KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fis‑7 ta’ April 2022 ( 1 )
Kawża C-675/20 P
Colin Brown
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
u
Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea
“Appell – Servizz pubbliku – Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Allowance tal-espatrijazzjoni – Kriterji – Adozzjoni tan-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg wara d-dħul fis-servizz – Irtirar tad-dritt li persuna tirċievi l-allowance tal-espatrijazzjoni mill-Kummissjoni”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Sabiex jeżerċitaw attività fi ħdan l-Unjoni Ewropea, l-uffiċjali tagħha ta’ spiss ikollhom jitilqu mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom u jittrasferixxu r-residenza tagħhom fl-Istat Membru tal-impjieg tagħhom. Bil-għan li jikkumpensa l-inkonvenjenzi li jirriżultaw minn dan u sabiex jippermetti r-reklutaġġ ta’ ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni fuq bażi ġeografika l-iktar wiesgħa possibbli, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħoloq l-allowance tal-espatrijazzjoni, li l-kundizzjonijiet tagħha huma stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) u (b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) ( 2 ). |
|
2. |
Skont din id-dispożizzjoni, minn naħa, l-allowance tal-espatrijazzjoni tingħata lill-uffiċjali li ma għandhomx in-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tagħhom u li ma għexux hemmhekk b’mod kontinwu matul il-ħames snin qabel ma daħlu fis-servizz (ara (a)). Min-naħa l-oħra, l-allowance tal-espatrijazzjoni tingħata lill-uffiċjali li, filwaqt li għandhom in-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tagħhom, ma jkunux għexu hemmhekk, lanqas għal perijodu qasir, matul l-għaxar snin qabel id-dħul tagħhom fis-servizz (ara (b)). |
|
3. |
Madankollu x’jiġri fil-każ ta’ uffiċjal li, fil-mument tad-dħul tiegħu fis-servizz, ma kellux in-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu u għalhekk kien jaqa’ taħt il-punt (a), iżda li mbagħad jadotta din in-nazzjonalità iktar tard fil-karriera tiegħu? Din l-adozzjoni tan-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tagħti lok għal eżami ġdid tal-eżistenza tad-dritt għall-għoti tal-allowance tal-espatrijazzjoni, din id-darba taħt il-punt (b)? Jew hija biss in-nazzjonalità tal-uffiċjal fil-mument tad-dħul tiegħu fis-servizz li hija rilevanti, b’tali mod li l-adozzjoni sussegwenti tan-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg ma taffettwax id-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni? |
|
4. |
Din hija d-domanda li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi fil-kuntest ta’ dan l-appell. |
II. Il-kuntest ġuridiku
|
5. |
Il-kuntest ġuridiku ta’ dan il-każ huwa kkostitwit mir-Regolamenti tal-Persunal. |
|
6. |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 69 tar-Regolamenti tal-Persunal tipprovdi: “L-allowance ta’ l-espatrijazzjoni għandu jkun daqs 16 % tat-total tas-salarju bażiku, l-allowance tal-familja, u l-allowance tat-tfal dipendenti li għalihom huwa intitolat l-uffiċjal.” |
|
7. |
Skont l-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-allowance tal-espatrijazzjoni tingħata taħt il-kundizzjonijiet segwenti: “1. L-allowance ta’ l-espatrijazzjoni għandu jitħallas, daqs 16 % ta’ l-ammont totali tas-salarju bażiku, bl-addizzjoni tal-allowance tal-familja, u l-benefiċċju tat-tfal dipendenti mħallsa lill-uffiċjal:
[…] 2. Uffiċjal li m’huwiex u qatt ma kien ċittadin ta’ l-Istat li huwa impjegat fit-territorju tiegħu u ma jħarisx il-kondizzjonijiet imniżżla fil-pragrafu 1 ikun intitolat għal benefiċċju ta’ residenza barranija daqs kwart ta’ l-allowance ta’ l-espatrijazzjoni. 3. Għall-iskopijiet tal-paragrafi 1 u 2, uffiċjal li, biż-żwieġ, awtomatikament akkwista, mingħajr il-possibbiltà li jirrinunzja, iċ-ċittadinanza fl-Istat li fit-territorju tiegħu jinsab il-post ta’ l-impieg tiegħu jew tagħha, ikun ittrattat bl-istess mod bħall-uffiċjal kopert mill-ewwel inċiż tal-paragrafu 1(a).” |
|
8. |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, “[l]-uffiċjali intitolati għal allowance tal-espatrijazzjoni jew ta’ residenza barranija jkunu intitolati, fil-limiti stabbiliti fil-paragrafu 2, għal ħlas b’rata fissa kull sena kalendarja li jkun jikkorrispondi għall-kost tal-ivvjaġġar mill-post tax-xogħol sal-post tal-oriġini kif inhu definit fl-Artikolu 7 għalihom infushom u, jekk ikunu intitolati għal allowance ta’ entità domestika, għall-konjuġi u d-dipendenti fit-tifsira tal-Artikolu 2.” |
III. Il-kuntest tal-proċedura tal-appell
A. Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
9. |
Il-Qorti Ġenerali ġabret fil-qasir l-aspetti rilevanti tal-fatti li wasslu għall-kawża fil-punti 1 sa 8 tas-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2020, Brown vs Il-Kummissjoni ( 3 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) kif ġej: |
|
10. |
L-appellant, Colin Brown, inizjalment kellu biss il-kwalità ta’ ċittadin tar-Renju Unit u għex hemmhekk sal‑1996. Huwa studja fl-Italja fl‑1996 u fl‑1997, imbagħad fil-Belġju, minn Settembru 1997 sa Ġunju 1998. L-appellant sussegwentement għamel stage mal-Kummissjoni Ewropea fi Brussell (il-Belġju) mill‑1 ta’ Ottubru 1998 sat‑28 ta’ Frar 1999. Fl-aħħar nett, huwa ħadem full-time fis-settur privat fil-Belġju mill‑1 ta’ Marzu 1999 sal‑31 ta’ Diċembru 2000. |
|
11. |
L-appellant beda jaħdem mal-Kummissjoni fl‑1 ta’ Jannar 2001. L-Uffiċċju “tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) tal-Kummissjoni tah l-allowance tal-espatrijazzjoni skont l-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
12. |
Fit‑23 ta’ Ġunju 2016, iċ-ċittadini tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ivvutaw f’referendum favur il-ħruġ tal-Istat tagħhom mill-Unjoni Ewropea. Fid‑29 ta’ Marzu 2017 il-Prim Ministru tar-Renju Unit innotifikat lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni ta’ dan l-Istat Membru li joħroġ mill-Unjoni u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom). |
|
13. |
Fis‑27 ta’ Ġunju 2017, l-appellant talab li jikseb in-nazzjonalità Belġjana, li huwa kiseb fit‑3 ta’ Novembru 2017. Huwa nnotifika lill-PMO dwar din il-bidla fis-sitwazzjoni fid‑19 ta’ Jannar 2018. |
|
14. |
Fit‑23 ta’ Frar 2018, l-appellant ġie informat, minn naħa, li l-benefiċċju tiegħu għall-allowance tal-espatrijazzjoni kien ġie rrevokat mill‑31 ta’ Ottubru 2017, minħabba li huwa kien kiseb in-nazzjonalità Belġjana, u, min-naħa l-oħra, li huwa tilef ukoll, konsegwentement, il-benefiċċju tar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar skont l-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
15. |
Wara talba għal spjegazzjoni, l-appellant irċieva posta elettronika fil‑5 ta’ Marzu 2018 li minnha rriżulta li r-revoka tal-allowance tal-espatrijazzjoni kienet iġġustifikata, skont l-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, mill-fatt li huwa kien ilu jirrisjedi fil-Belġju mill‑1997. |
|
16. |
Fid‑19 ta’ Marzu 2018, il-PMO ssostitwixxa d-deċiżjoni tat‑23 ta’ Frar 2018 b’deċiżjoni ġdida li tistabbilixxi l‑1 ta’ Diċembru 2017 bħala d-data li fiha l-allowance tal-espatrijazzjoni u r-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-appellant kienu ġew irrevokati (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). |
