European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3115

16.12.2024

REGOLAMENT (UE) 2024/3115 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-27 ta’ Novembru 2024

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/2031 fir-rigward ta’ programmi ta’ stħarriġ pluriennali, notifiki li jikkonċernaw il-preżenza ta’ pesti regolati mhux ta’ kwarantina, derogi temporanji mill-projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni u mir-rekwiżiti speċjali ta’ importazzjoni u l-istabbiliment ta’ proċeduri għall-għoti tagħhom, rekwiżiti temporanji għall-importazzjoni għal pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli, l-istabbiliment ta’ proċeduri għall-elenkar ta’ pjanti ta’ riskju għoli, il-kontenut taċ-ċertifikati fitosanitarji u l-użu ta’ passaporti tal-pjanti, u fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rappurtar għal żoni ddemarkati u stħarriġiet ta’ pesti u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/625 fir-rigward ta’ ċerti notifiki ta’ nuqqas ta’ konformità

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Hemm bżonn ċarezza, trasparenza u koerenza msaħħa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), peress li pjanti f’saħħithom huma vitali għall-produzzjoni agrikola u ortikola sostenibbli u jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ikel u għas-sikurezza tal-ikel u għall-protezzjoni tal-ambjent kontra l-pesti.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2016/2031 jistabbilixxi regoli dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti. Dawk ir-regoli jinkludu l-klassifikazzjoni u l-elenkar ta’ pesti regolati, ir-rekwiżiti li jikkonċernaw l-introduzzjoni u l-moviment fit-territorju tal-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra, stħarriġiet, notifiki ta’ tifqigħat, miżuri għall-qerda tal-pesti jekk jinstabu preżenti fit-territorju tal-Unjoni u ċertifikazzjoni.

(3)

Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2016/2031 fih għadd ta’ rekwiżiti ta’ rappurtar fl-oqsma tal-istabbiliment ta’ żoni ddemarkati u tal-istħarriġiet ta’ pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni, pesti ta’ prijorità u pesti ta’ kwarantina f’żoni protetti. Dawk ir-rekwiżiti ta’ rappurtar għandhom rwol fundamentali biex jiġu żgurati monitoraġġ xieraq u infurzar korrett tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, huwa importanti li dawk ir-rekwiżiti jiġu razzjonalizzati u ssimplifikati f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu 2023 bit-titolu “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” u li jiġu promossi proċeduri armonizzati, standardizzati u diġitalizzati sabiex jiġi żgurat li dawk ir-rekwiżiti jissodisfaw l-għan li għalih kienu maħsuba u biex titnaqqas il-burokrazija filwaqt li jiġi limitat il-piż amministrattiv u finanzjarju.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 18(6) tar-Regolament (UE) 2016/2031, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, dwar l-għadd u l-postijiet taż-żoni ddemarkati stabbiliti, il-pesti kkonċernati u l-miżuri rispettivi meħuda matul is-sena kalendarja preċedenti.

(5)

L-esperjenza mill-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 uriet li huwa aktar effettiv, għall-fini ta’ koordinazzjoni tal-politika fitosanitarja fil-livell tal-Unjoni, li ż-żoni ddemarkati jiġu nnotifikati immedjatament wara l-istabbiliment tagħhom. In-notifika immedjata taż-żoni ddemarkati minn Stat Membru tgħin lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-operaturi professjonisti biex isiru konxji dwar il-preżenza u t-tixrid tal-pest ikkonċernat u biex tittieħed deċiżjoni dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Għalhekk, fl-Artikolu 18(6) tar-Regolament (UE) 2016/2031, huwa xieraq li jiġi inkluż obbligu għall-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar iż-żoni ddemarkati immedjatament wara l-istabbiliment tagħhom, flimkien mal-pesti kkonċernati u l-miżuri rispettivi meħuda. Tali obbligu ma jżid l-ebda piż amministrattiv ġdid, minħabba li huwa diġà stabbilit fl-Anness I, il-punt 7.1, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 (4) u applikat mill-Istati Membri kollha. L-istabbiliment ta’ dak l-obbligu fl-Artikolu 18(6) tar-Regolament (UE) 2016/2031 ikompli jtejjeb iċ-ċarezza dwar ir-regoli applikabbli li jikkonċernaw iż-żoni ddemarkati, bil-fehim li filwaqt li l-obbligu korrispondenti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715 għandu jitneħħa biex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati.

(6)

Barra minn hekk, u kif uriet l-esperjenza mill-applikazzjoni tal-Artikolu 18(6) tar-Regolament (UE) 2016/2031, l-obbligu għall-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, dwar l-għadd u l-postijiet taż-żoni ddemarkati stabbiliti, il-pesti kkonċernati, u l-miżuri rispettivi meħuda matul is-sena kalendarja preċedenti iżid biss piż amministrattiv u ma għandu l-ebda valur prattiku, fid-dawl tal-obbligu ta’ notifika immedjata taż-żoni ddemarkati. Id-dispożizzjoni korrispondenti għalhekk jenħtieġ li titneħħa minn dak l-Artikolu.

(7)

Sabiex jiġu razzjonalizzati l-obbligi ta’ rappurtar u sabiex tissaħħaħ id-diġitalizzazzjoni tar-rappurtar, jenħtieġ li n-notifika immedjata taż-żoni ddemarkati ssir permezz tas-sistema elettronika ta’ notifika msemmija fl-Artikolu 103 tar-Regolament (UE) 2016/2031. Għal raġunijiet ta’ konsistenza, in-notifiki wara li tinstab il-preżenza tal-pest ikkonċernat fiż-żona ta’ lqugħ imsemmija fl-Artikolu 19(2) u t-tneħħija taż-żoni ddemarkati msemmija fl-Artikolu 19(4) ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li jsiru wkoll permezz ta’ dik is-sistema elettronika ta’ notifika.

(8)

L-esperjenza wriet li f’ċerti okkażjonijiet Stati Membri jeħtieġu l-assistenza ta’ esperti biex jippermettu li tittieħed azzjoni rapida kontra tifqigħat ġodda ta’ pesti partikolari fit-territorji tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li jinħoloq Tim tal-Unjoni għall-Emerġenzi Fitosanitarji (“it-Tim”), bl-għan li jipprovdi lill-Istati Membri, fuq talba tagħhom, assistenza urġenti fir-rigward tal-miżuri li għandhom jittieħdu skont l-Artikoli 10 sa 19, 27 u 28 tar-Regolament (UE) 2016/2031 li jikkonċernaw il-pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni, u tal-miżuri li għandhom jittieħdu skont l-Artikolu 30 ta’ dak ir-Regolament. Sabiex it-territorju tal-Unjoni jkun protett minn tifqigħat possibbli f’pajjiżi terzi konfinanti mat-territorju tal-Unjoni jew li jippreżentaw riskju fitosanitarju imminenti għal dak it-territorju, it-Tim jista’ jkun disponibbli wkoll li jipprovdi lill-pajjiżi terzi assistenza urġenti, fuq talba ta’ Stat Membru wieħed jew aktar u tal-pajjiż terz ikkonċernat, fir-rigward tat-tifqigħat fit-territorji tagħhom ta’ pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni u pesti soġġetti għall-miżuri adottati skont l-Artikolu 30 ta’ dak ir-Regolament.

