|
23.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 365/40 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2085 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa, fir-rigward tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep”
(COM(2022) 47 final — 2022/0033 (NLE))
(2022/C 365/07)
|
Relatur: |
Stoyan TCHOUKANOV |
|
Konsultazzjoni |
Kunsill, 16.3.2022 |
|
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum |
|
Adottata fis-sezzjoni |
1.6.2022 |
|
Adottata fil-plenarja |
15.6.2022 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
570 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
207/0/5 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Is-semikondutturi jinsabu fil-qalba ta’ interessi ġeopolitiċi b’saħħithom peress li jipprovdu kundizzjonijiet lill-pajjiżi sabiex ikunu jistgħu jaġixxu (b’mod militari, ekonomiku u industrijali) u jippromovu t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Huma essenzjali għall-awtonomija strateġika u industrijali. |
|
1.2. |
Għaldaqstant, il-KESE jikkondividi l-għan strateġiku li tiżdied is-saħħa tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Ewropa u jaqbel li l-Ewropa teħtieġ tattira investiment biex tiddisinja u tipproduċi l-aktar ċipep avvanzati, iżda jemmen li s-saħħa tinkiseb aħjar kieku r-riċerkaturi, l-inġiniera u l-forza tax-xogħol imħarrġa Ewropej jiġu mħeġġa jibqgħu fl-Ewropa permezz, fost affarijiet oħra, ta’ inċentivi finanzjarji u opportunitajiet kompettitivi għall-karriera meta mqabbla ma’ dak li jiġi offrut fl-Asja jew fl-Istati Uniti tal-Amerka. |
|
1.3. |
Minħabba l-ħtieġa urġenti biex tittieħed azzjoni, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt u ma kienet prevista l-ebda konsultazzjoni pubblika online. Il-KESE jieħu din l-opportunità biex iqajjem xi tħassib dwar in-nuqqas ta’ valutazzjoni tal-impatt fil-proposta. Il-KESE jifhem li valutazzjoni teknika tal-impatt b’tul standard kienet tieħu ħafna żmien biex titwettaq minħabba s-sitwazzjoni urġenti, iżda l-KESE jemmen li l-Kummissjoni kellha tal-inqas tipprovdi matriċi intelliġenti għal simulazzjoni dinamika biex tgħin lill-koleġiżlaturi u lis-soċjetà ċivili jipprevedu l-impatt potenzjali tal-proposta. |
|
1.4. |
It-tħassib tal-KESE dwar il-baġit allokat lill-Impriża Konġunta taċ-Ċipep huwa akbar minħabba n-nuqqas ta’ valutazzjoni tal-impatt, għaliex is-soċjetà ċivili ma tistax tifforma l-fehma tagħha stess dwar ir-raġunament jew il-metodoloġija użati mill-Kummissjoni biex tiddefinixxi l-baġit. Id-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva annessa mal-Att dwar iċ-Ċipep mhijiex biżżejjed. |
|
1.5. |
Il-KESE jemmen li l-proprjetà intellettwali tant hija element neċċessarju biex tikkumpensa l-investimenti u l-isforzi ta’ riċerka tal-innovaturi tal-UE, u fl-istess ħin tissodisfa l-ħtiġijiet tal-implimentaturi/l-utenti, u biex tagħmilha possibbli li tingħata spinta lis-semikondutturi innovattivi u tinħoloq ekosistema taċ-ċipep Ewropea soda u tal-ogħla livell, li għandha tissemma fid-dispożizzjonijiet tal-proposta, u mhux biss fil-memorandum ta’ spjegazzjoni, li m’għandu l-ebda effett legalment vinkolanti. |
|
1.6. |
L-Impriża Konġunta taċ-Ċipep proposta, b’mod partikolari, għandha l-għan li tnaqqas ir-riskji u l-inċertezzi għall-industrija li huma relatati mal-investiment fl-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni u fit-teknoloġiji ġodda billi tikkondividi r-riskji u tipprovdi l-prevedibbiltà tal-investiment. Produttur taċ-ċipep mill-Istati Uniti tal-Amerka żvela pjani li jinvesti sa USD 88 biljun fl-Ewropa bħala parti minn espansjoni ambizzjuża mmirata lejn it-tnaqqis tal-iżbilanċi fil-katina tal-provvista globali tas-semikondutturi u dan juri li l-investituri qed jirreaġixxu b’mod pożittiv għall-Proposta għal Att Ewropew dwar iċ-Ċipep. |