|
17. |
Fis‑17 ta’ Ġunju 2018, l-appellant ressaq ilment li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal‑15 ta’ Ottubru 2018. |
B. Is-sentenza appellata
|
18. |
Permezz ta’ rikors promotur ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Jannar 2019, l-appellant ippreżenta, skont l-Artikolu 270 TFUE, rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża li tistabbilixxi li huwa ma kellux iktar dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni u għar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar. Barra minn hekk, huwa talab lill-Qorti Ġenerali tistabbilixxi mill-ġdid id-dritt għal dawn il-benefiċċji mill-1 ta’ Diċembru 2017, u li tordna l-ħlas tal-allowances u tal-ispejjeż, flimkien mal-interessi, li ma jkunux tħallsu mill‑1 ta’ Diċembru 2017 sad-data li fiha d-drittijiet tiegħu jiġu stabbiliti mill-ġdid. |
|
19. |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors u kkundannat lil kull parti kkonċernata għall-ispejjeż rispettivi tagħha. |
IV. Il-proċedura tal-appell u t-talbiet tal-partijiet
|
20. |
Permezz ta’ appell ippreżentat fil‑11 ta’ Diċembru 2020 fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellant ippreżenta appell mis-sentenza appellata. |
|
21. |
L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
22. |
Il-Kummissjoni u l-Kunsill jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
23. |
Il-partijiet ippreżentaw in-noti tagħhom dwar l-appell u nstemgħu fis-seduta tat‑2 ta’ Frar 2022. |
V. Evalwazzjoni
A. Fuq l-appell
|
24. |
Kif ġie indikat fil-bidu, l-Artikolu 4(1)(a) u (b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi l-għoti tal-allowance tal-espatrijazzjoni lill-uffiċjali tal-Unjoni f’żewġ sitwazzjonijiet: |
|
25. |
Minn naħa, meta l-uffiċjali kkonċernati ma jkollhomx u qatt ma kellhom in-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tagħhom u ma jkunux eżerċitaw hemmhekk l-attività professjonali prinċipali tagħhom u lanqas kellhom ir-residenza abitwali tagħhom matul perijodu ta’ ħames snin li jiskadi sitt xhur qabel id-dħul tagħhom fis-servizz. Għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, iċ-ċirkustanzi li jirriżultaw minn funzjonijiet eżerċitati għal Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara (a)). Il-kriterji li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-attività professjonali prinċipali u tar-residenza abitwali huma rilevanti bl-istess mod ( 4 ); madankollu, peress li dan ma huwiex deċiżiv f’dan il-każ, ser nirreferi biss għall-kriterju tar-residenza abitwali. Skont din id-dispożizzjoni, l-allowance tal-espatrijazzjoni tiġi rrifjutata lil dawk l-uffiċjali li ma humiex ċittadini tal-pajjiż ta’ impjieg tagħhom biss jekk matul il-perijodu kollu ta’ referenza ta’ ħames snin, huma kellhom ir-residenza abitwali tagħhom f’dan il-pajjiż ( 5 ). |
|
26. |
Min-naħa l-oħra, l-allowance tal-espatrijazzjoni tingħata lill-uffiċjali li, filwaqt li għandhom jew kellhom in-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tagħhom, ma kellhomx residenza abitwali hemmhekk matul il-perijodu ta’ għaxar snin li skada meta daħlu fis-servizz għal raġuni differenti mill-eżerċizzju ta’ attività f’dipartiment ta’ Stat jew f’organizzazzjoni internazzjonali (ara (b)). Skont din id-dispożizzjoni, huwa suffiċjenti li r-residenza abitwali fil-pajjiż ta’ impjieg tkun inżammet biss għal żmien qasir ħafna matul il-perijodu ta’ referenza ta’ għaxar snin sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ din l-allowance ( 6 ). |
|
27. |
L-appellant, li inizjalment kellu n-nazzjonalità Brittanika biss, ingħata, mad-dħul tiegħu fis-servizz fi Brussell fl-2001, dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni skont l-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, minħabba li ma kellux u qatt ma kellu n-nazzjonalità Belġjana u lanqas ma kien irrisjeda jew ħadem fil-Belġju b’mod kontinwu ħames snin qabel id-dħul tiegħu fis-servizz. |
|
28. |
Wara li l-appellant adotta n-nazzjonalità Belġjana fl-2017, il-PMO tal-Kummissjoni eżamina mill-ġdid id-dritt tiegħu għall-allowance tal-espatrijazzjoni u qies li ma kienx għadu jaqa’ taħt il-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni peress li issa kellu n-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg tiegħu. |
|
29. |
Sussegwentement, il-PMO eżamina jekk l-appellant kellux jingħata dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni skont l-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, dan ġie miċħud ukoll minħabba li l-appellant kien irrisjeda fil-Belġju mill-1997 sal-2000, jiġifieri matul l-aħħar għaxar snin qabel id-dħul tiegħu fis-servizz fl-2001. |
|
30. |
L-appellant ikkontesta din id-deċiżjoni mingħajr suċċess quddiem il-Qorti Ġenerali u issa qed jikkontesta, permezz ta’ żewġ aggravji, iċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tal-argument tiegħu fl-ewwel istanza. |
1. Fuq l-ewwel aggravju
|
31. |
Fil-kuntest tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta vvalidat l-argument tal-Kummissjoni li l-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jitlef id-dritt tiegħu għall-allowance tal-espatrijazzjoni minħabba l-fatt li huwa kiseb in-nazzjonalità tal-post ta’ impjieg 17-il sena wara d-dħul tiegħu fis-servizz. |
|
32. |
Skont l-osservazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 36, 41, 45 kif ukoll 47 sa 51 tas-sentenza appellata, it-test tad-dispożizzjoni kontenzjuża ma jipprevedix b’mod espliċitu li d-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni għandu jiġi eżaminat mill-ġdid meta tiġi adottata ċ-ċittadinanza tal-Istat tal-post ta’ impjieg. Bl-istess mod, din l-allowance ġiet maħsuba bħala kumpens għall-inkonvenjenzi dovuti għat-tluq tal-uffiċjal mill-post tal-oriġini tiegħu u li jibqgħu preżenti matul il-karriera tiegħu, b’tali mod li l-integrazzjoni tal-uffiċjal fil-post ta’ impjieg wara d-dħul fis-servizz ma tkunx tista’ tostakola l-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni. |
|
33. |
Madankollu, billi uża l-preżent fl-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal (“lill-uffiċjali: — li m’humiex […] ċittadini ta’ l-Istat li fih territorju tiegħu qiegħed il-post fejn huma impjegati”) u fid-dawl tan-natura repetittiva tal-allowance, il-leġiżlatur ma eskludiex li uffiċjal jista’ jkollu jissodisfa l-kundizzjoni li ma jkunx ċittadin tal-pajjiż ta’ impjieg tiegħu matul il-karriera kollha tiegħu sabiex iżomm id-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni ( 7 ). Għaldaqstant, ma huwiex eskluż li t-tip partikolari ta’ integrazzjoni li tikkonsisti fil-kisba tan-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg wara d-dħul fis-servizz jikkostitwixxi bidla sostanzjali fis-sitwazzjoni li tista’ twassal għat-telf tal-allowance tal-espatrijazzjoni. |
|
34. |
Skont l-appellant, din il-konklużjoni hija vvizzjata bi żball ta’ liġi. Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, flimkien mal-istruttura u l-għan tal-allowance tal-espatrijazzjoni, jirriżulta li l-kriterju ta’ “li jkun barrani” jew ta’ “espatrijazzjoni” fil-post ta’ impjieg għandu jiġi evalwat fil-mument tad-dħul fis-servizz. Min-naħa l-oħra, l-adozzjoni sussegwenti tan-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg ma jista’ jkollha ebda effett fuq id-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni. Fil-fehma tiegħu, dan id-dritt għandu jiġi evalwat mill-ġdid biss jekk uffiċjal, li inizjalment kellu dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni, jiċċaqlaq lejn post ta’ impjieg fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u għalhekk ma jkunx jibqa’ jissodisfa l-kriterju tal-espatrijazzjoni fil-post ta’ impjieg. |
