna, allura l-għoti ta’ l-għajnuna għal erja abbażi ta’ l-erja ddikjarata jkun ħlas indebitu favur l-applikant u, b’hekk, telf għall-FAEGG”. Għalhekk ċaħdet l-argument tar-rikorrent fl-ewwel istanza li l-impreċiżjoni tad-data fuq l-erja tal-qatgħat li tirriżulta mis-SIĠ, miksuba permezz tad-demarkazzjoni manwali ta’ l-erja fuq ritratti anki antiki, kien irendi dawn l-anomaliji insinjifikanti. Minn din l-impreċiżjoni, skond il-Qorti tal-Prim Istanza, jirriżulta li “ir-riskju tat-telf għall-FAEGG ma jistax jiġi eskluż”. Fil-fatt, tkompli l-Qorti tal-Prim Istanza, “jekk id-data SIĠ hi preċiża dan it-telf ikun ċert”, filwaqt li “l-impreċiżjoni ta’ din id-data ma tħallix li wieħed ikun jaf jekk dan it-telf huwiex reali jew le”, u għalhekk “l-anomaliji jindikaw riskju ta’ telf għall-FAEGG” ( 28 ).

27.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza mbagħad tirrileva li, għalkemm il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti ma kinitx timponi l-użu tas-SIĠ fuq l-Istati Membri, għalkemm kienet tippermettih, l-awtoritajiet Belġjani, billi bdew jużaw is-SIĠ qabel ma sar obbligatorju, kellhom madankollu “strument ta’ kontroll li jista’ jagħti indikazzjonijiet rilevanti li jmorru oltri l-obbligi li jirriżultaw espressament mill-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 3887/92”. Għalhekk il-Kummissjoni ma setgħetx, skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, “tinjora dan l-element li kien iqajjem dubju serju u raġonevoli u kien jindika riskju ċar ta’ telf għall-FAEGG għall-unika raġuni li s-sistema li indikat l-anomaliji ma kinitx obbligatorja jew ma kinitx intiża għal dak l-iskop”. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet ikkorroborat b’elementi ta’ prova, skond il-ġurisprudenza ( 29 ), id-dubji serji u raġonevoli li kellha dwar l-eżattezza ta’ l-erjas iddikjarati mill-bdiewa u b’hekk dwar l-effikaċja tal-kontrolli magħmulin mill-awtoritajiet Belġjani u fuq l-affidabbiltà tad-data mibgħuta minnhom ( 30 ).

28.

Ġie miċħud ukoll l-argument tar-rikorrent fl-ewwel istanza li l-Kummissjoni, meta ordnat lill-awtoritajiet Belġjani biex, fid-dawl ta’ dawn l-anomaliji, jagħmlu kontrolli fil-post jew inaqqsu l-erja jew jagħmlu kontrolli oħrajn amministrattvi, ippruvat timponi obbligi introdotti biss b’leġiżlazzjoni suċċessiva għall-fatti tal-kawża. Il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat f’dan ir-rigward li dawn l-obbligi “jirriżultaw, f’ċerti ċirkustanzi b’mod impliċitu, mill-fatt li, skond il-leġiżlazzjoni [in kwistjoni], huma l-Istati Membri li għandhom jorganizzaw sistema ta’ kontroll u ta’ sorveljanza effettiva”. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3508/92 u mill-Artikoli 6(1) u 9(2) tar-Regolament Nru 3887/92 li “l-Istati Membri huma obbligati jorganizzaw kontrolli amministrattivi u kontrolli fil-post li jiggarantixxu li l-kundizzjonijiet sostantivi u formali għall-għoti ta’ l-għajnuna jiġu osservati kif suppost”. Ikkonkludiet ukoll mill-ġurisprudenza ( 31 ) li “l-kontroll amministrattiv li jippreċedi l-kontrolli fil-post għandu jsir b’mod li jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jiġbdu l-konklużjonijiet kollha possibbli, kemm jekk ikunu ċertezzi jew dubji, fir-rigward ta’ l-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ l-għajnuna” ( 32 ).

29.

Wara li kkonkludiet li reazzjoni min-naħa ta’ l-awtoritajiet Belġjani għall-anomaliji li rriżultaw mis-SIĠ kienet meħtieġa ( 33 ), il-Qorti tal-Prim’Istanza vverifikat jekk il-kontrolli li saru minn dawn l-awtoritajiet għal dan il-għan kinux effettivi. Dawn il-kontrolli ġew deskritti b’dan il-mod fil-punt 58 tas-sentenza appellata:

“F’dan il-każ, fost il-kriterji użati għall-analiżi tar-riskji prevista mill-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 3887/92 biex jiġi ddeterminat liema każijiet għandhom jiġu kkontrollati fil-post, l-awtoritajiet Belġjani stess inkludew kriterju bbażat fuq l-anomaliji. Meta l-każijiet kienu jirreferu għal grupp ta’ wiċċ tar-raba’ li jinħarat li fih innifsu kellu xi anomaliji, pożittivi jew negattivi, akbar minn ċertu marġni ta’ tolleranza, dawn l-awtoritajiet ivverifikaw id-data grafika li rriżultat mis-SIĠ u kkunsidraw li r-rettifika tagħha kienet tneħħi l-anomaliji f’xi każijiet. Fil-każijiet li kien fadal, huma għażlu l-każijiet għall-finijiet ta’ kontroll fil-post. Il-Gvern Belġjan isostni, mingħajr ma ġie kontradett fuq il-punt, li kien għamel dan il-kontroll għal 10 % ta’ l-applikazzjonijiet, li jirrappreżentaw parti importanti mill-applikazzjonijiet magħżulin abbażi tal-kriterju relattiv għall-anomaliji fil-kuntest ta’ l-analiżi tar-riskji (52 % fl-1999, 24 % fl-2000 u 28 % fl-2001)” ( 34 ).

30.

F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li kkonstatat li dan il-marġni ta’ tolleranza kien ta’ 5 % ( 35 ), oġġezzjonat li l-użu ta’ marġni ta’ tolleranza fil-kuntest ta’ kontroll amministrattiv ma kienx aċċettabbli, għaliex kien jiffalsifika l-istess kontroll. F’dan is-sens osservat dan li ġej:

“Fil-fatt, il-funzjoni ta’ dan il-kontroll hija dik li tiġi vverifikata d-data li tinsab f’applikazzjoni għall-għajnuna. Issa, meta jiġu eliminati l-indizji ta’ irregolarità f’dan l-istadju, fil-każ partikolari billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-anomaliji li jaqbżu l-5 % biss, dan ma jħallix li jkun hemm verifika sħiħa u effikaċi tal-każijiet ikkonċernati. Minbarra dan, din l-eliminazzjoni fl-istadju ta’ l-analiżi tar-riskji ma tħallix li dawn l-anomaliji, eventwalment marbutin ma’ kriterji oħrajn, iwasslu biex isiru l-kontrolli. Barra minn dan, jekk marġni ta’ tolleranza tista’ tiġi ammessa fil-kuntest ta’ spezzjoni fil-post, l-iktar permezz ta’ remote sensing bis-satellita, minħabba l-limiti tekniċi ta’ l-istrument tal-kejl, l-użu ta’ tali marġni fil-kuntest tal-kontroll amministrattiv ma jistax ikun iġġustifikat bl-istess raġunijiet. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-anomaliji ma jirriflettux żball fil-kejl, dovut għall-impreċiżjoni tas-SIĠ allegata mill-Gvern Belġjan, imma jirriflettu l-kontradizzjoni li teżisti bejn id-data ddikjarata u d-data amministrattiva li għandhom f’idejhom l-awtoritajiet Belġjani” ( 36 ).

31.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza fi kwalunkwe każ żiedet tgħid li “l-użu ta’ marġni ta’ tolleranza ta’ 5 % bilfors iħalli intatti d-dubji fuq l-eżattezza taċ-ċifri mogħtija mill-awtoritajiet Belġjani, ta’ l-inqas fl-ammont ta’ 5 % ta’ dawn iċ-ċifri, bla ħsara għad-dubji li jirriżultaw min-nuqqas ta’ sanzjonijet applikabbli għall-applikazzjonijiet irregolari”. Għalhekk ikkunsidrat li, kif iddikjarat il-Kummissjoni, “il-kontrolli magħmulin mill-awtoritajiet Belġjani mhumiex tali li jimpedixxu li l-għajnuna titħallas mingħajr indaġni supplimentari għal xi każijiet li juru anomalija ta’ aktar minn 5 % u għall-każijiet kollha li juru anomalija ta’ anqas minn 5 %” ( 37 ).

32.

B’referenza għat-tieni wieħed mill-ilmenti magħmulin fir-rapport fil-qosor, rigward id-dewmien fil-memorizzazzjoni grafika, il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel nett irrilevat minn dan ir-rapport li fl-aħħar tax-xahar ta’ Awwissu, 60 % biss tad-data kienet iddaħħlet fis-SIĠ fl-1999, 70 % fl-2000 u 87 % fl-2001, ċirkustanza li wasslet lill-Kummissjoni tikkonkludi li numru importanti ta’ każijiet ma setax jiġi kkunsidrat fil-kuntest ta’ l-analiżi tar-riskji, u lanqas ma seta’ jintgħażel għal kontroll fil-post ( 38 ).

33.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni ġustament kienet ikkunsidrat li din il-memorizzazzjoni tardiva ma kinitx tippermetti li jsiru kontrolli amministrattivi fil-ħin u b’hekk ġew impeduti l-kontrolli fil-post. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li, “billi l-Gvern Belġjan ma pproduċiex provi rilevanti xierqa biex jikkonfuta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ kontroll fil-post minħabba memorizzazzjoni tardiva”, “ċertu numru ta’ każijiet ma ġewx ikkontrollati” ( 39 ).

34.

Il-fatt li l-ebda leġiżlazzjoni dwar il-FAEGG ma tistabbilixxi għall-memorizzazzjoni grafika terminu li jagħlaq fil-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena ma kienx jipprekludi, skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, konklużjoni bħal din, billi minn naħa, “in-nuqqas ta’ obbligi preskritti espressament ma jistax ineħħi d-dubji mqajmin min-nuqqas ta’ kontroll fil-post” u, min-naħa l-oħra, “peress li d-dewmien iwassal għal nuqqas ta’ kontroll, huwa jikser l-obbligu ġenerali li jkun jista’ jsir dan il-kontroll”. Imbagħad il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset irrilevanti l-fatt li l-kontrolli fil-post kienu saru wara l-31 ta’ Awwissu u kienu taw lok għall-korrezzjonijiet. Skond il-Qorti tal-Prim’Istanza dan il-fatt ma jfissirx “li kienu saru l-kontrolli kollha meħtieġa u ma jurix li dawk il-kontrolli fil-post kienu jirriżultaw minn analiżi tar-riskji effikaċi magħmula wara l-31 ta’ Awwissu” ( 40 ).

