European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/643

10.2.2025

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Jannar 2025

li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju ta' Spanja

(C/2025/643)

Il-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(1)

Fit-30 ta' April 2024 daħal fis-seħħ qafas ta' governanza ekonomika tal-UE riformat. Ir-Regolament 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali (1), flimkien mar-Regolament emendat (KE) Nru 1467/97 dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (2), u d-Direttiva emendata tal-Kunsill 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (3) huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat ta' governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u li jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Huwa jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali u jiffoka aktar fuq terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti tar-regoli.

(2)

Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li l-Istati Membri jissottomettu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni huma fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika. Il-pjanijiet għandhom jimmiraw li jintlaħqu żewġ objettivi: i) l-iżgurar li, fost l-oħrajn, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja ta' tnaqqis plawżibbli, jew jibqa' f'livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fuq it-terminu medju, u ii) l-iżgurar tat-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dak il-għan, kull pjan għandu jippreżenta impenn fuq terminu medju għal perkors tan-nefqa netta (4), li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li jkopri 4 jew 5 snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan huwa li jiġi spjegat kif l-Istat Membru ser jiżgura t-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inkluż dawk li jappartjenu għall-proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi (MIP, macroeconomic imbalances procedure), jekk applikabbli), u kif l-Istat Membru ser jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri perjodu ta' erba' snin, li jista' jiġi estiż sa tliet snin jekk l-Istat Membru jintrabat li jwettaq sett ta' riformi u investimenti rilevanti li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263.

(3)

Wara l-preżentazzjoni tal-pjan, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(4)

Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill irid imbagħad jadotta rakkomandazzjoni biex jistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta' impenji ta' riforma u ta' investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali.

KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR SPANJA

(5)

Fil-15 ta' Ottubru 2024, Spanja ssottomettiet il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħha lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Is-sottomissjoni saret wara estensjoni tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 36(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2024/1263, kif maqbul mal-Kummissjoni fid-dawl tar-raġunijiet ipprovduti minn Spanja.

Proċess qabel is-sottomissjoni tal-pjan

(6)

Sabiex jiġi inkwadrat id-djalogu li jwassal għas-sottomissjoni tal-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta' Ġunju 2024 il-Kummissjoni bagħtet it-trajettorja referenzjarja (5) lil Spanja, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/1263. Il-Kummissjoni ppubblikat it-trajettorja referenzjarja fil-15 ta' Ottubru 2024 (6). It-trajettorja referenzjarja hija bbażata fuq ir-riskju u tiżgura li, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament fiskali u fin-nuqqas ta' aktar miżuri baġitarji lil hinn mill-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja plawżibbli 'l isfel jew jibqa' f'livelli prudenti fuq it-terminu medju, u d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb taħt it-3 % tal-PDG matul il-perjodu ta' aġġustament u jinżamm taħt dak il-valur referenzjarju fuq it-terminu medju. It-terminu medju huwa definit bħala l-perjodu ta' għaxar snin wara t-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament. F'konformità mal-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263, it-trajettorja referenzjarja hija konsistenti wkoll mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn u mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit.

It-trajettorja referenzjarja ta' Spanja tistabbilixxi li, abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni li jsostnu l-gwida minn qabel trażmessa f'Ġunju 2024 u jekk wieħed jassumi perjodu ta' aġġustament ta' 7 snin, in-nefqa netta ma għandhiex tikber b'aktar mill-valuri pprovduti fit-Tabella 1. Dan jikkorrispondi għal tkabbir medju nett fin-nefqa ta' 2,8 % matul il-perjodu ta' aġġustament (2025–2031) u ta' 2,9 % matul il-perjodu kopert mill-pjan (2025–2028).

Tabella 1: Trajettorja referenzjarja provduta mill-Kummissjoni lil Spanja fil-21 ta' Ġunju 2024

 

2025

2026

2027

2028

2029

2030

2031

Medja 2025–2028

Medja 2025–2031

Tkabbir massimu fin-nefqa netta (annwali, %)

3,2

2,8

2,7

2,7

2,7

2,6

2,5

2,9

2,8

Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni.

(7)

F'konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, Spanja u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom fi djalogu tekniku minn Lulju sa Ottubru 2024. Id-djalogu ffoka fuq il-perkors tan-nefqa netta previst minn Spanja u s-suppożizzjonijiet sottostanti tagħha (b'mod partikolari l-użu ta' aġġornamenti xprunati mid-data), is-sett previst ta' impenji ta' riforma u investiment biex jirfed estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament inkluż riformi u investimenti bħal miżuri li jikkonċernaw l-ambjent regolatorju, il-kapital uman, il-provvista ta' akkomodazzjoni, it-tassazzjoni u n-nefqa pubblika. Id-djalogu kopra wkoll it-twettiq previst ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni fi tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini tal-kapaċitajiet tad-difiża.

(8)

Il-pjan sottomess minn Spanja ma jirrapportax dwar proċess ta' konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali rilevanti (inkluż is-sħab soċjali) qabel is-sottomissjoni.

(9)

L-istituzzjoni fiskali indipendenti Spanjola, AIReF, tat opinjoni dwar it-tbassir makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi li jirfdu l-perkors tan-nefqa netta pluriennali. Ix-xenarju makroekonomiku mill-2024 sal-2026 li jservi bħala l-punt tat-tluq għall-projezzjonijiet makroekonomiċi u l-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn ġie approvat mill-AIReF.

Proċessi relatati oħra

(10)

Fil-21 ta' Ottubru 2024, il-Kunsill indirizza lil Spanja sensiela ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs, country-specific recommendations) fil-kuntest tas-Semestru Ewropew (7).

VALUTAZZJONI TAL-PJAN MILL-KUMMISSJONI

(11)

F'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan kif ġej:

Sitwazzjoni u prospetti makroekonomiċi u fiskali

(12)

L-attività ekonomika fi Spanja kibret bi 2,7 % fl-2023, xprunata minn żviluppi robusti fis-suq tax-xogħol li sostnew il-konsum privat, kif ukoll mill-kontribuzzjoni mill-esportazzjonijiet netti u l-konsum pubbliku. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija hija mistennija li tikber bi 3,0 % fl-2024, bis-saħħa tal-evoluzzjoni pożittiva tal-konsum pubbliku u privat, sostnuta mill-ħolqien dinamiku tal-impjiegi u l-qligħ reali tal-introjtu għall-unitajiet domestiċi, u mill-kontribuzzjoni mill-attività tat-turiżmu. Fl-2025, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied bi 2,3 %, hekk kif it-tkabbir fil-konsum u ż-żieda mistennija fuq bażi wiesgħa fl-investiment, b'mod partikolari fuq it-tagħmir u l-akkomodazzjoni, huma pprojettati li jirfdu l-attività ekonomika. Fl-2026, il-PDG reali huwa, f'dan l-istadju, mistenni li jiżdied bi 2,1 %, peress li d-domanda domestika hija mistennija li tappoġġa l-espansjoni ekonomika. Matul il-perjodu ta' tbassir (jiġifieri 2024–2026), il-PDG potenzjali fi Spanja huwa mistenni li jonqos bi ftit, minn 2,4 % fl-2023 għal 2,3 % fl-2026, hekk kif il-kontribuzzjoni tal-ħaddiema għat-tkabbir potenzjali tonqos. Ir-rata tal-qgħad kienet ta' 12,2 % fl-2023 u hija projettata mill-Kummissjoni li tammonta għal 11,5 % fl-2024 u 11,0 % fl-2025 u 10,7 % fl-2026. Fl-2024, l-inflazzjoni (deflatur tal-PDG) qed tonqos minn 6,2 % fl-2023 għal 3,1 % fl-2024, u hija mistennija li tilħaq 2,4 % fl-2025 u 2,0 % fl-2026.

(13)

Fir-rigward tal-iżviluppi fiskali, fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż ta' Spanja ammonta għal 3,5 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, huwa mistenni li jilħaq 3,0 % tal-PDG fl-2024 u jkompli jonqos għal 2,6 % tal-PDG fl-2025 u, fuq bażi ta' ebda bidla fil-politika, jistabbilizza ruħu b'mod ġenerali (2,7 %) fl-2026. It-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea ma jinkludux l-abbozz tal-baġit ta' Spanja għall-2025, li għadu ma ġiex adottat mill-gvern Spanjol fid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom. Id-dejn tal-gvern estiż kien ta' 105,1 % tal-PDG fi tmiem l-2023. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jonqos għal 102,3 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Huwa pprojettat li jonqos għal 101,3 % tal-PDG fi tmiem l-2025 u għal 101,1 % fi tmiem l-2026. It-tbassir fiskali mill-Kummissjoni ma jqisx l-impenji ta' politika fil-pjanijiet fuq terminu medju bħala tali, sakemm dawn ikunu sostnuti minn miżuri ta' politika konkreti mħabbra b'mod kredibbli u speċifikati biżżejjed.

Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan

(14)

Il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju ta' Spanja jkopri l-perjodu 2025–2028 u jippreżenta aġġustament fiskali fuq seba' snin.