a) Fuq l-istruttura u l-għan tal-allowance tal-espatrijazzjoni
|
35. |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest u l-għanijiet tagħha segwiti mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha ( 8 ). Barra minn hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-oriġini ta’ dispożizzjoni sa fejn din turi r-rieda reali tal-awtur tagħha ( 9 ). |
|
36. |
Mill-istruttura tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, esposta fil-punti 25 u 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta li l-fatt li wieħed ma jkollux u ma kellux in-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg ma huwiex kriterju assolut sabiex jingħata l-allowance tal-espatrijazzjoni. Għall-kuntrarju, kif diġà ppreċiżat b’mod espliċitu l-Qorti tal-Ġustizzja, dan huwa kriterju sekondarju. Fil-fatt, il-kriterju determinanti għall-għoti tal-allowance tal-espatrijazzjoni huwa r-residenza abitwali matul il-ħames jew għaxar snin qabel id-dħul fis-servizz ( 10 ). |
|
37. |
Għaldaqstant, uffiċjal li ma għandux u li qatt ma kellu n-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg tiegħu ma għandux dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni jekk huwa rrisjeda b’mod kontinwu f’dan il-pajjiż matul il-ħames snin qabel id-dħul fis-servizz (Artikolu 4(1)(a)). Għall-kuntrarju, uffiċjal li għandu n-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg tiegħu jista’ jikseb dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni jekk huwa ma jkunx irrisjeda, anki għal perijodu qasir, f’dan il-pajjiż matul l-għaxar snin ta’ qabel id-dħul tiegħu fis-servizz (Artikolu 4(1)(b)) ( 11 ). |
|
38. |
Kif il-Qorti Ġenerali osservat ukoll fil-punt 75 tas-sentenza appellata, il-kriterju tan-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg huwa għalhekk biss il-vit tal-aġġustament li jiddetermina jekk ir-residenza abitwali rilevanti qabel id-dħul fis-servizz hijiex ta’ ħames snin jew pjuttost ta’ għaxar snin. Dan huwa spjegat mill-fatt li, meta persuna jkollha jew kellha n-nazzjonalità ta’ pajjiż, dan jagħti x’jifhem li l-persuna kkonċernata għandha rabta partikolari ma’ dan il-pajjiż u ma hijiex barranija jew “espatrijata” hemmhekk. Għall-kuntrarju, il-fatt li wieħed ma għandux u li kellux in-nazzjonalità ta’ pajjiż jippermetti li jiġi preżunt li l-persuna kkonċernata ma għandha ebda rabta partikolari ma’ dan il-pajjiż u għalhekk hija barranija jew “espatrijata” ( 12 ). |
|
39. |
Madankollu, din il-preżunzjoni ta’ eżistenza jew ta’ assenza ta’ rabta partikolari mal-pajjiż ta’ impjieg, skont jekk l-uffiċjal għandux jew kellux in-nazzjonalità tiegħu, tista’ tiġi kkonfermata jew ikkonfutata mill-kriterju tar-residenza abitwali fil-post ta’ impjieg matul is-snin ta’ qabel id-dħul fis-servizz. |
|
40. |
Għalhekk, fir-rigward ta’ uffiċjal li ma għandux u li qatt ma kellu n-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg, iżda li rrisjeda hemmhekk b’mod kontinwu matul il-ħames snin qabel dan id-dħul fis-servizz, huwa mistenni, minkejja li ma kienx joriġina hemmhekk, li sadanittant ħoloq rabta partikolari ma’ dan il-pajjiż u għalhekk ma għadux barrani jew “espatrijat”. |
|
41. |
Għall-kuntrarju, uffiċjal li, filwaqt li għandu jew kellu n-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg tiegħu, ma kellux ir-residenza abitwali tiegħu hemmhekk matul l-aħħar għaxar snin qabel id-dħul tiegħu fis-servizz, anki għal żmien qasir, huwa meqjus li kiser ir-rabta partikolari li kellu ma’ dan il-pajjiż bis-saħħa tan-nazzjonalità tiegħu minħabba l-assenza kontinwa tiegħu ta’ għaxar snin, b’tali mod li, meta jirritorna f’dan il-pajjiż sabiex jidħol fis-servizz mal-Unjoni, huwa jkun jissodisfa l-kriterju ta’ “li jkun barrani” jew ta’ “espatrijazzjoni” ( 13 ). |
|
42. |
Il-kriterju prinċipali tad-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni huwa għalhekk dak tal-fatt li wieħed ikun barrani jew espatrijata fil-post ta’ impjieg, li jiġi ssodisfatt jew le skont ir-residenza abitwali matul il-perijodu ta’ referenza li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni qabel id-dħul fis-servizz. Skont il-kliem tal-Avukat Ġenerali Mengozzi, “il-preżuppost għall-għoti tal-benefiċċju tal-espatrijazzjoni mhuwiex il-fatt li ma jkollux ċittadinanza ta’ l-Istat fejn iwettaq ix-xogħol iżda pjuttost sitwazzjoni ta’ ‘espatrijazzjoni’ effettiva ta’ l-uffiċjal meta jidħol fis-servizz.” ( 14 ) |
|
43. |
Kif stabbilixxew il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali fil-punt 48 tas-sentenza appellata, dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt “li huwa l-għan ta’ din l-allowance li tikkumpensa l-piżijiet u l-iżvantaġġi speċifiċi, li d-dħul fis-servizz iġib miegħu f’każ li l-uffiċjal ikollu jibdel ir-residenza b’riżultat ta’ dan.” ( 15 ) Kif tkompli tispjega l-Qorti Ġenerali fil-punt 49 tas-sentenza appellata, dan għandu jiffaċilita r-reklutaġġ ta’ ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni fuq bażi ġeografika l-iktar wiesgħa possibbli u b’hekk jintlaħaq ukoll bilanċ ġeografiku fi ħdan is-servizz pubbliku Ewropew. |
|
44. |
Dan l-għan tal-allowance tal-espatrijazzjoni huwa kkonfermat mill-oriġini tad-dispożizzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, kif semmiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 47 tas-sentenza appellata, minn nota ta’ informazzjoni tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 1959 jirriżulta li l-allowance tal-espatrijazzjoni ġiet maħsuba bħala allowance “mogħtija bħala kumpens għall-ispejjeż materjali u għall-inkonvenjenzi morali li jirriżultaw mill-fatt li l-membru tal-persunal jitlaq mill-post ta’ oriġini tiegħu” u li “l-membri tal-persunal ġeneralment iżommu relazzjonijiet familjari […] mar-reġjun ta’ oriġini tagħhom”. |
b) Fuq l-irrilevanza, għad-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni, tal-integrazzjoni sussegwenti fil-post ta’ impjieg wara d-dħul fis-servizz
|
45. |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata bl-eżistenza ta’ integrazzjoni sussegwenti fil-post ta’ impjieg wara d-dħul fis-servizz. Fil-fatt, kif osservat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 47 tas-sentenza appellata, l-inkonvenjenzi u l-piżijiet ikkawżati mit-tluq mill-post ta’ oriġini jistgħu jippersistu matul il-karriera u jistgħu anki jiżdiedu minkejja l-integrazzjoni fil-pajjiż ta’ impjieg. Għalhekk, bħalma osservat il-Qorti Ġenerali fil-punt 50 tas-sentenza appellata, l-integrazzjoni tal-uffiċjal fil-post ta’ impjieg fi stadju sussegwenti tal-karriera tiegħu hija irrilevanti għad-dritt għall-għoti tal-allowance tal-espatrijazzjoni. |
|
46. |