(9)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tat-Tim, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jikkonċernaw il-ħatra, il-kompożizzjoni u l-finanzjament tiegħu mill-Kummissjoni. Sabiex jiġu żgurati koordinazzjoni u effiċjenza aħjar, jenħtieġ li l-membri tat-Tim jinħatru mill-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri jew mal-pajjiżi terzi kkonċernati, minn esperti proposti mill-Istati Membri, u dawk l-esperti jenħtieġ li jkollhom speċjalitajiet differenti relatati mas-saħħa tal-pjanti.

(10)

F’konformità mal-Artikolu 22(3), mal-Artikolu 24(2) u mal-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jirrappurtaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, r-riżultati tal-istħarriġiet li jkunu twettqu fis-sena kalendarja preċedenti li jikkonċernaw il-preżenza ta’ ċerti pesti fit-territorju tal-Unjoni, jiġifieri ta’ pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni, pesti soġġetti għall-miżuri adottati skont l-Artikoli 29 u 30 ta’ dak ir-Regolament, pesti ta’ prijorità u pesti ta’ kwarantina f’żoni protetti. Barra minn hekk, l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031 jipprevedi li l-Istati Membri, fuq talba, għandhom jinnotifikaw il-programmi ta’ stħarriġ pluriennali tagħhom malli dawn jiġu stabbiliti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. Sabiex jiġu razzjonalizzati l-obbligi ta’ rappurtar u sabiex tissaħħaħ id-diġitalizzazzjoni tar-rappurtar, jenħtieġ li l-Artikoli kkonċernati jiġu emendati billi jispeċifikaw li dawk in-notifiki għandhom jiġu ppreżentati permezz tas-sistema elettronika ta’ notifika msemmija fl-Artikolu 103 ta’ dak ir-Regolament.

(11)

F’konformità mal-Artikolu 23(1), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2016/2031, il-programmi ta’ stħarriġ pluriennali għandhom jiġu stabbiliti għal perijodu ta’ bejn 5 u 7 snin. Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-implimentazzjoni tal-programmi ta’ stħarriġ pluriennali u jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet kompetenti, dak il-perijodu jenħtieġ li jiġi estiż għal 10 snin, u jenħtieġ li dawk il-programmi jkunu soġġetti għal rieżami u aġġornament.

(12)

L-Artikolu 30(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2016/2031 jistabbilixxi li, meta l-Kummissjoni tikkonkludi li pest jissodisfa l-kriterji fir-rigward ta’ pesti mhux elenkati bħala pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni, stabbiliti fis-Subtaqsima 2 tat-Taqsima 3 tal-Anness I, ta’ dak ir-Regolament, hija għandha l-obbligu li immedjatament, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta miżuri għal żmien limitat fir-rigward tar-riskji ppreżentati minn dak il-pest.

(13)

Matul l-implimentazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni, ċerti Stati Membri esprimew id-dubji tagħhom dwar l-ambitu preċiż tat-terminu “miżuri”, u b’mod partikolari jekk ikoprix azzjonijiet meħuda fil-kuntest ta’ importazzjonijiet jew moviment intern ta’ merkanzija, sabiex jiġi pprevenut id-dħul u t-tixrid tal-pest ikkonċernat fit-territorju tal-Unjoni. Għalhekk, u għal raġunijiet ta’ ċarezza u kompletezza legali, l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 jenħtieġ li jiġi emendat biex jindika b’mod speċifiku li dawk il-miżuri jistgħu jinkludu l-projbizzjoni li l-pest ikkonċernat jiġi introdott, imċaqlaq ġewwa, jew jinżamm, jiġi mmultiplikat jew rilaxxat fit-territorju tal-Unjoni, u r-rekwiżiti li jikkonċernaw l-introduzzjoni u l-moviment fit-territorju tal-Unjoni ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra. Madankollu, skont l-Artikoli 8 u 48 ta’ dak ir-Regolament, jibqa’ possibbli li jingħataw derogi minn dawk il-projbizzjonijiet meta meħtieġ, pereżempju għal attivitajiet rilevanti ta’ riċerka jew ta’ tnissil fir-rigward ta’ reżistenzi jew tolleranzi.

(14)

L-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) 2016/2031 jistabbilixxi r-rekwiżit biex tiġi pprevenuta l-preżenza ta’ pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni fuq pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra. Il-paragrafu 4 ta’ dak l-Artikolu jipprevedi li, fil-każ ta’ introduzzjoni jew moviment fit-territorju tal-Unjoni ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti jew ta’ oġġetti oħra, bi ksur tal-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa, kif imsemmija fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar kontrolli uffiċjali, u jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra permezz tas-sistema elettronika ta’ notifika msemmija fl-Artikolu 103 ta’ dak ir-Regolament.

(15)

Madankollu, ma hemm l-ebda rekwiżit biex jiġi nnotifikat in-nuqqas ta’ konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2016/2031, li jikkonċerna miżuri li jipprevjenu l-preżenza ta’ pesti regolati mhux ta’ kwarantina (“RNQPs”) fuq pjanti għat-tħawwil ogħla mil-limiti speċifikati f’każ ta’ introduzzjoni jew moviment fit-territorju tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dak l-Artikolu jiġi emendat billi jipprevedi li, f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti dwar l-RNQPs, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa u li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri l-oħra u lill-pajjiż terz ikkonċernat permezz tas-sistema elettronika ta’ notifika msemmija fl-Artikolu 103 ta’ dak ir-Regolament.

(16)

Konsegwentement, l-Artikolu 104 tar-Regolament (UE) 2016/2031, li jikkonċerna n-notifiki fil-każ ta’ preżenza ta’ pesti, jenħtieġ li jinkludi wkoll referenza għall-Artikolu 37(10) ta’ dak ir-Regolament.

(17)

Jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) biex jiġi supplimentat ir-Regolament (UE) 2016/2031 billi jistabbilixxu l-proċedura għat-twettiq tal-elenkar ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli skont l-Artikolu 42 (1) ta’ dak ir-Regolament. Dik il-proċedura jenħtieġ li tinkludi l-elementi li ġejjin: it-tħejjija tal-evidenza għall-valutazzjoni tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra ta’ riskju għoli; l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu wara l-wasla ta’ dik l-evidenza; il-proċeduri għal dik il-valutazzjoni; u t-trattament tad-dossiers li jikkonċernaw il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data. Dan huwa meħtieġ minħabba li l-esperjenza wriet li proċedura speċifikata biex jitwettaq l-elenkar ta’ pjanti ta’ riskju għoli tista’ tiżgura t-trasparenza u l-konsistenza għall-Istati Membri, għall-pajjiżi terzi u għall-operaturi professjonisti kkonċernati. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (5). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(18)

F’ċerti każijiet, huwa xieraq li tiġi permessa l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra, minn ċerti pajjiżi terzi, b’deroga mill-projbizzjoni stabbilita skont l-Artikolu 40(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 jew mir-rekwiżiti speċjali u ekwivalenti stabbiliti mill-att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 41(2) tiegħu. Il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra kkonċernati huma bħalissa elenkati fl-Annessi VI u VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 (6). Tali każijiet huma dawk meta il-Kummissjoni tkun irċeviet evidenza li tiġġustifika l-adozzjoni ta’ derogi temporanji b’rekwiżiti ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) 2016/2031, jew aktar stretti minnhom, jew meta pajjiż terz ikun għamel talba għal deroga u jkun ipprovda garanziji bil-miktub li l-miżuri li jkun qed japplika fit-territorju tiegħu huma effettivi fit-tnaqqis tar-riskju rilevanti minn dawk il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra, u li valutazzjoni tkun uriet li r-riskju għat-territorju tal-Unjoni jista’ jitnaqqas għal livell aċċettabbli bl-applikazzjoni ta’ ċerti miżuri temporanji stabbiliti fil-punti 2 u 3 tat-Taqsima 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/2031.

