9.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 220/4


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/981

tas-7 ta’ Lulju 2020

li temenda l-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE f’dak li għandu x’jaqsam mal-entrata għall-Kosovo (*) fil-lista ta’ pajjiżi terzi u ta’ partijiet minnhom mnejn hija awtorizzata l-introduzzjoni tal-prodotti tal-laħam u tal-istonku, tal-bżieżaq tal-awrina u tal-imsaren ittrattati fl-Unjoni u li temenda l-Anness III ta’ dik id-Deċiżjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-mudell taċ-ċertifikat għall-importazzjonijiet ta’ dawk il-prodotti minn pajjiżi terzi

(notifikata bid-dokument C(2020) 4433)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b’mod partikulari l-frażi introduttorja tal-Artikolu 8, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1), l-Artikolu 8(4), l-Artikolu 9(2)(b) u l-Artikolu 9(4)(b) u (c) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE (2) tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika għall-importazzjoni fl-Unjoni tal-kunsinni ta’ ċerti prodotti tal-laħam u tal-istonku, tal-bżieżaq tal-awrina u tal-imsaren ittrattati li jkunu għaddew minn wieħed mit-trattamenti stabbiliti fil-Parti 4 tal-Anness II tagħha (minn hawn il quddiem imsejħin “il-prodotti bażiċi”).

(2)

Il-Parti 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE tistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi u ta’ partijiet minnhom mnejn hija awtorizzata l-introduzzjoni tal-prodotti bażiċi fl-Unjoni, dejjem jekk dawn il-prodotti bażiċi jkunu għaddew minn wieħed mit-trattamenti msemmi fiha. Il-Parti 4 ta’ dak l-Anness tistabbilixxi t-trattament mhux speċifiku “A” u t-trattamenti speċifiċi “B” sa “F”, imniżżlin fl-ordni mit-trattament li mistenni jneħħi l-ikbar riskju għas-saħħa tal-annimali għal dak li mistenni jneħħi r-riskju l-inqas gravi.

(3)

Barra minn hekk, l-Anness III tad-Deċiżjoni 2007/777/KE jistabbilixxi l-mudell taċ-ċertifikat li jenħtieġ li jkollhom magħhom il-kunsinni tal-prodotti bażiċi li jkunu maħsubin għall-introduzzjoni fl-Unjoni.

(4)

Il-Kosovo talab li jitniżżel fil-Parti 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE bħala pajjiż terz mnejn hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti bażiċi li jkunu ġejjin mit-tajr u mill-annimali tal-kaċċa bir-rix imrobbija (ħlief għar-ratiti) li jkunu għaddew mit-trattament speċifiku “C” jew “D”, u bagħat l-informazzjoni rilevanti dwar dan. B’mod partikulari, il-Kosovo ta garanziji dwar il-materja prima tat-tajr li toriġina fl-Istati Membri jew f’pajjiżi terzi li huma approvati jesportaw it-tali materja prima lejn l-Unjoni u dwar it-trattament li dawn il-prodotti se jgħaddu minnu.

(5)

Il-Kummissjoni għamlet awditu fil-Kosovo biex tevalwa s-sistemi ta’ kontroll li hemm fis-seħħ li jirregolaw il-produzzjoni tal-prodotti tal-laħam tat-tjur li huma maħsubin għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Minħabba l-eżitu pożittiv ta’ dak l-awditu u l-garanziji li ta l-Kosovo dwar l-oriġini u t-trattament tal-laħam tat-tjur li jintuża għall-produzzjoni tal-prodotti tal-laħam, huwa xieraq li l-Kosovo jiddaħħal fit-tabella fil-Parti 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE b’rabta mal-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti tal-laħam tat-tjur u tal-annimali tal-kaċċa bir-rix imrobbija (ħlief għar-ratiti) li jkunu għaddew mit-trattament speċifiku “C” jew “D”.

(6)

Il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju għall-importazzjonijiet tal-prodotti tal-laħam u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati, stabbilit fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2007/777/KE, jirreferi għall-prodotti tal-laħam li jitħejjew mil-laħam tat-tjur li joriġina fi Stat Membru jew li jissodisfa r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni fl-Unjoni stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 (3), u jipprevedi li dak il-laħam għandu jgħaddi mit-trattament mhux speċifiku “A” stabbilit fil-Parti 4 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE.

(7)

Madankollu, ir-rekwiżiti taċ-ċertifikat veterinarju ma jirreferux għal-laħam tat-tjur li joriġina fi Stat Membru jew li jissodisfa r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni fl-Unjoni stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 u għall-fatt li dan għandu jgħaddi minn wieħed mit-trattamenti speċifiċi stabbiliti fil-Parti 4 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE. Minħabba li t-trattament speċifiku tal-prodott irid isir tkun xi tkun l-oriġini tal-laħam frisk li jintuża fit-tħejjija tal-prodotti tal-laħam, u r-riskju negliġibbli għas-saħħa tat-tjur li hemm b’rabta mat-tali prattiki, jenħtieġ li l-mudell taċ-ċertifikat veterinarju għall-prodotti tal-laħam u għall-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati stabbilit fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2007/777/KE jkun fih dispożizzjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni għal dik is-sitwazzjoni speċifika.