(15)

Il-pjan fih l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(16)

Il-pjan jintrabat għall-perkors tan-nefqa netta indikat fit-Tabella 2, li jikkorrispondi għat-tkabbir medju nett fin-nefqa ta' 3,4 % matul is-snin 2025–2028. Barra minn hekk, Spanja tintrabat ma' sett ta' riformi u ta' investimenti bil-ħsieb li testendi l-perjodu ta' aġġustament għal 7 snin (2025–2031), li matulhom it-tkabbir medju tan-nefqa netta huwa ppjanat li jkun ta' 3,0 %.

It-tkabbir medju tan-nefqa netta rrapportat fil-pjan matul il-perjodu ta' aġġustament (2025–2031) huwa ogħla mit-trajettorja referenzjarja trażmessa mill-Kummissjoni fil-21 ta' Ġunju 2024.

Il-pjan jassumi li t-tkabbir tal-PDG potenzjali jiżdied minn 1,9 % għal 2,1 % fl-2025–2027 u minn hemm 'il quddiem jonqos gradwalment għal 1,1 % sal-2031. Barra minn hekk, il-pjan jistenna li r-rata ta' tkabbir tad-deflatur tal-PDG tonqos għal 2,7 % fl-2025 minn 3,1 % fl-2024, qabel ma tkompli tonqos għal 2,4 % fl-2026-2028 u 2,3 % fl-2029–2031.

Tabella 2: Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan ta' Spanja

 

Estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament

 

 

2024

2025

2026

2027

2028

2029

2030

2031

Medja matul il-perjodu ta' validità tal-pjan 2025–2028

Medja matul il-perjodu ta' aġġustament 2025-2031

Tkabbir nett fin-nefqa (annwali, %)

5,3

3,7

3,5

3,2

3,0

3,0

2,5

2,4

3,4

3,0

Tkabbir nett fin-nefqa (kumulattiv, mis-sena bażi 2023, %)

5,3

9,2

13,0

16,6

20,1

23,7

26,8

29,9

mhux applikabbli

mhux applikabbli

Tkabbir tal-PDG potenzjali (%)

1,9

2,0

2,1

1,8

1,6

1,6

1,2

1,1

1,9

1,6

Inflazzjoni (tkabbir tad-deflatur tal-PDG) (%)

3,1

2,7

2,4

2,4

2,4

2,3

2,3

2,3

2,5

2,4

Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju ta' Spanja u l-kalkoli tal-Kummissjoni.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għad-dejn tal-gvern estiż

(17)

Jekk il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti jimmaterjalizzaw, id-dejn tal-gvern estiż jonqos gradwalment minn 102,5 % fl-2024 għal 90,6 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2031), skont il-pjan, skont it-tabella li ġejja. Wara l-aġġustament, fuq terminu medju (jiġifieri sal-2041), id-dejn tal-gvern estiż ikompli jonqos gradwalment, skont il-pjan, u jilħaq 76,8 % tal-PDG sal-2041.

Tabella 3: Id-dejn tal-gvern estiż u l-iżviluppi tal-bilanċ fil-pjan ta' Spanja

 

2023

2024

2025

2026

2027

2028

2029

2030

2031

2041

Dejn tal-gvern (% tal-PDG)

105,0

102,5

101,4

100,1

98,4

96,6

94,8

92,8

90,6

76,8

Bilanċ tal-gvern (% tal-PDG)

-3,5

-3,0

-2,5

-2,1

-1,8

-1,6

-1,5

-1,2

-0,8

-2,0

Sors: Pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju ta' Spanja

Għalhekk, skont il-pjan, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż jaqbad trajettorja ta' tnaqqis fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2031). Dan huwa plawżibbli peress li, abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-pjan, id-dejn huwa projettat li jonqos matul l-għaxar snin wara l-perjodu ta' aġġustament taħt it-testijiet tal-istress deterministiċi kollha tal-Analiżi tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-Kummissjoni, u l-projezzjonijiet stokastiċi jindikaw li d-dejn jonqos bi probabbiltà għolja biżżejjed.

Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-dejn kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (a), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għall-bilanċ tal-gvern estiż

(18)

Abbażi tal-perkors u s-suppożizzjonijiet tan-nefqa netta tal-pjan, id-defiċit tal-gvern estiż ikun ta' 3,0 % fl-2024 u jonqos gradwalment biex jilħaq 0,8 % fl-2031.

Għalhekk, skont il-pjan, il-bilanċ tal-gvern estiż ma jaqbiżx il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2031).

Barra minn hekk, fl-10 snin ta' wara l-perjodu ta' aġġustament (jiġifieri sal-2041), id-defiċit tal-gvern ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG.

Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-defiċit kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (b), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali

(19)

Il-profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali, imkejjel bħala l-bidla fil-bilanċ primarju strutturali, kif deskritt fil-pjan, huwa lineari, kif meħtieġ mill-Artikolu 6, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Barra minn hekk, l-aġġustament fiskali matul l-ewwel erba' snin tal-pjan huwa proporzjonali għall-isforz totali ta' aġġustament.

Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mal-klawżola ta' salvagwardja mingħajr posponiment stabbilita fl-Artikolu 6, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Tabella 4: Żviluppi fil-bilanċ strutturali primarju fil-pjan ta' Spanja

 

2023

2024

2025

2026

2027

2028

2029

2030

2031

Bilanċ primarju strutturali (% tal-PDG)

-0,9

-0,6

-0,2

0,2

0,7

1,1

1,5

1,9

2,3

Bidla fil-bilanċ primarju strutturali (punti perċentwali)

mhux applikabbli

0,4

0,4

0,4

0,4

0,4

0,4

0,4

0,4

Sors: Pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju ta' Spanja.

Konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit

(20)

F'konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263, l-aġġustament annwali fil-bilanċ primarju strutturali ma għandux ikun inqas minn 0,25 % tal-PDG jekk id-defiċit strutturali jibqa' 'l fuq minn 1,5 % tal-PDG fis-sena preċedenti, biex jinkiseb marġni komuni ta' reżiljenza f'termini strutturali ta' 1,5 % tal-PDG. L-aġġustament fiskali li jirriżulta mill-impenji ta' politika u mis-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan huwa ta' 0,4 % tal-PDG kull sena mill-2025 sal-2031. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit.

Konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn

(21)

F'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2024/1263, peress li d-dejn tal-gvern estiż ser ikun ogħla minn 90 % tal-PDG matul il-perjodu ta' aġġustament skont il-pjan, il-proporzjon tad-dejn huwa meħtieġ li jonqos b'mill-inqas punt perċentwali wieħed (1) bħala medja fis-sena sakemm jaqa' taħt id-90 %, u wara dan għandu jonqos b'medja ta' 0,5 % punti perċentwali. Dan it-tnaqqis medju huwa kkalkolat matul il-perjodu 2024–2031 u jammonta għal 1,7 punti perċentwali (ara t-Tabella 3). Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn.

Suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan

(22)

Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta' suppożizzjonijiet li huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni mibgħuta lil Spanja fil-21 ta' Ġunju 2024. B'mod partikolari, il-pjan juża suppożizzjonijiet differenti għal sitt varjabbli, jiġifieri l-punt tat-tluq (jiġifieri l-kundizzjonijiet fiskali u makroekonomiċi fl-2024), it-tkabbir tal-PDG potenzjali, it-tkabbir tad-deflatur tal-PDG, it-tkabbir tal-PDG reali u l-għeluq tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni, ir-rata tal-imgħax nominali impliċita, u s-suppożizzjonijiet tad-dħul. Valutazzjoni bir-reqqa ta' dawn id-differenzi fis-suppożizzjonijiet hija meħtieġa biex jiġi żgurat li dawn ikunu sostnuti minn argumenti ekonomiċi sodi u mmexxija mid-data, speċjalment peress li t-tkabbir medju tan-nefqa netta fil-pjan huwa ogħla mit-trajettorja referenzjarja.

Id-differenzi fis-suppożizzjonijiet bl-aktar impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju tan-nefqa netta huma elenkati hawn taħt, flimkien ma' valutazzjoni ta' kull differenza kkunsidrata b'mod iżolat.

—

Il-pjan jiddependi minn suppożizzjonijiet potenzjali differenti tal-PDG meta mqabbel mal-gwida preċedenti. Ir-reviżjonijiet tal-livell preċedenti tal-PDG potenzjali jimplikaw marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni pożittiv iżgħar fl-2024, li min-naħa tiegħu jimplika bilanċ primarju strutturali ogħla f'dik is-sena. Barra minn hekk, it-tkabbir tal-PDG potenzjali matul il-perjodu ta' aġġustament 2025-2031 huwa ogħla milli fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni tar-Rebbiegħa 2024, b'medja ta' 0,2 punti perċentwali, iżda taħt it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni b' 0,2 punti perċentwali. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju ogħla fin-nefqa netta matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan milli skont it-trajettorja referenzjarja. It-tkabbir tal-PDG potenzjali matul il-perjodu ta' aġġustament jirriżulta minn aġġornament tas-serje potenzjali tal-PDG, imwettaq minn Spanja, abbażi tal-metodoloġija maqbula b'mod komuni tal-UE. Dan l-aġġornament jintegra l-projezzjonijiet makroekonomiċi fuq terminu qasir ta' Spanja fil-pjan, li huma kemxejn aktar favorevoli mill-gwida preċedenti iżda ġeneralment konformi mat-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea. Il-projezzjonijiet fuq terminu qasir ta' Spanja jinkludu wkoll ir-reviżjoni 'l fuq tas-serje storika ta' tkabbir tal-PDG reali wara r-reviżjoni statistika maħruġa mill-Eurostat fir-rieżami ta' nofs it-terminu tiegħu, u l-aġġornament tal-projezzjonijiet tal-popolazzjoni tal-Eurostat. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġustifikata kif xieraq.