35.

Fl-aħħar il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet anki t-tieni parti tat-tieni motiv, fejn ġiet sostnuta l-ineżistenza tar-riskju reali ta’ telf għall-FAEGG, kundizzjoni ulterjuri għall-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja skond il-Linji Gwida, u t-tielet motiv, dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

IV — Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

36.

B’rikors promotur ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Ottubru 2006, l-appellant appella mis-sentenza msemmija iktar ’il fuq.

37.

Ir-rappreżentanti tal-partijiet instemgħu fis-seduta li saret fil-21 ta’ Ġunju 2007.

38.

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

—

tannulla s-sentenza appellata u, billi tilqa’ r-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

—

subordinatament, tannulla s-sentenza appellata u, billi teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha tnaqqas għal EUR 1491085 il-korrezzjoni applikata fil-konfront ta’ l-appellant fid-deċiżjoni kkontestata;

—

b’mod ulterjorment subordinat, tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza;

—

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kemm tal-proċeduri ta’ l-appell kif ukoll tal-proċeduri ta’ l-ewwel istanza.

39.

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

—

tiċħad l-appell, u

—

tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

V — Il-kuntest ġuridiku

A — Fuq l-appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza

40.

In sostenn ta’ l-appell, l-appellant jifformula erba’ aggravji. L-ewwel wieħed huwa dwar żnaturament tal-fatti. It-tieni wieħed jirrigwarda l-ksur ta’ l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3508/92 u ta’ l-Artikoli 6 u 9 tar-Regolament Nru 3887/92, kif ukoll ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni. It-tielet wieħed jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ir-raba’ wieħed huwa dwar żball ta’ liġi fir-rigward tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti Komunitarja fis-suġġett in kwistjoni.

1. Fuq l-ewwel aggravju, dwar żnaturament tal-fatti

41.

L-appellant jispjega li s-sistema ta’ identifikazzjoni tal-qatgħat agrikoli li kien ilu juża mill-1996, is-SIĠ, fiż-żmien tal-fatti tal-kawża ma kinitx obbligatorja, billi saret hekk fl-2005 biss, bħala riżultat tar-Regolament Nru 1593/2000, u kienet iktar preċiża u effikaċi minn dik li kellhom l-Istati Membri l-oħrajn, għaliex kienet ibbażata fuq qatgħa agrikola waħda (u mhux fuq gruppi ta’ qatgħat) u fuq ritratti mill-ajru (u mhux fuq mapep jew reġistri ta’ l-artijiet). Is-SIĠ kienet tippermetti, bl-individwazzjoni tal-qatgħat agrikoli, li jsiru verifiki trażversali fil-kuntest ta’ kontroll amministrattiv ta’ l-applikazzjonijiet għall-għajnuna, intiżi biex jirrilevaw u jeliminaw qatgħat li jidħlu f’xulxin u biex jiġi impedut l-għoti ta’ iktar minn għajnuna waħda għall-istess qatgħa. Min-naħa l-oħra, fis-snin tal-ħsad ikkonċernati fid-deċiżjoni kkontestata (l-1999 sa l-2001, iktar ’il quddiem il-“perijodu kkonċernat”) l-awtoritajiet Belġjani qatt ma kienu kkonċepew is-SIĠ bħala strument ta’ kejl ta’ l-erja eżatta tal-qatgħat agrikoli. L-erja SIĠ mhijiex preċiża billi, minflok ma hija bbażata fuq kejl magħmul fuq l-art jew permezz tar-remote sensing, hija kkalkolata fuq pjanta tal-qatgħat magħmula mill-bdiewa permezz ta’ demarkazzjoni manwali fuq ir-ritratti mill-ajru. Fid-demarkazzjoni manwali jew meta din iddaħħlet fis-SIĠ setgħu saru, mill-bdiewa jew mill-persunal tekniku tal-Bureau provincial (Uffiċċju provinċjali), żbalji jew impreċiżjonijiet li anki jekk limitati, seta’ kellhom effett rilevanti fuq il-kalkolu ta’ l-erja, billi r-ritratti ttieħdu fuq skala 1:10000. Barra minn hekk, matul il-perijodu kkonċernat, l-erja SIĠ ma kinitx tikkorrispondi neċessarjament mas-sitwazzjoni fuq l-art anki għaliex id-demarkazzjoni manwali kienet saret fuq ritratti li seta’ kellhom sa ħames snin, filwaqt li kull sena kienet tinbidel l-erja ta’ 25 % sa 30 % tal-qatgħat agrikoli skond x’kien jiġi kkultivat fir-raba’. Skond l-appellant, is-SIĠ kienet tippermetti għalhekk stima approssimattiva biss ta’ l-erja, filwaqt li l-erja eżatta kienet u setgħet tiġi kkalkulata, fil-Belġju bħal fl-Istati Membri l-oħrajn, biss permezz ta’ kejl fil-post minn persuni kkwalifikati jew permezz ta’ l-interpretazzjoni ta’ l-immaġnijiet miksubin bis-satellita (remote sensing).

42.

Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi tas-SIĠ adottata mill-awtoritajiet Belġjani, il-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-fatti meta kkunsidrat, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, li l-erja SIĠ kienet iktar viċin ir-realtà minn dik iddikjarata mill-bdiewa fl-applikazzjonijiet għall-għajnuna. Il-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat ħażin il-mod kif taħdem is-SIĠ billi ddeċidiet li, minn naħa, id-differenza bejn l-erja SIĠ u l-erja ddikjarata, ikkonstatata fil-kuntest ta’ kontroll amministrattiv, kienet anomalija li tindika irregolarità potenzjali fl-applikazzjonijiet għall-għajnuna u, min-naħa l-oħra, li l-impreċiżjoni ta’ l-erja SIĠ kienet timpedixxi li jiġi ddeterminat jekk kienx hemm telf reali għall-FAEGG u li s-SIĠ tippermetti li jiġu identifikati b’mod ċar ir-riskji ta’ telf għall-FAEGG fil-kuntest tal-kontroll amministrattiv. Is-sentenza appellata hija bbażata globalment fuq il-premessa żbaljata ta’ l-idoneità tas-SIĠ biex tindika anomaliji dwar l-erjas iddikjarati.

43.

Il-Kummissjoni teskludi li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-fatti. Hija toġġezzjona li l-Qorti tal-Prim’Istanza bl-ebda mod ma kkunsidrat li s-SIĠ hija strument ta’ kejl, imma biss li n-nuqqas ta’ qbil bejn l-erja SIĠ u l-erja ddikjarata jippermetti li jitnisslu dubji serji fir-rigward tat-tieni waħda. Barra minn hekk, skond il-Kummissjoni, l-għanijiet tas-SIĠ ma setgħux ikunu, kif isostni l-appellant, dawk biss li jiġu identifikati l-qatgħat agrikoli, li jiġi individwat fejn jidħlu f’xulxin u li jinkixfu d-dikjarazzjonijiet doppji. Hija tirrileva f’dan ir-rigward li skond l-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolament Nru 3887/92 il-kontrolli amministrattivi jinkludu “b’mod partikolari”, u għalhekk mhux biss, kontrolli trażversali fuq il-qatgħat iddikjarati biex jiġu evitati ħlasijiet mhux dovuti, u tfakkar li l-Artikolu 6(1) jiddisponi li l-kontrolli amministrattivi u fil-post għandhom isiru b’mod li jippermettu verifika effikaċi tal-konformità mal-kundizzjonijiet li taħthom jingħataw għajnuna u premji.

44.

Min-naħa tiegħi, ma nikkunsidrax li kien hemm żnaturament tal-fatti min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata.

45.

Fil-punt 47 tas-sentenza appellata ma jingħad la li l-erja SIĠ tirrifletti l-erja reali tal-qatgħat agrikoli u lanqas li hija tikkorrispondi iktar ma’ l-erja reali milli ma’ dik iddikjarata. It-tieni sentenza ta’ dan il-punt — li tgħid li “jekk l-erja SIĠ tikkorrispondi iktar ma’ l-erja reali milli ma’ dik iddikjarata fl-applikazzjoni għall-għajnuna, allura l-għoti ta’ l-għajnuna għal erja abbażi ta’ l-erja ddikjarata jkun ħlas indebitu favur l-applikant u, b’hekk, telf għall-FAEGG” — hija abbozzata f’termini ipotetiċi (billi tibda b’“jekk”). Hija tfisser għalhekk li meta l-erja SIĠ tkun iżgħar mill-erja ddikjarata l-għoti ta’ l-għajnuna abbażi ta’ din ta’ l-aħħar jirriżulta f’telf għall-FAEGG fil-każ fejn l-erja reali tikkorrispondi iktar ma’ l-erja SIĠ milli ma’ dik iddikjarata ( 41 ).

46.

Min-naħa l-oħra, l-affermazzjoni li hemm fl-ewwel sentenza ta’ l-istess punt 47 — li “meta jirriżulta mis-SIĠ, waqt il-kontroll amministrattiv, li l-erja ddikjarata f’applikazzjoni għall-għajnuna tkun ikbar mill-erja SIĠ, id-differenza relattiva hija anomalija li tindika irregolarità potenzjali fl-applikazzjoni” — jidhirli li hi valutazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza u mhux konstatazzjoni ta’ fatt. Is-sentenza appellata turi b’mod ċar li l-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet in kunsiderazzjoni l-“impreċiżjoni tad-data SIĠ” ( 42 ) u ma attribwitilhomx il-valur ta’ verità assoluta. Il-kwistjoni jekk din id-differenza setgħetx tiġi kkunsidrata bħala “anomalija li tindika irregolarità potenzjali fl-applikazzjoni” m’għandhiex x’taqsam, fil-fehma tiegħi, ma’ l-aċċertament tal-fatti.

47.

Din il-kwistjoni tirrigwarda l-valutazzjoni tal-fatti, li ma tistax tiġi mistħarrġa fl-appell, jew il-klassifikazzjoni legali tagħhom, li possibbilment hi sindakaabbli mill-Qorti tal-Ġustizzja?

48.

Jidhirli li din tirrigwarda, fis-sustanza, is-sinjifikat li għandu jingħata lil din id-differenza fir-rigward ta’ l-obbligi li huma imposti fuq l-Istati Membri u fuq l-awtoritajiet tagħhom. Fil-fatt jidhirli li din il-kwistjoni tirrigwarda d-determinazzjoni tal-portata ta’ l-obbligu ta’ l-Istati Membri li jorganizzaw sistema effikaċi ta’ kontroll u ta’ sorveljanza ( 43 ) u, b’mod partikolari, li jorganizzaw, skond l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3508/92 u l-Artikoli 6(1) u 9(2) tar-Regolament Nru 3887/92, kontrolli amministrattivi u kontrolli fil-post tajbin biex jiggarantixxu li l-kundizzjonijiet sostantivi u formali għall-għoti ta’ l-għajnuna jiġu mħarsa b’mod korrett. Għalhekk din hija kwistjoni ta’ liġi li fuqha l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti li tiddeċiedi fis-sentenza ta’ l-appell u li titqajjem b’mod iktar speċifiku u eżawrjenti mill-appellant fit-tieni aggravju, li ser ngħaddi biex neżamina.

