|
22.4.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 106/14 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/722
tal-20 ta' April 2017
dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ttieħdet min-Netherlands dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali VectoMaxFG b'konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2017) 2436)
(It-test bin-Netherlandiż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fit-13 ta' Settembru 2016, in-Netherlands adottaw deċiżjoni b'konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 biex sal-1 ta' Novembru 2016 jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali VectoMaxFG għall-kontroll, minn operaturi ċċertifikati, tal-larvi mill-ispeċijiet eżotiċi invażivi ta' nemus Aedes albopictus u Aedes japonicus (“l-azzjoni”). |
|
(2) |
Il-VectoMaxFG fih il-Bacillus thuringiensis tas-sottospeċi israelensis tas-serotip H14 u tar-razza AM65-52 u l-Bacillus sphaericus tas-sottospeċi 2362 tar-razza ABTS-1743 bħala sustanzi attivi għall-użu fil-prodott tat-tip 18 kif deskritt fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
|
(3) |
Fil-5 ta' Diċembru 2016, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata min-Netherlands b'konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 biex testendi l-azzjoni. |
|
(4) |
Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/714 (2) qabel kienet tippermetti lin-Netherlands biex jestendu l-azzjoni temporanja dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' żewġ prodotti bijoċidali oħra, il-VectoBacWG u l-Aqua-K-Othrine. Dik id-deċiżjoni rrikonoxxiet li fin-Netherlands ma kien disponibbli l-ebda prodott alternattiv xieraq għall-kontroll tan-nemus vettur tal-mard. |
|
(5) |
Skont l-informazzjoni pprovduta min-Netherlands, il-miżura koperta bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/714 kienet meħtieġa għall-ħarsien tas-saħħa pubblika billi dan in-nemus, li fin-Netherlands jinstab fl-istabbilimenti tal-kumpaniji tal-bejgħ tat-tajers, fiċ-ċimiterji u fil-ġonna, jista' jġorr mard tropikali bħad-dengue u ċ-chikungunya. Fl-2016 in-Netherlands wettqu monitoraġġ ulterjuri fejn ġiet żvelata l-preżenza ta' nemus anki f'kumpanija tar-riċiklaġġ tat-trakkijiet u f'żona residenzjali. |
|
(6) |
In-Netherlands iddikjaraw li l-prodotti koperti mid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/714 mhumiex biżżejjed biex jikkontrollaw il-larvi tan-nemus f'żoni fejn in-nemus jista' jikber u fejn hija meħtieġa effettività residwali aktar dejjiema. Jenħtieġ kontroll xieraq f'dawn iż-żoni biex jiġi evitat it-tħassib dwar is-saħħa pubblika msemmi hawn fuq, billi l-bajd u l-larvi jistgħu jimxu lejn postijiet oħra. Għaldaqstant, it-talba msemmija fil-premessa 3 kienet ibbażata fuq l-argument li l-applikazzjoni tal-VectoMaxFG, li huwa formulazzjoni granulata, f'taħlita mal-VectoBacWG hija essenzjali sabiex jiġi miġġieled b'mod effettiv l-iżvilupp tal-larvi tan-nemus. |
|
(7) |
Billi n-nuqqas ta' kontroll xieraq tal-larvi tan-nemus li ma jistgħux jiġu mrażżna b'mezzi oħrajn jista' jwassal għal periklu għas-saħħa pubblika, huwa xieraq li n-Netherlands jitħallew jestendu l-azzjoni taħt ċerti kundizzjonijiet. |
|
(8) |
Il-miżura stipulata f'din id-Deċiżjoni hija b'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
In-Netherlands jistgħu jestendu għal perjodu totali li ma jaqbiżx 550 jum l-azzjoni biex jitqiegħed fis-suq u jintuża l-prodott bijoċidali VectoMaxFG għall-kontroll tan-nemus vettur tal-mard minn operaturi ċċertifikati u taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta' April 2017.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.
(2) Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/714 tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ħadu n-Netherlands dwar id-disponibbiltà fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali VectoBacWG u Aqua-K-Othrine skont l-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 125, 13.5.2016, p. 14).