—

Il-pjan huwa differenti mill-gwida preċedenti dwar żewġ aspetti rigward is-suppożizzjoni għat-tkabbir tad-deflatur tal-PDG. L-ewwel nett, abbażi taż-żieda fil-kostijiet tal-unità lavorattiva, il-pjan jinkludi tkabbir tad-deflatur tal-PDG għall-2025 li huwa ogħla b'0,4 punti perċentwali milli fil-gwida preċedenti. Dan huwa 0,3 punti perċentwali ogħla kemm mit-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll mit-tbassir tal-kunsill fiskali indipendenti Spanjol (AIReF, Autoridad Independiente de Responsabilidad Fiscal) (8). Għalhekk, din is-suppożizzjoni ma titqiesx mill-Kummissjoni bħala li hija ġustifikata kif xieraq għall-2025. It-tieni nett, mill-2026, it-tkabbir tad-deflatur tal-PDG jikkonverġi aktar malajr u għal livell aktar baxx (2,2 %) minn dak li jkun meħtieġ skont il-qafas komuni tal-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn (DSA, debt sustainability analysis) (2,6 % fil-gwida preċedenti, u 2,4 % abbażi tal-aspettattivi aġġornati tas-suq f'Settembru 2024). Għalhekk, din is-suppożizzjoni hija aktar prudenti u meqjusa bħala ġustifikata kif xieraq. B'mod ġenerali, it-tkabbir medju tad-deflatur tal-PDG matul il-perjodu kollu ta' projezzjoni (2025–2041) huwa aktar baxx fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, bi 2,3 % meta mqabbel ma' 2,4 %. Is-suppożizzjonijiet dwar it-tkabbir tad-deflatur tal-PDG jikkontribwixxu għal tkabbir medju aktar baxx fin-nefqa netta fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni.

—

Fil-pjan, il-projezzjonijiet għall-kost tat-tixjiħ, u b'mod partikolari tan-nefqa fuq il-pensjonijiet, jibqgħu kompletament konformi mal-qafas komuni tad-DSA, li jiddependi mir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2024. Madankollu, il-pjan jiddevja mis-suppożizzjoni ta' “l-ebda bidla fil-politika fiskali” applikata lil hinn mill-perjodu ta' aġġustament. Skont il-qafas komuni tad-DSA, il-projezzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet soċjali, inkluż dawk imħallsa fis-sistema tal-pensjonijiet, huma preżunti li jibqgħu kostanti bħala proporzjon mal-PDG matul l-għaxar snin wara t-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, jiġifieri mill-2032 sal-2041. B'kuntrast ma' dan, il-pjan jinternalizza l-impatt tal-miżuri ta' dħul kumpensatorju leġiżlati fl-2023 (flimkien mar-riforma tal-pensjonijiet) li ser ikomplu jimmaterjalizzaw wara l-2031. Dan iwassal għal żieda kumulattiva fil-kontribuzzjonijiet soċjali ta' 1,8 punti perċentwali tal-PDG matul dawk l-għaxar snin, li ttejjeb id-dinamika tad-dejn. Għalhekk, dawn il-miżuri jnaqqsu l-aġġustament meħtieġ biex id-dejn jitqiegħed fuq perkors ta' tnaqqis plawżibbli u jippermettu tkabbir medju ogħla fin-nefqa netta matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Din is-suppożizzjoni tiddependi mid-deskrizzjoni tal-miżuri leġiżlati fil-fiche tal-Pajjiż ta' Spanja li takkumpanja r-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2024 (9). Għalhekk, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġustifikata kif xieraq.

Id-differenzi rimanenti fis-suppożizzjonijiet ma għandhomx impatt sinifikanti fuq it-tkabbir tan-nefqa netta medja meta mqabbla mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni.

Kollox ma' kollox, l-impatt konġunt ta' suppożizzjonijiet aktar kawti u differenzi fis-suppożizzjonijiet li jitqiesu bħala debitament ġustifikati jegħleb id-differenzi fis-suppożizzjonijiet li ma jitqisux bħala debitament ġustifikati. Dan jimplika li d-differenza bejn il-perkors tan-nefqa netta fil-pjan u t-trajettorja referenzjarja hija spjegata minn differenzi fis-suppożizzjonijiet li b'mod ġenerali jistgħu jiġu aċċettati, f'konformità mal-Artikolu 13, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1263.

B'mod ġenerali, id-differenzi kollha fis-suppożizzjonijiet meħuda flimkien iwasslu għal tkabbir medju fin-nefqa netta fil-pjan li huwa ogħla mit-trajettorja referenzjarja.

Il-Kummissjoni ser tqis il-valutazzjoni ta' hawn fuq tas-suppożizzjonijiet tal-pjan f'valutazzjonijiet futuri tal-konformità mal-perkors tan-nefqa netta.

Strateġija fiskali tal-pjan

(23)

Il-pjan ma jinkludix strateġija fiskali indikattiva biex jiġi implimentat il-perkors tan-nefqa netta tal-pjan, peress li dak il-perkors huwa stabbilit biss bħala limitu massimu tekniku li Spanja timpenja ruħha li ma taqbiżx. L-ispeċifikazzjoni preċiża tal-miżuri ta' politika rilevanti b'effetti baġitarji diretti għandha tiġi konfermata jew aġġustata u kwantifikata fil-baġits annwali.

Sett ta' impenji ta' riforma u ta' investiment biex jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali

(24)

Fil-pjan, Spanja tintrabat ma' sett ta' riformi u investimenti, bl-għan li ttejjeb it-tkabbir potenzjali u s-sostenibbiltà fiskali, biex tirfed estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali minn 4 għal 7 snin.

Is-sett ta' riformi u ta' investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament huwa magħmul minn xi impenji mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP, recovery and resilience plan) ta' Spanja; diversi impenji mill-RRP bi speċifikazzjonijiet addizzjonali; kif ukoll xi riformi u investimenti ġodda. Dan jinkludi l-miżuri li ġejjin (ara wkoll l-Anness II):

Riformi fil-qasam tat-trasformazzjoni diġitali: il-miżuri huma marbuta mal-Komponent 19 (investiment fit-trasformazzjoni diġitali tal-edukazzjoni) inkluż fl-RRP, li l-istadji importanti u l-miri finali tiegħu huma dovuti sa Q4-2025. Dawn jinkludu impenji marbuta mal-Komponent 17 (riforma tal-Liġi dwar ix-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni) fl-RRP, li l-istadji importanti u l-miri finali tiegħu diġà ġew implimentati saż-żmien tas-sottomissjoni.

Riformi fil-qasam tat-tranżizzjoni ekoloġika: il-miżuri huma marbuta mal-Komponent 7 (riforma dwar il-qafas regolatorju għall-promozzjoni tal-ġenerazzjoni rinnovabbli) inkluż fl-RRP, li l-istadji importanti u l-miri finali tiegħu diġà ġew implimentati saż-żmien tas-sottomissjoni.

Riforma fil-qasam tat-tassazzjoni: il-miżuri għandhom l-għan li jżidu d-dħul tal-gvern u jimmodernizzaw is-sistema tat-taxxa u jinkludu speċifikazzjonijiet addizzjonali marbuta mal-Komponent 28 (l-adattament tas-sistema tat-taxxa għar-realtà tas-seklu wieħed u għoxrin) tal-RRP biex sa Q4-2025 tinkiseb żieda permanenti fid-dħul tal-gvern sa Q4-2028, ivvalutata permezz ta' rapporti ta' monitoraġġ. Il-passi ewlenin huma mistennija li jitlestew sa Q4-2025 u Q4-2028.

Riformi fil-qasam tan-nefqa pubblika: il-miżuri huma speċifikazzjonijiet addizzjonali marbuta mal-Komponent 29 (riforma li tistabbilixxi proċess permanenti ta' rieżami u evalwazzjoni tal-infiq pubbliku) inklużi fl-RRP. Il-miżuri fil-pjan isaħħu s-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet b'impenn addizzjonali biex jiġu adottati riformi li jirriżultaw minn rieżamijiet tal-infiq kompluti u kontinwi u t-tnaqqis tan-nefqa annwali sal-2028, ivvalutati permezz ta' rapporti ta' monitoraġġ. Il-passi ewlenin huma mistennija li jitlestew sa Q4-2026, Q2-2027 u Q1-2028.

Riformi fil-qasam tal-kapital uman: impenji addizzjonali mmirati lejn il-promozzjoni ta' taħriġ vokazzjonali doppju u lejn l-iffaċilitar tar-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-ħiliet professjonali (b'attenzjoni speċjali għall-edukazzjoni universitarja) tal-popolazzjoni mwielda barra mill-pajjiż, biex tiżdied il-produttività tagħhom u l-kontribut għat-tkabbir ekonomiku. Il-passi ewlenin korrispondenti huma mistennija li jitlestew sa Q4-2025, Q4-2027 u Q4-2028 rispettivament.

