Brussell, 12.6.2025

COM(2025) 295 final

ANNESS

ta'

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar it-trasferiment ta' data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja


ANNESS

FTEHIM BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-IŻLANDA DWAR IT-TRASFERIMENT TA’ DATA TAR-REĠISTRU TAL-ISMIJIET TAL-PASSIĠĠIERI (PNR) GĦALL-PREVENZJONI, L-ISKOPERTA, L-INVESTIGAZZJONI U L-PROSEKUZZJONI TA’ REATI TERRORISTIĊI U KRIMINALITÀ SERJA

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa wkoll “l-Unjoni” jew l-“UE”,

u

l-Iżlanda,

minn hawn ’il quddiem imsejħin flimkien “il-Partijiet”,

WAQT LI JIRRIKONOXXU li l-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi, kif ukoll kriminalità serja oħra, filwaqt li jippreservaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari d-drittijiet għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data, huma objettivi ta’ interess ġenerali;

WAQT LI JIRRIKONOXXU li l-kondiviżjoni tal-informazzjoni hija element essenzjali fil-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u kriminalità serja oħra, u li f’dan il-kuntest, l-użu tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR, Passenger Name Record) huwa strument importanti ferm biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

WAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tal-kondiviżjoni tad-data tal-PNR u ta’ informazzjoni analitika rilevanti u xierqa bbażata fuq id-data tal-PNR skont dan il-Ftehim bejn il-Partijiet mal-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji kompetenti tal-Iżlanda, tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-Europol biex titrawwem il-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija u dik ġudizzjarja;

WAQT LI JFITTXU li jsaħħu u li jħeġġu l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet dwar il-PNR permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni teknika mill-esperti nazzjonali mill-Istati Membri u l-Unitajiet tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri (PIUs, Passenger Information Units,) tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen, b’mod partikolari dwar l-iżvilupp ta’ kriterji determinati minn qabel u dwar aspetti oħra tal-ipproċessar tal-PNR;

WARA LI KKUNSIDRAW ir-Riżoluzzjonijiet 2396 (2017) u 2482 (2019) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li jappellaw lill-Istati kollha biex jiżviluppaw il-kapaċità li jiġbru u jipproċessaw id-data tal-PNR u l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali għall-ġbir, l-użu, l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data tal-PNR adottati bħala l-Emenda 28 tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-Konvenzjoni ta’ Chicago);

WAQT LI JFAKKRU li l-Partijiet għandhom responsabbiltà kondiviża li jiżguraw is-sigurtà interna fiż-żona Schengen, inkluż bl-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti, u li dan il-Ftehim jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet b’għodda effettiva biex jinkiseb dan l-għan fin-nuqqas ta’ kontrolli fil-fruntieri interni;

WAQT LI JIRRIKONOXXU li dan il-Ftehim mhux maħsub li japplika għal informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri li tinġabar u tiġi trażmessa mit-trasportaturi tal-ajru lill-Iżlanda għall-finijiet tal-kontroll fil-fruntieri;

KONXJI mill-impenji tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, id-dritt għall-privatezza fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali kif stipulat fl-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipji tal-proporzjonalità u n-neċessità dwar id-dritt għall-ħajja privata u tal-familja, ir-rispett għall-privatezza, u l-protezzjoni tad-data personali skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-ġurisdizzjoni rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropa, l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, il-Konvenzjoni Nru 108 tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali u l-Protokoll 181 addizzjonali tagħha;

WAQT LI JIRRIKONOXXU li skont il-liġi Iżlandiża t-trasferiment tad-data tal-PNR mit-trasportaturi tal-ajru lill-Iżlanda huwa obbligatorju;

WAQT LI JIRRIKONOXXU li d-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja hija l-bażi għat-trasferimenti tad-data tal-PNR mit-trasportaturi tal-ajru lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Flimkien mar-Regolament 2016/679 u d-Direttiva 2016/680, hija tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali;

WAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Iżlanda, f’konformità mal-Ftehim tal-1999 tagħha mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 1 rigward l-assoċjazzjoni tagħha mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, aċċettat, implimentat u applikat id-Direttiva (UE) 2016/680 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, minħabba li dik id-Direttiva tikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta’ Schengen. Barra minn hekk, u meta jitqies li l-applikazzjoni mill-Iżlanda tad-Direttiva (UE) 2016/680 tapplika għall-ipproċessar tad-data personali skont strumenti legali li jagħmlu parti mill-acquis ta’ Schengen, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-applikazzjoni tad-Direttiva mill-Iżlanda tinkludi wkoll l-ipproċessar tad-data personali minn awtoritajiet kompetenti skont dan il-Ftehim;

WAQT LI JIRRIKONOXXU li t-trasportaturi tal-ajru stabbiliti fl-Unjoni Ewropea jew li joffru s-servizzi tagħhom fiha huma obbligati li jipproċessaw id-data personali f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE, u li dak ir-Regolament japplika wkoll fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kif inkorporat fil-Ftehim ŻEE bid-Deċiżjoni 154/2018 tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fis-6 ta’ Lulju 2018;

WAQT LI JFAKKRU d-dritt għal-libertà ta’ moviment tal-persuni fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), kif previst fl-Artikoli 1(2), 28 u 31 tal-Ftehim ŻEE u li kwalunkwe sistema nazzjonali li titlob it-trasferiment tad-data tal-PNR mit-trasportaturi tal-ajru u l-ipproċessar tagħha mill-awtoritajiet kompetenti tista’ tinterferixxi mal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tal-persuni, u li, għalhekk, kwalunkwe interferenza għall-eżerċizzju ta’ tali libertà hija ġġustifikata biss meta tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u tkun proporzjonata mal-objettiv leġittimu mixtieq,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

ARTIKOLU 1

Objettiv u kamp ta’ applikazzjoni

(1)L-objettiv ta’ dan il-Ftehim huwa li jippermetti t-trasferiment tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni lill-Iżlanda u li jistabbilixxi r-regoli u l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom dik id-data tal-PNR tista’ tiġi pproċessata mill-Iżlanda.

(2)L-objettiv ta’ dan il-Ftehim huwa wkoll li tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja bejn l-Unjoni u l-Iżlanda fir-rigward tad-data tal-PNR.

(3)Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim jkopri t-trasportaturi tal-ajru li joperaw titjiriet tal-passiġġieri bejn l-Unjoni u l-Iżlanda kif ukoll it-trasportaturi tal-ajru rreġistrati fl-Unjoni u li jaħżnu data fiha, u li joperaw titjiriet lejn u mill-Iżlanda.

ARTIKOLU 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“trasportatur tal-ajru” tfisser impriża tat-trasport bl-ajru b’liċenzja operattiva valida jew ekwivalenti li tippermettilha twettaq ġarr ta’ passiġġieri bl-ajru bejn l-Unjoni u l-Iżlanda;

(2)“awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet pubbliċi li skont il-liġi nazzjonali tal-Iżlanda huma inkarigati għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta‘ reati terroristiċi jew kriminalità serja;

(3)“passiġġier” tfisser kwalunkwe persuna, inklużi passiġġieri fi trasferiment jew fi tranżitu u esklużi membri tal-ekwipaġġ, li tinġarr jew li għandha tinġarr fuq inġenji tal-ajru bil-kunsens tat-trasportatur tal-ajru, u tali kunsens jintwera permezz tar-reġistrazzjoni ta’ dik il-persuna fil-lista tal-passiġġieri;

(4)“Unità tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri tal-Iżlanda” jew “PIU Iżlandiża” tfisser l-awtorità stabbilita jew maħtura inkarigata li tirċievi u tipproċessa d-data tal-PNR mill-Iżlanda f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ dan il-Ftehim.

