Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

tat-22 ta’ Ottubru 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 1 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Irtirar ex officio ta’ uffiċjali impjegati mas-servizz diplomatiku li jilħqu l-età ta’ 65 sena u li wettqu 35 sena ta’ servizz pubbliku effettiv li jagħti dritt għal pensjoni – Artikolu 6 – Għanijiet leġittimi li jiġġustifikaw differenza fit-trattament abbażi tal-età”

Fil-Kawża C‑359/25 [Delevris] (i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Mejju 2025, fil-proċedura

IS

vs

Ypourgos Exoterikon,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn B. Smulders, President tal-Awla, M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Presidenta tal-Ħames Awla, li qiegħda taġixxi bħala Mħallef tal-Għaxar Awla, u J. Passer, Imħallef,

Avukat Ġenerali: A. Biondi,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal IS, minn E. Kalafatis, dikigoros,

–        għall-Gvern Elleniku, minn A. Magrippi, O. Patsopoulou u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Konstantinidis u E. Schmidt, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn IS, ex uffiċjal tal-kategorija diplomatika tal-Ypourgeio Exoterikon (il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, il-Greċja), u l-Ypourgos Exoterikon (il-Ministru għall-Affarijiet Barranin) dwar talba għall-annullament ta’ digriet presidenzjali li abbażi tiegħu ġie ordnat l-irtirar ex officio ta’ IS.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 14 tad-Direttiva 2000/78 tiddikjara li:

“Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabilixxu l-età ta’ l-irtirar.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, [id-]diżabilità, [l-]età jew [l-]orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar‑raġunijiet imsemmija fl‑Artikolu 1;

(b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom [...] età [...] partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i)      meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji [...]

[...]”

6        Skont l-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[...]

(ċ)      il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[...]”

7        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi:

“Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

(a)      l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

(b)      l-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg,

(ċ)      l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.”

 Id-dritt Grieg

8        It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(6) tal-Kostituzzjoni Griega jipprovdi:

“Liġi għandha tistabbilixxi l-limitu tal-età għall-għalliema fl-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla; sal-pubblikazzjoni ta’ din il-liġi, l-għalliema fil-kariga għandhom jitilqu ipso jure mis-servizz fl-aħħar tas-sena universitarja li matulha jilħqu l-età ta’ sebgħa u sittin sena magħluqa.”

9        L-Artikolu 88(5) tal-Kostituzzjoni Griega jipprovdi li:

“Il-membri tal-ġudikatura sal-grad stess ta’ konsulent jew ta’ assistent prosekutur fi ħdan [l-Efeteio (il-Qorti tal-Appell, il-Greċja)], kif ukoll dawk kollha ta’ grad ekwivalenti, għandhom obbligatorjament jitilqu mis-servizz malli jilħqu l-età ta’ ħamsa u sittin sena; il-membri tal-ġudikatura kollha ta’ grad ogħla minn dawk imsemmija preċedentement, kif ukoll dawk ta’ grad ekwivalenti, għandhom obbligatorjament jitilqu mis-servizz malli jilħqu l-età ta’ sebgħa u sittin sena magħluqa. [...]”

10      L-Artikolu 98(1) u (3) tan-Nomos 3566/2007 – Kyrosi os Kodika tou “Organismou tou Ypourgeiou Exoterikon” (il-Liġi 3566/2007 dwar il-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin) (FEK A’ 117), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi 3566/2007”), kien jipprovdi:

“1.      Il-funzjonijiet tal-uffiċjali tal-kategorija diplomatika li jilħqu l-età ta’ 65 sena magħluqa jintemmu sakemm huma jkunu wettqu ħamsa u tletin (35) sena ta’ servizz pubbliku effettiv li jagħti dritt għall-pensjoni. Jekk, fl-età ta’ 65 sena magħluqa, l-uffiċjali ta’ din il-kategorija ma jkunux wettqu ħamsa u tletin (35) sena ta’ servizz f’din il-kategorija, iż-żamma tagħhom fis-servizz tiġi estiża sakemm ikunu wettqu ħamsa u tletin (35) sena, iżda mhux lil hinn mis-sebgħa u sittin (67) sena ta’ ħajja tagħhom. [...]

[...]

3.      Digriet, adottat fuq proposta tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin, jista’, għal bżonnijiet partikolari tas-servizz, jestendi t-tul tas-servizz tal-uffiċjali tal-kategorija diplomatika li għandhom il-grad ta’ ambaxxatur għal massimu ta’ sentejn (2) wara li jkunu wettqu ħamsa u tletin (35) sena ta’ servizz pubbliku, iżda, fi kwalunkwe każ, mhux lil hinn mill-età ta’ 67 sena.”

