Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - PARTI III - POLITIKA U FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI - TITOLU III - POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI - KAPITOLU I - SUQ INTERN - Sezzjoni 7 - Disposizzjonijiet komuni - Artikolu III-172
Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0073 - 0075
Artikolu III-172 1. Minbarra fejn hu previst mod ieħor fil-Kostituzzjoni, dan l-Artikolu għandu japplika biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu III-130. Liġi jew liġi kwadru Ewropea għandha tistabbilixxi miżuri għall-approssimazzjoni tad-disposizzjonjiet stabbiliti b'liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. Din il-liġi għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali. 2. Il-paragrafu 1 m'għandux japplika għal disposizzjonijiet fiskali, għal dawk dwar il-moviment liberu ta' persuni jew għal dawk dwar id-drittijiet u l-interessi ta' persuni impjegati. 3. Il-Kummissjoni, fil-proposti tagħha sottomessi taħt il-paragrafu 1 li jikkonċernaw is-saħħa, s-sigurtà, il-protezzjoni ambjentali u l-protezzjoni tal-konsumatur, għandha tieħu bħala l-bażi tagħha livell għoli ta' protezzjoni, b'mod partikolari b'kont meħud ta' kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi. Fil-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ukoll ifittxu li jilħqu dan il-għan. 4. Jekk, wara l-adozzjoni ta' miżura ta' armonizzazzjoni permezz ta' liġi jew liġi kwadru Ewropea jew permezz ta' regolament Ewropew tal-Kummissjoni, Stat Membru jqis li hu meħtieġ li jżomm fis-seħħ disposizzjonijiet nazzjonali ġustifikati b'esiġenzi importanti previsti fl-Artikolu III-154, jew li jirrelataw għall-protezzjoni ta' l-ambjent jew l-ambjent tax-xogħol, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b'dawn id-disposizzjonijiet kif ukoll bir-raġunijiet li għalihom għandhom jinżammu. 5. Barra minn hekk, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, jekk, wara l-adozzjoni ta' miżura ta' armonizzazzjoni permezz ta' liġi jew liġi kwadru Ewropea jew permezz ta' regolament tal-Kummissjoni, Stat Membru jqis li jeħtieġ idaħħal disposizzjonijiet nazzjonali bbażati fuq evidenza xjentifika ġdida dwar il-protezzjoni ta' l-ambjent jew l-ambjent tax-xogħol minħabba problema speċifika għal dak l-Istat Membru li toriġina wara l-adozzjoni tal-miżura ta' armonizzazzjoni, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bid-disposizzjonijiet previsti u r-raġunijiet għalihom. 6. Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur min-notifiki previsti fil-paragrafi 4 u 5, tadotta deċiżjoni Ewropea li tapprova jew tirrifjuta d-disposizzjonijiet nazzjonali involuti wara li tkun ivverifikat jekk humiex mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni mmaskrata kontra l-kummerċ bejn Stati Membri jew le u jekk jikkostitwux xkiel għall-funzjonament tas-suq intern jew le. Fin-nuqqas ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni f'dan it-terminu ta' żmien, id-disposizzjonijiet nazzjonali previsti fil-paragrafi 4 u 5 għandhom jitqiesu li ġew approvati. Meta ġustifikat mill-komplessità tal-kwistjoni u fin-nuqqas ta' perikolu għas-saħħa tal-bniedem il-Kummissjoni tista' tavża l-Istat Membru konċernat li t-terminu ta' żmien previst f'dan il-paragrafu huwa mġedded għal perijodu ieħor ta' mhux iżjed minn sitt xhur. 7. Meta, skond il-paragrafu 6, Stat Membru huwa awtorizzat iżomm fis-seħħ jew idaħħal disposizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw minn miżura ta' armonizzazzjoni, l-Kummissjoni għandha immedjatament teżamina jekk tipproponix adattament għal dik il-miżura. 8. Meta Stat Membru jqajjem problema speċifika dwar is-saħħa pubblika f'qasam li kien is-suġgett ta' miżuri ta' armonizzazzjoni preċedenti, għandu jressaqha għall-attenzjoni tal-Kummissjoni li għandha immedjatament teżamina jekk tipproponix miżuri xierqa. 9. B'deroga mill-proċedura stabbilita fl-Artikoli III-360 u III-361, il-Kummissjoni u kull Stat Membru jistgħu jressqu l-kwistjoni direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea jekk jikkunsidraw li Stat Membru ieħor qed jabbuża mill-poteri previsti f'dan l-Artikolu. 10. Il-miżuri ta' armonizzazzjoni previsti f'dan l-Artikolu għandhom, f'każijiet xierqa, jinkludu klawżola ta' salvagwardja li tawtorizza lill-Istati Membri li jieħdu, għal raġuni/jiet mhux ekonomiċi previsti fl-Artikolu III-154, miżuri provviżorji soġġetti għal proċedura ta' kontroll ta' l-Unjoni. --------------------------------------------------