(5)“reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri” jew “PNR” tfisser reġistru tar-rekwiżiti tal-ivvjaġġar ta’ kull passiġġier li jinkludi informazzjoni meħtieġa biex tippermetti li l-prenotazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu pproċessati u kkontrollati mit-trasportaturi bl-ajru tal-prenotazzjoni u tal-parteċipazzjoni għal kull vjaġġ ipprenotat minn jew f’isem persuna, kemm jekk inkluża fuq sistema ta’ prenotazzjoni, sistemi tal-kontroll tat-tluq, użati biex jiġu kkontrollati passiġġieri fuq titjiriet, jew sistemi ekwivalenti li jipprovdu l-istess funzjonalitajiet; b’mod speċifiku, kif użat f’dan il-Ftehim, id-data tal-PNR tikkonsisti mill-elementi elenkati b’mod eżawrjenti fl-Anness I;

(6)“kriminalità serja” tfisser ir-reati punibbli b’piena massima ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni ta’ mill-inqas 3 snin skont il-liġi nazzjonali tal-Iżlanda li għandhom rabta oġġettiva, anke jekk waħda indiretta, mal-ġarr tal-passiġġieri bl-ajru;

(7)“reati terroristiċi” tfisser:

(a)atti jew ommissjonijiet li jkunu twettqu għal skopijiet, objettivi jew kawżi politiċi, reliġjużi jew ideoloġiċi bl-intenzjoni li jintimidaw lill-pubbliku f’dak li jirrigwarda s-sigurtà tiegħu, inkluża s-sigurtà ekonomika tiegħu, jew bl-intenzjoni li jisfurzaw lil persuni, gvernijiet jew organizzazzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali biex iwettqu jew biex joqogħdu lura milli jwettqu kwalunkwe att, u li intenzjonalment: (i) jikkawżaw mewt jew offiża serja fuq il-persuna; (ii) iqiegħdu fil-periklu l-ħajja ta’ individwu; (iii) jikkawżaw riskju serju għas-saħħa jew għas-sigurtà tal-pubbliku; (iv) jikkawżaw dannu sostanzjali fuq proprjetà li aktarx iwassal għall-ħsara msemmija fil-punti minn (i) sa (iii); jew (v) joħolqu interferenza jew interruzzjoni serja f’servizz, f’faċilità jew f’sistema essenzjali, li ma tkunx tirriżulta minn promozzjoni, protesti, dissens jew waqfien fuq ix-xogħol, bħal strajk, sew jekk legali kif ukoll jekk illegali, li ma tkunx maħsuba biex tikkawża l-ħsara msemmija fil-punti (i) sa (iii); jew

(b)attivitajiet li jikkostitwixxu reat fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-konvenzjonijiet u tal-protokolli internazzjonali applikabbli li jikkonċernaw it-terroriżmu u skont kif definit fihom; jew

(c)kwalunkwe parteċipazzjoni intenzjonata jew kontribut f’xi attività li jkollha l-għan li ttejjeb il-kapaċità ta’ entità terroristika fl-iffaċilitar jew fit-twettiq tal-atti jew l-ommissjonijiet deskritti fil-punti (a) jew (b), jew kwalunkwe struzzjoni mogħtija lil persuna, grupp jew organizzazzjoni f’dan ir-rigward; jew

(d)it-twettiq ta’ reat li jwassal għal att ta’ akkuża, fejn l-atti jew l-ommissjonijiet li jkunu jikkostitwixxu r-reat inkwistjoni, ikunu twettqu għall-ġid ta’ xi entità terroristika, taħt it-tmexxija tagħha jew f’assoċjazzjoni magħha; jew

(e)(e) il-ġbir ta’ proprjetà, l-istedina lil persuni, gruppi jew organizzazzjonijiet biex jipprovdu jew iqiegħdu għad-dispożizzjoni proprjetà jew servizzi finanzjarji jew servizzi oħra relatati bl-iskop li jitwettqu l-atti jew l-ommissjonijiet deskritti fil-punti (a) jew (b), jew l-użu jew il-pussess ta’ proprjetà bl-iskop li jitwettqu l-atti jew l-ommissjonijiet deskritti fil-punti (a) jew (b); jew

(f)it-tentattiv jew it-theddida li jitwettqu l-atti jew l-ommissjonijiet deskritti fil-punti (a) jew (b), il-komplotti, l-iffaċilitar jew l-għoti ta’ struzzjonijiet jew ta’ pariri b’rabta mal-atti jew l-ommissjonijiet deskritti fil-punti (a) jew (b), jew il-kompliċità wara li jseħħ il-fatt, jew il-protezzjoni jew il-ħabi tiegħu bl-iskop li l-entità terroristika tkun tista’ tiffaċilita jew twettaq l-atti jew ommissjonijiet deskritti fil-punti (a) jew (b); jew

(g)l-ivvjaġġar lejn jew mill-Iżlanda jew Stat Membru tal-Unjoni għall-fini li jitwettaq, jew isir kontribut għat-twettiq ta’ reat terroristiku fis-sens tal-punti a) jew b), jew għall-fini tal-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ entità terroristika fis-sens tal-paragrafu 8) bl-għarfien tal-fatt li tali parteċipazzjoni se tikkontribwixxi għall-attivitajiet kriminali tal-entità terroristika.