Riformi fil-qasam tal-kapital fiżiku u l-produttività: il-miżuri huma marbuta mal-Komponent 13 (riforma li ttejjeb ir-regolamentazzjoni tan-negozju u l-klima) inklużi fl-RRP, li l-istadji importanti u l-miri finali tiegħu diġà ġew implimentati saż-żmien tas-sottomissjoni. Il-pjan jinkludi impenji addizzjonali mmirati lejn iż-żieda fil-provvista ta' akkomodazzjoni għall-kiri affordabbli, kif ukoll il-ħolqien ta' qafas komuni li jelimina d-disparità fir-rekwiżiti amministrattivi bejn il-komunitajiet awtonomi u l-entitajiet lokali. Il-passi ewlenin korrispondenti huma mistennija li jitlestew sa Q2-2026 u Q4-2027, rispettivament.

Riformi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa: il-miżuri huma marbuta mal-Komponent 27 (riforma dwar l-adozzjoni tal-Liġi Kontra l-Frodi) inkluża fl-RRP, li l-istadji importanti finali tiegħu diġà ġew implimentati saż-żmien tas-sottomissjoni.

Riformi fil-qasam tan-nefqa pubblika tas-servizzi tas-saħħa: impenji addizzjonali mmirati lejn it-titjib tal-ġestjoni tal-benefiċċju temporanju tad-diżabilità, biex tiżdied l-effiċjenza tal-infiq pubbliku. Il-pass ewlieni korrispondenti huwa mistenni li jitlesta sa Q4-2025.

(25)

F'konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2024/1263, kull riforma u investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament hija dettaljata biżżejjed, frontloaded, marbuta biż-żmien u verifikabbli.

(26)

L-impenji tal-RRP li jirfdu l-estensjoni fihom riformi u investimenti sinifikanti mmirati lejn it-titjib tas-sostenibbiltà fiskali u t-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija. Barra minn hekk, Spanja timpenja ruħha li tkompli l-isforz ta' riforma matul il-perjodu kopert mill-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju u li żżomm il-livelli ta' investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali realizzati matul il-perjodu kopert mill-RRP (ara hawn taħt, it-Tabella 5). L-impenn ser jiġi mmonitorjat waqt il-fażi ta' implimentazzjoni tal-pjan. Għaldaqstant, l-impenji skont l-RRP jistgħu jitqiesu għall-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament kif previst fl-Artikolu 36(1)(d) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(27)

Is-sett ta' riformi u ta' investimenti li jirfdu l-estensjoni huwa mistenni li jtejjeb il-potenzjal tat-tkabbir u tar-reżiljenza tal-ekonomija ta' Spanja b'mod sostenibbli kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Ir-riformi u l-investimenti differenti ġew raggruppati fil-pjan f'erba' assi ewlenin, b'kull wieħed ikollu impatt fuq il-livell tal-PDG potenzjali permezz ta' kanali differenti:

1.

It-tranżizzjoni ekoloġika: ir-riformi u l-investimenti għandhom l-għan li jnaqqsu d-dipendenza mill-użu tal-fjuwils fossili, u b'hekk itejbu l-kompetittività u l-attraenza tal-ekonomija Spanjola.

2.

It-trasformazzjoni diġitali: il-miżuri għandhom l-għan li jrawmu d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija Spanjola u jżidu l-penetrazzjoni ta' teknoloġiji ġodda, iżidu l-produttività u jinċentivaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija b'valur miżjud ogħla.

3.

Il-kapital uman: il-miżuri ta' politika għandhom l-għan li jespandu kemm l-ammont kif ukoll il-kwalità tal-provvista tax-xogħol fi Spanja, inkluż dawk relatati ma' miżuri ta' taħriġ vokazzjonali, u s-simplifikazzjoni tas-sistema għall-omologazzjoni tad-diplomi.

4.

Il-kapital fiżiku u l-produttività: dan l-assi għandu l-għan li jespandi l-istokk kapitali installat fi Spanja kif ukoll il-produttività totali tal-fatturi. Dan jinkludi miżuri mmirati lejn it-tnaqqis tal-ostakli burokratiċi għan-negozji, u l-espansjoni tal-istokk tal-akkomodazzjoni.

Ir-riformi u l-investimenti tal-pjan fuq terminu medju li jirfdu l-estensjoni huma stmati minn Spanja li jżidu t-tkabbir potenzjali bi 3,3 punti perċentwali meta mqabbla max-xenarju bażi makroekonomiku, li minnhom 1,7 punti perċentwali huma dovuti għal riformi u investimenti inklużi fl-RRP u 1,6 punti perċentwali minn miżuri addizzjonali, bl-impatt ġenerali kkonċentrat fis-snin wara t-tmiem tal-pjan ta' rkupru (2,1 punti perċentwali bejn l-2026 u l-2031). Bosta minn dawn ir-riformi u l-investimenti huma inklużi fl-Anness II.

Spanja tistma l-impatt fuq it-tkabbir u r-reżiljenza b'mudelli ta' ekwilibriju ġenerali stokastiku dinamiċi kalibrati. Dawn il-mudelli jużaw għadd ta' suppożizzjonijiet għall-ikkalibrar tal-impatt tal-miżuri ta' politika. Dawn jinkludu fost l-oħrajn: il-bidla fid-durata tal-kuntratti, it-tnaqqis fil-kostijiet tar-reklutaġġ u tas-sensji, il-bidla fil-kompożizzjoni tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, it-tnaqqis tal-ostakli għan-negozju u t-titjib fid-domanda u l-provvista ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u fjuwils fossili. Huwa prudenti u kredibbli li wieħed jistenna li l-impatt ġenerali ta' dawn ir-riformi u l-investiment fuq it-tkabbir u r-reżiljenza jkun sostanzjali. Madankollu, ta' min jinnota li l-ikkalibrar sottostanti huwa suxxettibbli għar-riskji u l-inċertezza. Dawn huma relatati b'mod partikolari mal-kamp ta' applikazzjoni u ż-żmien preżunt tal-impatt tal-miżuri.

(28)

Is-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni huwa mistenni li jappoġġa s-sostenibbiltà fiskali kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Jistgħu jsiru kunsiderazzjonijiet addizzjonali dwar l-impatt tar-riformi li jirfdu l-estensjoni. F'dan ir-rigward, il-pjan jirrapporta miżuri biex jittejjeb sostanzjalment il-bilanċ primarju strutturali sal-2031, li jirrifletti l-impatt dirett ta' xi miżuri baġitarji. L-Anness II jirrifletti l-miżuri baġitarji li jirfdu l-estensjoni b'mod ġenerali huma mistennija li jikkontribwixxu b'0,6 punti perċentwali tal-PDG. Il-miżuri tat-taxxa huma mistennija li jżidu d-dħul b'0,5 punti perċentwali tal-PDG. Barra minn hekk, ir-rieżamijiet futuri tal-infiq huma mistennija jtejbu l-proċessi ta' rieżami u jimplimentaw miżuri biex inaqqsu l-livell u jtejbu l-effiċjenza tal-infiq pubbliku b'impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà fiskali, filwaqt li jnaqqsu n-nefqa b'0,1 punti perċentwali tal-PDG matul il-perjodu ta' aġġustament. L-Anness II jinkludi wkoll miżuri baġitarji oħra bħall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, il-fattura elettronika u miżuri mmirati lejn l-inkapaċità temporanja. Il-pjan juri impatt baġitarju indirett tat-tieni ċiklu minħabba attività ekonomika ogħla ta' miżuri oħra fuq l-erba' pilastri ta' politika li jifdal, li jammontaw għal iffrankar ta' 1,4 punti perċentwali tal-PDG sal-2031 kif ġej: i) il-kapital uman (0,4 punti perċentwali tal-PDG), ii) il-kapital fiżiku u l-produttività (0,3 punti perċentwali tal-PDG), iii) it-tranżizzjoni ekoloġika (0,4 punti perċentwali tal-PDG) u iv) it-trasformazzjoni diġitali (0,3 punti perċentwali tal-PDG). Bosta minn dawn ir-riformi u l-investimenti huma wkoll inklużi fl-Anness II.

(29)

Is-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-UE kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263. B'mod partikolari, il-pjan jinkludi riformi u investimenti mmirati lejn it-tnaqqis tad-dipendenza mill-użu tal-fjuwils fossili u l-kontribut għal tranżizzjoni ekoloġika ġusta u l-iżgurar tas-sigurtà tal-enerġija, permezz ta' qafas regolatorju għall-promozzjoni tal-ġenerazzjoni rinnovabbli. L-investimenti mmirati lejn it-trasformazzjoni diġitali tal-edukazzjoni huma mistennija li jikkontribwixxu għal tranżizzjoni diġitali ġusta billi jrawmu d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija Spanjola u l-penetrazzjoni ta' teknoloġiji ġodda. Barra minn hekk, l-investimenti li għandhom l-għan li jespandu l-kwalità tal-provvista tax-xogħol fi Spanja u li jżidu l-provvista ta' akkomodazzjoni soċjali għall-kiri jikkontribwixxu għar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, billi jiżguraw irkupru aktar ġust u aktar inklużiv. Ir-reżiljenza ekonomika hija msaħħa aktar permezz ta' sett ta' miżuri baġitarji diretti.