Din l-assenza ta’ rilevanza tal-integrazzjoni sussegwenti fil-post ta’ impjieg tirriżulta, minn naħa, mill-għan tal-allowance tal-espatrijazzjoni li għadu kif ġie espost. Fi kliem ieħor, kif iddikjarat b’mod espliċitu l-Qorti Ġenerali f’sentenza preċedenti, “l-għan tal-allowance tal-espatrijazzjoni huwa li jiġu kkumpensati l-piżijiet u l-iżvantaġġi speċifiċi li jirriżultaw mill-eżerċizzju permanenti tas-servizz f’pajjiż li miegħu l-uffiċjal ma jkunx stabbilixxa rabtiet li jdumu fiż-żmien qabel id-dħul tiegħu fis-servizz. Fil-fatt, il-piżijiet marbuta mad-dħul fis-servizz huma kkumpensati darba waħda għal kull assenjazzjoni għal post partikolari permezz tar-rimbors tal-ispejjeż taċ-ċaqliq u l-ħlas tal-allowance tal-installazzjoni. Għall-kuntrarju, l-allowance tal-espatrijazzjoni titħallas matul il-perijodu kollu tas-servizz, anki jekk l-uffiċjal seta’ jintegra ruħu fil-pajjiż ta’ impjieg tiegħu” ( 16 ). |
|
47. |
Min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ rilevanza tal-integrazzjoni sussegwenti fil-post ta’ impjieg wara d-dħul fis-servizz tirriżulta wkoll mill-istruttura tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Dan għaliex huwa jibbaża ruħu biss fuq ir-residenza abitwali matul il-perijodu qabel id-dħul fis-servizz sabiex jiġi stabbilit l-istatus ta’ barrani jew ta’ espatrijata fil-post ta’ impjieg. Skont il-kliem tal-Qorti Ġenerali nfisha fil-punt 50 tas-sentenza appellata “billi għamel dawn il-preċiżazzjonijiet, il-leġiżlatur eskluda li integrazzjoni li tirriżulta mill-fatt li, matul il-karriera tiegħu, l-uffiċjal ikkonċernat stabbilixxa r-residenza abitwali tiegħu fil-pajjiż ta’ impjieg u jaħdem hemmhekk, tista’ tostakola dan il-ħlas.” Inkella, kif jargumenta ġustament l-appellant, jiġifieri li kieku r-residenza abitwali wara d-dħul fis-servizz kienet rilevanti għall-għoti tal-allowance tal-espatrijazzjoni, kieku l-ebda uffiċjal tal-Unjoni ma jkollu iktar dritt għal din l-allowance wara perijodu massimu ta’ ħames snin wara d-dħul fis-servizz. |
c) Fuq l-irrilevanza, għad-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni, tal-adozzjoni sussegwenti tan-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg
|
48. |
Madankollu, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-użu tal-preżent fl-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal (“lill-uffiċjali: — li m’humiex […] ċittadini ta’ l-Istat li fih territorju tiegħu qiegħed il-post fejn huma impjegati”) flimkien mal-fatt li l-allowance tal-espatrijazzjoni hija allowance repetittiva, ma jeskludix li t-tip partikolari ta’ integrazzjoni li tikkostitwixxi l-kisba tan-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg wara d-dħul fis-servizz, jista’ jitqies bħala bidla sostanzjali fis-sitwazzjoni li tista’ twassal għat-telf tal-allowance tal-espatrijazzjoni. |
|
49. |
L-appellant ġustament isostni li l-Qorti Ġenerali interpretat il-kliem tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal b’mod li jmur kontra l-istruttura u l-għan ta’ din id-dispożizzjoni, hekk kif hija stess ippreċiżatu. |
|
50. |
Minn din l-istruttura u minn dan l-għan jirriżulta, fil-fatt, li l-kriterju li uffiċjal ikollu jew ma jkollux in-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg, bħall-kriterju tar-residenza abitwali matul il-perijodu rilevanti qabel id-dħul fis-servizz, għandu jiġi evalwat biss fil-mument tad-dħul fis-servizz. Fil-fatt, rajna li l-pussess jew le tan-nazzjonalità jiddetermina biss il-perijodu rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-residenza abitwali qabel id-dħul fis-servizz u, għaldaqstant, għall-kriterju tal-istatus ta’ barrani fil-post ta’ impjieg fil-mument tad-dħul fis-servizz ( 17 ). Kif il-Qorti Ġenerali nfisha rrikonoxxiet, id-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni għandu għalhekk jiġi eżaminat fil-mument tad-dħul fis-servizz ( 18 ). |
|
51. |
L-affermazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li l-kundizzjonijiet imsemmija fiż-żewġ inċiżi tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal (li uffiċjal ma jkollux in-nazzjonalità tal-post ta’ impjieg u li ma jkunx għex hemmhekk ħames snin qabel id-dħul fis-servizz) għandhom jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv matul il-karriera kollha ( 19 ), hija għalhekk ineżatta. |
|
52. |
Għall-kuntrarju, kif jirrileva ġustament l-appellant, l-użu tal-preżent fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) u (b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa spjegat sempliċement bil-fatt li din hija n-nazzjonalità li l-uffiċjal “għandu”fil-mument determinanti tad-dħul tiegħu fis-servizz. L-użu tal-preżent huwa loġiku għaliex, f’mument partikolari (mad-dħul fis-servizz), wieħed sempliċiment jista’ jkollu jew ma jkollux in-nazzjonalità. Huwa komuni li, f’dispożizzjonijiet astratti u ġenerali, il-kundizzjonijiet għall-għoti jiġu fformulati fil-Preżent Indikattiv, mingħajr ma tingħata importanza sostanzjali lill-grammatika użata. |
|
53. |
In-natura repetittiva tal-allowance tal-espatrijazzjoni ma tissuġġerixxix mod ieħor. B’hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ġustament jafferma li allowance mħallsa bħala kumpens għal piż partikolari għandha titneħħa meta dan il-piż ma jibqax jeżisti ( 20 ). Madankollu, il-piż li l-allowance tal-espatrijazzjoni hija intiża li tikkumpensa, jiġifieri d-distanza mill-post ta’ oriġini, ma jintemmx mal-adozzjoni tan-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg. Fil-fatt, lanqas dan it-tip ta’ integrazzjoni ma jibdel il-fatt tal-espatrijazzjoni fil-mument tad-dħul fis-servizz, li jikkostitwixxi l-kriterju għall-għoti tal-allowance tal-espatrijazzjoni. |
|
54. |
Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, il-fatt li l-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal isemmi mhux biss in-nazzjonalità li l-uffiċjal “għandu”, iżda wkoll dik li huwa “kellu” ma jippermettix li jiġi konkluż li din hija n-nazzjonalità li l-uffiċjal għandu jew kellu matul il-karriera kollha tiegħu. Il-fatt li wieħed kellu n-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg huwa, bħall-fatt li wieħed ikollu din in-nazzjonalità, indikatur ta’ relazzjoni partikolari inizjali ma’ dan il-pajjiż, li l-eżistenza jew le tagħha hija ikkonfermata jew ikkonfutata mir-residenza abitwali matul il-perijodu ta’ referenza rilevanti qabel id-dħul fis-servizz. |
|
55. |
Għall-kuntrarju, il-fatt li l-leġiżlatur semma b’mod separat iċ-ċirkustanza “li kellu” in-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg, u mhux iċ-ċirkustanza ta’ “pussess” ta’ din in-nazzjonalità fil-futur, jissuġġerixxi li l-adozzjoni sussegwenti tan-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg ma hijiex rilevanti għad-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni. |
|
56. |
Ir-regoli fir-rigward tal-hekk imsejħa allowance tal-espatrijazzjoni jissuġġerixxu wkoll, a contrario, li l-leġiżlatur ma kellux preċiżament l-intenzjoni li jorbot konsegwenzi legali partikolari mal-adozzjoni sussegwenti tan-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg f’dak li jikkonċerna l-allowance tal-espatrijazzjoni. Skont l-Artikolu 4(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-allowance tal-espatrijazzjoni titħallas lill-uffiċjali li ma għandhomx u li qatt ma kellhom in-nazzjonalità tal-post ta’ impjieg tagħhom, iżda li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-allowance tal-espatrijazzjoni previsti fil-paragrafu 1, minħabba li għexu b’mod kontinwu fil-pajjiż ta’ impjieg tagħhom matul il-perijodu ta’ ħames snin qabel id-dħul fis-servizz tagħhom. Peress li l-allowance tal-espatrijazzjoni tiddependi għalhekk biss min-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg, din neċessarjament tgħib mal-adozzjoni ta’ din in-nazzjonalità ( 21 ). Madankollu, tali konsegwenza legali ċara ma hijiex preċiżament prevista f’dak li jikkonċerna l-allowance tal-espatrijazzjoni. |