(19)

Għall-finijiet ta’ ċarezza, konsistenza u trasparenza, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jipprevedu tali derogi. Għal raġunijiet ta’ kompletezza, dawk l-atti jenħtieġ li jistabbilixxu wkoll il-miżuri temporanji u proporzjonati li huma meħtieġa biex ir-riskju fitosanitarju kkonċernat jitnaqqas għal livell aċċettabbli. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(20)

Sabiex jiġi żgurat ir-rieżami f’waqtu tagħhom, jenħtieġ li l-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ dawk l-atti ta’ implimentazzjoni kollha ma jkunx itwal minn ħames snin. F’każijiet eċċezzjonali, jekk ikun ġustifikat abbażi ta’ valutazzjoni aġġornata, jenħtieġ li jkun possibbli li dak il-perijodu jiġġedded, u li d-deroga kkonċernata tkun soġġetta għar-rekwiżiti emendati, sabiex jiġi indirizzat kwalunkwe riskju fitosanitarju.

(21)

Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-TFUE biex jiġi supplimentat ir-Regolament (UE) 2016/2031 b’elementi li jikkonċernaw il-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jingħataw derogi temporanji mill-Artikolu 40(2) u l-Artikolu 41(2) ta’ dak ir-Regolament. Dan huwa meħtieġ minħabba li l-esperjenza mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 uriet li hija meħtieġa proċedura standardizzata għall-għoti ta’ tali derogi temporanji biex tiġi żgurata t-trasparenza u l-konsistenza għall-Istati Membri, għall-pajjiżi terzi u għall-operaturi professjonisti kkonċernati.

(22)

F’konformità mal-Artikolu 42(4) tar-Regolament (UE) 2016/2031, pjanta, prodott mill-pjanti jew oġġett ieħor għandu jitneħħa mil-lista ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli, jekk, abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju jiġi konkluż li l-introduzzjoni tagħhom fit-territorju tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għal projbizzjoni, rekwiżiti speċjali jew l-ebda rekwiżit. Madankollu, l-esperjenza mill-applikazzjoni ta’ dak l-Artikolu wriet li f’ċerti każijiet l-introduzzjoni ta’ dawk il-prodotti bażiċi fit-territorju tal-Unjoni tista’ tkun soġġetta għal miżuri speċjali li jnaqqsu r-riskju fitosanitarju kkonċernat għal livell aċċettabbli, filwaqt li għadha ma saritx valutazzjoni sħiħa għal uħud mill-pesti rilevanti. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tneħħi pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra mil-lista ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli adottata skont l-Artikolu 42(3) tar-Regolament (UE) 2016/2031, jekk dawn jippreżentaw riskju fitosanitarju li ma jkunx għadu ġie vvalutat bis-sħiħ u ma jkun għadu ġie adottat l-ebda att ta’ implimentazzjoni għalihom skont l-Artikolu 42(4) ta’ dak ir-Regolament. Sabiex kwalunkwe riskju fitosanitarju jitnaqqas għal livell aċċettabbli, jenħtieġ li l-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont dawk is-setgħat jistabbilixxu miżuri temporanji li jikkonċernaw l-introduzzjoni ta’ dawk il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra fit-territorju tal-Unjoni, li jenħtieġ li jkunu limiti għal perijodu ta’ żmien xieraq u raġonevoli meħtieġ biex titwettaq valutazzjoni sħiħa. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(23)

F’konformità mal-Artikolu 44(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/2031, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tistabbilixxi rekwiżiti ekwivalenti, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, fuq talba ta’ pajjiż terz partikolari, jekk il-pajjiż terz ikkonċernat jiżgura, permezz tal-applikazzjoni taħt il-kontroll uffiċjali tiegħu ta’ miżura speċifika waħda jew aktar, livell ta’ protezzjoni fitosanitarja li jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti speċjali fir-rigward tal-moviment fit-territorju tal-Unjoni tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra kkonċernati.

(24)

L-esperjenza mill-implimentazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni wriet li l-istabbiliment ta’ rekwiżiti ekwivalenti biss għar-rekwiżiti speċjali fir-rigward tal-moviment ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra fit-territorju tal-Unjoni la huwa adegwat u lanqas possibbli fil-każ li tali rekwiżiti għall-moviment ma jeżistux. Dan huwa ħafna drabi l-każ meta regoli tal-Unjoni jikkonċernaw pesti li huma preżenti biss f’pajjiżi terzi u mhux fit-territorju tal-Unjoni u meta ġew adottati biss rekwiżiti għall-introduzzjoni ta’ prodotti bażiċi fit-territorju tal-Unjoni.

(25)

Għal dik ir-raġuni, il-livell mitlub ta’ protezzjoni fitosanitarja min-naħa tal-pajjiż terz ikkonċernat jenħtieġ li jkun ekwivalenti wkoll għar-rekwiżiti speċjali applikabbli fir-rigward tal-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra kkonċernati, mill-pajjiżi terzi kollha jew minn ċerti pajjiżi terzi.

(26)

F’konformità mal-Artikolu 71(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031, iċ-ċertifikat fitosanitarju għandu jispeċifika taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali” liema rekwiżit speċifiku huwa ssodisfat, kull meta l-att ta’ implimentazzjoni rispettiv, adottat skont l-Artikoli 28(1) u (2), l-Artikolu 30(1) u (3), l-Artikolu 37(2), l-Artikolu 41(2) u (3) u l-Artikolu 54(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament, jipprevedi diversi għażliet differenti għal tali rekwiżiti. Dik l-ispeċifikazzjoni għandha tinkludi l-formulazzjoni sħiħa tar-rekwiżit rilevanti.

(27)

Il-prattika fl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 uriet li ċ-ċertifikati fitosanitarji jenħtieġ li jindikaw ukoll referenza għar-rekwiżiti adottati skont l-Artikolu 37(4) ta’ dak ir-Regolament, jiġifieri miżuri biex tiġi pprevenuta l-preżenza ta’ RNQPs fuq il-pjanti għat-tħawwil ikkonċernati, kif imsemmija fl-Artikolu 36, il-punt (f), ta’ dak ir-Regolament, fil-każ meta d-dispożizzjoni rispettiva tipprevedi diversi għażliet differenti għal tali rekwiżiti. Dan huwa konsistenti mal-approċċ li jikkonċerna l-pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni, peress li l-Artikolu 71(2) ta’ dak ir-Regolament jirreferi għall-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 41(2) u (3) tiegħu. Dan jista’ jagħti wkoll aktar ċarezza u ċertezza lill-awtoritajiet kompetenti, lill-operaturi professjonisti u lill-pajjiżi terzi, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-RNQPs u l-pjanti għat-tħawwil ikkonċernati.