2. Fuq it-tieni aggravju, dwar il-ksur ta’ l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3508/92 u ta’ l-Artikoli 6 u 9 tar-Regolament Nru 3887/92, kif ukoll ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni.

49.

It-tieni aggravju, kif ifformulat fl-att ta’ l-appell, jinqasam f’ħames partijiet. Permezz ta’ l-ewwel tlieta, l-appellant jikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-ilment fuq ir-reazzjoni insuffiċjenti ta’ l-awtoritajiet Belġjani għall-anomaliji li saru magħrufa permezz tas-SIĠ fil-kuntest tal-kontroll amministrattiv. Ir-raba’ parti tirrigwarda l-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-ilment fuq id-dewmien fil-memorizzazzjoni grafika. Fil-ħames wieħed qed jiġi sostnut ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni fuq punti speċifiċi kkunsidrati fis-sentenza appellata.

50.

Billi l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata invokat fil-ħames parti ta’ l-aggravju in kwistjoni, anki jekk jeżisti, ma jostakolax lill-Qorti tal-Ġustizzja milli teżamina fil-mertu l-argumenti mqajmin bl-ewwel erba’ partijiet ta’ l-aggravju stess, se nibda biex neżamina dawn ta’ l-aħħar.

a) Fuq l-ewwel tliet partijiet ta’ l-aggravju (fuq l-ilment dwar ir-reazzjoni insuffiċjenti ta’ l-awtoritajiet Belġjani għall-anomaliji li saru magħrufa permezz tas-SIĠ fil-kuntest tal-kontroll amministrattiv)

i) Argumenti tal-partijiet

— Fuq l-ewwel parti, dwar il-ksur ta’ l-Artikolu 6(7) tar-Regolament Nru 3887/92 għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-mezzi xierqa għad-determinazzjoni ta’ l-erja tal-qatgħat agrikoli

51.

L-appellant isostni li, meta l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat fil-punt 49 tas-sentenza appellata lis-SIĠ bħala “strument ta’ kontroll li jista’ jagħti indikazzjonijiet rilevanti li jmorru oltri l-obbligi li jirriżultaw espressament mill-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 3887/92” u bħala li jista’ jidentifika riskju ta’ telf għall-FAEGG, hija kisret l-Artikolu 6(7) ta’ l-istess Regolament. Din id-dispożizzjoni tħalli f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali biex jiddefinixxu l-mezzi xierqa għad-determinazzjoni ta’ l-erja tal-qatgħat agrikoli. Billi l-awtoritajiet Belġjani ddeċidew li l-erja tal-qatgħat agrikoli kellha tiġi ddeterminata jew permezz ta’ kejl fil-post minn surveyor jew persuna oħra kkwalifikata jew permezz ta’ interpretazzjoni ta’ l-immaġnijiet miksubin bis-satellita (remote sensing), il-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx tikkunsidra lis-SIĠ bħala strument ta’ kejl ta’ l-erja tal-qatgħat agrikoli, meta l-awtoritajiet Belġjani ma kinux jikkunsidrawha hekk.

52.

Il-Kummissjoni tqis li huwa irrilevanti f’dan il-każ l-Artikolu 6(7) tar-Regolament Nru 3887/92, billi fil-fehma tagħha din id-dispożizzjoni, peress li tirrigwarda l-kejl tal-qatgħat agrikoli, tapplika għall-kontrolli fil-post u mhux għall-kontrolli amministrattivi. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tosserva li l-awtoritajiet Belġjani għażlu liberament, mill-1996, sistema ta’ identifikazzjoni tal-qatgħat agrikoli — u għalhekk għal kontroll amministrattiv — ibbażat fuq ritratti mill-ajru, għażla permessa espressament mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3508/92, b’mod li huma kienu obbligati jiġbdu l-konklużjonijiet meħtieġa fil-każ ta’ differenza bejn l-erja ddikjarata u l-erja SIĠ u li jaġixxu kif xieraq skond il-każ.

— Fuq it-tieni u t-tielet partijiet, li jirrigwardaw il-ksur ta’ l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3508/92 u ta’ l-Artikoli 6(1) u 9(2) tar-Regolament Nru 3887/92.

53.

L-appellant isostni li l-mod li bih kien imisshom imxew l-awtoritajiet Belġjani, skond ir-rapport fil-qosor tal-Kummissjoni, meta ġiet ikkonstatata differenza pożittiva bejn l-erja ddikjarata u l-erja SIĠ (twettiq ta’ kontroll fil-post jew tnaqqis ta’ l-erja meta mqabbla ma’ dik iddikjarata; iktar ’il quddiem “il-miżuri li ma tteħdux”) ma jistax jitqies obbligatorju għaliex hu mnissel impliċitament mill-obbligu ġenerali, li jirriżulta mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3508/92 u mill-Artikoli 6(1) u 9(2) tar-Regolament 3887/92 li tiġi organizzata sistema effikaċi ta’ kontroll u sorveljanza. Il-Qorti tal-Prim’Istanza applikat ħażin dawn id-dispożizzjonijiet billi ddeċidiet li kienu jimponu fuq l-awtoritajiet Belġjani l-obbligu li jadottaw il-miżuri li ma tteħdux.

54.

L-ewwel nett, l-appellant jenfasizza li l-Istati Membri għandhom, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3508/92 u ta’ l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 3887/92, setgħa wiesa’ diskrezzjonali fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni tas-sistema integrata tagħhom ta’ amministrazzjoni u kontroll, setgħa li l-Kummissjoni għandha tirrispetta. Meta l-Qorti tal-Prim’Istanza vverifikat jekk fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa l-awtoritajiet Belġjani kinux ipprovdew sistema effikaċi ta’ kontroll, hija, bi żball, ma kkunsidratx li s-sistema ta’ kontroll adottata minn dawn l-awtoritajiet kienet tmur oltri ħafna dak stabbilit mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, billi kienu ħejjew analiżi tar-riskji bbażata fuq tlettax-il kriterju u mhux fuq l-erba’ biss stabbiliti espressament mill-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 3887/92 kif ukoll sistema ta’ identifikazzjoni tal-qatgħat agrikoli ibbażata fuq qatgħa waħda u mhux fuq gruppi ta’ qatgħat.

55.

It-tieni nett, l-obbligu għall-awtoritajiet Belġjani li jieħdu l-miżuri li ma tteħdux huwa inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet espressi tad-dritt Komunitarju sekondarju. Minn naħa, dan l-obbligu hu inkompatibbli ma’ l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 3887/92, li jipprovdi għal kontrolli fil-post biss għal kampjun sinjifikattiv ekwivalenti għal 5 % ta’ l-applikazzjonijiet għall-għajnuna. Jekk jiġu imposti l-miżuri li ma tteħdux dan ikun ifisser fil-prattika, li ssir obbligatorja l-metodoloġija tar-remote sensing fil-fażi tal-kontroll amministrattiv, meta r-remote sensing fil-verità hu forma ta’ kontroll fil-post. Min-naħa l-oħra, l-istess obbligu hu inkompatibbli ma’ l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 3887/92 li jippreskrivi t-tnaqqis ta’ l-erja ddikjarata fil-każ meta tkun akbar minn dik “effettivament iddeterminata”, jiġifieri, skond is-sentenza Agrargenossenschaft Pretzsch ( 44 ), dik iddeterminata permezz ta’ kontroll fil-post. L-obbligu li titnaqqas l-erja fil-każ ta’ differenza pożittiva bejn dik iddikjarata u dik iddeterminata matul kontroll amministrattiv ġie introdott biss mis-sena tal-ħsad 2002 mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 2419/2001.

56.

It-tielet nett, l-obbligu li jiġu adottati l-miżuri li ma tteħdux huwa inkompatibbli anki mal-prinċipji ġenerali ta’ l-ordinament Komunitarju, bħal dawk taċ-ċertezza legali u ta’ non-diskriminazzjoni. Minn naħa, jispiċċaw biex jiġu ssanzjonati l-bdiewa anki fin-nuqqas ta’ kontroll fil-post, meta din il-possibbiltà ma kinitx tirriżulta minn xi regoli ċari u espressi u għalhekk ma setgħetx tkun prevista minnhom. Min-naħa l-oħra, dak l-obbligu jispiċċa biex jiddiskrimina kontra r-Renju tal-Belġju meta mqabbel ma’ l-Istati Membri l-oħrajn kollha, li ma kinux jużaw SIĠ ibbażata fuq qatgħa agrikola waħda, imma sistemi ferm anqas preċiżi u effikaċi fuq il-livell tal-kontroll amministrattiv.

57.

Ir-raba’ nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat ħażin li kien inaċċettabbli li jintuża marġni ta’ tolleranza fil-kuntest ta’ kontroll amministrattiv. L-użu ta’ marġni ta’ tolleranza huwa previst espressament mill-Artikolu 6(7) tar-Regolament Nru 3887/92, u hu kkontemplat anki għal kontroll amministrattiv saħansitra minn rakkomandazzjonijiet li ħarġet l-istess Kummissjoni ( 45 ) u a fortiori ġġustifikat f’dan il-każ, billi d-data fuq l-erja tal-qatgħat agrikoli miksuba mis-SIĠ ma kinitx partikolarment affidabbli.

58.

Il-Kummissjoni ssostni li l-obbligu li jiġu adottati l-miżuri li ma tteħdux huwa inerenti fl-osservanza tal-leġiżlazzjoni eżistenti, li teħtieġ mill-Istati Membri, b’mod partikolari, li jagħmlu kontroll amministrattiv ta’ l-applikazzjonijiet kollha għal għajnuna (l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 3508/92) sabiex tiġi ggarantita l-“verifika effikaċi” tal-konformità mal-kundizzjonijiet li taħthom tingħata l-għajnuna (l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 3887/92). Meta kkonstataw li kien hemm differenza pożittiva bejn l-erja ddikjarata u l-erja SIĠ, l-awtoritajiet Belġjani ma setgħux, skond il-Kummissjoni, jibqgħu ma jagħmlu xejn u b’hekk irendu ineffettivi l-kontrolli amministrattivi stabbiliti mid-dritt Komunitarju.

59.

Il-Kummissjoni teskludi li l-affermazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ dan l-obbligu tirriżulta fl-applikazzjoni tal-metodoloġija tar-remote sensing fil-fażi tal-kontroll amministrattiv. Tfakkar li l-użu ta’ ritratti mill-ajru għall-finijiet tal-kontroll amministrattiv hija għażla ta’ l-awtoritajiet Belġjani u hi ħaġa differenti mill-kontroll fiżiku magħmul permezz tar-remote sensing.

