SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

5 ta’ Settembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi stabbiliti fir-rigward ta’ Burma/il-Mjanmar – Projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti li joriġinaw jew li jiġu esportati minn Burma/il-Mjanmar – Regolament (KE) Nru 194/2008 – Artikolu 2(2)(a) – Zkuk tat-tik li joriġinaw minn Burma/il-Mjanmar esportati u pproċessati fit-Tajwan qabel it-trasport tagħhom lejn l-Unjoni Ewropea – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Artikolu 24 – Kunċett ta’ “ipproċessar jew ħidma sostanzjali” – Zkuk tat-tik li tneħħewlhom il-friegħi u l-qoxra, ġew isserrati fil-forma ta’ kubi tal-injam jew ġew isserrati f’injam tat-tik isserrat fit-Tajwan – Ċertifikat ta’ oriġini maħruġ mill-awtoritajiet Tajwaniżi – Valur ta’ dan iċ-ċertifikat għad-determinazzjoni, mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, tal-oriġini ta’ dawn iz-zkuk tat-tik”

Fil-Kawża C‑67/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Novembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Frar 2023, fil-proċedura kriminali kontra

S.Z.,

fil-preżenza ta’:

W. GmbH,

Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb (Relatur), A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal S.Z., minn G. Schwendinger, Rechtsanwalt,

–

għal W. GmbH, minn K. Göcke, Rechtsanwältin,

–

għall-Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof, minn P. Frank, bħala aġent,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Carpus Carcea, C. Hödlmayr u F. Moro, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 194/2008 tal‑25 ta’ Frar 2008 li jġedded u jsaħħaħ il-miżuri restrittivi fir-rigward ta’ Burma/il-Mjanmar u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 817/2006 (ĠU 2008, L 66, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra S.Z. għall-ksur tal-projbizzjoni li jiġu importati oġġetti li joriġinaw jew li huma esportati minn Burma/il-Mjanmar.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

In‑NM

3

Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007 tal‑20 ta’ Settembru 2007 (ĠU 2007, L 286, p. 1, rettifika fil-ĠU 2008, L 164, p. 46) (iktar ’il quddiem in-“NM”), li hija bbażata fuq is-sistema armonizzata tal-indikazzjoni u tal-kodifikazzjoni tal-merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), stabbilita mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, magħmula fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983, fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), u approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2658/87, in-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA, u huma biss is-seba’ u t-tmien ċifra li joħolqu subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha.

5

L-intestaturi 4403 u 4407 tan-NM, li jikkorrispondu għall-istess intestaturi tas-SA, huma fformulati “Injam għadu aħrax, kemm jekk bil-qoxra jew bl-ilbieba mneħħija jew le, jew magħmul kwadru raff” u “Injam isserrat jew imlaqqax mit-tul, imfellel jew imqaxxar, inċanat jew le, xkatlat jew imminċottat fit-truf, ta’ ħxuna iktar minn 6 mm”, rispettivament.

Il‑Kodiċi Doganali tal‑Komunità

6

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Komunità”), tħassar u ġie ssostitwit, mill‑1 ta’ Mejju 2016, bir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90, u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-Kodiċi Doganali tal-Komunità jibqa’ applikabbli għal din tal-aħħar.

7

It-Titolu II tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, intitolat “Fatturi li skond il-bażi tagħhom jiġu applikati d-dazji fuq l-importazzjoni jew id-dazji fuq l-esportazzjoni u l-miżuri l-oħra stipulati fir-rigward ta’ kummerċ f’merkanzija”, kien jinkludi l-Kapitolu 1, intitolat “Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej u Klassifikazzjoni tat-Tariffa tal-Merkanzija”, li kien jagħmel parti minnu l-Artikolu 20 ta’ dan il-kodiċi, li kien ifformulat kif ġej:

“1.   Dazji legalment dovuti meta jiġi inkors dejn doganali għandhom ikunu bbażati fuq it-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej.

[…]

3.   It-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej għandha tikkomprendi:

[…]

d)

il-miżuri dwar tariffa preferenzjali li jinsabu f’patti ta’ ftehim li l-Komunità kkonkludiet ma’ ċerti pajjiżi jew gruppi ta’ pajjiżi u li jipprovdu għall-għoti ta’ trattament preferenzjali dwar it-tariffa;

e)

miżuri preferenzjali dwar it-tariffa adottati unilateralment mill-Komunità fir-rigward ta’ ċerti pajjiżi, gruppi ta’ pajjiżi jew territorji;

[…]”

8

Il-Kapitolu 2 ta’ dan it-Titolu 2, intitolat “Oriġini tal-Merkanzija”, kien jinkludi t-Taqsima 1, intitolata “Oriġini mhux preferenzjali [tal-merkanzija]”, u t-Taqsima 2, intitolata “Oriġini preferenzjali tal-merkanzija”.

9

Din it-Taqsima 1 kienet tinkludi l-Artikolu 22 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, li kien jipprevedi:

“L-Artikoli 23 sa 26 jiddefinixxu l-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija għall-iskopijiet ta’:

a)

applikazzjoni tat-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej bl-eċċezzjoni tal-miżuri li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 20(3)(d) u (e);

b)

l-applikazzjoni ta’ miżuri minbarra miżuri tat-tariffa mwaqqfa minn dispożizzjonijiet tal-Komunità li jirregolaw oqsma speċifiċi li għandhom x’jaqsmu ma’ kummerċ ta’ merkanzija;

ċ)

il-preparazzjoni u ħruġ ta’ ċertifikati ta’ oriġini.”

10

L-Artikolu 23 ta’ dan il-kodiċi kien jipprovdi:

“1.   Merkanzija li toriġina f’pajjiż għandha tkun dik miksuba kollha jew prodotti f’dak il-pajjiż [Toriġina minn pajjiż il-merkanzija miksuba kollha kemm hi minn dak il-pajjiż].

2.   L-espressjoni ‘merkanzija miksuba kollha f’pajjiż’ tfisser

[…]

b)

prodotti tal-ħaxix maħsuda f’dak il-posta [post];

[…]”

11

Skont l-Artikolu 24 tal-imsemmi kodiċi:

“Merkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż wieħed għandha titqies li toriġina mill-pajjiż fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar sostanzjali, ekonomikament ġustifikat jew ħidma f’impriża mgħammra għal dak l-iskop u li tirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li tirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura.”