(8)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2007/777/KE tiġi emendata kif xieraq.

(9)

Jenħtieġ li jitħalla jgħaddi perjodu tranżizzjonali raġonevoli ta’ erba’ xhur qabel ma l-mudell emendat taċ-ċertifikat veterinarju jsir obbligatorju, sabiex l-Istati Membri u l-industrija jkunu jistgħu jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti l-ġodda.

(10)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE huwa emendat skont l-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-Anness III tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE huwa emendat skont l-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Għal perjodu tranżizzjonali sal-10 ta’ Novembru 2020, l-Istati Membri għandhom ikomplu jawtorizzaw l-introduzzjoni fl-Unjoni tal-kunsinni tal-prodotti tal-laħam u tal-istonku, tal-bżieżaq tal-awrina u tal-imsaren ittrattati, li jkollhom magħhom mudell taċ-ċertifikat maħruġ skont il-mudell stabbilit fl-Anness III tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE, kif kien japplika qabel l-emendi li daħħlet din id-Deċiżjoni, dejjem jekk dak iċ-ċertifikat ikun inħareġ sal-10 ta’ Ottubru 2020.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(*)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(1)   ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE tad-29 ta’ Novembru 2007 li tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll il-mudelli taċ-ċertifikati għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-laħam u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2005/432/KE(ĠU L 312, 30.11.2007, p. 49).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 tat-8 ta’ Awwissu 2008 li jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kumpartimenti li minnhom jistgħu jiġu impurtati u jsir tranżitu ta’ tjur u prodotti tat-tjur fil-Komunità u r-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 226, 23.8.2008, p. 1).


ANNESS I

Il-Parti 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE hija emendata kif ġej:

(1)

tiddaħħal l-entrata li ġejja għall-Kosovo bejn l-entrata għall-Urugwaj u l-entrata għall-Afrika t’Isfel:

Kodiċi ISO

Pajjiż ta’ oriġini jew parti minnu

1. Annimali bovini domestiċi

2. Annimali tal-kaċċa bid-difer mifruq imrobbija (ħlief għall-ħnieżer)

Annimali domestiċi ovini/kaprini

1. Annimali porċini domestiċi

2. Annimali tal-kaċċa mrobbija bid-difer mifruq (ħnieżer)

Annimali domestiċi solipedi

1. Tajr

2. Annimali tal-kaċċa bir-rix imrobbija (ħlief għar-ratiti)

Annimali ratiti mrobbija

Fniek domestiċi u liebri mrobbija

Annimali tal-kaċċa salvaġġi (minbarra l-ħnieżer)

Ħnieżer salvaġġi

Annimali salvaġġi solipedi

Leporidae salvaġġi (fniek u liebri)

Għasafar tal-kaċċa salvaġġi

Mammali tal-art salvaġġi tal-kaċċa (ħlief għall-ungulati, għas-solipedi u għal-leporidae)

“XK

Il-Kosovo(*****)(4)

XXX

XXX

XXX

XXX

C jew D

XXX

XXX

XXX

XXX

XXX

XXX

XXX

XXX”

(2)

fi tmiem it-tabella, tiżdied in-nota ta’ qiegħ il-paġna li ġejja bejn in-nota ta’ qiegħ il-paġna (3) u n-nota ta’ qiegħ il-paġna (*):

“(4)

Għall-prodotti tal-laħam u l-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati li jitħejjew jew mil-laħam frisk li jkun ġej jew minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jkun jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/99/KE jew minn pajjiż terz imniżżel fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008 għall-importazzjoni tal-laħam tat-tjur fl-Unjoni.”;

(3)

fi tmiem it-tabella, tiżdied in-nota ta’ qiegħ il-paġna li ġejja bejn in-nota ta’ qiegħ il-paġna (****) u n-nota ta’ qiegħ il-paġna XXX:

“(*****)

Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.”


ANNESS II

L-Anness III tad-Deċiżjoni 2007/777/KE huwa emendat kif ġej:

jiddaħħal it-test li ġej wara t-tielet għażla fil-punt II.1.3 tal-Parti II.1 tal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika għal ċerti prodotti tal-laħam u għall-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati maħsubin għall-konsenja lejn l-Unjoni Ewropea minn pajjiżi terzi:

 

“(2) inkella

[II.1.3.1.

ikun għadda mit-trattament speċifiku msemmi fil-punti B, C u D tal-Parti 4 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE stabbilit għall-pajjiż terz tal-oriġini jew għal parti minnu għal-laħam tal-ispeċijiet ikkonċernati fil-Partijiet 2 jew 3 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE, skont kif ikun xieraq, u:

 

(2) jew

[II.1.3.1.1.

ikun joriġina minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jkun jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/99/KE;]

 

(2) inkella

[II.1.3.1.1.

ikun joriġina minn pajjiż terz imniżżel fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008 għall-importazzjoni tal-laħam tat-tjur fl-Unjoni u jkun ġej minn impriżi jew, fil-każ tal-għasafar tal-kaċċa salvaġġi, ikun inqatel f’territorji li fihom, f’raġġ ta’ 10 km, inkluż fejn xieraq it-territorju ta’ pajjiż ġar, ma kien hemm l-ebda tifqigħa tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja jew tal-marda ta’ Newcastle għal mill-inqas 30 jum.]”.