11      Skont l-Artikolu 155(1) u (2) tan-Nomos 3528/2007 – Kyrosi tou Kodika Katastasis Dimosion Politikon Dioikitikon Ypallilon kai Ypallilon N.P.D.D. (il-Liġi 3528/2007 dwar il-Kodiċi tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tas-Servizz Ċivili tal-Amministrazzjoni Pubblika u għall-Aġenti għas-Servizzi tal-Persuni Ġuridiċi Rregolati mid-Dritt Pubbliku) (FEK A’ 26), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, l-uffiċjali tal-Istat u l-uffiċjali li jaħdmu fis-servizz ta’ persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku għandhom obbligatorjament jitilqu mill-funzjonijiet tagħhom meta jilħqu l-età ta’ 67 sena.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12      IS huwa ex uffiċjal tal-kategorija diplomatika tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.

13      Permezz ta’ digriet presidenzjali adottat b’applikazzjoni tal-Artikolu 98(1) tal-Liġi 3566/2007, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-funzjonijiet tal-uffiċjali tal-kategorija diplomatika għandhom jintemmu ex officio ladarba dawn jilħqu l-età ta’ 65 sena u jkunu wettqu 35 sena ta’ servizz pubbliku effettiv li jagħti dritt għal pensjoni, il-funzjonijiet ta’ IS intemmew b’effett mill‑31 ta’ Diċembru 2017, minħabba li, f’din id-data, huwa kien laħaq l-età ta’ 65 sena u kien wettaq 35 sena ta’ servizz pubbliku effettiv li jagħti dritt għall-pensjoni.

14      IS ippreżenta rikors intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet presidenzjali quddiem id-Dioikitiko Efeteio Athinon (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Ateni, il-Greċja).

15      Insostenn tar-rikors tiegħu, IS qajjem żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq l-applikazzjoni ta’ bażi legali żbaljata għall-adozzjoni tal-imsemmi digriet presidenzjali u, it-tieni wieħed, fuq ksur, permezz ta’ dan l-Artikolu 98(1), tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età prevista mid-Direttiva 2000/78.

16      Dak ir-rikors ġie miċħud bħala infondat permezz ta’ sentenza ta’ dik il-qorti sa fejn hija qieset li l-imsemmi Artikolu 98(1) huwa kompatibbli mad-Direttiva 2000/78.

17      Fis‑7 ta’ Mejju 2021, IS appella minn din is-sentenza quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat), li hija l-qorti tar-rinviju.

18      Insostenn tal-appell tiegħu, IS qajmet żewġ aggravji.

19      L-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-fatt li d-Dioikitiko Efeteio Athinon (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Ateni) kienet żbaljata meta ċaħdet il-motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni ta’ bażi legali żbaljata għall-adozzjoni tal-istess digriet presidenzjali, ġie miċħud mill-qorti tar-rinviju.

20      It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li d-Dioikitiko Efeteio Athinon (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Ateni) kienet żbaljata meta ċaħdet il-motiv ibbażat fuq ksur, mill-Artikolu 98(1) tal-Liġi 3566/2007, tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, minħabba li l-effett ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn l-uffiċjali tal-kategorija diplomatika tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin li jkunu laħqu l-età ta’ 56 sena u li jkunu wettqu 35 ta’ servizz pubbliku effettiv li jagħti dritt għall-pensjoni u, l-ewwel nett, l-uffiċjali ta’ din il-kategorija li ma wettqux 35 sena ta’ servizz pubbliku effettiv u li għalhekk jitilqu mill-funzjonijiet tagħhom biss fl-età ta’ 67 sena, it-tieni nett, l-uffiċjali tal-imsemmija kategorija li ma għalqux l-età ta’ 65 sena u li, konsegwentement, ma humiex irtirati ex officio, u, it-tielet nett, l-uffiċjali tal-amministrazzjoni pubblika, l-aġenti fis-servizz tal-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku, il-membri tal-ġudikatura ta’ grad superjuri għall-membri tal-ġudikatura li għandhom il-grad ta’ konsulent jew ta’ assistent prosekutur fi ħdan l-Efeteio (il-Qorti tal-Appell) jew li għandhom grad ekwivalenti kif ukoll l-għalliema tal-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla, li jitilqu mill-funzjonijiet tagħhom fl-età ta’ 67 sena, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk, meta għalqu l-65 sena, huma jkunux wettqu 35 sena ta’ servizz pubbliku effettiv li jagħti dritt għall-pensjoni.

21      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont IS, minn naħa, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-uffiċjali tal-kategorija diplomatika tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin li ma wettqux 35 sena ta’ servizz pubbliku effettiv jistgħu jibqgħu fil-funzjonijiet tagħhom sal-età ta’ 67 sena. Min-naħa l-oħra, IS issostni li l-Artikolu 98(3) tal-Liġi 3566/2007 jipprevedi li digriet presidenzjali adottat fuq proposta tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin jista’, għall-ħtiġijiet speċifiċi tas-servizz, jestendi l-eżerċizzju tal-funzjonijiet għal ċerti uffiċjali sal-età massima ta’ 67 sena.