12

L-Artikolu 26 tal-istess kodiċi kien jipprovdi:

“1.   Leġislazzjoni doganali jew leġislazzjoni oħra tal-Komunità li tirregola oqsma speċifiċi tista’ tistipula li għandu jiġi prodott dokument bħala prova tal-oriġini tal-merkanzija.

2.   Minkejja l-produzzjoni ta’ dak id-dokument, l-awtoritajiet doganali jistgħu, f’każ ta’ dubji serji, jitolbu prova oħra sabiex jiżguraw illi l-indikazzjoni ta’ l-oriġini hija skond ir-regoli stipulati mil-leġislazzjoni relevanti tal-Komunità.”

Ir‑Regolament (KEE) Nru 2454/93

13

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat‑2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), tħassar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/481 tal‑1 ta’ April 2016 li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU 2016, L 87, p. 24). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, ir-Regolament Nru 2454/93 jibqa’ applikabbli għal din tal-aħħar.

14

Dan ir-regolament tal-aħħar kien jinkludi l-Anness 13a, inkluż fih bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1063/2010 tat‑18 ta’ Novembru 2010 (ĠU 2010, L 307, p. 1), li kien jinkludi l-Parti II, intitolata “Lista ta’ Prodotti u Operazzjonijiet ta’ Xogħol jew Ipproċessar li Jagħtu l-Istatus Oriġinanti”, li kien jipprevedi b’mod partikolari dan li ġej:

Intestatura tas-Sistema Armonizzata

Deskrizzjoni tal-prodott

Operazzjoni kwalifikanti (Xogħol jew proċessar, imwettaq fuq materjali mhux oriġinanti, li jagħti status oriġinanti)

[…]

[…]

[…]

ex Kapitolu 44

Injam u oġġetti tal-injam; faħam tal-injam; minbarra:

Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, ħlief dik tal-prodott

jew

Manifattura fejn il-valur tal-materjali kollha ma jaqbiżx is‑70 % tal-prezz tal-fabbrika tal-prodott

ex 4407

Injam issegat jew imfarrak mit-tul, maqtugħ jew imqaxxar, ta’ ħxuna aktar minn 6 mm, inċanat, xkatlat jew ġonġut fit-truf

Inċanar, xkatlar jew ġonot fit-truf

[…]

[…]

[…]

Ir‑Regolament Nru 194/2008

15

Ir-Regolament Nru 194/2008 tħassar, mit‑3 ta’ Mejju 2013, bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 401/2013 tat‑2 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Mjanmar/Burma u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 194/2008 (ĠU 2013, L 121, p. 1). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, ir-Regolament Nru 194/2008 jibqa’ applikabbli għal din tal-aħħar.

16

Skont il-premessi 6 u 7 tar-Regolament Nru 194/2008:

“6.

Għal aktar minn għaxar snin, il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] u l-membri tal-komunità internazzjonali kkundannaw ripetutament il-prattika ta’ tortura tar-reġim ta’ Burma/il-Mjanmar, l-eżekuzzjonijiet sommarji u arbitrarji, ix-xogħol furzat, l-abbuż kontra n-nisa, l-arrestazzjonijiet politiċi, iċ-ċaqliq sfurzat tal-popolazzjoni u r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet fundamentali tal-libertà tal-kelma, tal-moviment u ta’ l-assemblea. Meta jiġu kkunsidrati l-vjolazzjonijiet kontinwi serji u fit-tul tar-reġim fir-rigward tar-drittijiet fundamentali, inkluża r-repressjoni brutali ta’ dan l-aħħar tad-dimostrazzjonijiet paċifiċi, il-miżuri restrittivi f’dan ir-Regolament huma strumentali biex ikun promoss ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u għalhekk għandhom l-għan li jipproteġu l-morali pubblika.

7.

Il-miżuri restrittivi l-ġodda huma mmirati għas-setturi li jipprovdu sorsi ta’ dħul għar-reġim militari ta’ Burma/il-Mjanmar. Għalhekk il-miżuri restrittivi l-ġodda japplikaw għall-injam u l-prodotti ta’ l-injam, u għall-faħam, id-deheb, il-fidda, ċerti metalli komuni u ġebel prezzjuż u semi-prezzjuż. F’dawn is-setturi, ċerti miżuri jirrestrinġu l-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet u l-investimenti. Il-lista ta’ entitajiet li fuqhom japplikaw ir-restrizzjonijiet ġodda fuq l-investiment u l-assistenza finanzjarja għall-esportazzjoni għandha tikkorrispondi mal-lista stabbilita fl-Anness I tal-Pożizzjoni Komuni [tal-Kunsill] 2007/750/PESK [tad‑19 ta’ Novembru 2007 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2006/318/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra Burma/il-Mjanmar (ĠU 2007, L 308, p. 1)] li telenka l-entitajiet f’Burma/il-Mjanmar involuti f’dawn is-setturi fil-mira tar-restrizzjonijiet.”

17

Fil-Kapitolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament kien jipprovdi:

“Għall-għanjiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

a)

‘importazzjoni’ tfisser kull dħul ta’ oġġetti fit-territorju doganali tal-Komunità jew territorji oħra li għalihom japplika t-Trattat [KE], skond il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 299 [KE]. […]

[…]”

18

Fil-Kapitolu 2 tar-Regolament Nru 194/2008, intitolat “Restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet u x-xiri”, l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   L-Anness I għandu jinkludi prodotti li jaqgħu taħt il-kategoriji li ġejjin:

a)

zkuk tondi, injam u prodotti ta’ l-injam

b)

faħam u ċerti metalli; u

ċ)

ġebel prezzjuż u semi-prezzjuż.

2.   Għandu jiġi pprojbit:

a)

l-importazzjoni ta’ prodotti elenkati fl-Anness I, jekk dawn il-prodotti

i)

joriġinaw f’Burma/il-Mjanmar jew

ii)

kienu esportati minn Burma/il-Mjanmar;

b)

ix-xiri ta’ prodotti li jinsabu f’Burma/il-Mjanmar li huma elenkati fl-Anness I;

ċ)

it-trasportazzjoni ta’ prodotti elenkati fl-Anness I, jekk joriġinaw f’Burma/il-Mjanmar jew qed ikunu esportati minn Burma/il-Mjanmar lejn kull pajjiż ieħor, u d-destinazzjoni finali tagħhom hi fil-komunità; jew

d)

il-parteċipazzjoni, konxjament u intenzjonalment, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom huwa, li direttament jew indirettament, jiġu evitati l-projbizzjonijiet fil-punti (a), (b) jew (c).