60.

Rigward is-sentenza ċċitata Agrargenossenschaft Pretzsch, il-Kummissjoni ssostni li l-punt 48 ta’ din is-sentenza, li għalih jirreferi l-appellant, għandu jinqara filwaqt li jiġi kkunsidrat il-fatt li fiċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari eżaminat fis-sentenza stess, kontroll fil-post biss seta’ jippermetti li jiġi skopert il-ksur ikkonstatat. Hija tosserva li fil-punt 40 tas-sentenza in kwistjoni l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddistingwix bejn kontrolli amministrattivi u kontrolli fil-post meta tafferma li “il-konstatazzjoni ta’ differenza bejn l-erja ddikjarata u l-erja effettivament iddeterminata fil-kuntest ta’ kontroll magħmul mill-awtoritajiet kompetenti tinvolvi, fiha nfisha, l-applikazzjoni ta’ sanzjoni”. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 2419/2001 ma jagħmel xejn ħlief jispjega dak li diġà hemm fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 3887/92.

61.

L-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tmurx kontra l-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ non-diskriminazzjoni. Minn naħa, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet fakkret fis-sentenza li l-awtoritajiet Belġjani kellhom il-possibbiltà li jagħmlu kontrolli fil-post. Min-naħa l-oħra, ladarba ntgħażel ċertu metodu ta’ kontroll, l-awtoritajiet Belġjani kellhom iżommu ma’ dak il-metodu u jiżguraw l-effikaċja tal-kontrolli skond l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 3887/92.

62.

Fl-aħħar, fil-fehma tal-Kummissjoni, il-marġni ta’ tolleranza skond l-Artikolu 6(7) tar-Regolament Nru 3887/92 jirrigwarda biss il-kontrolli li jsiru fil-post. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha, invokati mill-appellant, ċertament jipprovdu għall-applikazzjoni ta’ marġni ta’ tolleranza fil-kuntest ta’ kontrolli amministrattivi tad-data fuq l-erja, imma fir-rigward biss tad-data miksuba meta s-sistema ta’ identifikazzjoni tal-qatgħat abbażi ta’ l-ortoimmaġini tiġi istitwita inizjalment, u mhux anki fir-rigward tad-data miksuba f’fażijiet suċċessivi.

ii) Kunsiderazzjonijiet

63.

L-argumenti mqajmin fil-kuntest ta’ l-ewwel tliet partijiet tat-tieni aggravju jistgħu jiġu ttrattati flimkien, għaliex huma kollha sostanzjalment intiżi biex juru li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet ħażin, fis-sentenza appellata, li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3508/92 u l-Artikoli 6(1) u 9(2) tar-Regolament Nru 3887/92 kellhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal f’dan il-każ, kienu jimponu fuq l-awtoritajiet Belġjani l-obbligu li jadottaw il-miżuri li ma tteħdux. In sostenn ta’ dan l-argument l-appellant iressaq, minbarra argumenti bbażati fuq it-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, anki argumenti bbażati fuq dispożizzjonijiet oħrajn ta’ l-istess Artikolu 6 tar-Regolament Nru 3887/92 u fuq prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.

64.

Qabel ma neżamina dawn l-argumenti, infakkar, kif fuq kollox għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata, li, skond ġurisprudenza kostanti, meta l-Kummissjoni tirrifjuta li tiddebita ċertu nfiq lill-FAEGG, billi tkun saret minħabba ksur tar-regoli Komunitarji li jkun attribwibbli lil Stat Membru, hija tkun obbligata mhux li turi b'mod eżawrjenti n-nuqqas ta’ kontrolli magħmulin minn dan l-Istat Membru jew l-irregolarità tad-data mibgħuta minnu, imma li tippreżenta element ta’ prova tad-dubji serji u raġonevoli li hija għandha dwar il-kontrolli magħmulin mill-awtoritajiet nazzjonali jew l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-seħħ. Dan it-tnaqqis tal-piż tal-prova għall-Kummissjoni huwa dovut għall-fatt li huwa l-Istat li għandu l-aħjar possibbiltajiet biex jiġbor u jivverifika d-data meħtieġa għall-clearance tal-kontijiet tal-FAEGG, u li għalhekk għandu jippreżenta l-prova aktar iddettaljata u eżawrjenti ta’ l-effikaċja tal-kontrolli tiegħu u eventwalment ta’ l-ineżattezza ta’ l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni ( 46 ).

65.

Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha raġun tipprova, bl-analiżi tagħha, tivverifika jekk ir-riżultati tal-kontrolli magħmulin mill-Kummissjoni kinux tali li wasslu lil din l-istituzzjoni biex ikollha dubji serji u raġonevoli dwar l-effikaċja tal-kontrolli magħmulin mill-awtoritajiet Belġjani f’dan il-każ. F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’referenza għall-ewwel wieħed mill-ilmenti li għamlet il-Kummissjoni fir-rapport fil-qosor, iddeċidiet favur l-ilment wara li kkunsidrat, l-ewwel nett, li differenza pożittiva bejn l-erja ddikjarata u l-erja SIĠ kienet “anomalija li tindika irregolarità potenzjali fl-applikazzjoni għall-għajnuna” li fil-konfront tagħha l-awtoritajiet Belġjani kienu obbligati jirreaġixxu b’mod xieraq u, fit-tieni lok, li l-aġir ta’ dawn ta’ l-aħħar quddiem din l-anomalija ma kienx reazzjoni xierqa, li minflok kien imissu kkonsista fl-adozzjoni tal-miżuri li ma tteħdux.

66.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, li l-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-seħħ fil-perijodu kkonċernat ma kinitx timponi espressament fuq l-awtoritajiet Belġjani li jadottaw il-miżuri li ma tteħdux meta kkonstataw l-anomaliji rrilevati. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet obbligu bħal dan, impliċitament, mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3508/92 u mill-Artikoli 6(1) u 9(2) tar-Regolament Nru 3887/92.

67.

Il-qofol tal-kwistjoni fl-ewwel tliet partijiet tat-tieni aggravju huwa essenzjalment jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza b’dan il-mod interpretatx ħażin il-portata ta’ l-obbligi li għandhom l-Istati Membri taħt dawk id-dispożizzjonijiet.

68.

Huwa veru li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li rreferiet għaliha l-Qorti tal-Prim’Istanza, l-obbligu li jiġu adottati miżuri partikolari ta’ sorveljanza u metodi ta’ kontroll mhux imposti espressament fuq l-Istati Membri mil-leġiżlazzjoni Komunitarja fuq is-suġġett in kwistjoni jista’ jirriżulta fil-konfront tagħhom impliċitament mill-fatt li, skond din il-leġiżlazzjoni, huma l-Istati Membri li għandhom japplikaw l-iskemi ta’ premji u ta’ għajnuna u jorganizzaw sistema effikaċi ta’ kontroll u sorveljanza ( 47 ).

69.

B’mod partikolari, minbarra l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 729/70 u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1258/99 korrispondenti, li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu ġenerali li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-effettività u r-regolarità ta’ l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FAEGG, biex jimpedixxu u jinvestigaw l-irregolaritajiet u biex jirkupraw l-ammonti ta’ flus mitlufin minħabba irregolaritajiet jew negliġenzi, jeħtieġ li ssir referenza għall-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 3508/92 li jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jagħmlu kontrolli amministrattivi ta’ l-applikazzjonijiet għall-għajnuna, issupplimentati minn kontrolli fil-post li jkopru kampjun ta’ l-azjendi agrikoli, kif ukoll l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 3887/92 li jipprovdi li l-kontrolli amministrattivi u l-kontrolli fil-post għandhom isiru b’mod li jippermettu verifika effikaċi tal-konformità mal-kundizzjonijiet li taħthom jingħataw l-għajnuna u l-premji.

70.

Minn dawn id-dispożizzjonijiet, ikkunsidrati fid-dawl ta’ l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali mal-Kummissjoni, stabbilit fl-Artikolu 10 KE, għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari użu korrett tar-riżorsi Komunitarji, jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati li jistabbilixxu firxa ta’ kontrolli amministrattivi u ta’ kontrolli fil-post li jippermettu li jiġi ggarantit li l-ħtiġijiet sostantivi u formali għall-għoti tal-premji in kwistjoni jiġu mħarsa b’mod korrett ( 48 ).

71.

Ma jidhirlix li minn dan l-obbligu jistgħu jirriżultaw fil-konfront ta’ l-awtoritajiet Belġjani l-konsegwenzi li ddeduċew minnhom il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan il-każ.

72.

Is-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll stabbilita mir-Regolamenti Nru 3508/92 u Nru 3887/92 (iktar ’il quddiem is-“SIAK”) għandha l-għan, skond il-Qorti tal-Ġustizzja, “li tirrendi iktar effikaċi l-attivitajiet ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll”. Hija bbażata għal dan l-iskop fuq id-dikjarazzjonijiet magħmulin mill-bdiewa fl-applikazzjoni għall-għajnuna. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li “proċedura effikaċi tippreżupponi li l-informazzjoni li għandha tingħata minn applikant għall-għajnuna, skond l-Artikolu 6 tar-[Regolament Nru 3887/92], tkun sħiħa u eżatta mill-bidu biex ikun jista’ jippreżenta applikazzjoni korretta għal ħlasijiet ta’ kumpens u jevita li jbati sanzjonijiet” ( 49 ).

73.

Il-Qorti enfasizzat ukoll li “għal dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna mogħtija fil-kuntest tas-SIAK, dawn huma proċeduri li jirrigwardaw numru kbir ta’ applikazzjonijiet”, u għalhekk “protezzjoni effikaċi ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità f’dan il-kuntest timplika li l-benefiċjarji ta’ l-għajnuna jipparteċipaw attivament fl-iżvolġiment regolari ta’ dawn il-proċeduri u jassumu r-responsabbiltà tal-korrettezza ta’ l-ammonti ta’ flus li jingħatawlhom fil-kuntest tas-SIAK” ( 50 ).

74.

Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 3508/92 u 3887/92 li “l-awtoritajiet nazzjonali m’għandhomx, u fuq kollox ma jistgħux, jagħmlu kontrolli biex jivverifikaw il-veraċità tad-dikjarazzjonijiet kollha li jkun hemm fl-applikazzjonijiet għall-għajnuna li jippreżentawlhom” ( 51 ). B’mod partikolari, fir-rigward tal-kontrolli fil-post imsemmija fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 3887/92, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat għalhekk, b’referenza għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-bhejjem, li huma “għandhom jirrigwardaw kampjun sinjifikattiv ta’ applikazzjonijiet”, imma li “dan il-kampjun jista’ jirrappreżenta 10 % biss ta’ l-applikazzjonijiet […] ippreżentati mill-bdiewa” ( 52 ), perċentwali li hija dik stabbilita fl-ewwel inċiż tad-dispożizzjoni msemmija u li ssir 5 %, skond it-tieni inċiż tagħha, għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna għal erja.