(30)

Is-sett ta' riformi u ta' investimenti li jirfdu l-estensjoni jindirizza s-CSR rilevanti (10) maħruġa bħala parti mis-Semestru Ewropew kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (d) tar-Regolament (UE) 2024/1263 u għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità, l-effiċjenza u l-ekwità tal-infiq pubbliku, b'mod partikolari billi jintroduċi rieżamijiet tal-infiq pubbliku u razzjonalizzazzjoni tan-nefqa u miżuri tat-taxxa mmirati lejn it-titjib tal-effiċjenza, is-suffiċjenza u biex is-sistema tat-taxxa ssir aktar ġusta (ara wkoll hawn fuq). L-adozzjoni ta' riformi mmirati lejn it-tisħiħ u t-titjib tar-regolamentazzjoni u l-klima kummerċjali fi Spanja, b'enfasi partikolari fuq l-SMEs, tindirizza s-CSRs tal-2019 u l-2020 dwar l-innovazzjoni u t-titjib tar-regolamentazzjoni tal-attività ekonomika. Dawn ir-riformi jikkontribwixxu wkoll għas-CSR tal-2020 biex tittejjeb il-kooperazzjoni amministrattiva, flimkien ma' miżuri li jissimplifikaw is-sistema għall-omologazzjoni tad-diplomi. Is-CSRs tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 enfasizzaw fuq l-effiċjenza enerġetika, l-użu tal-enerġija rinnovabbli u t-tnaqqis tad-dipendenza ġenerali mill-fjuwils fossili huma indirizzati permezz tal-istabbiliment ta' qafas regolatorju għall-promozzjoni tal-ġenerazzjoni rinnovabbli. Il-miżuri mmirati lejn it-titjib tal-ġestjoni tal-benefiċċji tal-inkapaċità temporanja jikkontribwixxu għat-talbiet tas-CSR tal-2020 u tal-2021 biex jittejbu r-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-sistema tas-saħħa. Is-CSRs tal-2019, l-2020 u l-2023 għall-iżvilupp tal-ħiliet huma appoġġati permezz ta' riformi u investimenti li għandhom l-għan li jespandu l-kwalità tal-provvista tax-xogħol fi Spanja, inklużi dawk relatati ma' miżuri ta' taħriġ vokazzjonali, u s-simplifikazzjoni tas-sistema għall-omologazzjoni tad-diplomi. Il-miżuri mmirati lejn il-promozzjoni ta' akkomodazzjoni affordabbli permezz tat-trasferiment tal-art lill-investituri jikkontribwixxu għas-CSRs tal-2019, l-2022 u l-2023 biex joffru appoġġ lill-familji u jżidu d-disponibbiltà ta' akkomodazzjoni soċjali u affordabbli effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

(31)

Il-pjan jiżgura li l-livell ġenerali pjanat ta' investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali realizzat bħala medja matul il-perjodu kopert mill-RRP jinżamm, kif meħtieġ mill-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Tabella 5: Investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali skont il-pjan (% tal-PDG)

Livell medju matul il-perjodu kopert mill-RRP (2021 sa 2026)

2025

2026

2027

2028

Medja matul id-durata tal-pjan

2,4

2,5

2,6

2,6

2,7

2,6

Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju ta' Spanja u l-kalkoli tal-Kummissjoni.

(32)

Fl-aħħar nett, is-sett ta' impenji ta' riforma u investiment li jirfdu estensjoni jista' jitqies bħala konsistenti mal-impenji fl-RRP u l-Ftehim ta' Sħubija miftiehem skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali kif meħtieġ mill-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) 2024/1263. L-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali għar-riforma tat-taxxa u r-rieżamijiet tal-infiq jirriżultaw direttament mill-impenji meħuda skont l-RRP; bosta mill-miżuri li jifdal huma impenji mhux modifikati tal-RRP.

(33)

Bħala konklużjoni, is-sett ta' riformi u ta' investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament huwa vvalutat bħala li jissodisfa, meħuda flimkien, il-kriterji fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2024/1263. B'riżultat ta' dan, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż minn 4 sa 7 snin, kif ippreżentat fil-pjan.

Intenzjonijiet oħra ta' riformi u investiment fil-pjan biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew fejn jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni

(34)

Minbarra s-sett ta' riformi u ta' investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament, il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta' politika li jikkonċernaw riformi u investimenti oħra bħala rispons għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, speċjalment fis-CSRs, u biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-UE. Il-pjan jinkludi 44 riforma u investiment.

(35)

Fir-rigward tal-prijorità komuni ta' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inkluż l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jinkludi riforma (inkluża fl-RRP) biex jiġi introdott Pjan Nazzjonali ta' Kompetenzi Diġitali, kif ukoll investimenti maħsuba biex itejbu l-livell tal-ħiliet diġitali tal-popolazzjoni. Il-pjan jinkludi riformi u investimenti mmirati lejn it-tnaqqis tad-dipendenza mill-użu tal-fjuwils fossili u l-kontribut għal tranżizzjoni ekoloġika ġusta u l-iżgurar tas-sigurtà tal-enerġija, permezz ta' Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima aġġornat b'miżuri relatati mal-ħżin tal-enerġija, l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, il-promozzjoni tal-awtokonsum u l-effiċjenza enerġetika. Il-miżuri huma mistennija jindirizzaw is-CSRs tal-2019, l-2020 u l-2021 relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika, it-trasformazzjoni diġitali, il-koeżjoni soċjali u territorjali, it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u l-politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss.

(36)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi riformi bħall-modernizzazzjoni tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, bl-għan li jissaħħaħ is-suq tax-xogħol Spanjol, jiġu indirizzati sfidi strutturali sinifikanti, inklużi livelli għoljin ta' qgħad strutturali u fost iż-żgħażagħ, kuntratti temporanji eċċessivi, rati baxxi ta' impjieg, u inugwaljanza ekonomika u soċjali. Il-miżuri jirrispondu għas-CSRs tal-2019 u l-2020 relatati mal-funzjonament tas-suq tax-xogħol, inkluż il-qafas għall-kuntratti tax-xogħol, ix-xogħol mhux iddikjarat, il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, l-inċentivi għax-xogħol u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol.

(37)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jinkludi riforma biex jiġi promoss l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet għall-ħżin tal-enerġija. Barra minn hekk, il-pjan jinkludi miżuri biex jiġi użat il-ħżin tal-enerġija permezz tat-tnedija ta' inizjattivi ta' appoġġ u investiment biex jiġi żviluppat ħżin fuq skala kbira u jiġi promoss il-ħżin wara l-miter u integrat fuq livell settorjali. Il-miżuri għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 relatati mat-tnaqqis tad-dipendenza mill-fjuwils fossili, billi jaċċelleraw l-użu tal-enerġija rinnovabbli b'enfasi fuq l-investiment fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.

(38)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-kapaċitajiet ta' difiża, il-pjan ma jinkludix riformi u investimenti oħra.

(39)

Il-pjan jipprovdi informazzjoni dwar il-konsistenza u fejn xieraq, il-komplementarjetà, mal-RRP ta' Spanja. Il-pjan jindika fil-qosor li r-riformi u l-investimenti inklużi fil-pjan jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni, u huma f'kontinwità mal-azzjonijiet adottati fl-RRP.

(40)

Il-pjan jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-ħtiġijiet tal-investiment pubbliku ta' Spanja relatati mal-prijoritajiet komuni tal-UE. Fir-rigward tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, il-pjan jenfasizza l-ħtieġa għal investimenti fl-effiċjenza enerġetika, l-użu tal-enerġija rinnovabbli, l-elettrifikazzjoni, il-ħżin tal-enerġija, l-ekonomija ċirkolari, u r-reżiljenza fis-setturi ekonomiċi kollha, kif ukoll f'teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali u l-analitika tad-data u t-titjib tal-konnettività diġitali fil-pajjiż kollu. Fir-rigward tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, il-pjan jenfasizza l-ħtieġa għal investiment fi tkabbir inklużiv u sostenibbli, billi tiġi modernizzata l-edukazzjoni, tingħata spinta lill-impjegabbiltà, jissaħħu s-sistemi ta' protezzjoni soċjali, jiġu appoġġati l-SMEs b'riżorsi u finanzjament, u tissaħħaħ il-kompetittività kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE. Fir-rigward tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jenfasizza l-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza mill-fjuwils fossili, permezz ta' investiment immirat lejn l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija, it-titjib tal-effiċjenza fis-setturi kollha. Fir-rigward tal-bini tal-kapaċitajiet ta' difiża, il-pjan jenfasizza l-allinjament ta' Spanja mal-impenji tan-NATO.

Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni

(41)

B'mod ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan ta' Spanja jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

KONKLUŻJONI ĠENERALI TAL-KUNSILL

(42)

Il-Kunsill jilqa' l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju ta' Spanja u jqis li l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu twassal biex jiġu żgurati finanzi pubbliċi sodi u tiġi appoġġata s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku kif ukoll tkabbir sostenibbli u inklużiv.

(43)

Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-pjan mill-Kummissjoni. Madankollu, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet futuri f'dokument separat mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.