2. Introduzzjoni
|
2.1. |
Karozzi, kompjuters, smartphones, applikazzjonijiet u infrastrutturi għas-saħħa, għall-enerġija, għas-sigurtà, għall-komunikazzjoni u għall-awtomatizzazzjoni industrijali: fl-aħħar xhur, ħafna setturi kienu qed jesperjenzaw dewmien fil-konsenja. Ir-raġuni għal dan huwa nuqqas ta’ semikondutturi – dawk il-komponenti żgħar ħafna li jgħammru l-apparati teknoloġiċi tagħna. |
|
2.2. |
Is-semikondutturi jinsabu fil-qalba ta’ interessi ġeopolitiċi b’saħħithom peress li jipprovdu kundizzjonijiet lill-pajjiżi sabiex ikunu jistgħu jaġixxu (b’mod militari, ekonomiku u industrijali) u jippromovu t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna x’aktarx ikollha ħafna effetti sekondarji fuq perjodu medju sa twil ta’ żmien għall-industrija tas-semikondutturi, li hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin għas-sovranità diġitali tal-UE. Il-produzzjoni tan-neon, tal-palladju u tas-C4F6, tliet materjali li huma kruċjali u insostitwibbli għall-mikroċipep, se tkun affettwata mis-sitwazzjoni. |
|
2.3. |
L-Istati Uniti tal-Amerka jiddominaw id-disinn tas-semikondutturi u, barra minn hekk, f’Jannar tal-2021, il-Kungress tal-Istati Uniti għadda l-Att dwar il-Ħolqien ta’ Inċentivi Utli għall-Produzzjoni tas-Semikondutturi għall-Amerka (CHIPS). Il-produzzjoni Asjatika hija kkonċentrata, partikolarment, fit-Tajwan u tipprovdi madwar 70 % tal-produzzjoni totali u 90 % taċ-ċipep l-aktar teknoloġikament avvanzati. Filwaqt li n-nuqqasijiet attwali huma parzjalment dovuti minħabba l-pandemija tal-COVID-19, l-importanza tal-kompetizzjoni ekonomika bejn Washington u Beijing m’għandhiex tiġi injorata. Dan il-kuntest ta’ kompetizzjoni ekonomika jpoġġi lit-Tajwan fuq quddiem nett ta’ din il-kompetizzjoni teknoloġika bejn iż-żewġ setgħat. |
|
2.4. |
F’dan il-kuntest, l-għan tar-regolament propost huwa li konġuntament joħloq ekosistema Ewropea taċ-ċipep tal-ogħla livell, li tinkludi l-produzzjoni. Dan jemenda l-proposti attwali biex jibni fuq il-punti pożittivi tal-Ewropa u jindirizza n-nuqqasijiet pendenti, biex jiżviluppa ekosistema b’saħħitha tas-semikondutturi u katina tal-provvista reżiljenti, filwaqt li jistabbilixxi miżuri biex jippreparaw, jantiċipaw u jirrispondu għal tfixkil futur fil-katina tal-provvista. |
|
2.5. |
Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa (“il-proposta”) tikkomplementa l-Proposta tal-Att dwar iċ-Ċipep. Wieħed mill-għanjiet tal-Att dwar iċ-Ċipep propost huwa li tiġi stabbilita l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa biex tappoġġja l-bini tal-kapaċitajiet fuq skala kbira. L-azzjonijiet fl-ambitu tal-inizjattiva se jiġu implimentati primarjament permezz tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep, jiġifieri dik attwali emendata u msemmija mill-ġdid bħala l-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin. |
|
2.6. |
Il-baġit tal-UE se jkun qed jappoġġja l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa b’total ta’ EUR 3,3 biljun, kif ukoll EUR 1,65 biljun permezz tal-programm Orizzont Ewropa u EUR 1,65 biljun permezz tal-programm Ewropa Diġitali. Minn dan l-ammont totali, EUR 2,875 biljun se jkunu implimentati permezz tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep. |
3. Kummenti ġenerali
3.1. Kapital uman
|
3.1.1. |
Il-KESE jinnota li l-għan mhuwiex l-awtosuffiċjenza, li mhuwiex għan li jista’ jintlaħaq, peress li l-interdipendenzi għadhom b’saħħithom fil-ktajjen tal-provvista ma’ pajjiżi terzi, iżda li jitħaffef il-proċess biex jinkisbu l-awtonomija strateġika u s-sovranità teknoloġika, u jiġi rriformat il-qafas tal-kompetizzjoni globali billi tissaħħaħ il-politika industrijali komuni fl-UE. |