75.

Fis-sistema adottata mir-Regolamenti Nru 3508/92 u Nru 3887/92 il-kontrolli fil-post, anki għall-finijiet tal-verifika ta’ l-eżattezza ta’ l-erjas iddikjarati fl-applikazzjonijiet għall-għajnuna, huma b’hekk intiżi bħala strument ta’ verifika li għandu applikazzjoni limitata (bil-kampjun) u li hu rregolat minn sensiela ta’ dispożizzjonijiet li, minbarra li jipprovdu l-mod kif għandhom isiru l-kontrolli fil-post (ara l-Artikoli 6(7) u 7(1) tar-Regolament Nru 3887/92) jispeċifikaw b’mod ċar il-kundizzjonijiet li taħthom għandhom isiru. L-Artikolu 6(4) ta’ l-istess Regolament jistabbilixxi f’dan ir-rigward li l-awtorità nazzjonali kompetenti tagħżel l-applikazzjonijiet għall-premji u għall-għajnuna li għandhom ikunu s-suġġett tal-kontroll fil-post “skond analiżi tar-riskji u wara li jitqies il-fattur tar-rappreżentattività ta’ l-applikazzjonijiet”.

76.

B’hekk it-twettiq ta’ kontrolli fil-post għal applikazzjoni partikolari jippreżupponi, fil-kuntest ta’ sistema bħal din, li din l-applikazzjoni tintgħażel wara analiżi minn qabel tar-riskji relattiva għall-applikazzjonijiet mibgħuta kollha u bbażata fuq kriterji elenkati espressament fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 3887/92, fuq kriterji addizzjonali li l-istess regola tippermetti lil kull Stat Membru jiddefinixxi u eventwalment fuq kriterji oħrajn li l-applikazzjoni tagħhom tirriżulta neċessarja biex tiġi żgurata l-effikaċja tas-sistema ta’ kontrolli, bħal, per eżempju, skond il-Qorti tal-Ġustizzja,“ir-riżultati tal-kontrolli amministrattivi għas-sena kurrenti” ( 53 ).

77.

Għal dak li jirrigwarda l-kontrolli amministrattivi skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 3887/92, huwa veru li, kif tosserva l-Kummissjoni, l-għan tagħhom, minħabba l-kliem “b’mod partikolari” li jidher fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 3887/92 mhuwiex biss dak espliċitament stabbilit minn din l-aħħar dispożizzjoni, jiġifieri, għal dak li jirrigwarda l-għajnuna għall-erja, verifiki trażversali tal-qatgħat biex tiġi evitata akkumulazzjoni indebita ta’ għajnuna. Kif enfasizzat il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li “l-kontroll amministrattiv li jippreċedi l-ispezzjonijiet fil-post għandu jsir b’mod li jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jiġbdu l-konklużjonijiet kollha possibbli, kemm jekk ikunu ċertezzi jew dubji, fir-rigward ta’ l-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-premji” ( 54 ).

78.

Iżda, l-ewwel nett, xejn ma jiena konvint li l-eżatezza ta’ l-erja ddikjarata fl-applikazzjoni għall-għajnuna għandha tiġi kkunsidrata bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ l-għajnuna. L-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 3887/92 fil-fatt jistabbilixxi li differenza pożittiva bejn l-erja ddikjarata u l-erja “ddeterminata” tfisser iċ-ċaħda (jew ir-revoka) ta’ l-għajnuna biss fejn hija tkun ogħla minn 20 % ta’ l-erja ddeterminata. It-tieni nett, nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat ukoll li “l-kontroll amministrattiv u l-ispezzjoni fil-post tfasslu mill-leġiżlatur Komunitarju bħala żewġ strumenti ta’ verifika li, għalkemm differenti, jikkumplimentaw lil xulxin” ( 55 ), li jfisser evidentement li huma m’għandhomx jikkostitwixxu kopja ta’ xulxin.

79.

B’mod partikolari, ma jidhirlix li jista’ jiġi kkunsidrat li fil-perijodu kkonċernat il-kontroll amministrattiv kellu jkun organizzat mill-Istati Membri b’tali mod li jippermettilhom li tiġi aċċertata, fost affarijiet oħra, l-eżattezza ta’ l-erja ddikjarata fl-applikazzjoni għall-għajnuna. Il-Kummissjoni ma waslitx biex tafferma fir-risposta tagħha ħtieġa bħal din, li fuq kollox lanqas ma ġiet affermata fis-sentenza appellata. Il-metodu segwit mill-Qorti tal-Prim’Istanza u li ġie sostnut mill-Kummissjoni kien dak li jiġi kkunsidrat li ladarba l-awtoritajiet Belġjani kellhom strument, is-SIĠ, mhux obbligatorju u mhux ikkonċepit biex ikejjel l-erja tal-qatgħat agrikoli, imma xorta waħda tajjeb biex jagħti informazzjoni fuq din l-erja, huma kellhom jiġbdu l-konklużjonijiet xierqa minn din l-informazzjoni.

80.

Għalhekk, jekk mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-perijodu kkonċernat ma setax jiġi dedott obbligu, fuq l-awtoritajiet Belġjani, li jaċċertaw l-erja eżatta tal-qatgħat agrikoli fil-kuntest ta’ kontroll amministrattiv, insostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta ċaħdet ir-rilevanza tan-nuqqas ta’ preċiżjoni tad-data fuq l-erja li rriżultat mis-SIĠ, li hemm qbil dwaru f’dan il-każ ( 56 ). Il-Gvern Belġjan spjega b’mod abbundanti — l-ewwel matul il-proċedura amministrattiva imbagħad quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u wara quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja — ir-raġunijiet għaliex l-erja SIĠ ma kinitx tirrifletti neċessarjament b’mod preċiż l-erja reali tal-qatgħat agrikoli. Huwa semma’ problemi marbutin mad-demarkazzjoni manwali tal-qatgħat, mal-memorizzazzjoni grafika mhux tant perfetta ta’ din id-demarkazzjoni fis-SIĠ u ma’ l-użu ta’ ritratti mill-ajru anki qodma, problemi li bl-ebda mod ma ġew ikkontestati mill-Kummissjoni u lanqas ma ġew ikkonfutati mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

81.

Għalkemm huwa veru li l-awtoritajiet Belġjani kellhom jiġbdu l-konklużjonijiet xierqa mid-data dwar l-erja li tirriżulta mis-SIĠ, jidhirli li huwa daqstant ieħor veru li dawn ta’ l-aħħar ma setgħux ma jiħdux in kunsiderazzjoni n-natura ta’ din id-data u għalhekk anki l-impreċiżjoni tagħha. Essenzjalment, is-SIĠ kellha tiġi kkunsidrata għal dak li hi, billi ma jistax jiġi pretiż, u fil-fatt ma ġiex pretiż, li l-awtoritajiet Belġjani jqisuha b’mod differenti minn dak li kienet.

82.

F’dan is-sens, għalhekk, naqbel mal-Gvern Belġjan meta nikkunsidra li, minħabba dik l-impreċiżjoni, differenza pożittiva bejn erja ddikjarata u erja SIĠ ma setgħetx tiġi kkunsidrata fiha nfisha bħala “anomalija li tindika irregolarità potenzjali fl-applikazzjoni” ta’ tali natura li jeħtieġ f’kull każ li jsir jew il-kalkolu ta’ l-ammont ta’ għajnuna abbażi ta’ l-erja SIĠ jew kontroll fil-post.

83.

Il-kalkolu ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna abbażi ta’ erja mnaqqsa meta mqabbla ma’ dik iddikjarata huwa miżura li fil-perijodu kkonċernat kienet ikkontemplata mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 3887/92, li mill-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu tiegħu jirriżulta li l-ammont ta’ l-għajnuna għandu jiġi kkalkulat abbażi ta’ l-erja effettivament iddeterminata fil-mument tal-kontroll jekk din tkun anqas mill-erja ddikjarata fl-applikazzjoni għall-għajnuna. Kif ifakkar il-Gvern Belġjan, fil-punt 48 tas-sentenza ċċitata Agrargenossenschaft Pretzsch, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li “l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 3887/92 huma intiżi biex jistabbilixxu paragun bejn id-dikjarazzjonijiet li jidhru fl-applikazzjoni għall-għajnuna u r-riżultati tal-kontrolli magħmulin fil-post” ( 57 ). Din ta’ l-aħħar hija referenza li tidher li tispeċifika dik aktar ġenerika għall-“kontroll magħmul mill-awtoritajiet kompetenti” li hemm fil-punt 40 ta’ l-istess sentenza, invokata mill-Kummissjoni, li tgħid li mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 3887/92 jirriżulta li “l-konstatazzjoni ta’ differenza bejn l-erja ddikjarata u l-erja effettivament iddeterminata fil-kuntest ta’ kontroll magħmul mill-awtoritajiet kompetenti tinvolvi, fiha nfisha, l-applikazzjoni ta’ sanzjoni”.

84.

Għalhekk jidhirli li, kif sostna l-Gvern Belġjan, abbażi ta’ l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 3887/92 il-kalkolu ta’ l-ammont ta’ għajnuna abbażi ta’ erja mnaqqsa meta mqabbla ma’ dik iddikjarata jista’ jkun possibbli biss meta l-kejl ta’ l-erja jkun sar fil-kuntest ta’ kontroll fil-post.

85.

Fi kwalunkwe każ, din il-kwistjoni tista’, għall-finijiet ta’ din il-kawża, tibqa’ miftuħa. Fil-fatt, anki jekk jiġi ammess li din ir-regola tinkludi wkoll l-ipoteżi ta’ determinazzjoni effettiva ta’ l-erja fil-kuntest ta’ kontroll amministrattiv, ma jidhirlix li huwa possibbli, fid-dawl tal-karatteristiċi u l-għan konkreti tas-SIĠ użata mill-awtoritajiet Belġjani fil-perijodu kkonċernat, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-seħħ dak iż-żmien, li l-erja SIĠ tiġi kkunsidrata bħala “erja effettivament iddeterminata” skond ir-regola in kwistjoni.

86.