(44)

Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan, inkluż fir-rigward tal-gwida minn qabel mill-Kummissjoni, kif ukoll l-implikazzjonijiet tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan għad-defiċit u d-dejn tal-gvern. Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi u fiskali, filwaqt li f'xi każijiet huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, inkluż biex jipprovdu għal data makroekonomika u fiskali aġġornata, huma ġeneralment debitament ġustifikati u sostnuti minn argumenti ekonomiċi sodi. Il-Kunsill jieħu nota tal-istrateġija fiskali wiesgħa tal-pjan u r-riskji għall-prospettiva, li jistgħu jaffettwaw il-materjalizzazzjoni tax-xenarju makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet sottostanti u t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan. B'mod partikolari, il-Kunsill jieħu nota li t-tbassir makroekonomiku li jirfed il-pjan għall-2025 u l-2026 jikkorrispondi għall-projezzjonijiet uffiċjali u li dawn ġew approvati mill-kunsill fiskali indipendenti Spanjol (AIReF) u jieħu nota li, skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, b'mod ġenerali, it-tkabbir medju tad-deflatur tal-PDG matul il-perjodu kollu ta' projezzjoni (2025–2041) huwa aktar baxx fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-Kunsill jilqa' l-fatt li l-pjan ġie diskuss mal-Parlament. Il-Kunsill jinnota wkoll li r-riskji ġeopolitiċi jistgħu jagħmlu pressjoni fuq in-nefqiet tad-difiża.

(45)

Il-Kunsill jistenna li Spanja tkun lesta taġġusta l-istrateġija fiskali tagħha kif meħtieġ biex tiżgura t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tagħha. Il-Kunsill huwa determinat li jissorvelja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u fiskali, inkluż dawk sottostanti għax-xenarju tal-pjan.

(46)

Il-Kunsill iqis li aktar diskussjonijiet biex jinstab fehim komuni dwar l-implikazzjonijiet ta' sorveljanza annwali tar-rati ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta huma meħtieġa fil-ħin għaċ-ċiklu li jmiss ta' sorveljanza fiskali.

(47)

Il-Kunsill japprova s-sett ta' impenji ta' riforma u investiment ippreżentati minn Spanja fil-pjan fuq terminu medju tagħha li jirfed l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament u jilqa' l-isforzi biex jiġi kkwantifikat l-impatt fuq it-tkabbir u s-sostenibbiltà fiskali. Il-Kunsill jaqbel mal-Kummissjoni li s-sett ta' impenji ta' riforma u investimenti ppreżentati minn Spanja jiġġustifikaw estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament minn 4 għal 7 snin. Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li tindika l-issodisfar, meħuda flimkien, tal-kriterji fl-Artikolu 14, b'kont meħud ukoll tad-dispożizzjoni tranżizzjonali tal-Artikolu 36, il-punt (1d), tar-Regolament (UE) 2024/1263 mis-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni. Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li tindika li l-impenji ta' riforma u investiment huma mistennija jtejbu l-potenzjal tat-tkabbir u r-reżiljenza tal-ekonomija b'mod sostenibbli u jappoġġaw is-sostenibbiltà fiskali. Il-Kunsill jirrakkomanda lil Spanja timplimenta bis-sħiħ is-sett ta' impenji ta' riformi u investimenti biex tippreserva l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament.

(48)

Il-Kunsill jieħu nota tad-deskrizzjoni tal-Kummissjoni tar-riformi u l-ħtiġijiet u l-intenzjonijiet ta' investiment, minbarra l-valutazzjoni tas-sett ta' impenji ta' riforma u ta' investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament, b'reazzjoni għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, u jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat it-twettiq ta' tali riformi u investimenti. Il-Kunsill, abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni, ser jivvaluta tali riformi u investimenti u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

(49)

Il-Kunsill jistenna b'interess ir-rapporti ta' progress annwali minn Spanja li għandhom jinkludu, b'mod partikolari, informazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill, u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti usa' fil-kuntest tas-Semestru Ewropew kif ukoll l-implimentazzjoni tas-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament.

(50)

F'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit fil-pjan għandu jiġi rrakkomandat mill-Kunsill lil Spanja, u għandu jiġi approvat is-sett ta' riformi u ta' investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament għal 7 snin.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li Spanja:

1.

Tiżgura li t-tkabbir fin-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

2.

Timplimenta s-sett ta' riformi u ta' investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali għal seba' snin, kif stabbilit fl-Anness II ta' din ir-Rakkomandazzjoni, sal-iskadenzi indikati.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. DOMAŃSKI


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta' April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta' April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj).

(4)  In-nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jiġifieri n-nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax, (ii) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) nefqa fuq il-programmi tal-Unjoni ffinanzjata kompletament minn dħul minn fondi tal-Unjoni, (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(5)  Gwida minn qabel trażmessa lill-Istati Membri u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tinkludi trajettorji mingħajr u b'estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament (li jkopri 4 u 7 snin, rispettivament). Dan jinkludi wkoll il-kundizzjonijiet inizjali ewlenin u s-suppożizzjonijiet sottostanti użati fil-qafas tal-projezzjoni tad-dejn tal-gvern fuq terminu medju tal-Kummissjoni. It-trajettorja referenzjarja ġiet ikkalkolata abbażi tal-metodoloġija deskritta fid-Debt Sustainability Monitor 2023 tal-Kummissjoni (https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/debt-sustainability-monitor-2023_en). Din hija bbażata fuq it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea u l-estensjoni tiegħu fuq terminu medju sal-2033, u t-tkabbir tal-PDG fit-tul u l-ispejjeż tat-tixjiħ huma konformi mar-rapport konġunt tal-Kummissjoni u tal-Kunsill 2024 Ageing Report(https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-economic-and-budgetary-projections-eu-member-states-2022-2070_en).

(6)   https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/national-medium-term-fiscal-structural-plans_en#spain.

(7)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2024 dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali ta' Spanja.

(8)   https://www.airef.es/wp-content/uploads/2024/11/INFORME-PLAN-FISCAL-LINEAS-FUNDAMENTALES/AIReF_Informe-Lineas-Fundamentales-2025.pdf.

(9)   https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-economic-and-budgetary-projections-eu-member-states-2022-2070_en.

(10)  Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż meqjusa bħala “rilevanti” huma rakkomandazzjonijiet: i) adottati mill-Kunsill mill-2019 'il quddiem, ii) li għalihom l-Istat Membru jkun għadu ma għamilx progress “sħiħ” jew “sostanzjali” fl-indirizzar tagħhom u ma jkunux skaduti (ivvalutati bħala “Mhux Ivvalutati / L-ebda Input x'Jiżdied”), kif ivvalutat fl-aħħar eżerċizzju ta' sorveljanza tas-Semestru Ewropew (disponibbli fuq CeSaR (europa.eu)), iii) mhux marbuta ma' PST purament fiskali u iv) li ma jkoprux l-istess sfida iżda b'mod riformulat.


ANNESS I

Rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta

(rati ta' tkabbir annwali u kumulattivi, f'termini nominali)

Spanja

Snin

2025

2026

2027

2028

Rati ta' tkabbir (%)

Annwali

3,7

3,5

3,2

3,0

Kumulattiv (*1)

9,2

13,0

16,6

20,1


(*1)  Ir-rati ta' tkabbir kumulattivi huma kkalkolati b'referenza għas-sena bażi tal-2023. Ir-rati kumulattivi ta' tkabbir jintużaw fil-monitoraġġ annwali tal-konformità ex post fil-kont ta' kontroll.


ANNESS II

Sett ta' riformi u investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament għal 7 snin

Spanja

 

Objettiv ewlieni

Deskrizzjoni u twaqqit tal-passi ewlenin

Indikatur(i) ta' monitoraġġ

Riforma tat-Taxxa (Miżura tal-RRP – C28.R3.388 u żieda mal-miżura tal-RRP)

Id-dħul fis-seħħ tar-riformi tat-taxxa li għandhom l-għan li jżidu d-dħul tal-gvern u jimmodernizzaw is-sistema tat-taxxa.

Pass 1: Sat-tielet trimestru tal-2023, it-twettiq tal-istadji importanti 388 tal-RRP ta' Spanja, li jżid b'mod permanenti d-dħul tal-gvern b'0,3  % tal-PDG.

Pass 2: Sar-raba' trimestru tal-2025, it-twettiq ta' żieda permanenti addizzjonali ta' 0,1  % tal-PDG tad-dħul sar-raba' trimestru tal-2028, li tammonta għal 0,4  % kumulattiv tal-PDG sar-raba' trimestru tal-2028.

Pass 3: Sar-raba' trimestru tal-2028, it-twettiq ta' rapport li juri ż-żieda permanenti fid-dħul bejn l-2024 u l-2028.

Pass 1: It-twettiq sodisfaċenti tal-istadji importanti C28.R3.M388 tal-RRP ta' Spanja. Id-dħul li jirriżulta minn struttura mhux mibdula tat-taxxa fuq l-introjtu personali (PIT, personal income tax) bejn l-2020 u l-2028 ma għandux jitqies għall-valutazzjoni tal-konformità.

Pass 2: Rapport annwali ta' monitoraġġ imħejji mill-Ministeru għall-Finanzi dwar l-impatt fiskali tal-miżuri tad-dħul. Fil-valutazzjoni tal-konformità mal-mira ta' 0,4  % tal-PDG, kwalunkwe żieda fid-dħul li tirriżulta minn struttura mhux mibdula tal-PIT bejn l-2025 u l-2028 tista' titqies sa 0,1  % tal-PDG. Id-dħul li jirriżulta minn struttura mhux mibdula tat-taxxa fuq l-introjtu personali (PIT, personal income tax) bejn l-2020 u l-2024 ma għandux jitqies għall-valutazzjoni tal-konformità.

