European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/93

16.1.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/93

tal-10 ta’ Jannar 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-proċedura bil-miktub mill-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-emendi ta’ dak l-Arranġament

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-linji gwida li jinsabu fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (l-“Arranġament”), żviluppati fi ħdan il-qafas tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (“OECD”), ġew trasposti u b’hekk magħmula legalment vinkolanti fl-Unjoni bis-saħħa tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

(2)

L-Artikolu 6 tal-Arranġament attwalment tipprojbixxi l-għoti ta’ kwalunkwe kreditu għall-esportazzjoni jew appoġġ ta’ għajnuna marbutama’ impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku li jaħdmu bil-faħam li ma għandhomx qbid u ħżin effettiv tal-karbonju, ħlief fejn il-kreditu għall-esportazzjoni jew l-appoġġ ta’ għajnuna marbuta jintuża biex jipprovdi tagħmir biex jitnaqqas it-tniġġis, li ma jestendix il-ħajja utli ta’ impjant bħal dan.

(3)

Skont l-Artikolu 6 tal-Arranġament, il-Parteċipanti fl-Arranġament (il-“Parteċipanti”) kellhom jirrieżaminawh sal-31 ta’ Diċembru 2022 bl-għan li jkomplu jsaħħu t-termini u l-kundizzjonijiet tiegħu sabiex jikkontribwixxi għall-għan komuni li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill ħabbar l-intenzjoni tal-Istati Membri li jiddeterminaw sa tmiem l-2023 fil-politiki nazzjonali tagħhom l-iskadenzi bbażati fuq ix-xjenza tagħhom stess għat-tmiem tal-krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati għal proġetti fis-settur tal-enerġija mill-fjuwils fossili, għajr f’ċirkostanzi limitati u definiti b’mod ċar li huma konsistenti ma’ limitu ta’ tisħin ta’ 1,5 oC u l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi.adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (2).

(5)

Il-parteċipanti qablu li jadottaw fi proċedura bil-miktub deċiżjoni li tintroduċi żewġ artikolu wieħed ġdid u li temenda l-Artikolu 6. Id-deċiżjoni prevista tirrikjedi li s-Segretarjat tal-OECD iħejji rapport pubbliku dwar it-tranżazzjonijiet fis-settur tal-enerġija kull sena.

(6)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni rigward id-deċiżjoni tal-Parteċipanti dwar l-emendi tal-Arranġament, billi dik id-deċiżjoni ser tkun vinkolanti fuq l-Unjoni u ser tkun kapaċi tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011.

(7)

Jenħtieġ għalhekk li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li tappoġġa d-deċiżjoni dwar l-emendi tal-Arranġament abbażi tal-abbozz tat-test mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-proċedura bil-miktub mill-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (l-“Arranġament”) fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-emendi tal-Arranġament għandha tkun li tappoġġa dik id-deċiżjoni abbażi tal-abbozz tat-test mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni (3).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. SZŁAPKA


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1233/oj).

(2)   ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(3)  Ara d-dokument ST 16807/24 ADD 1 fuq http://register.consilium.europa.eu.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/93/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)