3.   L-oriġini tal-prodotti għandha tkun iddeterminata skond id-dispożizzjonijiet rilevanti [tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità].”

19

L-Anness I tal-imsemmi regolament kien intitolat “[l]ista ta’ prodotti soġġetti għal restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni u x-xiri kif imsemmi fl-Artikolu 2”. Fil-punt A ta’ dan l-anness, intitolat “Zkuk tondi, injam u prodotti ta’ l-injam”, kien hemm l-oġġetti li jaqgħu taħt l-intestaturi 4403 u 4407 tan-NM.

Id‑dritt Ġermaniż

20

Il-punt (2) tal-Artikolu 34(4) tal-Außenwirtschaftsgesetz (il-Liġi dwar il-Kummerċ Estern), fil-verżjoni tagħha tas‑27 ta’ Mejju 2009 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kummerċ Estern”), kien jipprovdi:

“Hija punibbli b’sentenza ta’ priġunerija ta’ bejn sitt xhur u ħames snin kull persuna li

[…]

2.

tikser projbizzjoni, ippubblikata fil-Bundesanzeiger u direttament applikabbli, ta’ esportazzjoni, ta’ importazzjoni, ta’ tranżitu, ta’ trasport, ta’ bejgħ, ta’ kunsinna, ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni, ta’ trażmissjoni, ta’ provvista ta’ servizzi, ta’ investiment, ta’ appoġġ, jew ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-projbizzjoni, prevista minn att legali tal-Komunitajiet Ewropej intiża għall-implimentazzjoni ta’ sanzjoni ekonomika adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni […]”

21

Ir-Regolament Nru 194/2008, direttament applikabbli fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kien ġie, fir-rigward tal-Artikolu 2(2)(a) tiegħu, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ippubblikat fil-Bundesanzeiger fit‑22 ta’ Ottubru 2009.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

22

S.Z. kien l-uniku direttur ta’ kumpannija li għandha s-sede tagħha f’Hamburg (il-Ġermanja), li kellha bħala attività l-kummerċ ta’ injam tat-tik li joriġina minn Burma/mill-Mjanmar (iktar ’il quddiem il-“kumpannija kkonċernata”). Dan l-injam kien jintuża prinċipalment għall-bini tal-bastimenti. Din il-kumpannija kienet il-predeċessura fid-dritt ta’ W. GmbH, li hija l-kumpannija proprjetarja tal-oġġetti kkonfiskati u l-parti kkonċernata fil-proċedura ta’ konfiska inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

23

Permezz ta’ sentenza tal-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) tas‑27 ta’ April 2021, S.Z. ġie kkundannat, minħabba ksur tal-punt 2 tal-Artikolu 34(4) tal-Liġi dwar il-Kummerċ Estern, għal piena ta’ priġunerija ta’ sena u disa’ xhur. Il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg) ordnat ukoll il-konfiska, lil W., ta’ zkuk tas-siġar tat-tik (iktar ’il quddiem il-“prodotti inkwistjoni”) u ta’ somma ta’ EUR 3 310 902.98, li tikkorrispondi għall-valur tal-profitti mill-ksur.

24

F’dan ir-rigward, dik il-qorti kkonstatat li, fuq l-inizjattiva ta’ S.Z., il-kumpannija kkonċernata kompliet timporta u tikkummerċjalizza injam tat-tik ta’ Burma/il-Mjanmar bejn ix-xahar ta’ Ottubru 2009 u x-xahar ta’ Mejju 2011, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 194/2008, li jipprojbixxi l-importazzjoni ta’ oġġetti li joriġinaw jew li ġew esportati minn Burma/il-Mjanmar. Il-fornitur ta’ din il-kumpannija, stabbilit fit-Tajwan, kien qata’ siġar tat-tik f’Burma/il-Mjanmar, u sussegwentement ittrasporta zkuk minn dawn is-siġar lejn it-Tajwan u kien ħadimhom hemmhekk f’segeriji.

25

L-imsemmija qorti kkonstatat, barra minn hekk, li dawn iz-zkuk kienu suġġetti għal tliet tipi ta’ ħidma fit-Tajwan. Uħud minnhom kienu sempliċement tneħħewlhom il-friegħi u l-qoxra. Oħrajn kienu tneħħewlhom il-friegħi u l-qoxra, u sussegwentement ġew isserrati fil-forma ta’ kubi tal-injam, jiġifieri maqtugħin fil-forma ta’ parallelogrammi rettangolari. Fl-aħħar nett, ċertu zkuk kienu ġew maqtugħa f’tavli jew f’fallakki, jiġifieri f’injam tat-tik isserrat. Wara din il-ħidma, l-injam, b’ċertifikati ta’ oriġini maħruġa mill-awtoritajiet Tajwaniżi, ġie ttrasportat bil-baħar sa Hamburg, fejn ġie rċevut mill-kumpannija kkonċernata.

26

L-istess qorti qieset li l-injam tat-tik inkwistjoni kien, bħala konsegwenza tax-xogħlijiet ta’ ħidma li kien suġġett għalihom fit-Tajwan, joriġina minn dan il-pajjiż, b’tali mod li l-Artikolu 2(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 194/2008, li kien jipprojbixxi l-importazzjoni ta’ oġġetti li joriġinaw minn Burma/il-Mjanmar, ma kienx ġie miksur. Madankollu, hija qieset li, minkejja t-trasport tiegħu lejn it-Tajwan u x-xogħol ta’ sserrar li kien suġġett għalihom hemmhekk, dan l-injam tat-tik ma kienx tilef il-kwalità ta’ prodott esportat minn Burma/il-Mjanmar, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(2)(a)(ii) u, għaldaqstant, kellu jiġi kkonstatat ksur ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