22      Din il-leġiżlazzjoni għalhekk tistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età fir-rigward tal-uffiċjali bħal IS, mingħajr madankollu ma tfittex li tilħaq għan leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78.

23      Barra minn hekk, IS isostni li l-ammont tal-pensjoni jista’ jkun ogħla għall-uffiċjali li eżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom għal iktar minn 35 sena ta’ servizz pubbliku effettiv, b’tali mod li l-irtirar obbligatorju tal-uffiċjali tal-kategorija diplomatika fl-età ta’ 65 sena, meta jkunu wettqu 35 sena ta’ servizz pubbliku effettiv, joħloq “dannu fil-qasam tal-pensjoni” għad-detriment tagħhom meta mqabbla mal-uffiċjali li jiġu rtirati fl-età ta’ 67 sena wara li jkunu wettqu iktar minn 35 sena servizz.

24      Skont il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, l-allegata differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età hija, fi kwalunkwe każ, iġġustifikata, konformement mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

25      L-ewwel nett, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-irtirar ex officio tal-uffiċjali tal-kategorija diplomatika wara perijodu ta’ servizz pubbliku effettiv ta’ 35 sena li jagħti dritt għal pensjoni, flimkien ma’ età limitu ta’ bejn 65 u 67 sena, hija intiża, skont dan il-Ministru, minn naħa, li toħloq struttura ta’ età bbilanċjata tas-servizz diplomatiku Elleniku u, min-naħa l-oħra, li tiffaċilita l-aċċess tal-aġenti żgħażagħ għal dan is-servizz. It-tieni nett, it-tmiem obbligatorju tal-funzjonijiet jikkonċerna biss numru żgħir ta’ uffiċjali u ma jippreġudikax il-koerenza ta’ din il-leġiżlazzjoni. It-tielet nett, l-imsemmija leġiżlazzjoni hija xierqa sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu. Ir-raba’ nett, din il-leġiżlazzjoni hija wkoll “neċessarja”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78, peress li l-imsemmija għanijiet ma jistgħux jintlaħqu b’mod effikaċi permezz ta’ mezzi inqas restrittivi. Il-ħames nett, l-allegata differenza fit-trattament bejn l-uffiċjali tal-kategorija diplomatika u l-uffiċjali l-oħra hija allegatament iġġustifikata min-natura partikolari tas-servizz diplomatiku u tal-funzjonijiet tal-uffiċjali tal-kategorija diplomatika.

26      Il-Qorti tar-rinviju tfakkar, bħall-Ministru għall-Affarijiet Barranin, li l-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li tiġi ggarantita struttura ta’ età bbilanċjata bejn l-uffiċjali iżgħar u l-uffiċjali ikbar fl-età, struttura li tippermetti li l-esperjenza tiġi trażmessa mill-uffiċjali ikbar fl-età lill-uffiċjali iżgħar fl-età u li tiffaċilita l-aċċess tal-uffiċjali żgħażagħ għall-kategorija diplomatika. Barra minn hekk, il-leġiżlatur nazzjonali allegatament ħa inkunsiderazzjoni kemm in-neċessità, għall-uffiċjali ta’ din il-kategorija, li jwettqu perijodu suffiċjenti ta’ servizz sabiex jibbenefikaw minn pensjoni adegwata, kif ukoll l-importanza tal-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet f’ammont suffiċjenti għat-tisħiħ tas-sistema ta’ sigurtà soċjali. Għal dawn ir-raġunijiet, il-leġiżlatur nazzjonali għażel bħala kriterju prinċipali t-twettiq ta’ 35 sena ta’ servizz pubbliku effettiv li jagħti dritt għal pensjoni kif ukoll il-limiti ta’ 65 sena (minimu) u ta’ 67 sena (massimu). Barra minn hekk, dik il-qorti ssostni, b’mod sussidjarju, li n-natura partikolari tas-servizz diplomatiku tiġġustifika d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, fir-rigward tal-irtirar tal-uffiċjali tal-imsemmija kategorija meta mqabbel mal-irtirar tal-uffiċjali l-oħra.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-Direttiva [2000/78] tipprekludi [leġiżlazzjoni nazzjonali] li tipprevedi li l-persunal tas-Servizz Diplomatiku tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin għandu [jirtira] b’mod obbligatorju mill-funzjonijiet tiegħu meta jkun wettaq 35 sena ta’ servizz pubbliku effettiv u li jagħti dritt għal pensjoni, iżda mhux qabel l-età ta’ 65 sena jew wara l-età ta’ 67 sena, għar-raġuni li din tintroduċi diskriminazzjoni mhux iġġustifikata fil-konfront tal-membri ta’ dan is-servizz li għandhom jieqfu mill-funzjonijiet tagħhom fl-età ta’ 65 sena, jekk ikunu wettqu f’din id-data 35 sena ta’ servizz pubbliku effettiv u li jagħti dritt għal pensjoni,

–        meta mqabbla mal-[uffiċjali ta’ din l-istess kategorija li jirtiraw] b’mod obbligatorju mill-funzjonijiet tagħhom fl-età ta’ 67 sena, peress li jkunu għadhom ma wettqux 35 sena ta’ servizz pubbliku effettiv u li jagħti dritt għal pensjoni?

