18.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 332/25


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1494/2007

tas-17 ta’ Diċembru 2007

li jistabbilixxi, skond ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-forma tat-tikketti u rekwiżiti addizzjonali ta’ tikkettar rigward prodotti u tagħmir li jkollhom ċerti gassijiet serra fluworinati

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar ċerti gassijiet serra fluworinati (1), u partikolarment l-Artikolu 7(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Reviżjoni dwar kemm ikun tajjeb li tiddaħħal informazzjoni ambjentali addizzjonali fuq tikketti li għandhom jintuzaw fuq prodotti u tagħmir imsemmi fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006 twettqet skond l-Artikolu 7(3) ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Ir-rekwiżiti tat-tikkettar iqisu s-sistemi ta’ tikkettar użati bħalissa fil-Komunità għal prodotti u tagħmir li jkollhom ċerti gassijiet serra fluworinati, inkluża s-sistema ta’ tikkettar stabbilita minn standards industrijali għal dawn il-prodotti u t-tagħmir.

(3)

Għal fini ta’ kjarezza huwa f’loku li jkun iddeterminat il-kliem eżatt għall-informazzjoni li għandha tiġi indikata fuq it-tikketti. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu li jużaw il-lingwa tagħhom fuq dawn it-tikketti.

(4)

Informazzjoni addizzjonali li tindika jekk prodotti u tagħmir tat-tkessiħ u ta’ l-arja kkundizzjonata kif ukoll pompi tas-sħana koperti b’dan ir-Regolament ġewx iżolati jew le minn fowm mitfuħ bil-gassijiet serra fluworinati għandha tiġi inkluża fuq it-tikketta biex tippromovi l-irkupru potenzjal tagħhom minn dawn il-fowms.

(5)

Fil-każijiet li gassijiet-serra fluworinati huma miżjuda mal-prodott jew it-tagħmir ikkonċernati barra mis-sit ta’ manifattura, it-tikketta għandha tindika l-kwantità totali tal-gassijiet serra fluworinati li jinsabu fil-prodott jew it-tagħmir.

(6)

It-tikketta għandha tkun iddisinjata sabiex ikun assigurat li tkun tista’ tinqara b’mod ċar u tibqa’ mwaħħla sewwa fil-post fuq il-prodott jew it-tagħmir tul il-perjodu kollu li fih il-prodott jew it-tagħmir ikun fihom gassijiet serra fluworinati.

(7)

It-tikketta għandha titqiegħed b’mod li jassigura viżibilità lit-tekniċi ta’ l-installazzjoni u tal-manutenzjoni.

(8)

Għall-prodotti u t-tagħmir ta’ l-arja kkundizzjonata u pompi tas-sħana, it-tikketta għandha titqiegħed b’mod li jitqies il-profil tekniku tal-prodott jew tat-tagħmir.

(9)

Il-possibilità ta’ l-inklużjoni ta’ informazzjoni ambjentali addizzjonali fuq it-tikketti irrestrinġiet lill-manifatturi huma u jagħmlu l-korrezzjonijiet neċessarji rigward it-tikketti u għalhekk għandu jitħalla perjodu adegwat qabel dan ir-Regolament ikun applikabbli.

(10)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlement Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Ir-Regolament jistabilixxi l-forma tat-tikketti li għandhom jintużaw u r-rekwiżiti addizzjonali tat-tikkettar li għandhom japplikaw għat-tipi ta’ prodotti u tagħmir elenkati fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006.

Artikolu 2

Rekwiżiti ta’ tikkettar

1.   Il-prodotti u t-tagħmir koperti b’dan ir-Regolament, għandhom ikunu mmarkati b’tikketta li jkollha l-informazzjoni li jmiss:

(a)

il-kliem “Fih gassijiet serra fluworinati koperti bil-Protokoll ta’ Kjoto.”;

(b)

l-ismijiet kimiċi imqassra tal-gassijiet serra fluworinati, li jinsabu fi jew li huma ddisinjati biex jitqiegħdu fit-tagħmir, li jużaw nomenklatura standard aċċettata mill-industrija tat-tagħmir jew is-sustanza;

(ċ)

il-kwantità tal-gassijiet serra fluworinati, espressa f’kilogrammi;

(d)

il-kliem “issiġillat ermetikament” fejn applikabbli.