(8)“entità terroristika” tfisser: (i) persuna, grupp jew organizzazzjoni li, fost skopijiet jew attivitajiet oħra, jiffaċilitaw jew iwettqu l-atti jew l-ommissjonijiet deskritti fil-paragrafu 7 punt (a) jew (b); jew (ii) persuna, grupp jew organizzazzjoni li jaġixxu intenzjonalment f’isem il-persuna, il-grupp jew l-organizzazzjoni msemmija fil-punt (i) jew li jaġixxu taħt it-tmexxija tagħhom jew f’assoċjazzjoni magħhom.

KAPITOLU II

TRASFERIMENT TAD-DATA TAL-PNR

ARTIKOLU 3

Metodu u frekwenza tat-trasferiment

(1)L-Iżlanda għandha tiżgura li t-trasportaturi tal-ajru jittrasferixxu data tal-PNR lill-PIU Iżlandiża esklużivament billi jittrażmettu d-data tal-PNR meħtieġa fil-bażi tad-data tal-awtorità rikjedenti (il-metodu “push”), u f’konformità mal-proċeduri li ġejjin li għandhom jiġu osservati mit-trasportaturi tal-ajru:

(a)b’mezzi elettroniċi f’konformità mar-rekwiżiti tekniċi tal-PIU Iżlandiża jew, f’każ ta’ ħsara teknika, bi kwalunkwe mezz xieraq ieħor li jiżgura livell xieraq ta’ sigurtà tad-data;

(b)bl-użu ta’ format ta’ messaġġ aċċettat b’mod reċiproku, u b’mod sigur bl-użu ta’ protokolli komuni kif meħtieġ mill-PIU Iżlandiża;

(c)jew direttament jew permezz ta’ aġenti awtorizzati, li jaġixxu f’isem trasportatur tal-ajru u jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għall-fini ta’ dan il-Ftehim u skont il-kundizzjonijiet stipulati fih.

(2)L-Iżlanda ma għandhiex titlob lit-trasportaturi tal-ajru biex jipprovdu elementi ta’ data tal-PNR li ma humiex diġà miżmuma, jew miġbura minn trasportaturi tal-ajru għall-finijiet ta’ prenotazzjoni tagħhom jew fil-kors normali tan-negozju tagħhom.

(3)L-Iżlanda għandha tiżgura li l-PIU Iżlandiża tħassar kwalunkwe element tad-data trasferit lilha minn trasportatur tal-ajru skont dan il-Ftehim malli tirċievi d-data tal-PNR, jekk dak l-element tad-data ma huwiex elenkat fl-Anness I.

(4)L-Iżlanda għandha tiżgura li l-PIU Iżlandiża titlob lit-trasportaturi tal-ajru biex jittrasferixxu d-data tal-PNR:

(a)fuq bażi ta’ skeda fejn l-aktar stadju bikri jkun sa 48 siegħa qabel it-tluq skedat; u

(b)għal massimu ta’ ħames darbiet, għal titjira partikolari

(5)L-Iżlanda għandha tippermetti lit-trasportaturi tal-ajru jillimitaw it-trasferiment imsemmi fil-paragrafu 4, il-punt (b) għall-aġġornamenti tad-data tal-PNR trasferita kif imsemmi fil-punt (a) ta’ dak il-paragrafu.

(6)L-Iżlanda għandha tiżgura li l-PIU Iżlandiża tinforma lit-trasportaturi tal-ajru bil-ħinijiet speċifiċi għat-trasferimenti.