–        meta mqabbla mal-[uffiċjali ta’ din l-istess kategorija] li ma jkunux laħqu l-età ta’ 65 sena u li, minħabba f’hekk, ma jkunux obbligati li [jirtiraw] mill-funzjonijiet tagħhom?

–        meta mqabbla mal-uffiċjali [...] tal-amministrazzjoni pubblika, [mal-aġenti li jaħdmu fis-servizz ta’ persuni ġuridiċi] rregolati mid-dritt pubbliku, mal-mexxejja [membri tal-ġudikatura li għandhom il-grad ta’ konsulent jew ta’ assistent prosekutur fi ħdan l-[l’Efeteio, il-Qorti tal-Appell)] u mal-għalliema ta’ grad universitarju [tal-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla], li [jiġu rtirati ex officio mill]-funzjonijiet tagħhom fl-età ta’ 67 sena, indipendentement mill-fatt li, fl-età ta’ 65 sena jew fi kwalunkwe mument ieħor, ikunu wettqu 35 sena ta’ servizz pubbliku effettiv u li jagħti dritt għal pensjoni?”

 Fuq id-domanda preliminari

28      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2000/78 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-irtirar ex officio tal-uffiċjali li jaqgħu taħt servizz diplomatiku meta jagħlqu l-65 sena u meta jkunu wettqu 35 sena ta’ servizz pubbliku effettiv li jagħti dritt għal pensjoni, b’differenza minn uffiċjali u aġenti pubbliċi oħra li ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet u li, konsegwentement, ma jirtirawx ex officio f’din l-età.

29      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, jekk din taqa’ taħt dan il-kamp ta’ applikazzjoni, jekk din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxix differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età kif ukoll, f’dak il-każ, jekk din tistax tkun iġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva (sentenza tal‑20 ta’ April 2023, BVAEB (Aġġustament tal-pensjonijiet tal-irtirar), C‑52/22, EU:C:2023:309, punt 40).

30      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, kemm mit-titolu u mill-preambolu kif ukoll mill-kontenut u mill-iskop ta’ din id-direttiva jirriżulta li din hija intiża li tistabbilixxi kuntest ġenerali sabiex tiżgura lil kull persuna l-ugwaljanza fit-trattament “fl-impjieg u fix-xogħol”, billi toffrilha protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha, li fosthom hemm l-età (sentenza tal‑20 ta’ April 2023, BVAEB (Aġġustament tal-pensjonijiet tal-irtirar), C‑52/22, EU:C:2023:309, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din għandha tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni Ewropea, “għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, [inklużi korpi pubbliċi]”, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, “[l]-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

32      F’dan il-każ, skont l-Artikolu 98(1) tal-Liġi 3566/2007, l-uffiċjali tal-kategorija diplomatika tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin li jkunu laħqu l-età ta’ 65 sena għandhom jirtiraw ex officio sakemm ikunu wettqu 35 sena ta’ servizz pubbliku effettiv li jagħti dritt għal pensjoni. Minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni tikkonċerna “l-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(1)(ċ), sa fejn dan iwassal għat-tmiem tal-funzjonijiet tal-persuni kkonċernati meta dawn jissodisfaw dawn iż-żewġ kundizzjonijiet.

33      Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li, skont il-premessa 14 tagħha, id-Direttiva 2000/78 ma tippreġudikax id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-età tal-irtirar.

34      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li din il-premessa sempliċement tippreċiża li din id-direttiva ma taffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jiddeterminaw l-età tal-irtirar u bl-ebda mod ma tipprekludi li l-imsemmija direttiva tiġi applikata għall-miżuri nazzjonali li jirregolaw il-kundizzjonijiet tat-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol meta tintlaħaq l-età tal-irtirar, hekk stabbilita (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England, C‑388/07, EU:C:2009:128, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva.

36      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk din il-leġiżlazzjoni nazzjonali twassalx għal differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età f’dak li jirrigwarda l-impjieg u x-xogħol, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tagħha, jirriżulta li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprojbixxi kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq l-età.

37      Il-punt (a) tal-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva jippreċiża li, għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta, fost l-oħrajn, meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva.