|
57. |
L-interpretazzjoni li l-adozzjoni tan-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg iktar tard fil-karriera ma taffettwax id-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-fatt li l-eżami mill-ġdid ta’ dan id-dritt f’tali sitwazzjoni jwassal għal nuqqas ta’ qbil bejn il-kriterji għall-għoti ta’ din l-allowance. Fil-fatt, jekk, bħal f’dan il-każ, uffiċjal jadotta n-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg, il-pussess ta’ din in-nazzjonalità jiġi evalwat f’dak il-mument (f’dan il-każ, fl-2017), filwaqt li l-kriterju prinċipali tar-residenza abitwali fil-post ta’ impjieg jibqa’ jiġi evalwat fil-perijodu ta’ referenza qabel id-dħul fis-servizz (f’dan il-każ, qabel l-2001). |
|
58. |
Madankollu, kif jirrileva ġustament l-appellant, dan jirrendi assurd ir-ratio legis tal-interazzjoni bejn in-nazzjonalità u r-residenza fil-kuntest tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, din l-interazzjoni hija intiża sabiex jiġi eżaminat jekk uffiċjal li ma kellux in-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu qabel id-dħul tiegħu fis-servizz, stabbilixxiex rabta tant mill-qrib ma’ dan il-post li ma għadux iktar barrani (ara (a)) jew jekk, minkejja li kellu din in-nazzjonalità, kisirx ir-rabta ma’ dan il-post qabel id-dħul tiegħu fis-servizz, b’tali mod li llum huwa barrani hemmhekk (ara (b)) ( 22 ). |
|
59. |
Sabiex issir evalwazzjoni mill-ġdid tad-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni, kif tagħmel il-Kummissjoni, fil-mument tal-adozzjoni tan-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg, jenħtieġ li jiġi vverifikat f’dan il-mument (f’dan il-każ, fl-2017) jekk, matul l-għaxar snin qabel id-dħul fis-servizz (f’dan il-każ, mill-1990 sa l-2000), l-appellant kisirx rabta li kienet għadha ma kinitx teżisti f’dak il-perijodu. Kif jirrikonoxxu l-Kummissjoni u l-Kunsill, dan huwa possibbli biss jekk jitqies li l-appellant kellu n-nazzjonalità Belġjana sa mid-dħul tiegħu fis-servizz. |
|
60. |
Kif ser jintwera fil-punti 71 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet, fil-kuntest tat-tieni aggravju, din il-“finzjoni” (sabiex tintuża l-kelma użata mill-Qorti Ġenerali) ( 23 ) twassal għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. L-appellant huwa għalhekk ittrattat bl-istess mod bħall-uffiċjali li, effettivament, kellhom in-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg fil-mument tad-dħul tagħhom fis-servizz u għalhekk jinsabu f’sitwazzjoni differenti. Dan jikkostitwixxi argument ieħor kontra l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal adottata mill-Qorti Ġenerali. |
|
61. |
Is-sitwazzjoni tkun differenti meta uffiċjal jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu bħal riżultat ta’ bidla fil-post ta’ impjieg. Hawnhekk għandha ssir evalwazzjoni ġdida peress li l-eżami tal-kundizzjonijiet għall-allowance tal-espatrijazzjoni ma jistax loġikament jitwettaq ħlief fir-rigward ta’ post. Għaldaqstant, jekk issir bidla fil-post, għandu jsir eżami ġdid sabiex jiġi stabbilit jekk il-bidla qajmitx mill-ġdid rabta preċedenti ma’ dan il-post ( 24 ). |
|
62. |
Min-naħa l-oħra, f’każ bħal dan, fejn, skont l-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, uffiċjal għandu dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni minħabba li ma għandux la n-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tiegħu u lanqas ma għex hemmhekk b’mod kontinwu ħames snin qabel id-dħul tiegħu fis-servizz, u fejn huwa jadotta n-nazzjonalità tal-post ta’ impjieg tiegħu biss snin wara d-dħul tiegħu fis-servizz, ma hemmx rabta preċedenti ma’ dan il-post ta’ impjieg li tista’ titqajjem mill-ġdid. Għaldaqstant, f’każ bħal dan, ma hemmx lok li jiġi eżaminat mill-ġdid id-dritt tal-uffiċjal ikkonċernat għall-allowance tal-espatrijazzjoni, din id-darba taħt il-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
63. |
In-natura mhux xierqa ta’ eżami sussegwenti skont l-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti, bħal dak li twettaq f’dan il-każ, tidher ukoll mill-fatt li l-uffiċjali li, bħall-appellant, jadottaw in-nazzjonalità tal-post ta’ impjieg tagħhom snin wara d-dħul tagħhom fis-servizz, iżda li, b’mod differenti mill-appellant, ma jkunux għexu hemmhekk matul l-għaxar snin qabel id-dħul tagħhom fis-servizz, iżommu l-allowance tal-espatrijazzjoni. Skont il-kliem tal-Qorti Ġenerali fil-punt 51 tas-sentenza appellata, minkejja “l-forma partikolari ta’ integrazzjoni li hija l-kisba tan-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg wara d-dħul fis-servizz”, l-uffiċjali li jinsabu f’tali sitwazzjoni (li huma bosta, kif tosserva l-Qorti Ġenerali fil-punti 94 u 95 tas-sentenza appellata) jistgħu jżommu l-allowance tal-espatrijazzjoni tagħhom minħabba li huma ma għexux f’dan il-pajjiż matul is-snin qabel id-dħul tagħhom fis-servizz. |
|
64. |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li, kif irrileva ġustament l-appellant waqt is-seduta, ma hemm sempliċement xejn li jindika li l-adozzjoni tan-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg tagħti lok għal deroga mill-prinċipju li l-integrazzjoni fil-post ta’ impjieg wara d-dħul fis-servizz hija irrilevanti fir-rigward tal-allowance tal-espatrijazzjoni. |
|
65. |
Ċertament, l-adozzjoni tan-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg tista’ tikkostitwixxi forma ta’ integrazzjoni partikolarment b’saħħitha. Madankollu, dan ma huwiex eżatt il-punt. L-allowance tal-espatrijazzjoni hija kkonċepita b’tali mod li, filwaqt li ma tiċħadx li l-uffiċjali tal-Unjoni jintegraw ruħhom fil-post ta’ impjieg, tirrikonoxxi wkoll li l-piż li d-distanza mill-post ta’ oriġini ġġib magħha jibqa’ preżenti minkejja din l-integrazzjoni. |
|
66. |
Barra minn hekk, ikun xi jkun il-livell ta’ integrazzjoni fl-Istat ospitanti, jista’ saħansitra jsir iktar oneruż maż-żmien li jinżammu r-rabtiet leġittimi mal-Istat ta’ oriġini. Dan huwa l-każ, pereżempju, meta wieħed ikollu jieħu ħsieb ġenituri jew qraba oħra li jkunu qed jixjieħu u li jkollhom bżonn dejjem iktar kura. Bl-istess mod, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jiddisswadi lill-uffiċjali tal-Unjoni minn integrazzjoni qawwija fl-Istat Membru ospitanti tagħhom billi “jissanzjoni” l-adozzjoni tan-nazzjonalità ta’ dan tal-aħħar bit-telf tal-allowance tal-espatrijazzjoni. Għall-kuntrarju, huwa konformi mal-ispirtu tal-Unjoni u mal-approssimazzjoni bejn l-Istati Membri tagħha li l-uffiċjali tal-Unjoni jintegraw ruħhom bl-aħjar mod possibbli fl-Istat Membru ta’ servizz tagħhom. |
|
67. |
L-argument propogandistiku magħmul mill-Kunsill waqt is-seduta, li “xi ħadd li jgħix f’‘pajjiżu’ ma jistax jiġi ‘espatrijat’”, ma jikkunsidrax is-sistema tal-allowance tal-espatrijazzjoni. Huwa ċar minn din is-sistema, fil-fatt, li l-kunċett ta’ “li jkun barrani” jew ta’ “espatrijazzjoni” fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal, ikopri s-sitwazzjoni li fiha uffiċjal jitlaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu sabiex jidħol fis-servizz mal-Unjoni, indipendentement minn kull integrazzjoni sussegwenti fil-pajjiż ta’ impjieg u anki jekk, bl-adozzjoni sussegwenti tan-nazzjonalità, dan tal-aħħar isir il-“pajjiż proprju” tal-uffiċjal ikkonċernat. |