(7)F’każijiet speċifiċi, meta jkun hemm indikazzjoni li jkun meħtieġ aċċess addizzjonali b’rispons għal xi theddida speċifika relatata mal-iskopijiet stabbiliti fl-Artikolu 5, il-PIU Iżlandiża tista’ titlob lit-trasportatur tal-ajru jipprovdi data tal-PNR qabel jew wara t-trasferimenti skedati jew bejniethom. Fl-eżerċitar ta’ din id-diskrezzjoni, l-Iżlanda għandha taġixxi b’mod ġudizzjuż u proporzjonali u għandha titlob l-użu tal-metodu ta’ trasferiment deskritt fil-paragrafu 1.

ARTIKOLU 4

Router API-PNR

(1)Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li l-Iżlanda tista’ titlob lit-trasportaturi tal-ajru jittrasferixxu d-data tal-PNR lill-PIU Iżlandiża permezz tar-router API-PNR stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2025/13 2 . F’każ bħal dan l-Iżlanda:

(a)ma għandhiex titlob lit-trasportaturi tal-ajru jittrasferixxu d-data tal-PNR bi kwalunkwe mezz ieħor;

(b)għandha tintrabat bir-regoli dwar il-funzjonament u l-kundizzjonijiet għall-użu ta’ tali router kif stabbilit b’dak ir-Regolament, b’deroga mill-Artikoli 3(1), (4) u (6).

(2)L-Iżlanda għandha tinnotifika lill-Unjoni bit-talba tagħha biex tuża dan ir-router. Talba bħal din għandha tiġi aċċettata mill-Unjoni bil-miktub b’mezzi diplomatiċi.

(3)L-Unjoni għandha tinnotifika bil-miktub lill-Iżlanda b’mezzi diplomatiċi dwar kwalunkwe emenda tar-Regolament (UE) 2025/13 li taffettwa r-regoli dwar il-funzjonament u l-kundizzjonijiet għall-użu tar-router API-PNR. Fi żmien 120 jum mill-wasla ta’ din in-notifika, l-Iżlanda tista’ tinnotifika lill-Unjoni bil-miktub b’mezzi diplomatiċi bl-intenzjoni tagħha li twaqqaf l-użu tar-router. F’dan il-każ, il-Partijiet għandhom jidħlu f’konsultazzjonijiet kif previst fl-Artikolu 23, il-paragrafu 1 u l-Artikolu 3(1), (4) u (6) għandhom jerġgħu jibdew japplikaw.

KAPITOLU III

IPPROĊESSAR U PROTEZZJONI TAL-PNR

ARTIKOLU 5

Finijiet tal-ipproċessar tal-PNR

L-Iżlanda għandha tiżgura li d-data tal-PNR riċevuta skont dan il-Ftehim tkun ipproċessata strettament għall-iskop tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja.

ARTIKOLU 6

Modalitajiet tal-ipproċessar tal-PNR

Il-PIU Iżlandiża tista’ tipproċessa d-data tal-PNR esklużivament permezz ta’ dawn il-modalitajiet speċifiċi ta’ pproċessar:

(a)it-twettiq ta’ valutazzjoni tal-passiġġieri qabel il-wasla skedata tagħhom fl-Iżlanda jew qabel it-tluq skedat tagħhom mill-Iżlanda biex jiġu identifikati l-persuni li jeħtieġ li jiġu eżaminati aktar mill-awtoritajiet kompetenti, fid-dawl tal-fatt li dawn il-persuni jistgħu jkunu involuti f’reat terroristiku jew kriminalità serja f’konformità mal-Artikolu 7 (valutazzjoni “f’ħin reali”);

(b)it-twettiq ta’ tfittxija fil-bażi tad-data ta’ data tal-PNR miżmuma bil-ħsieb li tirrispondi, abbażi ta’ każ b’każ, għal talba debitament motivata ppreżentata skont l-Artikoli 13 u 14, u fejn xieraq id-divulgazzjoni ta’ kwalunkwe data tal-PNR jew riżultat rilevanti tal-ipproċessar tagħha;

(c)l-analizzar tad-data tal-PNR bil-għan li jiġu aġġornati, ittestjati jew jiġu stabbiliti kriterji ġodda biex jintużaw fil-valutazzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 7, il-paragrafu 1, il-punt (b), sabiex tiġi identifikata kwalunkwe persuna li tista’ tkun involuta f’reat terroristiku jew kriminalità serja.