27

S.Z. u W. ippreżentaw rikors għal reviżjoni kontra s-sentenza tal-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) tas‑27 ta’ April 2021 quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. Fil-fehma tagħhom, minn naħa, iż-zkuk inkwistjoni ma ġewx sempliċement ittrasportati minn Burma/il-Mjanmar lejn il-Ġermanja billi għaddew mit-Tajwan, iżda kienu s-suġġett, f’dan il-pajjiż terz tal-aħħar, għal ħidma jew għal ipproċessar li tahom oriġini ġdida, raġuni li għaliha l-awtoritajiet Tajwaniżi kienu stabbilixxew ċertifikati ta’ oriġini li fihom it-Tajwan kien indikat bħala pajjiż ta’ oriġini. Il-prodotti inkwistjoni għalhekk ma humiex injam li joriġina minn Burma/il-Mjanmar, iżda prodotti dderivati tal-injam Tajwaniż, li ġew importati fil-Ġermanja. Għaldaqstant, l-importazzjoni tal-prodotti inkwistjoni ma tiksirx l-Artikolu 2(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 194/2008. Min-naħa l-oħra, l-injam tat-tik inkwistjoni, introdott fit-territorju tal-Unjoni, ma ġiex esportat minn Burma/il-Mjanmar, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(2)(a)(ii), iżda mit-Tajwan.

28

Il-Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof (il-Prosekutur Ġenerali tal-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“Prosekutur Ġenerali”) qabel mal-evalwazzjoni tal-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg). Huwa kkunsidra, essenzjalment, li, f’dan il-każ, il-ħidma fuq l-injam tat-tik esportat minn Burma/il-Mjanmar kienet wasslet biss għal bidla fl-oriġini ta’ dan l-oġġett, mingħajr madankollu ma għamlitu oġġett differenti.

29

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tindika, fl-ewwel lok, li l-importazzjoni tal-prodotti inkwistjoni tikkostitwixxi fatt punibbli, skont il-punt 2 tal-Artikolu 34(4) tal-Liġi dwar il-Kummerċ Estern, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(a) tar-Regolament Nru 194/2008, jekk il-ħidma jew l-ipproċessar li seħħ fit-Tajwan ma kienx biżżejjed sabiex jagħti lill-injam tat-tik inkwistjoni oriġini ġdida u li għalhekk dan għadu joriġina minn Burma/il-Mjanmar, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a)(i) ta’ dan ir-regolament.

30

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji, fid-dawl tas-sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 1977, Gesellschaft für Überseehandel (49/76, EU:C:1977:9), dwar il-kaseina, u tat‑23 ta’ Frar 1984, Zentrag (93/83, EU:C:1984:78), dwar il-laħam taċ-ċanga, li l-ħidma, li l-injam tat-tik maqtugħ f’Burma/il-Mjanmar kien suġġett għaliha fit-Tajwan, kienet tant sostanzjali li dan l-injam sar, skont l-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, oġġett li joriġina mit-Tajwan. Hija tirrileva, madankollu, li l-fatt li jinqata’ l-injam tat-tik mhux maħdum biex minnu jsir injam isserrat iwassal għal bidla fl-intestatura fis-SA, peress li l-injam mhux maħdum jaqa’ taħt l-intestatura 4403 tas-SA u l-injam isserrat ta’ ħxuna ta’ iktar minn 6 mm jaqa’ taħt l-intestatura 4407 tagħha. Madankollu, ebda bidla fl-intestatura ma rriżultat mill-ħidma li temenda l-preżentazzjoni tal-laħam taċ-ċanga jew tal-kaseina li kienu inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għal dawk is-sentenzi. Bidla tal-intestatura tariffarja b’erba’ ċifri tista’ tkun indikazzjoni ta’ ħidma sostanzjali fuq prodott, peress li s-SA hija bbażata fuq żieda fil-prodotti naturali u fil-materja prima lejn prodotti dejjem iktar ipproċessati.

31

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fl-ipoteżi fejn il-ħidma ta’ sserrar, li saret fit-Tajwan, tkun wasslet għal bidla fl-oriġini, l-importazzjoni inkwistjoni tkun tikkostitwixxi fatt punibbli jekk iz-zkuk tat-tik inkwistjoni jkunu ġew esportati minn Burma/il-Mjanmar, bi ksur tal-Artikolu 2(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 194/2008.

32

F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg) u għall-Prosekutur Ġenerali, il-qorti tar-rinviju tqis li l-espressjoni “esportati minn Burma/il-Mjanmar”, li tinsab f’dan l-Artikolu 2(2)(a)(ii), għandha tiġi interpretata fis-sens li jaqgħu taħt din l-espressjoni biss l-oġġetti importati fl-Unjoni direttament minn Burma/il-Mjanmar u mhux l-oġġetti li ġew ittrasportati lejn pajjiż terz, f’dan il-każ it-Tajwan, u sussegwentement lejn l-Unjoni, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk kinux suġġetti, f’dan il-pajjiż terz, għal ħidma jew għal ipproċessar li jagħtuhom oriġini ġdida. Jekk tiġi adottata din l-interpretazzjoni, S.Z. ma jkunx kiser l-imsemmi Artikolu 2(2)(a)(ii).

33

Skont il-qorti tar-rinviju, l-interpretazzjoni tal-imsemmija espressjoni adottata mil-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg) u mill-Prosekutur Ġenerali ċċaħħad lill-Artikolu 2(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 194/2008 minn kull kamp ta’ applikazzjoni awtonomu u għandha l-effett li tissuġġetta oġġetti ta’ pajjiż terz, li ġew prodotti minn materja prima jew minn prodotti li joriġinaw minn Burma/il-Mjanmar, għall-projbizzjoni ta’ importazzjoni prevista f’dan l-Artikolu 2(2)(a), li ma kinitx l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

34

Fit-tielet u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk iċ-ċertifikati ta’ oriġini, bħal dawk stabbiliti mill-awtoritajiet Tajwaniżi, jorbtux lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri meta jeżaminaw jekk il-projbizzjoni ta’ importazzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tar-Regolament Nru 194/2008 ġietx miksura.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

It-terminu ‘joriġinaw f’Burma/il-Mjanmar’ fl-Artikolu 2(2)(a)(i) tar-Regolament [Nru 194/2008], għandu jiġi interpretat fis-sens li ebda waħda minn dawn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar imwettqa f’pajjiż terz (f’dan il-każ, it-Tajwan) fir-rigward ta’ zkuk tal-injam tat-tik li jikber fil-Mjanmar ma timplika bidla fl-oriġini, bil-konsegwenza li l-injam tat-tik ipproċessat b’dan il-mod jibqa’ ‘prodott li joriġina f’Burma/il-Mjanmar’:

–

tneħħija tal-friegħi u tal-ġilda miz-zkuk tal-injam tat-tik;

–

isserrar taz-zkuk tal-injam tat-tik f’teak squares (zkuk li tneħħewlhom il-friegħi u l-ġilda u li ġew isserrati fil-forma ta’ kubi tal-injam);

–

isserrar ta’ zkuk tal-injam tat-tik f’tavli jew f’fallakki (injam isserrat)?