Barra minn hekk nosserva li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, ikkonfermata mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li quddiem differenza pożittiva bejn l-erja ddikjarata u l-erja SIĠ l-awtoritajiet Belġjani kellhom jew inaqqsu l-erja jew jagħmlu kontroll fil-post, hija kjarament kontradittorja. Fil-fatt jekk l-erja SIĠ tiġi kkunsidrata bħala “erja effettivament iddeterminata” skond l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 3887/92, differenza bħal din tista’ tagħti lok, skond din id-dispożizzjoni, għat-tnaqqis ta’ l-erja biss (u għalhekk ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna) u mhux għal kontroll fil-post. Jekk jiġi kkunsidrat minflok li l-alternattiva tal-kontroll fil-post għall-iskop li tiġi aċċertata l-erja reali hi ammissibbli, dan jimplika li ma jkunx qed jiġi rikonoxxut lill-erja SIĠ il-valur ta’ “erja effettivament iddeterminata”.

87.

Barra minn dan, jekk inqis li differenza pożittiva bejn l-erja ddikjarata u l-erja SIĠ ma teħtieġx fiha nfisha, min-naħa ta’ l-awtoritajiet Belġjani, l-adozzjoni ta’ miżuri li ma tteħdux, jidhirli li huma fundati anki l-argumenti mqajmin mill-Gvern Belġjan kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tgħid li fi kwalunkwe każ ir-reazzjoni ta’ l-awtoritajiet Belġjani għall-konstatazzjoni ta’ differenza bħal din ma kinitx xierqa.

88.

Għandu jitfakkar l-ewwel nett li, kif ġie aċċertat fil-punt 58 tas-sentenza appellata, fil-perijodu kkonċernat l-awtoritajiet Belġjani, irrikorew, fil-kuntest ta’ l-analiżi tar-riskji intiża biex jintgħażlu l-każijiet li kellhom ikunu s-suġġett ta’ kontroll fil-post, fost kriterji oħra, għal dak tad-differenza bejn l-erja ddikjarata u l-erja SIĠ. Il-Gvern Belġjan ippreċiża li dan il-kriterju ngħata importanza kunsiderevoli fil-kuntest ta’ l-analiżi tar-riskji. Kif jirriżulta mill-punt 58 tas-sentenza appellata, mhuwiex ikkontestat li fil-perijodu kkonċernat il-kontrolli fil-post kienu jirrigwardaw 10 % ta’ l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għal erja, perċentwali li hija d-doppju ta’ dik minima meħtieġa mill-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 3887/92.

89.

Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li ma kienx aċċettabbli l-fatt li kienu biss il-każijiet li fir-rigward tagħhom din id-differenza, pożittiva jew negattiva, kienet taqbeż marġni ta’ tolleranza ta’ 5 % li kienu ttieħdu in kunsiderazzjoni, skond dan il-kriterju, fil-kuntest ta’ l-analiżi tar-riskji ( 58 ).

90.

F’dan ir-rigward, naqbel mal-Gvern Belġjan meta josserva li, jekk marġni ta’ tolleranza hi aċċettata għall-finijiet tal-kejl fil-post ta’ l-erja tal-qatgħat agrikoli skond l-Artikolu 6(7) tar-Regolament Nru 3887/92, xejn ma kien jipprojbixxi lill-awtoritajiet Belġjani milli jirrikorru għal marġni ta’ tolleranza anki fil-kuntest ta’ kontroll amministrattiv ibbażat, b’għażla libera u mhux ċensurabbli ta’ dawn l-awtoritajiet, fuq data dwar l-erja miksuba permezz ta’ sistema, is-SIĠ, li kellha bla dubju limiti tekniċi mil-lat tal-kejl ta’ l-erjas ( 59 ). Fil-fehma tiegħi l-osservazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li “l-anomaliji ma jirriflettux żball fil-kejl, dovut għall-impreċiżjoni tas-SIĠ allegata mill-Gvern Belġjan, imma jirriflettu l-kontradizzjoni li teżisti bejn id-data ddikjarata u d-data amministrattiva li għandhom l-awtoritajiet Belġjani” ma tinvalidax l-osservazzjoni magħmula hawn fuq. Il-punt essenzjali huwa dejjem li din id-data, li l-Qorti tal-Prim’Istanza tikklassifika bħala “amministrattiva” fil-verità kienet suġġetta għal riżerva billi ma kinitx neċessarjament affidabbli, tant li ġiet sottoposta anki għal verifika; fil-fatt il-Gvern Belġjan kien spjega diġà quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li f’diversi każijiet fejn irriżultat differenza pożittiva bejn l-erja ddikjarata u l-erja SIĠ il-verifika ta’ din id-data permezz ta’ kontroll tal-preċiżjoni tal-memorizzazzjoni grafika ta’ l-erja li tirriżulta mid-demarkazzjoni manwali magħmula fuq ir-ritratti mill-ajru wasslet għal rettifika tagħha biex din id-differenza tiġi eliminata ( 60 ).

91.

Għalhekk jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkommettiet żball ta’ liġi meta kkunsidrat fil-każ partikolari, skond l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3508/92 u l-Artikoli 6(1) u 9(2) tar-Regolament Nru 3887/92 u b’referenza għall-ewwel waħda miż-żewġ ilmenti magħmulin mill-Kummissjoni kontra l-appellant, li din l-istituzzjoni kienet ikkorroborat biżżejjed l-eżistenza ta’ dubji serji u raġonevoli fuq l-effikaċja tal-kontrolli magħmulin mill-awtoritajiet Belġjani fil-perijodu kkonċernat.

92.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata fuq dan il-punt.

b) Fuq ir-raba’ parti ta’ l-aggravju (fuq l-ilment rigward il-memorizzazzjoni grafika tad-data tardiva)

i) Argumenti tal-partijiet

93.

Skond l-appellant, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3508/92 u l-Artikoli 6 u 9 tar-Regolament Nru 3887/92 billi ddeċidiet, meta applikat dawn id-dispożizzjonijiet, li s-sistema ta’ kontroll adottata mill-awtoritajiet Belġjani ma kinitx effikaċi minħabba d-dewmien fil-memorizzazzjoni grafika tad-data.

94.

Huwa josserva li, kuntrarjament għal dak li ġie affermat fil-punt 68 tas-sentenza appellata, l-argumenti li ġab quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza biex jirribatti l-ilment dwar il-memorizzazzjoni grafika ma kinux limitati għall-affermazzjoni, li tinsab fil-punt imsemmi fit-termini segwenti, li “l-analiżi tar-riskji saret abbażi tal-kriterji kollha ħlief għal dak tal-memorizzazzjoni grafika tardiva, u […] dawk li kienu ta’ riskju kienu ġew suġġetti għal memorizzazzjoni grafika mgħaġġla qabel il-31 ta’ Awwissu” ( 61 ).

95.

Fil-kawża fl-ewwel istanza l-appellant, minflok, qajjem argumenti oħrajn ukoll kontra dak l-ilment.

96.

L-ewwel nett, enfasizza li l-analiżi tar-riskji magħmula wara l-31 ta’ Awwissu kienet daqstant effikaċi daqs dik li saret qabel dik id-data, data li wara kollox lanqas biss ġiet ikkunsidrata mill-awtoritjajiet Belġjani billi ma kienet prevista minn ebda leġiżlazzjoni. Fil-fatt, anki meta l-memorizzazzjoni grafika tal-qatgħat fis-SIĠ ġrat wara l-31 ta’ Awwissu, għal kull fajl l-erja ddikjarata kienet tqabblet ma’ l-erja SIĠ u l-każijiet relattivi għall-gruppi ta’ uċuħ tar-raba’ li wrew l-akbar differenza bejn l-erja ddikjarata u l-erja SIĠ kienu ttieħdu in kunsiderazzjoni, skond dan il-kriterju, fl-analiżi tar-riskji u, jekk kien il-każ, magħżula għall-kontrolli fil-post.

97.

Fit-tieni lok, l-appellant osserva, mingħajr ma ġie kontradett mill-Kummissjoni, li d-data tal-31 ta’ Awwissu ma kellha l-ebda rilevanza għat-twettiq tal-kontrolli fiżiċi fil-post, billi dawk li saru wara dik id-data kienu daqstant ieħor effikaċi daqs dawk li saru qabel. Dawn il-kontrolli, skond l-appellant, jistgħu jsiru b’mod utli wkoll fix-xhur ta’ Settembru u Ottubru, billi, għalkemm diversi uċuħ tar-raba’ jkunu diġà nħasdu, għall-parti l-kbira ta’ l-uċuħ tar-raba’ l-qatgħat agrikoli jkunu għadhom ma nħadmux jew ikun baqgħalhom fdalijiet tagħhom; filwaqt li għal uċuħ tar-raba’ oħrajn (partikolarment, il-qamħirrum, wieħed mill-uċuħ tar-raba’ l-iktar importanti fil-Belġju) il-ħsad isir bejn l-aħħar ta’ Ottubru u l-bidu ta’ Novembru.

98.

Fi kwalunkwe każ, billi fis-sentenza appellata la rrispondiet għal dawn l-argumenti u lanqas indikat ir-raġuni għaliex it-twettiq wara l-31 ta’ Awwissu tal-memorizzazzjoni grafika jew ta’ l-analiżi tar-riskji kellu jiġi kkunsidrat tardiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni.

99.

Il-Kummissjoni tfakkar li, skond ir-rapport fil-qosor, minħabba d-dewmien fil-memorizzazzjoni tad-data grafika “ma kienx possibbli li jsiru malajr il-kontrolli kkompjuterizzati trażversali meħtieġa għall-popolazzjoni kollha, u ħafna każijiet ma setgħux jiġu kkunsidrati fl-analiżi tar-riskji u lanqas, sussegwentement, ma setgħu jintgħażlu għall-finijiet ta’ kontroll fil-post” ( 62 ). Għalhekk l-ilment għandu x’jaqsam mhux mat-twettiq tardiv tal-kontrolli fil-post, imma ma’ l-impossibbiltà, minħabba d-dewmien fil-memorizzazzjoni grafika, li l-kontrolli amministrattivi jsiru fi żmien xieraq u dan impedixxa li kontrolli oħrajn fil-post isiru b’mod xieraq. Il-Kummissjoni turi li l-awtoritajiet Belġjani stess irrikonoxxew li dan id-dewmien kellu impatt fuq l-għażla ta’ l-applikazzjonijiet għall-għajnuna fil-kuntest ta’ l-analiżi tar-riskji.

ii) Kunsiderazzjonijiet

100.

Fir-raba’ parti ta’ dan l-aggravju l-appellant jallega żbalji oħrajn ta’ liġi li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkommettiet meta interpretat l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3508/92 u l-Artikoli 6 u 9 tar-Regolament Nru 3887/92 fis-sens li kienu jimponu fuq l-awtoritajiet Belġjani l-obbligu li jeżegwixxu l-memorizzazzjoni grafika tad-data fis-SIĠ sal-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena, jew meta ma osservatx l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi.

101.