|
3.1.2. |
Il-KESE jikkondividi l-għan strateġiku li tiżdied is-saħħa tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Ewropa u jaqbel li l-Ewropa teħtieġ tattira investiment biex tiddisinja u tipproduċi l-aktar ċipep avvanzati, iżda jemmen li s-saħħa tinkiseb aħjar kieku r-riċerkaturi, l-inġiniera u l-forza tax-xogħol imħarrġa Ewropej jiġu mħeġġa jibqgħu fl-Ewropa permezz, fost affarijiet oħra, ta’ inċentivi finanzjarji u opportunitajiet kompettitivi għall-karriera meta mqabbla ma’ dak li jiġi offrut fl-Asja jew fl-Istati Uniti tal-Amerka. |
|
3.1.3. |
Wieħed mill-għanijiet tal-pakkett tal-Att dwar iċ-Ċipep huwa li jappoġġja l-bini tal-kapaċità fuq skala kbira permezz ta’ investiment fir-riċerka transfuntiera biex jippermetti l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ semikondutturi avvanzati u tal-ġenerazzjoni li jmiss, inkluża enfasi fuq negozji ġodda u negozji li qed jespandu. |
|
3.1.4. |
Il-proposta tipprovdi enfasi fuq l-appoġġ għall-investiment fl-infrastrutturi tar-riċerka, tal-iżvilupp u tal-innovazzjoni transfruntiera u aċċessibbli b’mod miftuħ li jiġu stabbiliti fl-Unjoni Ewropea. Il-KESE jinnota li biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-UE trid tkun tista’ tiddependi mill-kapital uman u mir-riċerkaturi peress li huma l-uniċi li jistgħu jiżviluppaw il-potenzjal ta’ innovazzjoni tal-UE. Il-KESE jistaqsi x’azzjonijiet konkreti qed jittieħdu biex jiġi żgurat li r-riċerkaturi tagħna tal-UE ma jfittxux li jemigraw barra mill-UE u biex jiġi żgurat ir-rwol attiv tagħhom fin-network previst taċ-ċentri ta’ kompetenza fl-Ewropa. |
|
3.1.5. |
Ġeneralment, ir-riċerkaturi u l-inġiniera żgħażagħ jipperċepixxu li r-remunerazzjoni u l-progressjoni tal-karriera huma aqwa f’pajjiżi mhux tal-UE. F’dan ir-rigward, il-KESE jistaqsi lill-Kummissjoni tipprovdi statistika dwar dan is-suġġett li tagħmilha possibbli li jiġu vvalutati x-xejriet rigward l-eżodu ta’ mħuħ għal ċentri oħra ta’ riċerka u ta’ kompetenza. Programm li jħaffef il-proċess tar-rikonoxximent ta’ speċjalisti barranin jista’ jattira riżorsi addizzjonali lejn il-proġett. Fil-fatt, mingħajr riċerkaturi, inġiniera u forza tax-xogħol imħarrġa li huma lesti jaħdmu u jibqgħu fl-UE, l-għanijiet tal-proposta huma insinifikanti. |
3.2. Valutazzjoni tal-impatt
|
3.2.1. |
Minħabba l-ħtieġa urġenti biex tittieħed azzjoni, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt u ma kienet prevista l-ebda konsultazzjoni pubblika online. |
|
3.2.2. |
Din l-urġenza ma tistax tiġi rrifjutata. Il-manifatturi ilhom jiffaċċjaw nuqqas ta’ komponenti, speċjalment is-semikondutturi, sa mill-aħħar tal-2020. Dan in-nuqqas huwa dovut għal serje ta’ fatturi kumulattivi:
|
|
3.2.3. |
Il-KESE jemmen li l-urġenza mhijiex l-unika problema; il-problema hija li 70 % tas-semikondutturi huma manifatturati minn TSMC u minn Samsung Electronics. Fid-dawl tad-domanda għolja, iridu jagħtu prijorità lil ċerti klijenti u l-bini ta’ impjant ta’ produzzjoni ġdid jieħu bejn sentejn u tliet snin sakemm jitlesta (1). |
|
3.2.4. |
Il-KESE jieħu l-opportunità biex iqajjem xi tħassib dwar in-nuqqas ta’ valutazzjoni tal-impatt fil-proposta. F’April tal-2021, il-Kummissjoni Ewropea nediet l-Aġenda tagħha għal Regolamentazzjoni Aħjar, bil-ħsieb li “ningħaqdu flimkien biex nagħmlu liġijiet aħjar” (2). Din tintroduċi l-approċċ ta’ “one in, one out”, li għandu jsir assi ewlieni tal-politika tal-UE mill-2022 ’il quddiem. |
|
3.2.5. |