2.

It-terminu ‘esportati minn Burma/il-Mjanmar’ skont l-Artikolu 2(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 194/2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li huma biss koperti l-prodotti importati fl-Unjoni Ewropea direttament mill-Mjanmar, bil-konsegwenza li l-prodotti inizjalment esportati lejn pajjiż terz (f’dan il-każ, it-Tajwan), u sussegwentement ittrasportati minn hemm lejn l-Unjoni Ewropea, ma jaqgħux taħt ir-regolament, irrispettivament minn jekk kinux ġew suġġetti għal ipproċessar jew xogħlijiet li jikkonferixxulhom oriġini f’dak il-pajjiż terz?

3.

L-Artikolu 2(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 194/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċertifikat ta’ oriġini maħruġ minn pajjiż terz (f’dan il-każ, it-Tajwan), li jipprovdi li, minħabba dak l-ipproċessar f’pajjiż terz, zkuk tal-injam tat-tik isserrati li joriġinaw [minn Burma/il-]Mjanmar issa joriġinaw minn dak l-Istat, ma huwiex vinkolanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni dwar jekk kienx hemm ksur tal-projbizzjoni tal-importazzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(2)[(a)] tar-Regolament (KE) Nru 194/2008?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

36

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’din perspettiva, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Groenland Poultry, C‑169/22, EU:C:2023:638, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Fil-formulazzjoni tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju għamlet riferiment biss għall-Artikolu 2(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 194/2008.

38

Din id-dispożizzjoni tipprojbixxi l-importazzjoni tal-oġġetti elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-regolament jekk dawn joriġinaw minn Burma/il-Mjanmar. Il-punt A ta’ dan l-anness jikkonċerna l-kategorija ta’ “[z]kuk tondi, injam u prodotti ta’ l-injam”.

39

Skont l-Artikolu 2(3) tal-imsemmi regolament, l-oriġini ta’ din il-merkanzija hija ddeterminata konformement mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità. F’dan il-każ, id-dispożizzjoni rilevanti ta’ dan il-kodiċi hija l-Artikolu 24 tiegħu.

40

Skont dan l-Artikolu 24, “[m]erkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż wieħed għandha titqies li toriġina mill-pajjiż fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar sostanzjali, ekonomikament ġustifikat jew ħidma f’impriża mgħammra għal dak l-iskop u li tirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li tirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura”.

41

Konsegwentement, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 194/2008, moqri flimkien mal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandux jiġi interpretat fis-sens li t-tneħħija tal-friegħi u tal-qoxra, il-qtugħ kwadru jew l-ipproċessar f’injam isserrat ta’ zkuk tat-tik jikkostitwixxu pproċessar jew ħidma li jiddeterminaw l-oriġini tal-merkanzija miksuba wara tali operazzjonijiet.

Fuq l‑ammissibbiltà

42

W. jikkontesta parzjalment l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda billi jsostni li l-kwistjoni dwar jekk il-fatt li zkuk tat-tik jitneħħewlhom il-friegħi u l-qoxra jistax iwassal għal bidla fl-oriġini ta’ tali merkanzija ma huwiex rilevanti peress li, skont il-konstatazzjonijiet tal-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg), li jorbtu lill-qorti tar-rinviju, din il-merkanzija ma ġietx importata fil-Ġermanja fit-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li kienu biss zkuk tat-tik isserrati fil-forma ta’ kubi tal-injam u injam isserrat tat-tik isserrat li ġie importat.

43

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li tkun adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, kemm-il darba d-domandi preliminari magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Sogefinancement, C‑50/22, EU:C:2023:177, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Sogefinancement, C‑50/22, EU:C:2023:177, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

46

Fil-fatt, ma jidhirx b’mod manifest mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-ewwel domanda ma hijiex ta’ natura ipotetika u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija domanda.

47

Għalhekk għandha tingħata deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 194/2008, moqri flimkien mal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, fid-dawl tat-tliet tipi ta’ ħidma elenkati fl-ewwel domanda.