L-ilment rigward id-dewmien fl-imsemmija memorizzazzjoni grafika — jiġifieri fl-inseriment fis-SIĠ, minn membru tal-persunal tekniku tal-Bureau provincial, tad-disinn tal-qatgħat agrikoli magħmul manwalment mill-bdiewa fuq ir-ritratti mill-ajru —, kif ifformulat fir-rapport fil-qosor tal-Kummissjoni u msemmi fil-punt 65 tas-sentenza appellata, hu bbażat fuq ir-raġunament li ġej: il-każijiet li fir-rigward tagħhom sa l-aħħar tax-xahar ta’ Awwissu kienet għadha ma saritx din il-memorizzazzjoni grafika ma setgħux jiġu kkunsidrati fil-kuntest ta’ l-analiżi tar-riskji, u lanqas ma setgħu jintgħażlu għal kontroll fil-post.

102.

Iżda f’dan ir-rigward, l-appellant kien allega effettivament diversi drabi, fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ( 63 ), b’mod partikolari, li anki għall-każijiet li fir-rigward tagħhom il-memorizzazzjoni grafika in kwistjoni kienet saret wara l-31 ta’ Awwissu kien sar paragun bejn l-erja ddikjarata u l-erja SIĠ u li, bħal fil-każ tal-każijiet li diġà kienet saret il-memorizzazzjoni grafika tagħhom qabel dik id-data, l-applikazzjonijiet għal gruppi ta’ uċuħ tar-raba’ li kellhom differenzi akbar bejn l-erja ddikjarata u l-erja SIĠ kienu ġew eżaminati fil-kuntest ta’ l-analiżi tar-riskji u ntgħażlu eventwalment għall-kontrolli fiżiċi fil-post.

103.

B’dan l-argument l-appellant wera fis-sustanza li memorizzazzjoni grafika magħmula wara l-31 ta’ Awwissu b’ebda mod ma pprekludiet la t-teħid in kunsiderazzjoni tal-fajl relativ fil-kuntest ta’ l-analiżi tar-riskji, u lanqas it-twettiq ta’ kontrolli fil-post, anki jekk wara d-data msemmija.

104.

L-appellant kien ippreċiża wkoll li l-kontrolli fil-post jistgħu jsiru b’mod utli anki fix-xhur ta’ Settembru u Ottubru, anki meta l-ħsad ikun diġà sar, u ta raġunijiet biex isostni din l-affermazzjoni (ara l-punt 97 iktar ’il fuq) ( 64 ).

105.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk ikkonstatat ħażin, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, li l-appellant — fir-rigward ta’ l-impossibbiltà kkontestata li jsiru kontrolli amministrattivi fil-ħin, u għalhekk kontrolli fil-post, minħabba dewmien fil-memorizzazzjoni grafika — “afferma biss li l-analiżi tar-riskji kienet saret abbażi tal-kriterji kollha ħlief għal dak [tad-differenza bejn l-erja ddikjarata u l-erja SIĠ] ( 65 ), u li dawk li kienu ta’ riskju kien ġew suġġetti għal memorizzazzjoni grafika mgħaġġla qabel il-31 ta’ Awwissu”.

106.

L-argumenti li hemm referenza għalihom fil-punti 102 sa 104 iktar ’il fuq, li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset li tieħu pożizzjoni fuqhom fis-sentenza appellata, iżidu fil-fatt ma’ din l-affermazzjoni li, fil-verità, għall-każijiet kollha li fir-rigward tagħhom il-memorizzazzjoni grafika saret wara l-31 ta’ Awwissu, l-analiżi tar-riskji setgħet madankollu ssir validament bl-applikazzjoni tal-kriterju tad-differenza bejn l-erja ddikjarata u l-erja SIĠ, u li l-kontrolli meħtieġa fil-post setgħu jsiru b’mod effikaċi, anki wara l-31 ta’ Awwissu.

107.

L-istess argumenti, li ma ġewx kontradetti b’mod adegwat mill-Kummissjoni, b’hekk jirribattu l-assunzjoni li fuqha straħet l-istituzzjoni msemmija meta qajmet l-ilment in kwistjoni, jiġifieri li memorizzazzjoni grafika magħmula wara l-31 ta’ Awwissu kienet timpedixxi li l-każijiet ikkonċernati jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ analiżi tar-riskji u li għalhekk jintgħażlu għal kontroll fil-post.

108.

Jidhru iktar konvinċenti billi t-terminu tal-31 ta’ Awwissu bħala terminu assolut għall-memorizzazzjoni grafika in kwistjoni jew għall-analiżi tar-riskji ma jidher li hu preskritt minn ebda att leġiżlattiv u billi l-Kummissjoni m’għadhiex qed issostni, kif kienet għamlet fl-ewwel fażi tal-proċedimenti amministrattivi, li l-kontrolli fil-post magħmulin wara d-data msemmija ma kinux effikaċi minħabba l-memorizzazzjoni grafika allegatament tardiva ( 66 ).

109.

Wara li l-kawża nstemgħet f’żewġ istanzi u, partikolarment, wara domanda f’dan is-sens magħmula lir-rappreżentant tal-Kummissjoni fis-seduta li saret quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għadu mhuwiex ċar, fin-nuqqas ta’ att leġiżlattiv li jistabbilixxi l-ħarsien ta’ din id-data u fid-dawl ta’ l-elementi ta’ prova li ressaq l-appellant, għaliex memorizzazzjoni grafika u għalhekk analiżi tar-riskji wara l-31 ta’ Awwissu għandhom jiġu kkunsidrati bħala tardivi. Ma tidhirx li hija rilevanti r-referenza li saret mir-rappreżentant tal-Kummissjoni fil-punti 33 sa 35 tas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni ( 67 ), li minnhom jirriżulta, fil-fehma tiegħu, it-terminu assolut tal-31 ta’ Awwissu. F’dawn il-punti l-Qorti tal-Ġustizzja qablet mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li lmentat li l-kontrolli fil-post magħmulin fix-xahar ta’ Settembru mir-Repubblika Taljana kienu inaffidabbli, għaliex kienu saru wara l-ħsad. Imma din il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet tirrigwarda d-dewmien fil-kontrolli fil-post, filwaqt li, kif jirriżulta mis-sentenza appellata (punt 66) u kif ikkonfermat il-Kummissjoni fir-risposta tagħha (punti 56 sa 57), fil-każ li qed neżaminaw ma ġiex ilmentat fil-konfront tar-Renju tal-Belġju dewmien fil-kontrolli fil-post, imma n-nuqqas ta’ kontrolli fil-post minħabba memorizzazzjoni grafika allegatament tardiva. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-punti lanqas biss indikat b’mod ġenerali il-31 ta’ Awwissu bħala t-terminu assolut għall-kontrolli fil-post, imma kkonstatat biss li l-Gvern Taljan ma pproduċiex elementi ta’ prova rilevanti li setgħu jinvalidaw il-konklużjonijiet fuq imsemmijin tal-Kummissjoni ( 68 ).

110.

Għalhekk nikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza qablet b’mod żbaljat ma’ l-assunzjoni tal-Kummissjoni li t-twettiq tal-memorizzazzjoni grafika wara l-31 ta’ Awwissu kien impedixxa l-iżvolġiment ta’ kontrolli amministattivi fil-ħin u għalhekk it-twettiq ta’ kontrolli fil-post. Bħala konsegwenza hija ma setgħetx tikkonkludi validament li din l-assunzjoni kienet tikkostitwixxi element ta’ prova li jista’ jqajjem dubji serji u raġonevoli dwar l-effikaċja tal-kontrolli magħmulin mill-awtoritjajiet Belġjani fil-perijodu kkonċernat.

111.

Għalhekk is-sentenza appellata għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi annullata anki fuq dan il-punt.

3. In-natura superfluwa ta’ l-eżami tal-ħames parti tat-tieni aggravju, kif ukoll tat-tielet u r-raba’ aggravji ta’ l-appell.

112.

Billi ntlaqgħu l-ewwel erba’ partijiet tat-tieni aggravju, kif ġie espost iktar ’il fuq, m’hemmx għalfejn tiġi eżaminata l-ħames parti ta’ l-istess aggravju, fejn qed jiġi sostnut ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni fuq punti speċifiċi, u lanqas it-tielet u r-raba’ aggravji, li huma ffukati fuq partijiet tas-sentenza appellata li fihom il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet dwar it-talba subordinata ta’ l-appellant intiża biex jinkiseb tnaqqis fl-ammont ta’ l-infiq eskluż mill-finanzjament tal-FAEGG. Fil-fatt, annullament tas-sentenza appellata abbażi tal-ħames parti tat-tieni aggravju, u tat-tielet u r-raba’ aggravji ma jkollux portata usa’ mill-annullament li jirriżulta meta jintlaqgħu, kif imsemmi iktar ’il fuq, l-ewwel erba’ partijiet tat-tieni aggravju ( 69 ).

113.

Għal dawn ir-raġunijiet, qed inħalli barra, billi huwa żejjed fid-dawl tal-konklużjonijiet li wasalt għalihom fl-eżitu ta’ l-eżami ta’ l-ewwel erba’ partijiet tat-tieni aggravju, l-eżami tal-ħames parti tiegħu, u tat-tielet u r-raba’ aggravji.

B — Fuq ir-rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni

114.

Skond l-Artikolu 61 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza biex din tiddeċidiha.

115.

F’dan il-każ, l-istat ta’ l-atti jippermetti, fil-fehma tiegħi, li l-Qorti tal Ġustizzja tiddeċiedi b’mod definttiv ir-rikors għal annullament propost mill-appellant.

116.

Bl-ewwel motiv tar-rikors ta’ annullament, ifformulat bħala dak ewlieni fir-rigward ta’ dawk suċċessivi, l-appellant kien allega l-ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3508/92 u ta’ l-Artikoli 6 u 9 tar-Regolament Nru 3887/92, billi fil-fehma tiegħu ma kienx possibbli f’dan il-każ li jiġi dedott minn dawn id-dispożizzjonijiet, li l-awtoritajiet Belġjani kellhom l-obbligu li jadottaw il-miżuri li ma tteħdux u lanqas li kellhom l-obbligu li jieħdu ħsieb li l-memorizzazzjoni grafika tal-qatgħat agrikoli fis-SIĠ issir sal-31 ta’ Awwissu.

117.

Issa, jirriżulta mill-eżami ta’ l-ewwel erba’ partijiet tat-tieni aggravju ta’ appell, li għamilt fil-punti 67 sa 92 u 100 sa 111 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni ma kkorroboratx b’elementi ta’ prova xierqa l-eżistenza ta’ dubji serji u raġonevoli dwar l-effikaċja tal-kontrolli magħmulin mill-awtoritajiet Belġjani fil-perijodu kkonċernat fir-rigward, minn naħa, ta’ l-atteġġjament meħud minnhom quddiem il-konstatazzjoni tad-differenza pożittiva bejn l-erja ddikjarata u l-erja SIĠ u, min-naħa l-oħra, taż-żmien biex saret il-memorizzazzjoni grafika tal-qatgħat agrikoli fis-SIĠ.