38      F’dan il-każ, kif diġà ssemma fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, IS iqis li l-Artikolu 98(1) tal-Liġi 3566/2007 jistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età sa fejn din id-dispożizzjoni tittratta b’mod sfavorevoli lill-uffiċjali tal-kategorija diplomatika tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin li jkunu laħqu l-età ta’ 65 sena u li jkunu wettqu 35 sena ta’ servizz pubbliku effettiv li jagħti dritt għal pensjoni, bħal IS, meta mqabbla, l-ewwel nett, mal-uffiċjali ta’ din il-kategorija li ma wettqux 35 sena ta’ servizz pubbliku effettiv li jagħti dritt għal pensjoni u li għalhekk jirtiraw ex officio malli jagħlqu s‑67 sena, it-tieni nett, mal-uffiċjali tal-imsemmija kategorija li ma laħqux l-età ta’ 65 sena u li ma għandhomx, minħabba f’hekk, jirtiraw ex officio, u, it-tielet nett, mal-uffiċjali tal-amministrazzjoni pubblika, mal-aġenti fis-servizz tal-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku, mal-membri tal-ġudikatura ta’ grad superjuri għall-membri tal-ġudikatura li għandhom il-grad ta’ konsulent jew ta’ assistent prosekutur fi ħdan l-Efeteio (il-Qorti tal-Appell) jew li għandhom grad ekwivalenti kif ukoll mal-għalliema tal-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla li jirtiraw ex officio meta jilħqu l-età ta’ 67 sena, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk wettqux, fl-età ta’ 65 sena jew iktar tard, 35 sena ta’ servizz pubbliku effettiv li jagħti dritt għall-pensjoni.

39      Madankollu, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, hekk kif tirrileva l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, f’dan il-każ, id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età invokata minn IS ma hijiex dik bejn, minn naħa, l-uffiċjali tal-kategorija diplomatika tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, bħal IS, u, minn naħa, l-uffiċjali ta’ din il-kategorija li jirtiraw ex officio malli jagħlqu s-67 sena iżda li ma wettqux 35 sena ta’ servizz pubbliku effettiv li jagħti dritt għall-pensjoni, u, min-naħa l-oħra, l-uffiċjali tal-amministrazzjoni pubblika u l-aġent fis-servizz tal-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku, li jirtiraw ex officio meta jilħqu s-67 sena, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk wettqux, fl-età ta’ 65 sena jew iktar tard, 35 sena ta’ servizz pubbliku effettiv li jagħti dritt għall-pensjoni.

40      Fil-fatt, din id-differenza fit-trattament ma hijiex ibbażata fuq l-età tal-uffiċjali msemmija fil-punt preċedenti, iżda fuq in-numru ta’ snin ta’ servizz pubbliku effettiv imwettqa li jagħti dritt għal pensjoni, u/jew fuq it-tip ta’ servizz imwettaq.

41      Issa, peress li dawn l-aħħar żewġ raġunijiet ma jinsabux fost ir-raġunijiet elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, l-imsemmija differenza fit-trattament ma tistax taqa’ taħt il-kuntest ġenerali stabbilit fl-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva sabiex jiġu miġġielda ċerti forom ta’ diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Zetschek, C‑349/23, EU:C:2024:889, punti 25 u 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, id-differenza fit-trattament bejn, minn naħa, l-uffiċjali tal-kategorija diplomatika tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, bħal IS, u, min-naħa l-oħra, l-uffiċjali ta’ din il-kategorija li ma jkunux laħqu l-età ta’ 65 sena u li, minħabba f’hekk, ma jirtirawx ex officio, għandu jiġi rrilevat li dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 98(1), skont il-Liġi 3566/2007, li tgħid li l-fatt li l-uffiċjal ikkonċernat jilħaq l-età stabbilita minn din id-dispożizzjoni għall-irtirar ex officio jwassal għat-tmiem ipso jure tal-funzjonijiet tiegħu, għandha titqies bħala li timponi, b’mod dirett, trattament inqas favorevoli għall-uffiċjali li jkunu laħqu din l-età meta mqabbla mal-uffiċjali l-oħra kollha tal-istess kategorija li għadhom fis-servizz u li għalhekk jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, sa fejn dawn l-ewwel uffiċjali jsofru, b’mod partikolari, telf ta’ dħul meta mqabbla mal-uffiċjali li għadhom fis-servizz.

43      Għaldaqstant, tali dispożizzjoni nazzjonali tistabbilixxi differenza fit-trattament direttament ibbażata fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 2(1) u (2)(a) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 51).

44      Għalhekk, f’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, il-kwistjoni dwar jekk din id-differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq l-età tistax tkun iġġustifikata skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, minkejja l-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li differenzi fit-trattament ibbażati fuq l-età ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni meta dawn ikunu oġġettivament u raġonevolment iġġustifikati, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, minn għan leġittimu, b’mod partikolari minn għanijiet leġittimi ta’ politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u tat-taħriġ professjonali, sakemm il-mezzi użati sabiex dan l-għan jintlaħaq ikunu xierqa u neċessarji.