(28)

Għal dik ir-raġuni, l-Artikolu 71(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031 jenħtieġ li jinkludi referenza għall-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 37(4) tiegħu. Barra minn hekk, jenħtieġ li titneħħa r-referenza għall-Artikolu 37(2) ta’ dak ir-Regolament, peress li ma hijiex rilevanti għall-kontenut tad-Dikjarazzjoni Addizzjonali ta’ ċertifikat fitosanitarju. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li, sad-data ta’ applikazzjoni ta’ dawk l-emendi, ir-regoli dwar il-preżenza ta’ RNQPs fuq il-pjanti għat-tħawwil jiġu aġġornati billi jiġu adattati r-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072.

(29)

L-Artikolu 81(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 jipprevedi li l-ebda passaport tal-pjanti ma għandu jkun meħtieġ għall-moviment ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra fornuti direttament lil utent finali, inklużi l-ġardinara tad-dar. Madankollu, dik l-eċċezzjoni ma għandhiex tapplika għall-utenti finali li jirċievu dawk il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew oġġetti l-oħra permezz ta’ bejgħ b’kuntratti mill-bogħod.

(30)

L-esperjenza mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 uriet li, f’ċerti każijiet, ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra ma jkunux akkumpanjati minn passaport tal-pjanti, anke jekk dawn ikunu distribwiti permezz ta’ bejgħ mill-bogħod. Għalhekk, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tkun tista’ tipprevedi li l-Artikolu 81(1), il-punt (a), ma japplikax, f’ċerti kondizzjonijiet, għal pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra partikolari distribwiti permezz ta’ bejgħ mill-bogħod. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(31)

F’konformità mal-Artikolu 88 tar-Regolament (UE) 2016/2031, il-passaporti tal-pjanti għandhom jitwaħħlu mill-operaturi professjonisti kkonċernati mal-unità tan-negozjar tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra kkonċernati qabel ma jiċċaqilqu fit-territorju tal-Unjoni skont l-Artikolu 79 jew lejn jew f’żona protetta skont l-Artikolu 80 ta’ dak ir-Regolament. Meta tali pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra jkunu soġġetti għal moviment f’imballaġġ, f’sorra jew f’kontenitur, il-passaport tal-pjanti għandu jitwaħħal ma’ dak l-imballaġġ, dik is-sorra jew dak il-kontenitur.

(32)

Il-prattiki kummerċjali bbażati fuq ir-Regolament (UE) 2016/2031 urew li, f’ċerti każijiet, ma huwiex prattikament fattibbli li jitwaħħlu passaporti tal-pjanti mal-unitajiet tan-negozjar ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra partikolari minħabba d-daqs, il-forma jew karatteristiċi speċifiċi oħra tagħhom. Minflok, jenħtieġ li l-unitajiet tan-negozjar ta’ dawk il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew l-oġġetti l-oħra jitħallew jiċċaqilqu fit-territorju tal-Unjoni b’passaport tal-pjanti assoċjat magħhom b’mod ieħor minbarra t-twaħħil fiżiku. Ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2016/2031 għall-ħruġ ta’ passaporti tal-pjanti għall-pjanti, għall-prodotti mill-pjanti u għal oġġetti oħra kkonċernati jenħtieġ li jibqgħu kif inhuma.

(33)

Għalhekk, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tippermetti li ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra jiġu mċaqilqa mingħajr passaport tal-pjanti mwaħħal mal-unitajiet tan-negozjar tagħhom, minħabba li d-daqs, il-forma, il-mod tal-imballaġġ tagħhom jew karatteristiċi speċifiċi oħra jagħmlu dak it-twaħħil mhux prattiku. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li jiġu ddeterminati l-arranġamenti li jiżguraw li l-passaport tal-pjanti jibqa’ jintuża, għalkemm mhux imwaħħal, u xorta jirreferi għall-pjanti, għall-prodotti mill-pjanti u għal oġġetti oħra rispettivi. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(34)

L-Artikolu 94 tar-Regolament (UE) 2016/2031 jipprevedi li l-passaporti tal-pjanti jinħarġu fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera biex jissostitwixxu ċ-ċertifikati fitosanitarji tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti jew ta’ oġġetti oħra introdotti fit-territorju tal-Unjoni. Minflok ma joħorġu l-passaporti tal-pjanti fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, l-Istati Membri diġà jistgħu jissostitwixxu ċ-ċertifikat fitosanitarju b’kopja attestata taċ-ċertifikat fitosanitarju oriġinali biex takkumpanja l-moviment tal-pjanta, tal-prodott mill-pjanti jew ta’ oġġett ieħor sal-punt fejn jinħareġ il-passaport tal-pjanti. Sabiex jikkontribwixxu għall-proċess tad-diġitalizzazzjoni, inaqqsu l-piż amministrattiv, u jagħmlu użu ulterjuri mis-sistema elettronika ta’ notifika msemmija fl-Artikolu 103 ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li f’tali każijiet jużaw l-informazzjoni li tinsab f’dik is-sistema, dment li ċ-ċertifikat fitosanitarju elettroniku jew kopja diġitali taċ-ċertifikat fitosanitarju jkunu aċċessibbli f’dik is-sistema u jkunu disponibbli fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti. Filwaqt li jitqiesu l-garanziji mogħtija permezz tas-sistema elettronika ta’ notifika fir-rigward tal-aċċess sigur għad-dokumenti, jenħtieġ li tali possibbiltà ma tibqax limitata għat-territorju tal-Istat Membru fejn twettqu l-kontrolli fitosanitarji tal-importazzjoni. Għal raġunijiet simili, jenħtieġ li dik il-limitazzjoni għat-territorju tal-Istat Membru ma tibqax tapplika għall-użu ta’ kopji attestati.

(35)

F’konformità mal-Artikolu 99(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati li jissupplimentaw dak ir-Regolament billi jistabbilixxu l-elementi li għandhom jidhru fl-attestazzjonijiet uffiċjali speċifiċi għall-pjanti, għall-prodotti mill-pjanti jew għal oġġetti oħra, għajr il-materjal ta’ imballaġġ magħmul mill-injam, li huma meħtieġa mill-istandards internazzjonali applikabbli. Mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031, ma ġie adottat l-ebda standard internazzjonali bħal dan, u bħalissa ma hija qed issir l-ebda ħidma preparatorja minn kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali biex jiġu prodotti tali standards. B’riżultat ta’ dan, ma huwiex possibbli li jiġu adottati atti delegati u, b’konsegwenza, ma jistgħux jiġu introdotti fit-territorju tal-Unjoni l-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra b’dawk l-attestazzjonijiet uffiċjali bħala alternattivi għaċ-ċertifikati fitosanitarji.