|
68. |
Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, l-interpretazzjoni li l-adozzjoni tan-nazzjonalità wara d-dħul fis-servizz ma taffettwax id-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni, ma twassalx sabiex il-kriterju tan-nazzjonalità previst fl-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jsir ineffettiv. Fil-fatt, dan il-kriterju jibqa’ rilevanti għall-evalwazzjoni tal-istatus ta’ barrani fil-post ta’ impjieg fil-mument tad-dħul fis-servizz. |
|
69. |
Fis-sentenza tagħha fil-kawża Airola vs Il-Kummissjoni, li s-silta tagħha inkwistjoni ġiet iċċitata wkoll mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “sa fejn l-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness (VII tar-Regolamenti tal-Persunal) jirreferi għan-nazzjonalità attwali jew preċedenti ta’ uffiċjal, din id-dispożizzjoni ma tinkludix n-nazzjonalità imposta ipso jure fuq uffiċjal mara meta tiżżewweġ ċittadin ta’ Stat ieħor, meta hija ma tkunx tista’ tirrinunzjaha” ( 25 ). Mutatis mutandis, għandu jiġi kkonstatat f’dan il-każ li din id-dispożizzjoni lanqas ma tirrelata man-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg li uffiċjal tal-Unjoni jadotta wara d-dħul tiegħu fis-servizz. |
|
70. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat it-teżi tal-Kummissjoni li l-adozzjoni tan-nazzjonalità Belġjana mill-appellant tagħti lok għal eżami mill-ġdid tad-dritt tiegħu għall-allowance tal-espatrijazzjoni. L-ewwel aggravju huwa għaldaqstant fondat. |
2. Fuq it-tieni aggravju
|
71. |
Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant iqis li, minħabba li applikat l-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi ttrattatu bl-istess mod bħall-uffiċjali li kellhom in-nazzjonalità tal-Istat post ta’ impjieg tagħhom mad-dħul fis-servizz. |
|
72. |
It-tieni aggravju jiġi eżaminat biss sussidjarjament. Fil-fatt, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-analiżi tiegħi dwar l-ewwel aggravju, is-sentenza għandha tiġi annullata diġà għal din ir-raġuni. |
|
73. |
Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprojbixxi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament differenti jew identiku ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. In-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan u tal-iskop tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni ( 26 ). |
|
74. |
Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 87 sa 90 tas-sentenza appellata, li hija kellha teżamina mill-ġdid id-dritt tal-appellant għall-allowance tal-espatrijazzjoni wara l-adozzjoni tiegħu tan-nazzjonalità Belġjana. Inkella, huwa jkun qed igawdi minn trattament iktar favorevoli minn persuni li huma Belġjani mit-twelid u li jkunu daħlu fis-servizz tal-Unjoni fil-Belġju. |
|
75. |
L-appellant, li ma kellux in-nazzjonalità Belġjana qabel id-dħul fis-servizz tiegħu fil-Belġju u adottaha biss snin wara, jinsab effettivament f’sitwazzjoni differenti fir-rigward tal-għan u tal-iskop tal-allowance tal-espatrijazzjoni, li huwa li jikkumpensa l-inkonvenjenzi li jirriżultaw mit-tibdil tar-residenza lejn il-post ta’ servizz u mill-istatus ta’ barrani f’dan il-post ( 27 ). Fil-fatt, peress li inizjalment ma kellux in-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg tiegħu, huwa lanqas ma kellu rabta partikolari miegħu li setgħet tiġi interrotta biss b’assenza kontinwa ta’ għaxar snin qabel id-dħul tiegħu fis-servizz ( 28 ). |
|
76. |
Kuntrarjament għal dak li sostnew il-Kummissjoni u l-Kunsill f’dan ir-rigward b’mod partikolari waqt is-seduta, l-appellant lanqas ma jinsab fl-istess sitwazzjoni bħal persuna ex Belġjana attiva fil-Belġju li abbandunat in-nazzjonalità Belġjana tagħha. Fil-fatt, anki f’dan il-każ, il-“fattur ta’ pussess preċedenti” tan-nazzjonalità tal-post ta’ impjieg jikkostitwixxi indizju li l-persuna kkonċernata kellha, oriġinarjament, rabta partikolari ma’ dan il-pajjiż, li l-eżistenza tagħha tiġi stabbilita permezz ta’ eżami tar-residenza abitwali fil-perijodu ta’ referenza qabel id-dħul fis-servizz. Madankollu, fis-sitwazzjoni tal-appellant, li adotta n-nazzjonalità Belġjana biss snin wara d-dħul fis-servizz, ma teżistix tali preżunzjoni tal-eżistenza ta’ rabta inizjali, li l-kontinwità jew l-interruzzjoni tagħha jistgħu jiġu eżaminati. |
|
77. |
L-istess japplika, kif rajna iktar ’il fuq, għall-paragun li sar mill-Kummissjoni mas-sitwazzjoni ta’ persuna Belġjana, inizjalment attiva f’pajjiż ieħor, li tibdel il-post ta’ impjieg sabiex tmur fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha ( 29 ). |
|
78. |
Kuntrarjament għal dak li sostna l-Kunsill b’mod partikolari waqt is-seduta, ma huwiex minnu li, fil-kuntest tal-allowance tal-espatrijazzjoni, l-uffiċjali kollha li għandhom in-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg tagħhom għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod, indipendentement mill-mument li fih huma kisbu din in-nazzjonalità. Fil-fatt, fir-rigward ta’ din l-allowance, “ċittadinanza waħda ma hijiex bħall-oħra”. Għall-kuntrarju, in-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg tiddetermina biss liema huwa l-perijodu qabel id-dħul fis-servizz li huwa rilevanti għall-finijiet tal-eżami dwar jekk il-kriterju tal-espatrijazzjoni mad-dħul fis-servizz ġiex issodisfatt ( 30 ). |
|
79. |
Il-fatt li, de facto, l-appellant ma għadux jinsab fl-istess sitwazzjoni bħal dik ta’ uffiċjali tal-Unjoni li ma adottawx in-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg tagħhom għalhekk ma huwiex rilevanti fir-rigward tad-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni. Fil-fatt, f’dan ir-rigward hija determinanti biss l-assenza ta’ integrazzjoni fil-mument tad-dħul fis-servizz u għalhekk l-uffiċjali li jadottaw in-nazzjonalità tal-Istat tal-post ta’ impjieg wara d-dħul fis-servizz u dawk li ma jagħmlux dan jinsabu fl-istess sitwazzjoni fir-rigward tal-għan tal-allowance tal-espatrijazzjoni. |
|
80. |
Huwa minnu li l-Kummissjoni u l-Kunsill jiċċitaw siltiet mis-sentenza li jipprovdu li l-allowance tal-espatrijazzjoni hija intiża sabiex “[t]agħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ ugwaljanza bejn l-uffiċjali li huma totalment integrati fil-komunità tal-pajjiż ta’ servizz u dawk li mhumiex” ( 31 ). Madankollu, dawn is-siltiet għandhom jinqraw fil-kuntest tagħhom, li minnu jirriżulta li din hija l-integrazzjoni fis-soċjetà tal-pajjiż ta’ impjieg qabel id-dħul fis-servizz. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali nfisha kkonstatat li l-integrazzjoni wara d-dħul fis-servizz ma hijiex rilevanti għall-allowance tal-espatrijazzjoni ( 32 ). Għaldaqstant, fir-rigward ta’ din l-allowance, l-integrazzjoni tal-uffiċjali fil-pajjiż ta’ impjieg għandha tiġi pparagunata qabel u mhux wara d-dħul fis-servizz. |
|
81. |
Il-Kummissjoni u l-Kunsill infushom ammettew, waqt is-seduta, li s-sitwazzjoni tal-appellant kienet waħda “borderline”, peress li l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, bil-mod li huma jissuġġerixxu, tkun possibbli f’din is-sitwazzjoni biss jekk jiġi l-appellant jitqies bħallikieku kellu n-nazzjonalità Belġjana sa mid-dħul tiegħu fis-servizz. Madankollu, l-appellant ġustament josserva li l-eżami tal-eżistenza ta’ inugwaljanza fit-trattament ma tistax tkun ibbażata fuq tali ipoteżi li ma tikkorrispondix mar-realtà. |