Fuq il‑mertu

48

Mill-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jsegwi li, meta żewġ pajjiżi jew iktar huma involuti fil-produzzjoni ta’ merkanzija, il-kriterju determinanti sabiex tiġi ddeterminata l-oriġini ta’ din tal-aħħar huwa dak tal-aħħar ipproċessar jew ħidma sostanzjali fuq din il-merkanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, Renesola UK, C‑209/20, EU:C:2021:400, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Barra minn hekk, id-determinazzjoni tal-oriġini tal-merkanzija għandha tkun ibbażata fuq distinzjoni oġġettiva u reali bejn il-prodott bażiku u l-prodott ipproċessat, ibbażata essenzjalment fuq il-kwalitajiet materjali speċifiċi ta’ kull wieħed minn dawn il-prodotti (sentenza tal‑11 ta’ Frar 2010, Hoesch Metals and Alloys, C‑373/08, EU:C:2010:68, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-espressjoni “l-aħħar ipproċessar jew ħidma sostanzjali”, fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandha tinftiehem bħala li tirreferi għall-istadju tal-proċess ta’ produzzjoni li matulu l-merkanzija kkonċernata tikseb id-destinazzjoni tagħha kif ukoll proprjetajiet u kompożizzjoni speċifiċi, li ma kellhiex qabel u li, sussegwentement, ma hijiex ser ikollha bidliet kwalitattivi sinjifikattivi (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, Renesola UK, C‑209/20, EU:C:2021:400, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Għalhekk, operazzjonijiet li jaffettwaw il-preżentazzjoni ta’ prodott għall-finijiet tal-użu tiegħu iżda li ma jwasslux għal bidla kwalitattiva sinjifikattiva tal-proprjetajiet tiegħu, ma jistgħux jiddeterminaw l-oriġini ta’ dan il-prodott (sentenza tal‑11 ta’ Frar 2010, Hoesch Metals and Alloys, C‑373/08, EU:C:2010:68, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Konsegwentement, l-operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ prodott li ma jwasslux għal bidla sinjifikattiva fil-proprjetajiet u fil-kompożizzjoni tiegħu, għaliex jikkonsistu biss fi qsim jew f’bidla fil-preżentazzjoni tiegħu, ma jikkostitwixxux bidla kwalitattiva sostanzjali biżżejjed li tista’ titqies jew li wasslet għall-produzzjoni ta’ prodott ġdid, jew li tikkostitwixxi stadju importanti fil-produzzjoni tal-imsemmi prodott (sentenza tal‑11 ta’ Frar 2010, Hoesch Metals and Alloys, C‑373/08, EU:C:2010:68, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward tal-ewwel tip ta’ ħidma, jiġifieri t-tneħħija tal-friegħi u tal-qoxra miz-zkuk tal-injam tat-tik inkwistjoni, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jsegwix li din il-ħidma kienet tat lil dawn iz-zkuk id-destinazzjoni tagħhom kif ukoll proprjetajiet u kompożizzjoni speċifiċi, li huma ma kellhomx qabel u li ma hijiex ser ikollha bidliet kwalitattivi sinjifikattivi. Għall-kuntrarju, dan it-tip ta’ ħidma jidher li huwa, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, operazzjoni ta’ ħidma sempliċi, li taffettwa biss il-preżentazzjoni tal-injam. Issa, bħalma tfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, tali operazzjoni ma tistax titqies li wasslet għall-manifattura ta’ prodott ġdid jew li tikkostitwixxi stadju importanti ta’ manifattura tal-merkanzija inkwistjoni u, għaldaqstant, bħala determinanti tal-oriġini tagħha.

54

Fir-rigward tat-tieni tip ta’ ħidma, jiġifieri l-isserrar taz-zkuk tal-injam tat-tik inkwistjoni fil-forma ta’ kubi tal-injam, li preċedentement kienu tneħħewlhom il-friegħi u l-qoxra, jiġifieri l-qtugħ tagħhom fil-forma ta’ parallelogrammi rettangolari, lanqas ma jidher li, f’dan il-każ, din l-operazzjoni ta’ ħidma tat lil dawn iz-zkuk id-destinazzjoni tagħhom kif ukoll proprjetajiet u kompożizzjoni speċifiċi, li huma ma kellhomx qabel u li sussegwentement ma kinux ser jgħaddu minn bidliet kwalitattivi sinjifikattivi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 ta’ din is-sentenza. Għall-kuntrarju, bħalma rrilevaw S.Z. u W. stess, dan it-tieni tip ta’ ħidma jikkostitwixxi stadju intermedju indispensabbli għall-produzzjoni tal-injam isserrat. Għaldaqstant, dan it-tieni tip ta’ ħidma ma jistax jitqies li jiddetermina l-oriġini tal-imsemmija zkuk.

55

Madankollu, S.Z. u W. isostnu li mis-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2009, HEKO Industrieerzeugnisse (C‑260/08, EU:C:2009:768), kif ukoll mill-Anness 22–03 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat‑28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35; fil-ĠU 2017, L 101, p. 164; fil-ĠU 2018, L 75, p. 41; u fil-ĠU 2021, L 382, p. 60), jirriżulta li bidla fl-oriġini għandha bħala prinċipju tiġi kkonstatata meta l-ħidma jew l-ipproċessar tal-injam mhux ipproċessat iwasslu għal żieda sostanzjali fil-valur tal-injam, li ġeneralment għandha tiġi ammessa meta taqbeż it‑30 %. Issa, f’dan il-każ, skont S.Z. u W., il-valur taz-zkuk tat-tik inkwistjoni żdied b’iktar minn 30 % wara li ġew isserrati fil-forma ta’ kubi tal-injam. Fi kwalunkwe każ, anki jekk il-valur ta’ dawn iz-zkuk ma kienx żdied bi 30 %, peress li l-isserrar tiegħu fil-forma ta’ kubi tal-injam jeħtieġ tagħmir speċjali għall-isserrar u jista’ jitwettaq biss minn professjonisti mħarrġa speċifikament għal dan l-għan, dan it-tip ta’ ħidma għandu jitqies li jiddetermina l-oriġini tal-imsemmija zkuk.

56

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-valur li l-isserrar fil-forma ta’ kubi tal-injam taz-zkuk tal-injam tat-tik inkwistjoni allegatament tahom, li l-Qorti tal-Ġustizzja, ċertament, iddeċidiet, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk operazzjoni ta’ assemblaġġ ta’ diversi komponenti tikkostitwixxix ipproċessar jew ħidma sostanzjali, li jeżistu sitwazzjonijiet li fihom l-eżami abbażi ta’ kriterji ta’ natura teknika jista’ ma jkunx konklużiv għad-determinazzjoni tal-oriġini ta’ merkanzija u li hemm lok, f’dawn il-każijiet, li jittieħdu inkunsiderazzjoni, sussidjarjament, kriterji ċari u oġġettivi oħra, bħal dak tal-valur miżjud, li jippermetti li jiġi espress, għal merkanzija b’kompożizzjoni kumplessa, fiex jikkonsisti l-ipproċessar sostanzjali li jiddetermina l-oriġini tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2009, HEKO Industrieerzeugnisse, C‑260/08, EU:C:2009:768, punti 30 u 31).

57

Madankollu, l-operazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex operazzjoni ta’ assemblaġġ ta’ diversi komponenti, li tikkonsisti fl-assemblaġġ ta’ numru kbir ta’ komponenti sabiex tiġi fformata unità koerenti ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 1989, Brother International, C‑26/88, EU:C:1989:637, punt 13), iżda qtugħ ta’ prodott bażiku.

58

Għaldaqstant hemm lok li jitqies li, f’dan il-każ, il-kriterju sussidjarju tal-valur miżjud, li jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, ma huwiex applikabbli.