(36)

Barra minn hekk, u f’konformità ma’ ċerti atti ta’ implimentazzjoni adottati skont id-Direttivi tal-Kunsill 77/93/KEE (8) u 2000/29/KE (9), il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra għadhom qed jiġu introdotti fit-territorju tal-Unjoni akkumpanjati minn attestazzjonijiet uffiċjali, għajr ċertifikati fitosanitarji, maħruġa f’diversi pajjiżi terzi. Dawk l-atti huma, b’mod partikolari, id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 93/365/KEE (10), 93/422/KEE (11) u 93/423/KEE (12), u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/780/UE (13). Dawk id-Deċiżjonijiet ġew adottati fl-assenza ta’ kwalunkwe standard internazzjonali rilevanti u għadhom fis-seħħ.

(37)

L-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 u tad-Deċiżjonijiet 93/365/KEE, 93/422/KEE, 93/423/KEE and 2013/780/UE tindika li l-attestazzjonijiet uffiċjali li jirreferu għalihom joffru garanziji adegwati għall-protezzjoni fitosanitarja tat-territorju tal-Unjoni, minkejja l-fatt li qatt ma kienu jeżistu standards internazzjonali rilevanti. Għal dik ir-raġuni, u sabiex jiġi żgurat l-użu kontinwu tal-attestazzjonijiet uffiċjali skont ir-Regolament (UE) 2016/2031, jenħtieġ li l-kondizzjoni li l-elementi tal-att delegat ikkonċernat ikunu meħtieġa mill-istandards internazzjonali applikabbli titneħħa mill-Artikolu 99(1) ta’ dak ir-Regolament.

(38)

F’konformità mal-Artikolu 103 tar-Regolament (UE) 2016/2031, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tistabbilixxi sistema elettronika għall-preżentazzjoni ta’ notifiki mill-Istati Membri. Sabiex jiġi żgurat li tali sistema elettronika tista’ tkun applikabbli wkoll għall-preżentazzjonijiet ta’ rapporti, bħar-rapporti tal-istħarriġiet dwar il-pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni, il-pesti ta’ prijorità, il-pesti soġġetti għall-miżuri adottati skont l-Artikoli 29 u 30 ta’ dak ir-Regolament u l-pesti ta’ kwarantina f’żoni protetti, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 103 ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li tiġi emendata sabiex tinkludi wkoll il-preżentazzjoni ta’ rapporti mill-Istati Membri. Dan huwa meħtieġ biex tiġi razzjonalizzata s-sistema ta’ rappurtar u jissaħħaħ il-proċess tad-diġitalizzazzjoni tal-miżuri fitosanitarji.

(39)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/2031 jiġi emendat kif xieraq.

(40)

Mill-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 u tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), l-esperjenza wriet li n-notifika tal-assenza taċ-ċertifikat fitosanitarju jew ta’ attestazzjonijiet uffiċjali oħra fil-każ ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra introdotti fl-Unjoni bħala parti mill-bagalji personali tal-passiġġieri jew permezz ta’ servizzi postali u maħsuba għall-konsum jew l-użu personali żżid il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet kompetenti b’mod sproporzjonat fir-rigward tar-riskju fitosanitarju kkonċernat. Għalhekk in-notifika ta’ dawk il-kunsinni, jekk ikunu soġġetti għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(2), il-punt (g), tar-Regolament (UE) 2017/625, jenħtieġ li tiġi eżentata mill-Artikolu 66(5) ta’ dak ir-Regolament jekk in-nuqqas ta’ konformità jikkonċerna l-assenza taċ-ċertifikat fitosanitarju jew attestazzjonijiet uffiċjali oħra kif imsemmija fl-Artikolu 99(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031. Madankollu, u sabiex jiġi żgurat li jkun hemm stampa ġenerali effettiva tal-oriġini u tan-natura tan-nuqqasijiet ta’ konformità f’kull Stat Membru, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jżommu rekord ta’ dawk il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità u jenħtieġ li, fuq bażi annwali, jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra b’rapport li jinkludi sommarju ta’ dawk ir-rekords. Sabiex jiġu razzjonalizzati l-obbligi ta’ rappurtar u sabiex tissaħħaħ id-diġitalizzazzjoni tar-rappurtar, dawk ir-rapporti jenħtieġ li jiġu ppreżentati permezz tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali (IMSOC) imsemmija fl-Artikolu 131 tar-Regolament (UE) 2017/625.

(41)

Sabiex il-pajjiżi terzi u l-operaturi professjonisti tagħhom ikunu jistgħu jadattaw għar-regoli l-ġodda dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati fitosanitarji li jikkonċernaw il-konformità mar-regoli rispettivi dwar l-RNQP, l-emenda tal-Artikolu 71(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031 jenħtieġ li tapplika minn 18-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2016/2031

Ir-Regolament (UE) 2016/2031 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 18(6), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar iż-żoni ddemarkati immedjatament wara l-istabbiliment tagħhom, flimkien mal-pesti kkonċernati u l-miżuri rispettivi meħudin. Dawk in-notifiki għandhom isiru permezz tas-sistema elettronika ta’ notifika msemmija fl-Artikolu 103.”

;

(2)

fl-Artikolu 19, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“8.   Is-sejba tal-preżenza ta’ pest ikkonċernat fiż-żona ta’ lqugħ imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u t-tneħħija taż-żoni ddemarkati msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu nnotifikati permezz tas-sistema elettronika ta’ notifika msemmija fl-Artikolu 103.”

;

(3)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 19a

Tim tal-Unjoni għall-Emerġenzi Fitosanitarji

1.   Għandu jinħoloq Tim tal-Unjoni għall-Emerġenzi Fitosanitarji (‘it-Tim’), magħmul minn esperti, bl-għan li jipprovdi lill-Istati Membri, fuq talba tagħhom, assistenza urġenti fir-rigward tal-miżuri li għandhom jittieħdu skont l-Artikoli 10 sa 19, 27 u 28 dwar tifqigħat ġodda ta’ pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni u pesti soġġetti għall-miżuri adottati skont l-Artikolu 30. F’każijiet ġustifikati, it-Tim jista’ jipprovdi wkoll assistenza urġenti lil pajjiżi terzi konfinanti mat-territorju tal-Unjoni jew li jippreżentaw riskju fitosanitarju imminenti għal dak it-territorju, fuq talba ta’ Stat Membru wieħed jew aktar u tal-pajjiż terz ikkonċernat, fir-rigward ta’ tifqigħat fit-territorji tagħhom ta’ pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni u pesti soġġetti għall-miżuri adottati skont l-Artikolu 30.

Għal kull każ ta’ assistenza, il-Kummissjoni għandha taħtar membri speċifiċi ta’ dak it-Tim, abbażi tal-għarfien espert tagħhom, u f’konsultazzjoni mal-Istat Membru jew mal-pajjiż terz ikkonċernat.