Pass 3: It-twassil ta' rapport li juri ż-żieda permanenti fid-dħul ta' 0,4  % tal-mira tal-PDG f'konformità mal-Pass 2.

Riforma tal-Benefiċċji tat-Taxxa

(Żieda mal-miżura tal-RRP C28.R2.M386)

Id-dħul fis-seħħ tar-riformi tat-taxxa li għandhom l-għan li jżidu d-dħul tal-gvern u jimmodernizzaw is-sistema tat-taxxa.

Sar-raba' trimestru tal-2025, it-twettiq tal-istadju importanti 386, li jżid b'mod permanenti d-dħul tal-gvern b'mill-inqas 0,1  % tal-PDG.

It-twettiq sodisfaċenti tal-istadju importanti C28.R2.M386 tal-RRP ta' Spanja.

Rieżamijiet tal-infiq

(Żieda mal-miżura tal-RRP C29.R1)

It-tisħiħ tal-evalwazzjoni tal-infiq pubbliku

Pass 1: Sar-raba' trimestru tal-2021, l-approvazzjoni mill-Kunsill tal-Ministri taċ-ċiklu l-ġdid tar-rieżamijiet tal-infiq (2022–2026) li għandu jiġi kkummissjonat lill-AIReF.

Pass 2: Sar-raba' trimestru tal-2026, l-adozzjoni ta' ċiklu ġdid mill-Ministeru għall-Finanzi li jipprevedi intervent għal kull qasam ta' nfiq matul il-perjodu ta' żmien tal-Pjan.

Pass 3: Sat-tieni trimestru tal-2027, l-adozzjoni ta' riformi li jirriżultaw minn rieżamijiet tal-infiq li tlestew u li għadhom għaddejjin u t-tnaqqis tan-nefqa annwali sal-2028 b'mill-inqas 0,1  % tal-PDG fuq bażi permanenti, li jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

Pass 4: Sal-ewwel trimestru tal-2028, il-pubblikazzjoni tar-rapport annwali ta' monitoraġġ mill-Ministeru għall-Finanzi dwar l-implimentazzjoni tar-rieżamijiet tan-nefqa pubblika ser tinkludi l-valutazzjoni tal-iffrankar tan-nefqa annwali reali mill-2025 mill-implimentazzjoni tal-miżuri adottati wara r-rieżamijiet tal-infiq. Dan għandu juri l-kisba sal-2028 ta' ffrankar annwali permanenti ta' mill-inqas 0,1  % tal-PDG meta mqabbel ma' politiki mhux mibdula.

Pass 1: Dispożizzjoni tal-ftehim tal-Kunsill tal-Ministri li tindika d-dħul fis-seħħ tiegħu.

Pass 2: Pjan ta' evalwazzjoni mħejji mill-Ministeru għall-Finanzi. Iċ-ċikli attwali (2022-2026) u ġodda tar-rieżamijiet tal-infiq ikopru qasam ta' nfiq ugwali għal 10 % tal-infiq allokat għall-politiki taħt ir-responsabbiltà diretta tal-amministrazzjoni ċentrali.

Pass 3: Id-dħul fis-seħħ tal-miżuri rilevanti; u kopja tal-valutazzjoni tal-impatt tagħhom, li tiġġustifika l-iffrankar annwali u kumulattiv permanenti mistenni li għandu jinkiseb fil-linji baġitarji kkonċernati sal-2031 meta mqabbel mal-projezzjonijiet tan-nefqa b'politiki mhux mibdula fl-istess linji baġitarji.

Pass 4: Pubblikazzjoni tar-rapport annwali ta' monitoraġġ imħejji mill-Ministeru għall-Finanzi. Ir-rapport għandu juri wkoll l-adozzjoni ta' mill-inqas azzjoni waħda għal kull qasam ta' nfiq għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

Id-dħul fis-seħħ tal-Liġi kontra l-Evażjoni u l-Frodi tat-Taxxa (Miżura eżistenti tal-RRP – C27.R1.M376)

L-objettivi ta' din ir-riforma huma li tiġi modernizzata s-sistema tat-taxxa Spanjola biex tiġi żgurata l-ġustizzja fit-taxxa u tiżdied l-effettività tal-ġbir tas-sistema tat-taxxa.

Sat-tieni trimestru tal-2022, id-dħul fis-seħħ ta' liġi kontra l-evażjoni u l-frodi tat-taxxa (“Ley de medidas de prevención y lucha contra el fraude fiscal”) li:

—

Tkabbar il-perimetru tat-tranżazzjonijiet fejn il-pagamenti elettroniċi huma obbligatorji (ditti u professjonisti) u tistabbilixxi limiti legali għall-pagamenti fi flus kontanti

—

Taġġorna l-lista ta' rifuġji fiskali skont kriterji ta' trasparenza, ebda tassazzjoni u reġimi tat-taxxa dannuża.

—

Timplimenta bidliet fir-regoli għall-elenkar ta' persuni b'arretrati tat-taxxa.

—

Timplimenta projbizzjoni fuq “software b'użu doppju”.

—

Tintroduċi valur referenzjarju għall-bażi tat-taxxa fit-tassazzjoni fuq il-proprjetà.

It-twettiq sodisfaċenti tal-istadju importanti 376 tal-RRP rilevanti (C27.R1).

Regolamentazzjoni aħjar u klima kummerċjali (Miżura eżistenti tal-RRP – C13.R1.M190, M191)

L-objettivi tar-riforma huma li jittejjeb il-qafas li fih isseħħ l-attività ekonomika billi jiġu żgurati regolamentazzjoni aħjar u klima kummerċjali li tiffaċilita l-ħolqien u t-tkabbir tan-negozji, u r-ristrutturar tagħhom jekk ikun meħtieġ.

Pass 1: Sat-tieni trimestru tal-2022, id-dħul fis-seħħ tar-riforma tal-“Liġi dwar l-Insolvenza”.

Pass 2: Sar-raba' trimestru tal-2022, id-dħul fis-seħħ tal-“Liġi dwar il-Ħolqien u t-Tkabbir tan-Negozju” il-ġdida biex tissimplifika l-proċeduri għat-twaqqif ta' negozju u biex tippromwovi sorsi diversifikati ta' finanzjament għat-tkabbir tan-negozju.

It-twettiq sodisfaċenti tal-istadji importanti 190 u 191 rilevanti tal-RRP (C13.R1).

Qafas regolatorju għall-promozzjoni tal-ġenerazzjoni rinnovabbli (Miżura eżistenti tal-RRP – C7.R1.M102, M103, M104, M105, T106, T107)

L-objettiv ta' din il-miżura huwa li ssaħħaħ il-qafas regolatorju għall-promozzjoni tal-ġenerazzjoni rinnovabbli, sabiex tiżdied iċ-ċertezza u jitħeġġeġ l-investiment privat fl-enerġija rinnovabbli, jitneħħew l-ostakli għall-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u tittejjeb l-integrazzjoni tagħhom fl-ambjent, fis-sistema elettrika u f'setturi differenti.

Pass 1: Sar-raba' trimestru tal-2020,

—

Id-dħul fis-seħħ tad-Digriet Amministrattiv Reġju 23/2020 (miżuri tal-enerġija)

—

Id-dħul fis-seħħ tad-Digriet Reġju 960/2020 (reġim ekonomiku għall-enerġija rinnovabbli)

—

Id-dħul fis-seħħ tad-Digriet Reġju 1183/2020 (konnessjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli mal-grilja elettrika)

Pass 2: Sat-tieni trimestru tal-2021, id-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar it-Tibdil fil-Klima u t-Tranżizzjoni tal-Enerġija.

Pass 3: Sar-raba' trimestru tal-2023,

—

kapaċità ta' produzzjoni addizzjonali għall-enerġija rinnovabbli (mill-inqas 6 000 MW)

kapaċità addizzjonali kumulattiva tal-enerġija rinnovabbli installata fi Spanja (mill-inqas 6 000 MW).

It-twettiq sodisfaċenti tal-istadji importanti 102, 103, 104, 105 u l-miri 106 u 107 tal-RRP rilevanti (C7.R1).

Trasformazzjoni Diġitali tal-Edukazzjoni (Miżura eżistenti tal-RRP – C19.I2.M289, M290, T291)

It-titjib tal-aċċess għall-apprendiment diġitali permezz tal-forniment ta' apparati portabbli lil studenti minn gruppi vulnerabbli fl-iskejjel. It-tagħmir tal-klassijiet tas-sistemi diġitali interattivi (IDS, interactive digital systems) biex jippermettu l-apprendiment mill-bogħod u mħallat, jappoġġaw it-tħejjija jew ir-reviżjoni ta' strateġija diġitali u t-taħriġ diġitali tal-għalliema

Pass 1: Sar-raba' trimestru tal-2021, l-approvazzjoni ta' programm biex l-iskejjel pubbliċi u ssussidjati pubblikament jiġu mgħammra b'għodod diġitali.