59

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-indikazzjonijiet dwar il-prodotti li jaqgħu taħt l-intestatura 44 tas-SA msemmija fit-tabella li tinsab fil-Parti II tal-Anness 22–03 tar-Regolament Delegat 2015/2446, li S.Z. u W. jibbażaw ruħhom fuqhom, għandu jiġi rrilevat li dan ir-regolament delegat ma huwiex applikabbli ratione temporis. Fil-fatt, dan huwa applikabbli mill‑1 ta’ Mejju 2016, filwaqt li l-importazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħew bejn is-sena 2009 u s-sena 2011. Madankollu, dawn l-indikazzjonijiet huma identiċi għal dawk li kienu jinsabu fl-Anness 13a tar-Regolament Nru 2454/93, inkluża f’dan tal-aħħar bir-Regolament Nru 1063/2010, li huwa applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2011 u, għaldaqstant, għall-importazzjonijiet li seħħew minn din id-data.

60

Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan l-anness tal-aħħar jistabbilixxi biss regoli li jikkonċernaw l-oriġini preferenzjali tal-merkanzija u mhux regoli dwar l-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija, li hija inkwistjoni f’din il-kawża.

61

Fl-aħħar nett, fir-rigward taċ-ċirkustanza invokata minn S.Z. u W., li l-produzzjoni ta’ zkuk tat-tik isserrati fil-forma ta’ kubi tal-injam teħtieġ tagħmir speċjali għall-isserrar u tista’ titwettaq biss minn professjonisti mħarrġa b’mod speċjali, għandu jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jsegwi li t-twettiq ta’ ħidma f’impriża mgħammra għal dan l-għan ma huwiex biżżejjed sabiex jagħtiha natura sostanzjali, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

62

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-isserrar taz-zkuk tat-tik fil-forma ta’ kubi tal-injam inkwistjoni ma jikkostitwixxix ipproċessar jew ħidma determinanti tal-oriġini ta’ din il-merkanzija.

63

Fir-rigward tat-tielet tip ta’ ħidma, jiġifieri l-isserrar ta’ zkuk tat-tik f’injam isserrat, jidher li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-prokuratur ġenerali, dan l-isserrar ma jikkostitwixxix operazzjoni sempliċi ta’ sserrar, peress li din tinkludi diversi stadji, peress li z-zkuk ikkonċernati għandhom jitneħħulhom il-friegħi u l-qoxra u jiġu sserrati fil-forma ta’ kubi tal-injam qabel ma jiġu sserrati f’fallakki.

64

Barra minn hekk, l-oġġetti li jirriżultaw minn dan it-tip ta’ ħidma jinsabu fi stadju avvanzat tal-proċess ta’ manifattura ta’ oġġetti intiżi, bħal f’dan il-każ, għall-bini ta’ bastimenti. L-ipproċessar f’injam isserrat jista’ fil-fatt jitqies bħala li jikkostitwixxi l-istadju tal-proċess ta’ produzzjoni li matulu l-merkanzija kkonċernata tikseb id-destinazzjoni tagħha kif ukoll proprjetajiet u kompożizzjoni speċifiċi, li ma kellhiex qabel u li, sussegwentement, ma hijiex ser ikollha bidliet kwalitattivi sinjifikattivi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 ta’ din is-sentenza.

65

Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li z-zkuk tat-tik u z-zkuk tat-tik isserrati fil-forma ta’ kubi tal-injam huma kklassifikati taħt l-intestatura 4403 tan-NM, bħala injam mhux maħdum, filwaqt li l-injam tat-tik isserrat huwa kklassifikat fi stadju ta’ ħidma iktar avvanzat, taħt l-intestatura 4407 tan-NM.

66

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jsegwi li l-bidla tal-intestatura tariffarja ta’ merkanzija, ikkawżata mill-operazzjoni ta’ pproċessar tagħha, tikkostitwixxi indikazzjoni tan-natura sostanzjali tal-ipproċessar tagħha jew tal-ħidma tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Stappert Deutschland, C‑210/22, EU:C:2023:693, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Konsegwentement, it-tielet tip ta’ ħidma, li kkonsistiet fit-trasformazzjoni taz-zkuk tat-tik inkwistjoni f’injam isserrat, jista’ jitqies bħala li jikkostitwixxi ħidma li tagħti lil dawn iz-zkuk l-oriġini tat-Tajwan, skont l-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

68

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 194/2008, moqri flimkien mal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–

it-tneħħija tal-friegħi u tal-qoxra ta’ zkuk tat-tik jew l-isserrar tagħhom fil-forma ta’ kubi tal-injam ma jikkostitwixxux ipproċessar jew ħidma li jiddeterminaw l-oriġini tal-merkanzija miksuba wara tali operazzjonijiet;

–

l-ipproċessar f’injam isserrat ta’ zkuk tat-tik jikkostitwixxi pproċessar jew ħidma li jiddeterminaw l-oriġini tal-merkanzija miksuba wara tali operazzjoni.

Fuq it‑tieni domanda

69

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-espressjoni “esportati minn Burma/il-Mjanmar”, li tinsab fl-Artikolu 2(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 194/2008, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li huma biss l-oġġetti li ġew importati fl-Unjoni direttament minn Burma/il-Mjanmar li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni.

70

F’dan ir-rigward, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2024, Stachev, C‑15/24 PPU, EU:C:2024:399, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

L-ewwel, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 194/2008, l-espressjoni “esportati minn Burma/il-Mjanmar” tista’, fin-nuqqas ta’ preċiżazzjoni addizzjonali, tinkludi prodotti importati kemm direttament kif ukoll indirettament minn dan il-pajjiż.

72

Madankollu, f’dak li jirrigwarda, it-tieni, il-kuntest li jidħol fih l-Artikolu 2(2)(a) tar-Regolament Nru 194/2008, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tinkludi żewġ projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni minn Burma/il-Mjanmar, jiġifieri, minn naħa, dik li jiġu importati oġġetti li joriġinaw minn dan il-pajjiż, li tinsab f’dan l-Artikolu 2(2)(a)(i) u, min-naħa l-oħra, dik li jiġu importati oġġetti li ġew esportati mill-imsemmi pajjiż, li tinsab fl-imsemmi Artikolu 2(2)(a)(ii).