45      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-għan imfittex mill-Artikolu 98(1) tal-Liġi 3566/2007, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Elleniku jirriżulta li dan l-għan huwa intiż, minn naħa, li jiggarantixxi struttura ta’ età bbilanċjata bejn l-uffiċjali tal-kategorija diplomatika iżgħar fl-età u dawk ikbar fl-età, li tippermetti, fl-interess tal-funzjonament tajjeb tas-servizz diplomatiku, li l-esperjenza tiġi trażmessa mill-uffiċjali ikbar fl-età lill-uffiċjali iżgħar fl-età kif ukoll, bil-kontra, it-tixrid tal-għarfien miksub ġdid mill-uffiċjali iżgħar fl-età. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiffaċilita l-aċċess tal-uffiċjali żgħażagħ għal dan is-servizz diplomatiku.

46      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġittimità ta’ għan relatat mal-politika tal-impjieg li jikkonsisti, essenzjalment, fl-iffaċilitar tat-tiġdid ġenerazzjonali kif ukoll ta’ tiġdid b’uffiċjali żagħżagħ ma jistax jiġi raġonevolment ikkontestat, peress li jinsab fost l-għanijiet espressament stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 u li, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE, il-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet imfittxija mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero della Giustizia (Nutara), C‑914/19, EU:C:2021:430, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Barra minn hekk, il-promozzjoni tar-reklutaġġ tikkostitwixxi mingħajr dubju għan leġittimu ta’ politika soċjali jew tal-impjieg tal-Istati Membri, b’mod partikolari meta inkwistjoni jkun hemm il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għall-eżerċizzju ta’ professjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero della Giustizia (Nutara), C‑914/19, EU:C:2021:430, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Għalhekk, l-għan li jikkonsisti f’li tiġi stabbilita struttura ta’ età bbilanċjata bejn l-uffiċjali ta’ età iżgħar u l-uffiċjali ta’ età ikbar sabiex jiġu ffavoriti r-reklutaġġ u l-promozzjoni l-uffiċjali ta’ età iżgħar, sabiex tittejjeb kemm jista’ jkun il-ġestjoni tal-persunal u fl-istess ħin sabiex jiġi evitat it-tilwim eventwali dwar il-kapaċità ta’ dawn l-aġenti li jeżerċitaw l-attività tagħhom lil hinn minn ċerta età, filwaqt li fl-istess ħin jinżamm servizz diplomatiku operattiv, jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu tal-politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler, C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punt 50).

49      Konsegwentement, l-għan li jikkonsisti fil-promozzjoni tat-tiġdid ġenerazzjonali kif ukoll tat-tiġdid b’uffiċjali żagħżagħ tal-uffiċjali tal-kategorija diplomatika tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jidher li huwa għan leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

50      It-tieni nett, skont il-kliem stess ta’ dan l-Artikolu 6(1), għandu jiġi eżaminat ukoll jekk il-mezzi implementati għall-ilħuq ta’ dan l-għan humiex “approprjati u neċessarji”.

51      Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, in-natura “approprjata” tal-Artikolu 98(1) tal-Liġi 3566/2007, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni, li tipprevedi l-irtirar ex officio tal-uffiċjali tal-kategorija diplomatika tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin li jkunu laħqu l-età ta’ 65 sena u li jkunu wettqu 35 sena ta’ servizz pubbliku effettiv li jagħti dritt għal pensjoni, tista’, bħala prinċipju, fid-dawl tas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li l-Istati Membri għandhom fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero della Giustizia (Nutara), C‑914/19, EU:C:2021:430, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata), titqies li hija approprjata sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minnha, jiġifieri dak li tiġi ggarantita struttura ta’ età bbilanċjata bejn l-uffiċjali tal-kategorija diplomatika iżgħar fl-età u dawk ikbar fl-età u dak li jiġi promoss l-aċċess tal-uffiċjali żgħażagħ għal dan is-servizz diplomatiku.

52      Fil-fatt, minn naħa, ma jidhirx irraġonevoli li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jqisu, skont l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tal-impjieg f’settur partikolari, li l-applikazzjoni ta’ limitu ta’ età, li jwassal sabiex uffiċjali ikbar fl-età joħorġu mis-suq tax-xogħol, tista’ tippermetti l-promozzjoni tar-reklutaġġ ta’ uffiċjali iżgħar fl-età, sa fejn il-pożizzjonijiet ta’ uffiċjali huma, b’mod ġenerali, f’numru limitat u huma rriżervati għall-persuni li laħqu l-ogħla kwalifiki fil-qasam ikkonċernat. Għalhekk, peress li r-reklutaġġ ta’ tali uffiċjal teħtieġ li jkun hemm pożizzjoni vakanti, għandu jitqies li Stat Membru jista’ jistabbilixxi limitu ta’ età sabiex jintlaħqu għanijiet ta’ politika tal-impjieg (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2010, Georgiev, C‑250/09 u C‑268/09, EU:C:2010:699, punti 51 u 52).