Dik l-assistenza tista’ tinkludi, b’mod partikolari:

(a)

assistenza xjentifika, teknika u maniġerjali fuq il-post jew mill-bogħod fir-rigward tal-qerda tal-pesti kkonċernati, tal-prevenzjoni tat-tixrid tagħhom u miżuri oħra, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz milqut minn tifqigħat ta’ pesti jew li jkollu suspett ta’ dan;

(b)

parir xjentifiku speċifiku dwar il-metodi dijanjostiċi xierqa, kif xieraq, f’koordinazzjoni mal-laboratorju ta’ referenza rilevanti tal-Unjoni Ewropea msemmi fl-Artikolu 94 tar-Regolament (UE) 2017/625 u ma’ laboratorji ta’ referenza oħra;

(c)

assistenza speċifika, kif xieraq, biex tiġi appoġġjata l-koordinazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew tal-pajjiżi terzi u ma’ dawk il-laboratorji.

Il-kontenut, il-kondizzjonijiet u t-twaqqit ta’ dik l-assistenza għandhom jiġu ddeterminati mill-Kummissjoni bi qbil mal-Istat Membru jew mal-pajjiż terz ikkonċernat u mal-Istati Membri rispettivi li jfornu l-esperti.

2.   L-Istati Membri jistgħu jippreżentaw lill-Kummissjoni l-lista ta’ esperti li jipproponu għad-deżinjazzjoni bħala membri tat-Tim u jżommuha aġġornata. F’dik l-okkażjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, għal kull wieħed mill-esperti proposti, l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-profil professjonali u l-qasam ta’ għarfien espert.

3.   Il-membri tat-Tim għandu jkollhom id-dritt għal indennizz għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tat-Tim fuq il-post u, meta applikabbli, talli jservu bħala kapijiet tat-tim jew rapporteurs fuq missjoni ta’ assistenza speċifika.

Dak l-indennizz, u r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza, għandhom jitħallsu mill-Kummissjoni f’konformità mar-regoli għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tas-sussistenza u spejjeż oħra għall-esperti.”

;

(4)

fl-Artikolu 22(3), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, ir-riżultati tal-istħarriġiet imsemmija fil-paragrafu 1, li jkunu twettqu fis-sena kalendarja preċedenti. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu informazzjoni dwar il-post fejn twettqu l-istħarriġiet, meta twettqu l-istħarriġiet, il-pesti u l-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra kkonċernati, in-numru ta’ spezzjonijiet u kampjuni li ttieħdu, u s-sejbiet ta’ kull pest ikkonċernat. Dawk ir-rapporti għandhom jiġu ppreżentati permezz tas-sistema elettronikata’ notifika msemmija fl-Artikolu 103.”

;

(5)

l-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-programmi ta’ stħarriġ pluriennali għandhom jiġu stabbiliti għal perijodu ta’ bejn 5 u 10 snin. Dawk il-programmi għandhom jiġu rieżaminati u aġġornati abbażi tar-regoli applikabbli u s-sitwazzjoni fitosanitarja tat-territorju kkonċernat.”

;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom, fuq talba tal-Kummissjoni, jinnotifikaw il-programmi ta’ stħarriġ pluriennali tagħhom lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. Dawk in-notifiki għandhom jiġu ppreżentati permezz tas-sistema elettronika ta’ notifika msemmija fl-Artikolu 103.”

;

(6)

fl-Artikolu 24, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra r-riżultati tal-istħarriġiet imsemmija fil-paragrafu 1, li jkunu twettqu fis-sena kalendarja preċedenti. Dawk ir-rapporti għandhom jiġu ppreżentati permezz tas-sistema elettronika ta’ notifika msemmija fl-Artikolu 103.”

;

(7)

fl-Artikolu 25, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-pjanijiet ta’ kontinġenza jistgħu jiġu kkombinati għal diversi pesti ta’ prijorità b’bijoloġija simili u firxa ta’ speċijiet ospitanti. F’dawk il-każijiet, il-pjan ta’ kontinġenza għandu jkun magħmul minn parti ġenerali li tkun komuni għall-pesti ta’ prijorità kollha koperti minnu u minn partijiet speċifiċi għal kull pest ta’ prijorità kkonċernat. Bl-istess mod, l-Istati Membri jistgħu jikkooperaw biex jissinkronizzaw il-pjanijiet ta’ kontinġenza għal ċerti speċijiet, meta jkun xieraq għal speċijiet ta’ pesti ta’ prijorità b’bijoloġija simili u firxa li tikkoinċidi jew hija kontigwa ta’ speċijiet ospitanti.”

;

(8)

fl-Artikolu 30(1), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Dawk il-miżuri għandhom, meta jkun xieraq, jimplimentaw, speċifikament għal kull pest ikkonċernat, waħda jew aktar mid-dispożizzjonijiet msemmija fil-punti (a) sa (g) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(1). Dawn jistgħu jinkludu l-projbizzjoni tal-introduzzjoni tal-pest, tal-moviment tal-pest, jew taż-żamma, tat-tkattir jew tar-rilaxx tiegħu fit-territorju tal-Unjoni u r-rekwiżiti li jikkonċernaw l-introduzzjoni u l-moviment fit-territorju tal-Unjoni ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra.”

;

(9)

fl-Artikolu 34, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra r-riżultati tal-istħarriġiet imsemmija fil-paragrafu 1 li jkunu twettqu fis-sena kalendarja preċedenti. Dawk in-notifiki għandhom jiġu ppreżentati permezz tas-sistema elettronika ta’ notifika msemmija fl-Artikolu 103.”

;

(10)

fl-Artikolu 37, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“10.   F’każ li l-pjanti għat-tħawwil ikunu ġew introdotti fit-territorju tal-Unjoni, jew ġew imċaqilqa ġewwa fih, b’nuqqas ta’ konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa u għandhom jinnotifikaw dak in-nuqqas ta’ konformità u dawk il-miżuri lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra permezz tas-sistema elettronika ta’ notifika msemmija fl-Artikolu 103.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ukoll dawk il-miżuri lill-pajjiż terz li minnu l-pjanti għat-tħawwil ikunu ġew introdotti fit-territorju tal-Unjoni.”

;

(11)

fl-Artikolu 42, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat, f’konformità mal-Artikolu 105, li jissupplimenta dan ir-Regolament billi jistabbilixxi l-proċedura għat-twettiq tal-elenkar ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli.

Dak l-att delegat għandu jipprevedi l-elementi kollha li ġejjin:

(a)

it-tħejjija tal-evidenza għall-valutazzjoni tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra ta’ riskju għoli;

(b)

l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu wara l-wasla ta’ dik l-evidenza;

(c)

il-proċeduri għal dik il-valutazzjoni;

(d)

it-trattament tad-dossiers li jikkonċernaw il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data.”

;

(12)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 42a

Derogi temporanji mill-projbizzjonijiet previsti fl-Artikoli 40 u 42, u mir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 41

1.   B’deroga mill-Artikolu 40(1) u mill-Artikolu 41(1), il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta derogi temporanji mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 40(1), u mir-rekwiżiti speċjali u ekwivalenti msemmija fl-Artikolu 41(2), li jikkonċernaw l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra speċifiċi li joriġinaw minn pajjiż terz wieħed jew aktar li jippreżentaw riskju fitosanitarju li ma jkunx għadu ġie vvalutat bis-sħiħ.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom:

(a)

jistabbilixxu miżuri temporanji li jikkonċernaw l-introduzzjoni ta’ dawk il-pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra fit-territorju tal-Unjoni, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Anness II; u

(b)

jemendaw il-partijiet rilevanti tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 40(2) u fl-Artikolu 41(2) billi jdaħħlu referenza għad-deroga li tikkonċerna l-pjanta, il-prodott mill-pjanti jew oġġett ieħor ikkonċernat.