73

L-Artikolu 2(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 194/2008 kien intiż, preċiżament, sabiex jiggarantixxi li l-oġġetti “li joriġinaw f’Burma/il-Mjanmar” jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament anki jekk kienu importati fl-Unjoni mhux direttament minn Burma/il-Mjanmar, iżda minn pajjiżi terzi. Issa, din id-dispożizzjoni tkun superfluwa jekk l-Artikolu 2(2)(a)(ii) ta’ dan ir-regolament jiġi interpretat fis-sens li l-oġġetti kollha li kienu jinsabu f’xi mument partikolari f’Burma/il-Mjanmar – jiġifieri anki l-oġġetti li kienu joriġinaw minn Burma/il-Mjanmar u li ma għadhomx hekk minħabba pproċessar jew ħidma sostanzjali f’pajjiż terz – jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

74

It-tielet, mill-premessa 6 tar-Regolament Nru 194/2008 jsegwi li l-għan tiegħu kien, fid-dawl tal-vjolazzjonijiet serji u kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa għal żmien twil mir-reġim militari ta’ Burma/il-Mjanmar, li jikkontribwixxi, permezz tat-tiġdid u tat-tisħiħ tal-miżuri restrittivi meħuda kontra dan il-pajjiż, għall-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u għalhekk li jiġu protetti l-prinċipji etiċi tas-soċjetà. Barra minn hekk, mill-premessa 7 ta’ dan ir-regolament isegwi li l-miżuri restrittivi l-ġodda previsti mill-imsemmi regolament kienu intiżi li jimmiraw setturi li jikkostitwixxu sorsi ta’ dħul għal dan ir-reġim militari bħall-injam u l-prodotti tal-injam. Issa, minn dawn l-għanijiet tar-Regolament Nru 194/2008 ma jsegwix li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, meta adotta dan ir-regolament li kien immirat lejn Burma/il-Mjanmar, kienet li jissuġġetta għall-projbizzjoni ta’ importazzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmi regolament l-oġġetti kollha li joriġinaw minn pajjiżi terzi, li ġew prodotti minn oġġetti li joriġinaw minn Burma/il-Mjanmar.

75

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-espressjoni “esportati minn Burma/il-Mjanmar”, li tinsab fl-Artikolu 2(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 194/2008, għandha tiġi interpretata fis-sens li huma biss l-oġġetti li ġew importati fl-Unjoni direttament minn Burma/il-Mjanmar li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni.

Fuq it‑tielet domanda

76

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 194/2008 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jeżaminaw jekk din id-dispożizzjoni nkisritx, huma marbuta b’ċertifikati ta’ oriġini maħruġa minn pajjiż terz li jindika li l-oġġetti kkonċernati joriġinaw minn dan il-pajjiż.

77

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 194/2008 ma jipprevedix obbligu ta’ produzzjoni ta’ dokument sabiex tiġi ġġustifikata l-oriġini tal-beni koperti minn dan ir-regolament. L-Artikolu 2(3) tiegħu jipprovdi biss li l-oriġini tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata konformement mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

78

Bħalma jsegwi mill-Artikolu 26 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għalkemm il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tipprevedi li l-oriġini tal-merkanzija għandha tkun iġġustifikata bil-produzzjoni ta’ dokument, il-produzzjoni ta’ dan id-dokument ma tipprekludix li, fil-każ ta’ dubji serji, l-awtoritajiet doganali jeżiġu kull ġustifikazzjoni addizzjonali sabiex jiżguraw ruħhom li l-indikazzjoni tal-oriġini tkun tabilħaqq konformi mar-regoli stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għan tal-verifika a posteriori huwa li tiġi vverifikata l-eżattezza tal-oriġini indikata fiċ-ċertifikat ta’ oriġini (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Selena România, C‑416/15, EU:C:2016:501, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

Minn dan jirriżulta li l-fatt li merkanzija jkollha ċertifikat ta’ oriġini ma huwiex ċirkustanza li tista’ tipprekludi l-irkupru tad-dazji dovuti għall-importazzjoni ta’ din il-merkanzija jekk, wara din l-importazzjoni, ikun irriżulta li dawn iċ-ċertifikati huma ineżatti (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Selena România, C‑416/15, EU:C:2016:501, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

Minn din il-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 26 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jirriżulta li, anki meta jeżisti obbligu ta’ produzzjoni ta’ dokument, bħal ċertifikat ta’ oriġini, sabiex tiġi ġġustifikata l-oriġini tal-oġġetti kkonċernati, l-awtoritajiet doganali ma humiex marbuta b’dan id-dokument. Dan japplika iktar u iktar meta tali obbligu ma jeżistix.

81

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 194/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jeżaminaw jekk din id-dispożizzjoni nkisritx, huma ma humiex marbuta b’ċertifikati ta’ oriġini maħruġa minn pajjiż terz li jindikaw li l-oġġetti kkonċernati joriġinaw minn dan il-pajjiż.

Fuq l‑ispejjeż

82

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(2)(a)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 194/2008 tal‑25 ta’ Frar 2008 li jġedded u jsaħħaħ il-miżuri restrittivi fir-rigward ta’ Burma/il-Mjanmar u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 817/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–

it-tneħħija tal-friegħi u tal-qoxra ta’ zkuk tat-tik jew l-isserrar tagħhom fil-forma ta’ kubi tal-injam ma jikkostitwixxux ipproċessar jew ħidma li jiddeterminaw l-oriġini tal-merkanzija miksuba wara tali operazzjonijiet;

–

l-ipproċessar f’injam isserrat ta’ zkuk tat-tik jikkostitwixxi pproċessar jew ħidma li jiddeterminaw l-oriġini tal-merkanzija miksuba wara tali operazzjoni.

 

2)

L-espressjoni “esportati minn Burma/il-Mjanmar”, li tinsab fl-Artikolu 2(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 194/2008,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

huma biss l-oġġetti li ġew importati fl-Unjoni Ewropea direttament minn Burma/il-Mjanmar li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni.

 

3)

L-Artikolu 2(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 194/2008

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jeżaminaw jekk din id-dispożizzjoni nkisritx, huma ma humiex marbuta b’ċertifikati ta’ oriġini maħruġa minn pajjiż terz li jindikaw li l-oġġetti kkonċernati joriġinaw minn dan il-pajjiż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.