118.

Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi annullata fil-parti fejn timponi fil-konfront tar-Renju tal-Belġju tnaqqis b’rata fissa ta’ 2 % ta’ l-infiq iddikjarat għall-finijiet tal-finanzjament tal-FAEGG, taqsima garanzija.

119.

L-ilqugħ ta’ l-ewwel motiv ifformulat fir-rikors għal annullament fl-ewwel istanza jfisser li kjarament ma hemmx bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħrajn, ifformulati fl-istess rikors b’mod subordinat biss.

C — Fuq l-ispejjeż

120.

Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Barra minn dan, skond l-Artikolu 69(2) ta’ l-istess Regoli, applikabbli taħt l-Artikolu 118 tagħhom għall-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

121.

Billi qed nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tilqa’ kemm l-appell kif ukoll ir-rikors għal annullament imressqin mill-appellant, nissuġġerixxi wkoll li l-Kummissjoni tiġi ordnata, billi hija l-parti telliefa, tbati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi tal-kawża, skond it-talbiet ta’ l-appellant f’dan is-sens.

VI — Konklużjoni

122.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara li:

“1)

Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-25 ta’ Lulju 2006, T-221/04, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, hija annullata.

2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/136/KE, ta’ l-4 ta’ Frar 2004, hija annullata fil-parti fejn timponi, fil-konfront tar-Renju tal-Belġju, tnaqqis b’rata fissa ta’ 2 % ta’ l-infiq iddikjarat għall-finijiet tal-finanzjament tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), taqsima garanzija, għas-snin finanzjari 2000 sa 2002.

3)

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (T-221/04).

( 3 ) Deċiżjoni li teskludi mill-finanzjament Komunitarju xi spejjeż magħmulin mill-Istati Membri taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), taqsima garanzija (ĠU L 40, p. 31).

( 4 ) F’dan il-każ partikolari huma rilevanti r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru tal-21 ta’ April 1970 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 94, p. 13), u, għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż magħmula wara l-1 ta’ Jannar 2000, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/99 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 160, p. 103). Dawn ir-regolamenti m’għadhomx fis-seħħ, billi issa japplika, mill-1 ta’ Jannar 2007, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/05 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 209, p. 1).

( 5 ) Ara l-Artikolu 1(2)(b) u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 729/70 kif ukoll l-Artikolu 1(2)(b) u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1258/99.

( 6 ) Ara l-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament Nru 729/70 u l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/99.

( 7 ) Ara l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 729/70 u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1258/99.

( 8 ) ĠU L 355, p. 1. Dan ir-Regolament, li ġie emendat diversi drabi, tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/03 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU L 270, p. 1).

( 9 ) ĠU L 182, p. 4.

( 10 ) ĠU L 335, p. 1.

( 11 ) ĠU L 391, p. 36 [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 12 ) ĠU L 212, p. 23 [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 13 ) Tirrigwarda l-kontrolli relattivi għall-annimali ta’ l-ifrat biss.

( 14 ) Regolament tal-Kunsill tal-21 ta’ April 1997 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem ta’ l-ifrat u dwar l-ittikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u l-prodotti tal-laħam taċ-ċanga (ĠU L 117, p. 1).

( 15 ) ĠU L 340, p. 29 [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 16 ) Tirrigwarda l-kontrolli relattivi għall-annimali ta’ l-ifrat biss.

( 17 ) Ibid.

( 18 ) ĠU L 156, p. 27 [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 19 ) Regolament li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-amministrazzjoni integrata u s-sistema ta’ kontroll [tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll] għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità [stabbiliti] permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92 (ĠU L 327, p. 11).

( 20 ) Dan huwa strument kompjuterizzat użat għar-rappreżentazzjoni u l-analiżi ta’ affarijiet li jeżistu jew jiġru fuq wiċċ id-dinja u li għandhom referenza fl-ispazju. L-informazzjoni ġeografika jew ta’ l-ispazju hija bbażata fuq sistema ta’ referenza ta’ l-ispazju komuni.

( 21 ) ĠU L 132, p. 5.

( 22 ) Traduzzjoni mhux uffiċjali tal-verżjoni Franċiża tad-dokument anness ma’ l-atti.

( 23 ) Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 4 u 6 iktar ’il fuq.

( 24 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1287/95, tat-22 ta’ Mejju 1995, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 729/70 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 125, p. 1).

( 25 ) Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 4 u 6 iktar ’il fuq.

( 26 ) Sentenza appellata, punti 26 sa 28.

( 27 ) Ibidem, punt 45.

( 28 ) Sentenza appellata, punti 47 sa 48. It-traduzzjoni tas-siliet kollha ċċitati mis-sentenza appellata f’dawn il-konkużjonijiet mhijiex uffiċjali.

( 29 ) Sentenza tal-21 ta’ Jannar 1999, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C-54/95, Ġabra p. I-35, punt 34).

( 30 ) Sentenza appellata, punti 30, 49 u 50.

( 31 ) Sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 1996, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-41/94 (Ġabra p. I-4733, punt 17), u ta’ l-14 ta’ April 2005, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-468/02, punt 40).

( 32 ) Sentenza appellata, punti 51 sa 54.

( 33 ) Ibidem, punt 57.

( 34 ) Ibidem, punt 58.

( 35 ) Ibidem, punt 59.

( 36 ) Ibidem, punt 60.

( 37 ) Ibidem, punt 61.

( 38 ) Ibidem, punt 65.

( 39 ) Ibidem, punti 67 u 69.

( 40 ) Ibidem, punt 70.

( 41 ) Il-formulazzjoni ta’ din is-sentenza hija ċertament infeliċi għaliex tesprimi f’termini kkumplikati għal xejn il-kunċett ovvju li hemm telf għall-FAEGG meta l-għajnuna titħallas abbażi ta’ l-erja ddikjarata u din tkun akbar mill-erja reali.

( 42 ) Ara, per eżempju, il-punt 48 tas-sentenza appellata, fejn jingħad li “l-impreċiżjoni tad-data SIĠ ma tfissirx li hija nieqsa minn sinjifikat”.

( 43 ) Sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 1990, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C-8/88, Ġabra p. I-2321, punt 16), u Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35.

( 44 ) Sentenza tat-28 ta’ Novembru 2002 (C-417/00, Ġabra p. I-11053, punt 48) [It-traduzzjoni tas-siltiet iċċitati minn din is-sentenza f’dawn il-konklużjonijiet mhijiex uffiċjali].

( 45 ) L-appellant jirreferi għad-dokument tat-Direttorat Ġenerali tar-Riċerka “Rakkomandazzjonijiet tekniċi għas-sena 2000” Nru OL/I04/M2066/2000 u l-anness mad-dokument tad-Direttorat Ġenerali ta’ l-agrikoltura u ta’ l-iżvilupp rurali Nru VI/8388/94.

( 46 ) Sentenza ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C-335/03, Ġabra p. I-2955, punt 68, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).

( 47 ) Sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 1990, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16, u Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35.

( 48 ) Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 1990, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20, u Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36.

( 49 ) Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Schilling u Nehring (C-63/00, Ġabra p. I-4483, punt 34) [It-traduzzjoni tas-siltiet iċċitati minn din is-sentenza f’dawn il-konklużjonijiet mhijiex uffiċjali].

( 50 ) Sentenza Agrargenossenschaft Pretzsch, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45.

( 51 ) Sentenzi Schilling u Nehring, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37, u Agrargenossenschaft Pretzsch, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52.

( 52 ) Sentenza Schilling u Nehring, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37.

( 53 ) Sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 sa 41, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fost affarijiet oħra li l-lista tal-fatturi li l-analiżi tar-riskji għandha tikkunsidra, skond l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 3887/92, mhijiex eżawrjenti.

( 54 ) Sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 1996, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17, u Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40 li saret referenza għalihom fil-punt 54 tas-sentenza appellata.

( 55 ) Sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 1996, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43, u Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38.

( 56 ) Ara s-sentenza appellata, punt 48.

( 57 ) Il-korsiv huwa tiegħi.

( 58 ) Sentenza appellata, punti 60 u 61.

( 59 ) Il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, li l-użu ta’ marġni ta’ tolleranza fil-kuntest ta’ kejl fil-post, stabbilit espressament mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, huwa ġġustifikat “minħabba l-limiti tekniċi ta’ l-istrument ta’ kejl”.

( 60 ) Ara b’mod partikolari l-punti 45 u 61 tar-rikors fl-ewwel istanza, kif ukoll il-punt 58 tas-sentenza appellata. L-użu ta’ marġni ta’ tolleranza fil-kuntest tal-kontroll amministrattiv jidher madankollu anqas problematiku billi, kif iddikjara l-Gvern Belġjan u ma ġiex ikkontestat mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-perijodu kkonċernat l-erja totali ddikjarata għall-Belġju kienet anqas mill-erja totali SIĠ.

( 61 ) Din is-silta mis-sentenza ma tinftehimx malajr. Il-qari tal-punti 57 u 67 tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jippermetti madankollu li jinftiehem b’mod ċar li l-kriterju tal-“memorizzazzjoni grafika tardiva”, li s-silta fis-sentenza tirreferi għalih b’mod mhux adatt, għandu jinftiehem bħala kriterju tad-differenza bejn l-erja ddikjarata u l-erja SIĠ. Barra minn hekk, il-pronom “dawk” li hemm fl-istess silta tas-sentenza għandha tinftiehem b’referenza għall-każijiet ta’ l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u mhux għall-kriterji ta’ l-analiżi tar-riskji.

( 62 ) Traduzzjoni mhux uffiċjali ta’ silta mir-rapport fil-qosor.

( 63 ) Ara l-punt 68 tar-rikors u l-punti 35 u 37 tar-replika.

( 64 ) Ara l-punt 80 tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

( 65 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 62 iktar ’il fuq.

( 66 ) Ara l-punt 66 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza tenfasizza li l-ilment dwar in-natura tardiva tal-kontrolli fil-post, li sar fl-ewwel fażi tal-proċedimenti amministrattivi, ma reġax issemma’ fir-rapport fil-qosor.

( 67 ) Sentenza ta’ l-10 ta’ Novembru 2005, (C-307/03).

( 68 ) Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-perijodu tal-ħsad jista’ jvarja skond l-uċuħ tar-raba’ kkultivati u skond iż-żoni ġeografiċi, b’hekk anki jekk wieħed jikkunsidra li l-kontrolli fil-post għandhom bilfors jiġu qabel il-ħsad, ma jistax ikun hemm biss terminu wieħed biex isiru dawn il-kontrolli għall-uċuħ tar-raba’ kollha u għall-Komunità kollha.

( 69 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2003, Chronopost et vs Ufex et (C-83/01 P, C-93/01 P u C-94/01 P, Ġabra p. I-6993, punt 43).