2.   Id-derogi temporanji msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu adottati biss jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

(i)

il-Kummissjoni tkun irċeviet evidenza li tiġġustifika l-adozzjoni ta’ derogi temporanji b’rekwiżiti ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-Artikolu 41, jew aktar stretti minnhom; jew

(ii)

il-pajjiż terz ikkonċernat ikun ippreżenta lill-Kummissjoni talba li jkun fiha garanziji uffiċjali bil-miktub għall-applikazzjoni fit-territorju tiegħu, qabel u fil-mument li ssir it-talba, tal-miżuri li huma meħtieġa biex jiġi indirizzat ir-riskju fitosanitarju kkonċernat; u

(b)

valutazzjoni tkun uriet li dawk il-pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra jippreżentaw riskju li jista’ jitnaqqas għal livell aċċettabbli billi jiġu applikati l-miżuri li huma meħtieġa biex jindirizzaw ir-riskju fitosanitarju kkonċernat.

3.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat, f’konformità mal-Artikolu 105, li jissupplimenta dan ir-Regolament fir-rigward tal-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jingħataw id-derogi temporanji msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dak l-att delegat għandu jipprevedi l-elementi li ġejjin tal-proċedura:

(a)

it-tħejjija, il-kontenut u l-preżentazzjoni tat-talbiet u tad-dossiers mill-pajjiżi terzi kkonċernati;

(b)

l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu wara l-wasla ta’ dawk it-talbiet u d-dossiers, inklużi, meta xieraq, il-konsultazzjoni ta’ korpi xjentifiċi jew il-kunsiderazzjoni ta’ opinjonijiet jew studji xjentifiċi;

(c)

it-trattament tat-talbiet u tad-dossiers li jikkonċernaw il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data.

4.   B’deroga mill-Artikolu 42(2), il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta derogi temporanji mill-atti msemmija fl-Artikolu 42(3), jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ir-riskju fitosanitarju tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti jew ta’ oġġetti oħra ta’ riskju għoli kkonċernati ma jkunx għadu ġie vvalutat bis-sħiħ;

(b)

valutazzjoni provviżorja tkun uriet li dawk il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra jippreżentaw riskju li jista’ jitnaqqas għal livell aċċettabbli billi jiġu applikati l-miżuri li huma meħtieġa biex jindirizzaw ir-riskju fitosanitarju kkonċernat;

(c)

ikun għadu ma ġie adottat l-ebda att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 42(4) fir-rigward tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti jew ta’ oġġetti oħra kkonċernati.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jistabbilixxu miżuri temporanji li jikkonċernaw l-introduzzjoni ta’ dawk il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra fl-Unjoni u huma meħtieġa biex ir-riskju fitosanitarju rispettiv jitnaqqas għal livell aċċettabbli.

5.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 4 għandhom jipprevedu rappurtar annwali mill-pajjiż terz ikkonċernat dwar l-applikazzjoni tal-miżuri temporanji rispettivi. Fil-każ li rapport iwassal għall-konklużjoni li r-riskju kkonċernat ma jkunx ġie indirizzat kif xieraq mill-miżuri rrappurtati, l-att li jipprevedi dawk il-miżuri għandu jitħassar jew jiġi emendat minnufih, kif meħtieġ.

6.   Il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma għandux ikun itwal minn 5 snin. Madankollu, dak il-perijodu jista’ jiġġedded, u d-deroga kkonċernata tista’ tkun soġġetta għal rekwiżiti emendati, jekk dan ikun iġġustifikat abbażi ta’ valutazzjoni aġġornata.

7.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 4 għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 107(2).”

;

(13)

fl-Artikolu 44(1), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-pajjiż terz ikkonċernat jiżgura, permezz tal-applikazzjoni taħt il-kontroll uffiċjali tiegħu ta’ miżura speċifika waħda jew aktar, livell ta’ protezzjoni fitosanitarja li jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti speċjali fir-rigward tal-introduzzjoni jew tal-moviment fit-territorju tal-Unjoni tal-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra kkonċernati minn pajjiżi terzi oħra;”

;

(14)

fl-Artikolu 71, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Iċ-ċertifikat fitosanitarju għandu jispeċifika taħt l-intestatura ‘Dikjarazzjoni Addizzjonali’ liema rekwiżit speċifiku huwa ssodisfat, kull meta l-att ta’ implimentazzjoni rispettiv adottat skont l-Artikolu 28(1) u (2), l-Artikolu 30(1) u (3), l-Artikolu 37(4), l-Artikolu 41(2) u (3) u l-Artikolu 54(2) u (3) jippermetti diversi għażliet differenti għal tali rekwiżiti. Dik l-ispeċifikazzjoni għandha tinkludi l-formulazzjoni sħiħa tar-rekwiżit rilevanti. Fil-każ ta’ kategorija waħda jew aktar ta’ pjanti għat-tħawwil, kif imsemmi fl-Artikolu 37(7) fir-rigward tal-pesti regolati mhux ta’ kwarantina fl-Unjoni, dik l-ispeċifikazzjoni għandha tinkludi l-formulazzjoni sħiħa tal-għażla applikabbli għall-kategorija kkonċernata.”

;

(15)

fl-Artikolu 81, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-każijiet fejnparagrafu 1, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu ma japplikax għal pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra partikolari distribwiti permezz ta’ bejgħ mill-bogħod. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni jistgħu jispeċifikaw kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 107(2).”

;

(16)

fl-Artikolu 88, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi dispożizzjonijiet:

(a)

li jiddeterminaw il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li, b’deroga mill-ewwel paragrafu, jistgħu jiġu mċaqilqa fl-Unjoni b’passaport tal-pjanti assoċjat magħhom b’mod ieħor minbarra t-twaħħil fiżiku, minħabba li d-daqs, il-forma jew il-mod tal-imballaġġ tagħhom jagħmilha impossibbli jew diffiċli ħafna li jitwaħħal passaport magħhom; u

(b)

li jipprevedu regoli biex jiġi żgurat li l-passaport tal-pjanti kkonċernat, għalkemm mhux imwaħħal, xorta jirreferi għall-pjanti, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra rispettivi.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 107(2).”