|
82. |
Kif irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali nfisha fil-punti 83, 91 u 92 tas-sentenza appellata, il-leġiżlatur ikkostitwixxa kategoriji għad-dritt tal-allowance tal-espatrijazzjoni u għandu jiġi eżaminat f’liema kategorija jinsabu l-uffiċjali tal-Unjoni. Ma jistax jiġi aċċettat li uffiċjal jiġi mċaqlaq minn kategorija għal oħra jew li jiġi ttrattat bħal uffiċjali li jaqgħu taħt din il-kategorija abbażi ta’ preżunzjonijiet li ma jikkorrispondux mar-realtà, meta huwa ma jkunx jaqa’ taħt din il-kategorija minħabba s-sitwazzjoni tiegħu. |
|
83. |
Minn dak kollu li ntqal hawn jirriżulta li, billi applikat l-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, għaldaqstant, wettqet żball ta’ liġi. Għaldaqstant, it-tieni aggravju huwa wkoll fondat. |
B. Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali
|
84. |
Skont l-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi l-kawża definittivament meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. |
|
85. |
Dan huwa l-każ fil-kawża preżenti. |
|
86. |
L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża u tistabbilixxi mill-ġdid l-allowance tal-espatrijazzjoni tiegħu u r-rimbors ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar sa mill‑1 ta’ Diċembru 2017, u li tordna l-ħlas tal-allowances dovuti għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Diċembru 2017 u d-data tal-istabbiliment mill-ġdid tal-allowances mhux imħallsa, flimkien mal-interessi. |
|
87. |
Fir-rigward, qabelxejn, tat-talba intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni tal-PMO tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Marzu 2018, li permezz tagħha ġie deċiż li, b’effett mill‑1 ta’ Diċembru 2017, l-appellant ma għandux iktar dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni u għar-rimbors ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar, għandha tiġi annullata. |
|
88. |
Sussegwentement, fir-rigward tat-talba sabiex jiġi ordnat l-istabbiliment mill-ġdid tal-allowance tal-espatrijazzjoni u tar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-appellant b’effett mill‑1 ta’ Diċembru 2017, minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta wkoll li l-ksib mill-appellant tan-nazzjonalità Belġjana, fit‑3 ta’ Novembru 2017, ma kellu l-ebda effett fuq id-dritt tiegħu għall-allowance tal-espatrijazzjoni skont l-Artikolu 4(1)(a) u għar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar skont l-Artikolu 8 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssegwi s-soluzzjoni difiża f’dan il-każ, l-istabbiliment mill-ġdid tad-dritt tiegħu għal dawn il-benefiċċji jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha tiddikjara dan separatament. Hija pjuttost il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 266 TFUE, li għandha tieħu l-miżuri neċessarju għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 33 ). |
|
89. |
F’dak li jikkonċerna t-talba intiża sabiex jiġi ordnat il-ħlas tal-allowances mhux imħallsa għall-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Diċembru 2017 u d-data tal-istabbiliment mill-ġdid, flimkien mal-interessi, għandu jiġi indikat fl-aħħar mill-aħħar li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, f’tilwim ta’ natura pekunjarja li jirrigwarda l-uffiċjali, ġurisdizzjoni sħiħa li tippermettilha tordna lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jħallsu s-somom dovuti taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, flimkien, jekk ikun il-każ, mal-interessi ( 34 ). B’hekk, fil-każ ta’ annullament ta’ deċiżjoni li tneħħi d-dritt ta’ uffiċjal għall-allowance tal-espatrijazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-allowances li hija kellha tħallas sa mill-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni ( 35 ). |
|
90. |
Konsegwentement, hemm lok li l-Kummissjoni tiġi ordnata tħallas lill-appellant l-allowances tal-espatrijazzjoni u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar li huwa ma rċeviex bejn l‑1 ta’ Diċembru 2017 u d-data tal-istabbiliment mill-ġdid tad-drittijiet tiegħu f’dan ir-rigward. |
|
91. |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-somom dovuti taħt ir-Regolamenti tal-Persunal u mħallsa tardivament jipproduċu interessi b’effett mit-tressiq tal-ilment, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal ( 36 ). Minn dan jirriżulta li l-krediti li kienu diġà dovuti fid-data tat-tressiq tal-ilment, jiġifieri, f’dan il-każ, fis‑17 ta’ Ġunju 2018 ( 37 ), għandhom jiżdiedu bl-interessi sa minn din id-data, filwaqt li l-krediti li saru dovuti wara din id-data jipproduċu interessi sa mid-data ta’ skadenza ta’ kull waħda minnhom ( 38 ). Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-rata ta’ interessi, mill-ġurisprudenza reċenti jirriżulta li s-somom dovuti għandhom jiżdiedu bir-rata stabbilita, matul il-perijodu rilevanti, mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid tiegħu, miżjuda bi tliet punti u nofs perċentwali ( 39 ). |
VI. Fuq l-ispejjeż
|
92. |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja nfisha taqta’ l-kawża definittivament. |
|
93. |
Skont l-Artikolu 138(1) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn l-istess regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
94. |
Peress li l-appellant talab li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja u peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-appellant kif ukoll għall-ispejjeż tagħha stess relatati kemm mal-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll mal-proċedura tal-appell. |
|
95. |
Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant hemm lok li l-Kunsill jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu sostnuti fl-ewwel istanza u fil-kuntest tal-appell. |
VII. Konklużjoni
|
96. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Regolament Nru 31 (KEE) 11 (KEEA) li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 1962, 45, p. 1385).
( 3 ) T‑18/19, EU:T:2020:465.
( 4 ) Ara, fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-kriterji ta’ residenza abitwali u ta’ eżerċizzju permanenti tal-attività professjonali prinċipali, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑28 ta’ Frar 2019, Pozza vs Il-Parlament (T‑216/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:118, punti 28 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 5 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Settembru 2021, LF vs Il-Kummissjoni (T‑466/20, EU:T:2021:574, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal‑11 ta’ Lulju 2007, B vs Il-Kummissjoni (F‑7/06, EU:F:2007:129, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll punt 76 tas-sentenza appellata. Madankollu, ara, fir-rigward ta “assenzi sporadiċi u ta’ żmien qasir” filwaqt li tinżamm ir-residenza fil-post ta’ impjieg sussegwenti, is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 1984, Witte vs Il-Parlament (188/83, EU:C:1984:309, punti 9 sa 11).
( 6 ) Ara s-sentenzi msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti LF vs Il-Kummissjoni u B vs Il-Kummissjoni.
( 7 ) Ara wkoll is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas‑26 ta’ Ġunju 2013, Achab vs KESE (F‑21/12, EU:F:2013:95, punt 28).
