28.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 463/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/2277

tal-11 ta’ Novembru 2021

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook (1) (“il-Ftehim”), li ġie konkluż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/418 (2) u daħal fis-seħħ fl-10 ta’ Mejju 2017. Il-Ftehim u l-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tiegħu (‘il-Protokoll attwali’) ġew applikati b’mod proviżorju sa mill-14 ta’ Ottubru 2016 (3).

(2)

Fis-7 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Gvern tal-Gżejjer Cook għall-konklużjoni ta’ Protokoll ġdid dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim (‘il-Protokoll’).

(3)

Sakemm jiġu ffinalizzati n-negozjati, il-Protokoll attwali ġie estiż għal sena (4), u għandu jiskadi fit-13 ta’ Novembru 2021.

(4)

Dawk in-negozjati ntemmu b’suċċess u l-Protokoll ġie inizjalat fit-28 ta’ Lulju 2021.

(5)

Il-Protokoll għandu l-għan li jippermetti lill-Unjoni u lill-Gvern tal-Gżejjer Cook ikomplu jaħdmu flimkien biex jippromwovu politika tas-sajd sostenibbli u l-użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook, f’konformità mal-objettiv tal-konservazzjoni tar-riżorsi bioloġiċi tal-baħar rikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni, u li jippermetti lill-bastimenti tal-Unjoni jistadu f’dawk l-ilmijiet.

(6)

Minħabba l-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook u minħabba l-ħtieġa li jiġi evitat li dawk l-attivitajiet jiġu interrotti mill-iskadenza tal-Protokoll attwali, jenħtieġ li l-Protokoll jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli.

(7)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Protokoll jiġi ffirmat u jiġi applikat fuq bażi proviżorja sa mid-data tal-iffirmar tiegħu, sakemm titlesta l-proċedura meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

(8)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u ta opinjoni fit-3 ta’ Novembru 2021,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook (“il-Protokoll”) huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll (6).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-Protokoll għandu japplika fuq bażi proviżorja sa mid-data tal-iffirmar tiegħu (7), sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

Z. POČIVALŠEK


(1)   ĠU L 131, 20.5.2016, p. 3.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/418 tat-28 ta’ Frar 2017 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu (ĠU L 64, 10.3.2017, p. 1).

(3)   ĠU L 289, 25.10.2016, p. 1.

(4)   ĠU L 395, 25.11.2020, p. 1.

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(6)  Ara paġna 3 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(7)  Id-data minn meta l-Protokoll ser jiġi applikat b’mod proviżorju ser tiġi ppublikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.