2.   Flimkien mar-rekwiżiti tat-tikkettar imsemmija fil-paragrafu 1, prodotti u tagħmir tat-tkessiħ u ta’ l-arja kkundizzjonata kif ukoll pompi tas-sħana, li huma iżolati b’fowm mitfuħ minn gassijiet serra fluworinati, qabel jitqiegħdu fis-suq għandhom ikunu mmarkati b’tikketta li jkollha l-informazzjoni li jmiss: “Fowm mitfuħ minn gassijiet-serra fluworinati”.

3.   Fejn gassijiet serra fluworinati jistgħu jiġu miżjuda barra s-sit ta’ manifattura u l-kwantità totali li tirriżulta ma tkunx definita mil-manifattur, it-tikketta għandha jkollha l-kwantità li ġiet mimlija fl-impjant ta’ manifattura u għandu jkun hemm spazju fuq it-tikketta għall-kwantità li tiġi miżjuda barra l-impjant ta’ manifattura kif ukoll għar-riżultat tal-kwantità totali tal-gassijiet serra fluworinati.

4.   L-Istati Membri jistgħu jesiġu li t-tqegħid fis-suq tal-prodotti u t-tagħmir koperti minn dan ir-Regolament fit-territorji tagħhom, ikun suġġett għall-użu ta’ l-ilsien uffiċjali tagħhom skond ir-rekwiżiti tat-tikkettar imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3.

Artikolu 3

Il-forma tat-tikketta:

1.   L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 għandha tkun indikata fuq tikketta li għandha tkun imwaħħla mal-prodotti u t-tagħmir koperti minn dan ir-Regolament.

2.   L-informazzjoni għandha tidher b’mod ċar fl-isfond tat-tikketta u għandha tkun ta’ kobor u format li tinqara b’mod ċar.

Fejn l-informazzjoni meħtieġa b’dan ir-Regolament hija miżjuda ma’ tikketta li hi diġa mwaħħla mal-prodott jew t-tagħmir ikkonċernat, id-daqs tat-tipa m’għandux ikun iżgħar mid-daqs minimu ta’ informazzjoni oħra fuq dik it-tikketta.

3.   It-tikketta kollha u l-kontenut tagħha għandhom jiġu ddisinjati b’tali mod li jkun assigurat li tibqa’ mwaħħla sewwa fil-post fuq il-prodott jew it-tagħmir u għandha tinqara taħt kundizzjonijiet ta’ operat normali, tul il-perjodu kollu li matulu l-prodott jew t-tagħmir ikun fihom gassijiet serra fluworinati.

Artikolu 4

It-tqegħid tat-tikketta

1.   Minbarra l-postijiet indikati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, it-tikketti jistgħu jiġu mwaħħla fuq, jew biswit pjanċi ta’ l-isem eżistenti jew tikketti ta’ informazzjoni tal-prodott, jew biswit postijiet ta’ aċċess għall-manutenzzjoni.

2.   Għall-prodotti u t-tagħmir ta’ l-arja kkundizzjonata kif ukoll pompi tas-sħana b’sezzjonijiet separati ta’ ġewwa u ta’ barra li huma konnessi b’pajpijiet għal-likwidu tat-tkessiħ, l-informazzjoni tat-tikketti għandha tkun imqiegħda fuq dik il-parti tat-tagħmir li inizjalment ġiet mimlija bil-likwidu li jkessaħ.

Artikolu 5

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandhu jidħol fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ April 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 161, 14.6.2006, p. 1.

(2)   ĠU L 244, 29.9.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/540/KE (ĠU L 198, 31.7.2007, p. 35).