|
29.7.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 244/13 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1114
tat-23 ta’ Lulju 2020
li tapprova emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Eurojust
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regoli ta’ Proċedura tal-Eurojust (2), kif adottati fl-20 ta’ Diċembru 2019,
Billi:
|
(1) |
Il-Kulleġġ tal-Eurojust (il-”Kulleġġ”) jista’ jemenda r-Regoli ta’ Proċedura tal-Eurojust (ir-”Regoli ta’ Proċedura”) billi jsegwi l-istess proċedura għall-adozzjoni tagħhom fuq proposta tal-Bord Eżekuttiv jew ta’ terz tal-membri tal-Kulleġġ, f’konformità mal-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) 2018/1727 u l-Artikolu 18 tar-Regoli ta’ Proċedura. Tali emendi għar-Regoli ta’ Proċedura jridu jiġu approvati mill-Kunsill permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. |
|
(2) |
L-abbozzi ta’ emendi għar-Regoli ta’ Proċedura ġew approvati, f’konformità mal-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) 2018/1727, mill-Kulleġġ fl-14 ta’ Lulju 2020. |
|
(3) |
L-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura jenħtieġ li jiġu approvati mill-Kunsill. |
|
(4) |
Id-Danimarka mhijiex marbuta bir-Regolament (UE) 2018/1727 u għalhekk mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, li timplimenta r-Regolament (UE) 2018/1727. |
|
(5) |
L-Irlanda hija marbuta bir-Regolament (UE) 2018/1727 u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, li timplimenta r-Regolament (UE) 2018/1727, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Eurojust, mehmużin ma’ din id-Deċiżjoni, huma b’dan approvati.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH
ANNESS
EMENDI GĦAR-REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-EUROJUST
IL-KULLEĠĠ TAL-EUROJUST,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 85 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI, (1) minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament dwar il-Eurojust”, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regoli ta’ Proċedura tal-Eurojust (2) approvati mill-Kunsill permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2250 tad-19 ta’ Diċembru 2019 (3) u adottati mill-Kulleġġ fl-20 ta’ Diċembru 2019, minn hawn ‘il quddiem imsejħa r-”Regoli ta’ Proċedura”, u b’mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 5 u 18 tiegħu,
Billi:
F’konformità mal-Artikolu 5(5) tar-Regolament dwar il-Eurojust u l-Artikolu 18 tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Kulleġġ jista’ jemenda r-Regoli ta’ Proċedura tal-Eurojust billi jsegwi l-istess proċedura għall-adozzjoni tagħhom fuq proposta tal-Bord Eżekuttiv jew ta’ terz tal-membri tal-Kulleġġ. Kwalunkwe emenda għandha ssir fuq il-bażi ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Kulleġġ. Fil-każ li ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil b’maġġoranza ta’ żewġ terzi, id-deċiżjoni għandha tittieħed b’maġġoranza sempliċi waqt il-laqgħa li jkun imiss tal-Kulleġġ.
L-Istati Membri, b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, ħadu għadd ta’ miżuri straordinarji ta’ prevenzjoni u trażżin. Dawk il-miżuri għamluha diffiċli ħafna jew impossibbli għall-membri tal-Kulleġġ li jkunu fiżikament preżenti fil-laqgħat tal-Kulleġġ li jsiru fil-bini tal-Eurojust jew fi kwalunkwe post alternattiv. Dan, min-naħa tiegħu, għamilha diffiċli biex jintlaħaq il-kworum meħtieġ mill-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura u biex il-Kulleġġ ikollu laqgħat formali u jiżgura t-teħid tad-deċiżjonijiet.
Issa jeħtieġ li r-Regoli ta’ Proċedura jippermettu li l-Kulleġġ jorganizza laqgħat bl-użu ta’ mezzi tekniċi, inkluż permezz ta’ vidjokonferenza, meta avvenimenti jew ċirkostanzi straordinarji li mhumiex fil-kontroll tal-membri tal-Kulleġġ ma jħallux lill-Kulleġġ jiltaqa’ skont ir-rekwiżiti tal-Artikoli 2, 3, 5(2) u 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operat istituzzjonali.
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Emendi għar-Regoli ta’ Proċedura
L-Artikolu 2 tar-Regoli ta’ Proċedura huwa b’dan emendat kif ġej:
|
|
Jiżdied paragrafu (13) ġdid: “F’konformità mar-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5(2) ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, il-laqgħat tal-Kulleġġ għall-elezzjoni tal-President jistgħu jiġu organizzati bl-użu ta’ mezzi tekniċi, inkluż permezz ta’ vidjokonferenza. Dawn il-mezzi tekniċi għandhom jippermettu l-vot elettroniku anonimu minn membri tal-Kulleġġ biex tiġi ssalvagwardjata l-kunfidenzjalità u l-verifika tal-parteċipazzjoni tagħhom f’dak il-proċess. Id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-artikolu japplikaw għal dawn il-laqgħat mutatis mutandis ”. |
L-Artikolu 3 tar-Regoli ta’ Proċedura huwa b’dan emendat kif ġej:
|
|
Il-paragrafu 3 jinbidel kif ġej: “Il-proċedura għall-elezzjoni tal-President fl-Artikolu 2(3) sa (13) ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għandha tapplika mutatis mutandis għall-elezzjoni tal-Viċi Presidenti mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu.” |
L-Artikolu 5 tar-Regoli ta’ Proċedura huwa b’dan emendat kif ġej:
|
|
F’paragrafu 2, għandu jiżdied it-tieni paragrafu li ġej: “Fil-każ ta’ avvenimenti jew ċirkostanzi straordinarji li mhumiex fil-kontroll tal-membri tal-Kulleġġ (force majeure) u meta l-Kulleġġ ma jkunx jista’ jiltaqa’ skont ir-rekwiżiti ta’ dan il-paragrafu tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Kulleġġ jista’ jiddeċiedi, f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, li jorganizza l-laqgħat tiegħu bl-użu ta’ mezzi tekniċi, inkluż permezz ta’ vidjokonferenza. Deċiżjoni tal-Kulleġġ għandha tiddetermina t-tul ta’ żmien ta’ din il-miżura. Dik id-deċiżjoni tal-Kulleġġ tista’ tiġġedded sakemm jippersistu l-avvenimenti jew iċ-ċirkostanzi straordinarji (force majeure). Dawn il-laqgħat tal-Kulleġġ jistgħu jiġu organizzati sakemm il-mezzi tekniċi disponibbli jippermettu li l-membri tal-Kulleġġ jiġu identifikati u jipparteċipaw fid-diskussjonijiet u tiġi żgurata l-kolleġġjalità tad-deliberazzjonijiet. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 6 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura japplikaw għal dawn il-laqgħat mutatis mutandis.” |
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u pubblikazzjoni
Dawn l-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Eurojust għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħhom.
Dawn l-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.