|
2.7.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 168/22 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-1 ta’ Lulju 2010
dwar l-allokazzjoni lil Spanja ta’ jiem addizzjonali fuq il-baħar fit-Taqsimiet VIIIc u IXa tal-ICES bl-eċċezzjoni tal-Golf ta’ Cadiz
(notifikata bid-dokument numru C(2010) 4330)
(It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)
(2010/370/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 43/2009 tas-16 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi għall-2009 l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet Komunitarji, għal bastimenti Komunitarji, f’ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti tal-qbid (1), u b’mod partikolari l-punt 9 ta’ Anness IIB tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-punt 7 tal-Anness IIB għar-Regolament (KE) Nru 43/2009 jispeċifika l-għadd massimu ta’ ġranet li fihom bastimenti tal-Unjoni ta’ tul totali ta’ 10 metri jew aktar u li jġorru abbord xbieki tat-tkarkir, tartaruni Daniżi u rkapti simili b’malji ta’ 32 mm jew akbar u pariti b’malji ta’ 60 mm jew akbar u konzijiet tal-qiegħ, jistgħu ikunu preżenti fit-taqsimiet VIIIc u IXa tal-ICES, bl-eċċezzjoni tal-Golf ta’ Cadiz, mill-1 ta’ Frar 2009 sal-31 ta’ Jannar 2010. |
|
(2) |
Il-punt 9 tal-Anness IIB jippermetti li l-Kummissjoni talloka numru ta’ ġranet addizzjonali fuq il-baħar fejn bastiment jista’ jkun preżenti fiż-żona ġeografika, meta jkun qed iġorr irkaptu bħal dan, abbażi tal-waqfiet permanenti tal-attivitajiet tas-sajd li saru mill-1 ta’ Jannar 2004 ′l hawn. |
|
(3) |
Fil-11 ta’ Novembru 2009, Spanja ressqet dejta li turi li tnax-il bastiment tas-sajd waqfu mill-attivitajiet tagħhom mill-1 ta’ Jannar 2004 ′l hawn. Fid-dawl tad-dejta mressqa u l-metodu tal-kalkolu stipulat fil-punt 9.1 tal-Anness IIB, għandhom jiġu allokati lil Spanja disat ijiem addizzjonali fuq il-baħar għal bastimenti li jġorru abbord l-irkapti tas-sajd speċifikati fil-punt 3 tal-istess Anness, għall-perjodu mill-1 ta’ Frar 2009 sal-31 ta’ Jannar 2010. |
|
(4) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sajd u l-Akkwakultura, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI
Artikolu 1
L-għadd massimu ta’ jiem li fihom bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ Spanja u li jġorr abbord irkaptu tas-sajd imsemmi fil-punt 3 tal-Anness IIB għar-Regolament (KE) Nru 43/2009 u ma hu suġġett għall-ebda waħda mill-kundizzjonijiet speċjali elenkati fil-punt 7.2 ta’ dak l-Anness jista’ jkun preżenti fit-Taqsimiet VIIIc u IXa tal-ICES, bl-eċċezzjoni tal-Golf ta’ Cadiz, kif stipulat fit-Tabella I ta’ dak l-Anness, għandhom jiġu emendati għal 184 jum fis-sena.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.
Magħmul fi Brussell, 1 ta’ Lulju 2010.
Għall-Kummissjoni
Maria DAMANAKI
Membru tal-Kummissjoni