Pass 2: Sar-raba' trimestru tal-2025,

—

tlestija ta' azzjonijiet għat-trasformazzjoni diġitali tal-edukazzjoni, inkluż it-tħejjija jew ir-reviżjonijiet ta' strateġiji diġitali f'mill-inqas 22 000 skola u t-taħriġ diġitali ta' 70 000 għalliem

Il-forniment ta' apparat diġitali konness fi skejjel pubbliċi u ssussidjati pubblikament biex jitnaqqas id-“distakk diġitali”, u jiġu mgħammra minimu ta' 240 000 klassi

It-twettiq sodisfaċenti tal-istadji importanti 289, 290 u l-mira 291 rilevanti tal-RRP (C19.I2).

Taħriġ vokazzjonali doppju (miżura ġdida)

Il-promozzjoni tat-taħriġ fil-kumpanija għall-istudenti fit-taħriġ vokazzjonali

Pass 1: Sar-raba' trimestru tal-2027, titlesta kampanja ta' sensibilizzazzjoni li tilħaq mill-inqas 60 % tal-istudenti kollha li beħsiebhom jibdew taħriġ vokazzjonali jew li jkunu bdew taħriġ vokazzjonali mhux doppju f'dawn l-aħħar 6 xhur; u l-bini tal-kapaċitajiet fl-għoti ta' taħriġ vokazzjonali lil kwalunkwe kumpanija interessata li tipprovdi taħriġ vokazzjonali doppju.

Pass 2: Sar-raba' trimestru tal-2028, jiġi provdut rapport ta' monitoraġġ li juri li mill-inqas 80 % tal-istudenti kollha ta' taħriġ vokazzjonali fl-ewwel nofs tal-2028 ikunu ġew irreġistrati f'taħriġ vokazzjonali doppju

Pass 1: Jiġi prodott rapport dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-firxa tal-kampanja ta' sensibilizzazzjoni u tal-attività tal-bini tal-kapaċitajiet.

Pass 2: Kopja tar-rapport ta' monitoraġġ.

Implimentazzjoni tal-Iskema 20 (miżura ġdida)

Il-ħolqien ta' qafas komuni ġdid li jelimina d-disparità fir-rekwiżiti amministrattivi bejn il-komunitajiet awtonomi u l-entitajiet lokali u, fl-istess ħin, inaqqas il-proċeduri, bil-ħsieb li jappoġġa l-attività kummerċjali.

Pass 1: Sar-raba' trimestru tal-2025, l-approvazzjoni f'konferenza/i (multi)settorjali ta' valutazzjoni tal-impatt settorjali (b'kooperazzjoni mal-Komunitajiet Awtonomi u l-Kunsilli tal-Belt), li tiddefinixxi oqsma ta' prijorità li jeħtieġu standardizzazzjoni u simplifikazzjoni tal-proċeduri madwar ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali.

Pass 2: Sat-tieni trimestru tal-2026, il-pubblikazzjoni ta' Pjan strateġiku għall-konferenzi settorjali approvati minn konferenza/i (multi)settorjali li tispeċifika l-miżuri annwali, l-atturi responsabbli u l-indikaturi ta' monitoraġġ, li għandhom jiġu implimentati bis-sħiħ sal-2027.

Pass 3: Sar-raba' trimestru tal-2027, il-pubblikazzjoni ta' rapport li jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Pjan strateġiku u jipproponi miżuri korrettivi f'każ ta' devjazzjonijiet. Ir-rapport għandu jivvaluta wkoll l-impatt tal-miżuri diġà implimentati fis-snin preċedenti.

Pass 1: Link għall-pubblikazzjoni tal-valutazzjoni tal-impatt settorjali approvata minn konferenza/i (multi)settorjali.

Pass 2: Link għall-pubblikazzjoni tal-pjan strateġiku approvat minn konferenza/i (multi)settorjali.

Pass 3: Link għall-pubblikazzjoni tar-rapport.

Fattura Elettronika (miżura ġdida)

L-iżvilupp tas-sistema obbligatorja ta' fatturazzjoni elettronika B2B.

L-istabbiliment ta' sistema ta' fatturazzjoni elettronika B2B aktar sigura u effiċjenti bl-għan li jitqassar il-perjodu medju ta' pagament u titnaqqas l-evażjoni tat-taxxa.

Pass 1: Sar-raba' trimestru tal-2026, id-dħul fis-seħħ ta' digriet reġju li jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi u ta' informazzjoni tas-sistema.

Pass 2: Sal-ewwel trimestru tal-2027, l-istabbiliment ta' pjattaforma tal-fattura elettronika, ġestita mill-Aġenzija tat-Taxxa, li ser tipprovdi servizz bażiku u mingħajr ħlas lill-kumpaniji u lill-professjonisti kollha li jixtiequ jużawha.

Pass 1: Id-dħul fis-seħħ tad-digriet reġju.

Pass 2: Kopja tal-“acta de recepción” rilevanti għall-pjattaforma tal-fattura elettronika.

Miżuri biex tittejjeb il-ġestjoni tad-diżabilità temporanja (miżura ġdida)

It-titjib tal-ġestjoni tal-benefiċċji tal-inkapaċità temporanja għal kontinġenzi komuni biex titnaqqas in-nefqa tagħhom għall-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha

Pass 1: Sar-raba' trimestru tal-2025, l-iffirmar u d-dħul fis-seħħ ta' ftehimiet ta' sħubija bejn il-Ministeri tas-Saħħa tal-Komunitajiet Awtonomi, is-soċjetajiet mutwi u s-Sigurtà Soċjali.

Pass 1: L-iffirmar u d-dħul fis-seħħ tal-ftehimiet ta' sħubija.

Is-simplifikazzjoni tas-sistema għall-omologazzjoni tad-diplomi (miżura ġdida)

L-iffaċilitar tar-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-ħiliet professjonali (b'attenzjoni speċjali għall-edukazzjoni universitarja) tal-popolazzjoni mwielda barra mill-pajjiż, biex tiżdied il-produttività tagħhom u l-kontribut għat-tkabbir ekonomiku

Pass 1: Sar-raba' trimestru tal-2025, id-dħul fis-seħħ ta' leġiżlazzjoni li tagħti dettalji dwar proċessi simplifikati għar-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-popolazzjoni mwielda barra mill-pajjiż.

Pass 2 (sar-raba' trimestru tal-2028): valutazzjoni li timmonitorja l-implimentazzjoni tar-riforma. Ir-rapport għandu jinkludi indikaturi ewlenin bħala l-għadd totali ta' applikazzjonijiet ipproċessati skont is-sistema simplifikata u ż-żmien medju tal-ipproċessar għat-talbiet ta' omologazzjoni.

Pass 1: Id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni li tiffaċilita r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tal-popolazzjoni mwielda barra mill-pajjiż.

Pass 2: Il-pubblikazzjoni tar-rapport ta' valutazzjoni

Riforma tas-sistema tal-viża għax-xogħol u għat-tiftix ta' impjieg (miżura ġdida)

L-iffaċilitar tad-dħul regolari ta' migranti li jaħdmu u li qed ifittxu impjieg, bl-għan li jtejbu l-produttività tal-forza tax-xogħol tal-migranti

Pass 1: Sar-raba' trimestru tal-2024, id-dħul fis-seħħ ta' digriet reġju li jirregola l-viżi għax-xogħol u għat-tfittix ta' impjieg għall-migranti.

Pass 1: Id-dħul fis-seħħ ta' digriet reġju li jirregola l-viżi għax-xogħol u għat-tfittix ta' impjieg għall-migranti.

Proġett Vjenna (miżura ġdida)

Żieda fil-provvista ta' akkomodazzjoni affordabbli

Pass 1: Sar-raba' trimestru tal-2025, it-tnedija ta' offerti biex tiġi provduta art pubblika lil promoturi privati għall-kostruzzjoni ta' unitajiet ta' akkomodazzjoni affordabbli.

Pass 2: Sat-tieni trimestru tal-2026, valutazzjoni li timmonitorja l-implimentazzjoni tar-riforma. Ir-rapport għandu jiddeskrivi l-evoluzzjoni u l-impatt tal-proġett u jinkludi indikaturi ewlenin bħala djar ippjanati li għandhom jiġu żviluppati, u unitajiet totali ta' art pubblika trasferiti lil promoturi privati.

Pass 1: Link għall-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-offerti.

Pass 2: Il-pubblikazzjoni tar-rapport ta' valutazzjoni.

Dħul fis-seħħ tal-emenda tal-Liġi 14/2011 dwar ix-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni (Miżura eżistenti tal-RRP – C17.R1.254)

It-tisħiħ tal-qafas regolatorju għas-settur tax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, sabiex tittejjeb il-governanza u l-koordinazzjoni tas-settur, il-ħolqien ta' karriera xjentifika attraenti, u t-titjib tat-trasferiment tal-għarfien mir-riċerka għal prodotti/servizzi applikati għas-soċjetà.

Pass 1: Sat-tieni trimestru tal-2022, id-dħul fis-seħħ tal-modifika tal-Liġi dwar ix-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni li ttejjeb il-koordinazzjoni fost il-livelli differenti tal-gvern tal-politiki tax-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni, ittejjeb il-governanza u l-koordinazzjoni tas-sistema Spanjola tax-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni, tintroduċi karriera xjentifika ġdida u ttejjeb it-trasferiment tal-għarfien.

Pass 1: It-twettiq sodisfaċenti tal-istadju importanti 254 tal-RRP rilevanti (C17.R1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/643/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)