( 8 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 61), tal‑14 ta’ Jannar 2016, Vodafone (C‑395/14, EU:C:2016:9, punt 40), u tal‑25 ta’ Jannar 2018, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C‑314/16, EU:C:2018:42, punt 47).
( 9 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2009, Zurita García u Choque Cabrera (C‑261/08 u C‑348/08, EU:C:2009:648, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 10 ) Sentenzi tal‑20 ta’ Frar 1975, Airola vs Il-Kummissjoni (21/74, EU:C:1975:24, punti 6/8); tas‑16 ta’ Ottubru 1980, Hochstrass vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (147/79, EU:C:1980:238, punt 12); u tat‑2 ta’ Lulju 1981, Garganese vs Il-Kummissjoni (185/80, EU:C:1981:161, punt 11); ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat‑28 ta’ Frar 2019, Pozza vs Il-Parlament (T‑216/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:118, punt 37); u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal‑11 ta’ Lulju 2007, B vs Il-Kummissjoni (F‑7/06, EU:F:2007:129, punt 35).
( 11 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Settembru 2021, LF vs Il-Kummissjoni (T‑466/20, EU:T:2021:574, punti 35 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata) u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal‑11 ta’ Lulju 2007, B vs Il-Kummissjoni (F‑7/06, EU:F:2007:129, punti 36 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 12 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2007, B vs Il-Kummissjoni (F‑7/06, EU:F:2007:129, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata); ara wkoll il-punt 82 tas-sentenza appellata.
( 13 ) Sentenza tat‑13 ta’ Novembru 1986, Richter vs Il-Kummissjoni (330/85, EU:C:1986:430, punt 6); sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Settembru 2000, Lemaître vs Il-Kummissjoni (T‑317/99, EU:T:2000:218, punt 50); u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal‑11 ta’ Lulju 2007, B vs Il-Kummissjoni (F‑7/06, EU:F:2007:129, punt 39). L-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni taż-żmien imqatta’ fis-servizz ta’ Stat jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali għall-kalkolu taż-żmien imqatta’ rispettivament fil-pajjiż ta’ impjieg (punt (a)) jew barra mill-pajjiż ta’ impjieg (punt (b)) tistrieħ fuq il-preżunzjoni li l-provvista ta’ servizzi għal Stat jew għal organizzazzjoni internazzjonali ma hijiex xierqa sabiex tistabbilixxi rabtiet dewwiema bejn il-persuna kkonċernata u l-Istat li fih jiġu pprovduti dawn is-servizzi; ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Hosman-Chevalier (C‑424/05 P, EU:C:2007:169, punti 50 u 51 u l-ġurisprudenza ċċitata); ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Lulju 2018, Quadri di Cardano vs Il-Kummissjoni (T‑273/17, EU:T:2018:480, punt 49).
( 14 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Hosman-Chevalier (C‑424/05 P, EU:C:2007:169, punt 44, nota ta’ qiegħ il-qiegħ il-paġna 23).
( 15 ) Sentenzi tat‑2 ta’ Lulju 1981, Garganese vs Il-Kummissjoni (185/80, EU:C:1981:161, punt 11), u tal‑15 ta’ Settembru 1994, Magdalena Fernández vs Il-Kummissjoni (C‑452/93 P, EU:C:1994:332, punti 20 u 21).
( 16 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ Marzu 1993, Vardakas vs Il-Kummissjoni (T‑4/92, EU:T:1993:29, punt 39) (Enfasi miżjuda minni).
( 17 ) Ara l-punti 36 sa 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.
( 18 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Lulju 2018, Quadri di Cardano vs Il-Kummissjoni (T‑273/17, EU:T:2018:480, punt 58).
( 19 ) Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas‑26 ta’ Ġunju 2013, Achab vs KESE (F‑21/12, EU:F:2013:95, punt 28).
( 20 ) Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas‑26 ta’ Ġunju 2013, Achab vs KESE (F‑21/12, EU:F:2013:95, punt 26).
( 21 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 1980, Hochstrass vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (147/79, EU:C:1980:238, punt 12).
( 22 ) Ara l-punti 38 sa 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 23 ) Ara l-punt 85 tas-sentenza appellata.
( 24 ) Ara, fir-rigward tat-tneħħija tal-allowance tal-espatrijazzjoni fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini, b’mod partikolari, id-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2005, Gouvras vs Il-Kummissjoni (C‑420/04 P, EU:C:2005:482, punt 57), b’referenza għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Lulju 2004, Gouvras vs Il-Kummissjoni (T‑180/02 u T‑113/03, EU:T:2004:238, punt 104; ara wkoll il-punt 85); ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑28 ta’ Settembru 1993, Magdalena Fernández vs Il-Kummissjoni (T‑90/92, EU:T:1993:78). Iż-żmien imqatta’ fis-servizz tal-Unjoni barra mill-pajjiż ta’ oriġini huwa kkunsidrat bħala żmien fis-servizz ta’ organizzazzjoni internazzjonali li ma tiksirx ir-rabta mal-pajjiż ta’ oriġini, ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Lulju 2018, Quadri di Cardano vs Il-Kummissjoni (T‑273/17, EU:T:2018:480, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) Sentenza tal‑20 ta’ Frar 1975, Airola vs Il-Kummissjoni (21/74, EU:C:1975:24, punt 9/12). Ara wkoll il-punt 61 tas-sentenza appellata kif ukoll, issa, l-Artikolu 4(3) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.
( 26 ) Sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2011, Association belge des Consommateurs Test-Achats et (C‑236/09, EU:C:2011:100, punti 28 u 29); ara wkoll il-punt 80 tas-sentenza appellata.
( 27 ) Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 28 ) Ara l-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 29 ) Ara l-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 30 ) Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 31 ) Sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Hosman-Chevalier (C‑424/05 P, EU:C:2007:367, punt 26), u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Alvarez y Bejarano et vs Il-Kummissjoni (C‑517/19 P u C‑518/19 P, EU:C:2021:240, punt 69).
( 32 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ Marzu 1993, Vardakas vs Il-Kummissjoni (T‑4/92, EU:T:1993:29, punt 39); ara f’dan ir-rigward il-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2012, Grazyte vs Il-Kummissjoni (F‑76/11, EU:F:2012:173, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 34 ) Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ April 1997, de Compte vs Il-Parlament (C‑90/95 P, EU:C:1997:198, punt 45); tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il-Parlament (C‑135/06 P, EU:C:2007:812, punti 65 sa 68 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tal‑20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il-Kummissjoni (C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punti 44 sa 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2012, Grazyte vs Il-Kummissjoni (F‑76/11, EU:F:2012:173, punti 25 u 26).
( 36 ) F’dan ir-rigward, ara fid-dettall il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Il-Kummissjoni vs IPK International (C‑336/13 P, EU:C:2014:2170, punti 35 et seq., u b’mod partikolari l-punt 68).
( 37 ) Ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 38 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 1985, Battaglia vs Il-Kummissjoni (737/79, EU:C:1985:4, punt 10), kif ukoll is-sentenzi l-oħra msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Il-Kummissjoni vs IPK International (C‑336/13 P, EU:C:2014:2170).
( 39 ) Ara, pereżempju, fil-kontenzjuż tas-servizz pubbliku, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat‑3 ta’ Lulju 2019, PT vs BEI (T‑573/16, EU:T:2019:481, punt 444); tat‑3 ta’ Ottubru 2019, DQ et vs Il-Parlament (T‑730/18, EU:T:2019:725, punt 118); u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Wehrheim vs BĊE (T‑100/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:882, punt 115); ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il-Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punt 129). Ir-rata ta’ interessi applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda bi tliet punti u nofs perċentwali, tikkorrispondi għar-rata ta’ interessi stabbilita b’mod ġenerali mill-Artikolu 116(5)(a) moqri flimkien mal-Artikolu 99(2)(b) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2018, L 193, p. 1), għall-pagamenti tal-Unjoni magħmula wara l-iskadenza tat-termini għall-ħlas, li għalihom ma ġiex speċifikat mod ieħor.