53      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, f’dan il-kuntest, li t-tmiem awtomatiku tal-kuntratti ta’ xogħol tal-ħaddiema li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ età u ta’ kontribuzzjoni sabiex jibbenefikaw mil-likwidazzjoni tad-drittijiet tagħhom għal pensjoni ilha tagħmel, għal żmien twil, parti mid-dritt tax-xogħol ta’ diversi Stati Membri. Dan il-mekkaniżmu huwa bbażat fuq bilanċ bejn il-kunsiderazzjonijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali, demografiċi u/jew tal-baġit u jiddependi mill-għażla li t-tul tal-ħajja attiva tal-ħaddiema jiġi estiż jew, bil-kontra, mill-għażla li jiġi previst l-irtirar antiċipat ta’ dawn il-ħaddiema (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, John, C‑46/17, EU:C:2018:131, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, il-limitu ta’ età ta’ 65 sena jista’ jitqies li huwa suffiċjentement avvanzat sabiex iservi ta’ tmiem għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ uffiċjal tal-kategorija diplomatika tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Min-naħa l-oħra, il-limitu ta’ età ta’ 65 sena previst fl-Artikolu 98(1) tal-Liġi 3566/2007 donnu li huwa ta’ natura li jippermetti li tiġi stabbilita struttura ta’ età bbilanċjata bejn l-uffiċjali tal-kategorija diplomatika iżgħar fl-età u dawk li huma ikbar fl-età.

56      Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk tali limitu ta’ età jissodisfax verament l-intenzjoni li l-għanijiet invokati jintlaħqu b’mod koerenti u sistematiku. B’mod partikolari, hekk kif enfasizzat ukoll il-Kummissjoni, għandu jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija meta jitqiesu l-aspetti speċifiċi tal-kategorija diplomatika tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin inkwistjoni, jew jekk hija tiżvelax, għall-kuntrarju, inkoerenza fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tissodisfax, b’dan il-mod, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2010, Georgiev, C‑250/09 u C‑268/09, EU:C:2010:699, punt 56).

57      Dan espost, għandu jingħad ukoll li l-fatt li, konformement mal-Artikolu 98(3) tal-Liġi 3566/2007, fuq proposta tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin jista’ jiġi adottat digriet sabiex, b’risposta għall-bżonnijiet speċifiċi tas-servizz, it-tul tas-servizz tal-uffiċjali tal-kategorija diplomatika li għandhom il-grad ta’ ambaxxatur jiġi estiż b’massimu ta’ sentejn wara li jkunu wettqu 35 sena ta’ servizz pubbliku, iżda, fi kwalunkwe każ, mhux lil hinn mill-età ta’ 67 sena, ma jidhirx li jippermetti li jitqies li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija vvizzjata b’inkoerenza. Fil-fatt, il-possibbiltà ta’ tali estensjoni tal-karriera tista’ taqa’ taħt l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni, kif jirriżulta mill-punt 48 ta’ din is-sentenza, li jikkonsisti f’li tiġi stabbilita struttura ta’ età bbilanċjata bejn l-uffiċjali tal-kategorija diplomatika iżgħar fl-età u dawk li huma ikbar fl-età, iżda li hija intiża wkoll sabiex iżżomm servizz diplomatiku operattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler, C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punti 88 sa 90), fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

58      Barra minn hekk, il-fatt li l-età ta’ 65 sena, li hija l-età tal-irtirar ex officio għall-uffiċjali li jaqgħu taħt is-servizz diplomatiku, bħal IS, hija differenti minn dik applikabbli għal ċerti kategoriji oħra ta’ uffiċjali jew aġenti tas-servizz pubbliku lanqas ma huwa, bħala tali, ta’ natura li jikkontesta l-koerenza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, b’mod partikolari jekk jirriżulta, hekk kif enfasizza l-Gvern Elleniku fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li din id-differenza tikkonsisti fl-estensjoni ta’ prattika antika li skontha l-uffiċjali tal-kategorija diplomatika tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jitilqu mill-funzjonijiet tagħhom f’età iżgħar mill-uffiċjali li jappartjenu għal kategoriji oħra ta’ funzjonijiet sabiex jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tal-kundizzjonijiet tas-servizz tal-ewwel uffiċjali, u dan huwa wkoll punt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