Il-KESE jifhem li valutazzjoni teknika tal-impatt b’tul standard kienet tieħu wisq żmien biex titwettaq minħabba s-sitwazzjoni urġenti, u kienet tkun inutli fil-prattika, iżda jemmen li l-Kummissjoni kellha tal-inqas tipprovdi matriċi intelliġenti għal simulazzjoni dinamika biex tgħin lill-koleġiżlaturi u lis-soċjetà ċivili jipprevedu l-impatt potenzjali tal-proposta. |
|
3.2.6. |
In-nuqqas ta’ valutazzjoni tal-impatt għandu konsegwenza negattiva fuq il-possibbiltà tal-KESE biex jifforma l-opinjoni tiegħu stess dwar ir-raġunament u l-metodoloġija użati mill-Kummissjoni biex tiddefinixxi l-baġit tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep. Id-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva annessa mal-Att taċ-Cipep lanqas mhi biżżejjed. Jeħtieġ li s-soċjetà ċivili tkun taf b’mod preċiż u konkret minn fejn jiġi l-finanzjament kif ukoll fejn imur. |
3.3. Proprjetà intellettwali
|
3.3.1. |
Il-proprjetà intellettwali (PI) hija terminu mgħobbi żżejjed b’mod perikoluż. Fl-aktar sens ġenerali, dan jirreferi għal kwalunkwe għarfien li jappartjeni lil xi ħadd. Eżempju ta’ dan huwa privattiva. Il-privattiva tirrikonoxxi d-dritt tal-pussess tal-għarfien u tipprovdi t-termini għall-protezzjoni tagħha. |
|
3.3.2. |
Madankollu, fl-industrija tas-semikondutturi, it-terminu huwa mifhum sew li jfisser unità tad-disinn jew tal-verifika li hija ppakkjata minn qabel u disponibbli għal-liċenzjar. Il-PI tas-semikondutturi u l-PI tad-disinn huma ġeneralment l-istess ħaġa u ta’ spiss jissejħu PI, blokok tal-PI jew cores tal-PI. Hija parti mid-disinn, bħal proċessur, li ġiet verifikata minn qabel u tista’ tiġi inkluża fid-disinn ta’ xi ħadd ieħor. |
|
3.3.3. |
Fil-prattika, l-isforz legali u maniġerjali meħtieġ biex jiġu nnegozjati liċenzji ħafna drabi jkun akbar ukoll mill-benefiċċji tal-liċenzjar tad-disinji tal-PI. Għalhekk, id-ditti tas-semikondutturi spiss użaw il-PI tagħhom fl-għamla ta’ privattivi. Il-portafolli kbar tal-privattivi jistgħu jintużaw kemm biex jillimitaw il-kompetizzjoni kif ukoll biex itejbu l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom permezz ta’ liċenzji inkroċjati. |
|
3.3.4. |
Il-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta jirreferi għal “komunitajiet tal-utenti [bi] (…) proprjetà intellettwali (PI)”; isemmi l-utenti tal-PI iżda jżomm sieket dwar id-detentur tad-drittijiet tal-PI. Imbagħad, jiddikjara li “ċ-ċentri ta’ kompetenza se jiffaċilitaw l-aċċess miftuħ, trasparenti u nondiskriminatorju għall-infrastruttura tad-disinn u l-linji pilota, u l-użu effettiv tagħhom”. |
|
3.3.5. |
Għalhekk, il-KESE jistaqsi jekk “l-aċċess nondiskriminatorju” jirreferix għall-approċċ tal-liċenzjar ta’ privattivi essenzjali għal standard b’termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji (FRAND). Jekk dan ikun il-każ, il-proposta għandha tiggarantixxi approċċ ibbilanċjat u prammatiku għal-liċenzjar b’termini FRAND, li jiffoka fuq aktar trasparenza u s-sejbien tat-triq tan-nofs li se tikkumpensa b’mod xieraq lill-innovaturi tal-UE, mentri jissodisfa l-ħtiġijiet tal-implimentaturi/tal-utenti u jagħmilha possibbli li tingħata spinta lill-innovazzjoni. |
|
3.3.6. |
L-aħħar u mhux l-inqas, il-KESE jemmen li l-PI tant hija element neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet tal-proposta li għandha tissemma b’mod espliċitu fid-dispożizzjonijiet tal-proposta u mhux biss fil-memorandum ta’ spjegazzjoni, li m’għandu l-ebda effett legalment vinkolanti. |
Brussell, il-15 ta’ Ġunju 2022.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Journal du Net. 2/11/2021.
(2) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tarReġjuni – Regolazzjoni aħjar: Ningħaqdu flimkien biex nagħmlu liġijiet aħjar, [COM(2021) 219 final].