;

(17)

fl-Artikolu 94, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jissostitwixxu ċertifikat fitosanitarju fil-punt ta’ dħul tal-pjanta, tal-prodott mill-pjanti jew tal-oġġett l-ieħor ikkonċernat fit-territorju tal-Unjoni, permezz ta’:

(a)

kopja attestata taċ-ċertifikat fitosanitarju oriġinali;, dik il-kopja għandha tinħareġ mill-awtorità kompetenti u għandha takkumpanja l-moviment tal-pjanta, tal-prodott mill-pjanti jew tal-oġġett l-ieħor ikkonċernati biss sal-punt fejn jinħareġ il-passaport tal-pjanti; jew

(b)

tal-informazzjoni li tinsab fis-sistema elettronika ta’ notifika msemmija fl-Artikolu 103, dment li ċ-ċertifikat fitosanitarju elettroniku jew kopja diġitali taċ-ċertifikat fitosanitarju jkunu aċċessibbli f’dik is-sistema u jkunu disponibbli, fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti, matul il-moviment tal-pjanta, tal-prodott mill-pjanti jew tal-oġġett l-ieħor ikkonċernati sal-punt fejn jinħareġ il-passaport tal-pjanti.”

;

(18)

fl-Artikolu 99, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 105, li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu l-elementi li għandu jkun fihom attestazzjonijiet uffiċjali speċifiċi għal pjanti, prodotti mill-pjanti jew għal oġġetti oħra, għajr il-materjal ta’ imballaġġ magħmul mill-injam, bħala forma ta’ prova tal-implimentazzjoni tal-miżuri adottati skont l-Artikolu 28(1) jew (2), l-Artikolu 30(1) jew (3), l-Artikolu 41(2) jew (3), l-Artikolu 44, jew l-Artikolu 54(2) jew (3).”

;

(19)

fl-Artikolu 103, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema elettronika għall-preżentazzjoni ta’ notifiki u rapporti mill-Istati Membri.”

;

(20)

fl-Artikolu 104, il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi regoli speċifiċi li jikkonċernaw il-preżentazzjoni tan-notifiki msemmija fl-Artikolu 9(1) u (2), l-Artikolu 11, l-Artikolu 17(3), l-Artikolu 18(6), l-Artikolu 19(2) u (8), l-Artikolu 28(7), l-Artikolu 29(3), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 30(8), l-Artikolu 33(1), l-Artikolu 37(10), l-Artikolu 40(4), l-Artikolu 41(4), l-Artikolu 46(4), l-Artikolu 49(6), l-Artikolu 53(4), l-Artikolu 54(4), l-Artikolu 60(2), l-Artikolu 77(2) u l-Artikolu 95(5). Dawk ir-regoli għandhom jikkonċernaw wieħed jew aktar mill-elementi li ġejjin:”

;

(21)

l-Artikolu 105 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 42(1a) u fl-Artikolu 42a(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-5 ta’ Jannar 2025. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.”

;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 6(2), l-Artikolu 7, l-Artikolu 8(5), l-Artikolu 19(7), l-Artikolu 21, l-Artikolu 32(5), l-Artikolu 34(1), l-Artikolu 38, l-Artikolu 42(1a), l-Artikolu 42a(3), l-Artikolu 43(2), l-Artikolu 46(2), l-Artikolu 48(5), l-Artikolu 51, l-Artikolu 65(4), l-Artikolu 71(4), l-Artikolu 76(4), l-Artikolu 81(2), l-Artikolu 83(6), l-Artikolu 87(4), l-Artikolu 89(2), l-Artikolu 96(2), l-Artikolu 98(1), l-Artikolu 99(1), l-Artikolu 100(4), l-Artikolu 101(5) u l-Artikolu 102(6) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.”

;

(c)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 6(2), l-Artikolu 7, l-Artikolu 8(5), l-Artikolu 19(7), l-Artikolu 21, l-Artikolu 32(5), l-Artikolu 34(1), l-Artikolu 38, l-Artikolu 42(1a), l-Artikolu 42a(3), l-Artikolu 43(2), l-Artikolu 46(2), l-Artikolu 48(5), l-Artikolu 51, l-Artikolu 65(4), l-Artikolu 71(4), l-Artikolu 76(4), l-Artikolu 81(2), l-Artikolu 83(6), l-Artikolu 87(4), l-Artikolu 89(2), l-Artikolu 96(2), l-Artikolu 98(1), l-Artikolu 99(1), l-Artikolu 100(4), l-Artikolu 101(5) u l-Artikolu 102(6) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) 2017/625

Fl-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) 2017/625, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5a.   Il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra soġġetti għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(2), il-punt (g), li jidħlu fl-Unjoni bħala parti mill-bagalji personali tal-passiġġieri jew permezz ta’ servizzi postali maħsuba għall-konsum jew għall-użu personali, għandhom ikunu eżentati mill-obbligu ta’ notifika stabbilit fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, jekk in-nuqqas ta’ konformità jikkonċerna l-assenza ta’ ċertifikat fitosanitarju jew attestazzjoni uffiċjali oħra kif imsemmi fl-Artikolu 99(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu rekord ta’ dawk il-każijiet ta’ nuqqasijiet ta’ konformità u, fuq bażi annwali, għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra b’rapport li jinkludi sommarju ta’ dawk ir-rekords.

Dak ir-rapport għandu jiġi ppreżentat permezz tal-IMSOC.”.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1, il-punt (14), għandu japplika mis-6 ta’ Lulju 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-27 ta’ Novembru 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(1)   ĠU C, C/2024/1588, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1588/oj.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2024.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 tat-30 ta’ Settembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli għat-tħaddim tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali u l-komponenti tas-sistema tagħha (ir-Regolament IMSOC) (ĠU L 261, 14.10.2019, p. 37).

(5)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2016/512/oj.

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1.).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 77/93/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1976 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni fl-Istati Membri ta’ organiżmi ta’ ħsara tal-pjanti jew tal-prodotti tal-pjanti (ĠU L 26, 31.1.1977, p. 20).

(9)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/365/KEE tat-2 ta’ Ġunju 1993 li tawtorizza lill-Istati Membri jipprovdu għal derogi minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 77/93/KEE fir-rigward ta’ injam koniferu mnixxef ittrattat bis-sħana, li joriġina fil-Kanada, u li tistabbilixxi d-dettalji tas-sistema indikatriċi li għandha tiġi applikata għall-injam ittrattat bis-sħana (ĠU L 151, 23.6.1993, p. 38).

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/422/KEE tat-22 ta’ Ġunju 1993 li tawtorizza lill-Istati Membri sabiex jistipulaw deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 77/93/KEE fir-rigward ta’ injam koniferu mnixxef fil-forn, li joriġina fil-Kanada, u li tistabbilixxi d-dettalji tas-sistema ta’ indikazzjoni li għandha tiġi applikata għall-injam imnixxef fil-forn (ĠU L 195, 4.8.1993, p. 51).

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/423/KEE tat-22 ta’ Ġunju 1993 li tawtorizza l-Istati Membri biex jipprovdu għall-derogi minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 77/93/KEE fir-rigward ta’ injam koniferu mnixxef fil-forn, li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerka, u li jistabbilixxi d-dettalji tas-sistema indikatriċi li għandha tkun applikata lill-injam imnixxef fil-forn (ĠU L 195, 4.8.1993, p. 55).

(13)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/780/UE tat-18 ta’ Diċembru 2013 li tipprovdi deroga mill-Artikolu 13(1)(ii) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE fir-rigward tal-injam isserrat mingħajr qoxra ta’ Quercus L., Platanus L. u Acer saccharum Marsh. li joriġina fl-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 61).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/3115/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)