59      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, in-natura “neċessarja” tal-Artikolu 98(1) tal-Liġi 3566/2007, għandu jitfakkar li huwa l-leġiżlatur nazzjonali, fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ li huwa għandu fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, li għandu jsib bilanċ ġust bejn id-diversi interessi inkwistjoni, f’konsapevolezza li għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-parteċipazzjoni tal-uffiċjali ta’ età ikbar fil-ħajja professjonali u, bl-istess mod, fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali. Iż-żamma ta’ dawn il-persuni fil-ħajja attiva tiffavorixxi b’mod partikolari d-diversità fl-impjieg. Madankollu, l-interess li dawn il-persuni jinżammu attivi għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-osservanza ta’ interessi oħra li jistgħu jkunu eventwalment diverġenti. Għaldaqstant, meta l-qorti nazzjonali tkun imsejħa teżamina jekk miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għan imfittex jintlaħaq, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kapaċità tal-persuni kkonċernati li jeżerċitaw professjoni, iżda wkoll id-dannu li din il-miżura tista’ tikkawża lil dawn il-persuni iktar vulnerabbli fir-rigward tas-suq tax-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Anwaltsnotarin, C‑408/23, EU:C:2024:901, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-irtirar ex officio ta’ ċerti uffiċjali tal-kategorija diplomatika tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, kif previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa ta’ natura li jippermetti bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-aċċess tal-uffiċjali żgħażagħ ta’ din il-kategorija, u, min-naħa l-oħra, iż-żamma fis-servizz tal-uffiċjali tal-imsemmija kategorija ikbar fl-età, sa fejn dan il-bilanċ jista’ jippromwovi l-impjieg sħiħ billi jiffavorixxi l-aċċess għas-suq tax-xogħol u, għaldaqstant, jiffavorixxi d-diversità ġenerazzjonali tas-servizz diplomatiku Elleniku.

61      Madankollu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll is-sitwazzjoni speċifika li jinsabu fiha dawn l-uffiċjali ikbar fl-età, li hija kkaratterizzata, minn naħa, minn possibbiltà limitata, fid-dawl tal-ispeċifiċità tal-karriera diplomatika, li tiġi ggarantita l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tal-imsemmija uffiċjali u, min-naħa l-oħra, mill-vulnerabbiltà tagħhom marbuta mal-età.

62      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-irtirar ex officio ta’ ċerti ħaddiema meta jilħqu l-età ta’ 65 sena ma tistax tiġi kkunsidrata li tippreġudika eċċessivament il-pretensjonijiet leġittimi ta’ dawn il-ħaddiema, peress li din il-leġiżlazzjoni ma hijiex ibbażata biss fuq età speċifika, iżda tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-persuni kkonċernati jibbenefikaw fi tmiem il-karriera professjonali tagħhom minn kumpens finanzjarju permezz tal-għoti ta’ pensjoni tal-irtirar, li l-livell tagħha ma jistax jitqies li huwa irraġonevoli, billi tippermetti li l-persuni kkonċernati, jekk ikun il-każ, jinżammu fis-servizz sal-età ta’ 67 sena sabiex iwettqu l-35 sena ta’ servizz pubbliku effettiv li jagħti dritt għal pensjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 73). Dan espost, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għanijiet imfittxija jintlaħqu.

63      Fid-dawl tal-motivi kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-irtirar ex officio tal-uffiċjali li jaqgħu taħt servizz diplomatiku meta jagħlqu l‑65 sena u meta jkunu wettqu 35 sena ta’ servizz pubbliku effettiv li jagħti dritt għal pensjoni, b’differenza minn uffiċjali u aġenti pubbliċi oħra li ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet u li, konsegwentement, ma jirtirawx ex officio f’din l-età, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tfittex li tilħaq għan leġittimu ta’ politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol u li, fil-kuntest leġiżlattiv li minnu din tifforma parti u fid-dawl tas-sitwazzjonijiet kollha li għalihom hija tapplika, l-imsemmija leġiżlazzjoni tkun xierqa u neċessarja sabiex dan l-għan jintlaħaq.

 Fuq l-ispejjeż

64      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-irtirar ex officio tal-uffiċjali li jaqgħu taħt servizz diplomatiku meta jagħlqu l‑65 sena u meta jkunu wettqu 35 sena ta’ servizz pubbliku effettiv li jagħti dritt għal pensjoni, b’differenza minn uffiċjali u aġenti pubbliċi oħra li ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet u li, konsegwentement, ma jirtirawx ex officio f’din l-età, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tfittex li tilħaq għan leġittimu ta’ politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol u li, fil-kuntest leġiżlattiv li minnu din tifforma parti u fid-dawl tas-sitwazzjonijiet kollha li għalihom hija tapplika, l-imsemmija leġiżlazzjoni tkun xierqa u neċessarja sabiex dan l-għan jintlaħaq.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Grieg.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.