ARTIKOLU 7

Valutazzjoni f’ħin reali

(1)Fit-twettiq tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 6, il-punt (a), il-PIU Iżlandiża tista’:

(a)tqabbel id-data tal-PNR ma’ bażijiet tad-data dwar persuni jew oġġetti mfittxija jew taħt allert biss, f’konformità mar-regoli tal-Unjoni, internazzjonali u nazzjonali applikabbli għal dawn il-bażijiet tad-data; u

(b)tipproċessa d-data tal-PNR skont kriterji stabbiliti minn qabel.

(2)L-Iżlanda għandha tiżgura li l-bażijiet tad-data msemmija fil-paragrafu 1(a) ma jkunux diskriminatorji, ikunu affidabbli, aġġornati u limitati għal dawk użati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Iżlanda b’rabta mal-iskopijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 u rilevanti għalihom.

(3)L-Iżlanda għandha tiżgura li kwalunkwe valutazzjoni tad-data tal-PNR kif imsemmija fil-paragrafu 1(b) tkun ibbażata fuq mudelli u kriterji mhux diskriminatorji, speċifiċi u affidabbli stabbiliti minn qabel li jippermettu lill-PIU Iżlandiża tasal għal riżultati li jkollhom fil-mira individwi li jistgħu jkunu taħt suspett raġonevoli ta’ involviment jew parteċipazzjoni f’reati terroristiċi jew kriminalità serja. L-Iżlanda għandha tiżgura li dawk il-kriterji fl-ebda ċirkostanza ma jkunu bbażati fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, l-opinjonijiet politiċi, ir-reliġjon jew it-twemmin filosofiku, is-sħubija fi trade union, is-saħħa, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna.

(4)L-Iżlanda għandha tiżgura li kwalunkwe konkordanza pożittiva li tirriżulta mill-ipproċessar tad-data tal-PNR f’ħin reali tkun rieżaminata individwalment mill-PIU Iżlandiża b’mezzi mhux awtomatizzati.

ARTIKOLU 8

Kategoriji speċjali ta’ data

(1)Kwalunkwe pproċessar ta’ data tal-PNR li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija ma’ trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, ta’ data bijometrika bl-għan li tiġi identifikata b’mod uniku persuna fiżika, ta’ data dwar is-saħħa jew ta’ data li tikkonċerna l-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika, għandu jkun ipprojbit skont dan il-Ftehim.

(2)Sa fejn id-data tal-PNR riċevuta skont dan il-Ftehim mill-PIU Iżlandiża tinkludi dawn il-kategoriji speċjali ta’ data personali, il-PIU Iżlandiża għandha tħassar tali data minnufih.

ARTIKOLU 9

Sigurtà u integrità tad-data

(1)L-Iżlanda għandha tiżgura li d-data tal-PNR riċevuta skont dan il-Ftehim tkun ipproċessata b’mod li jiżgura livell għoli ta’ sigurtà tad-data xieraq għar-riskji rappreżentati bl-ipproċessar u n-natura tad-data tal-PNR riċevuta skont dan il-Ftehim. B’mod partikolari l-PIU Iżlandiża għandha:

(a)timplimenta miżuri u proċeduri tekniċi u organizzattivi xierqa biex tiżgura tali livell ta’ sigurtà;

(b)tapplika proċeduri ta’ kriptaġġ, ta’ awtorizzazzjoni u ta’ dokumentazzjoni għad-data tal-PNR;

(c)tillimita l-aċċess għad-data tal-PNR għall-persunal awtorizzat; u

(d)taħżen id-data tal-PNR f’ambjent fiżiku sigur li jkun protett b’kontrolli tal-aċċess.

(2)2.    L-Iżlanda għandha tiżgura li kwalunkwe ksur tas-sigurtà tad-data, b’mod partikolari dak li jwassal għall-qerda aċċidentali jew illegali jew għat-telf aċċidentali, l-alterazzjoni, id-divulgazzjoni jew l-aċċess mhux awtorizzat jew għal kwalunkwe forma illegali ta’ pproċessar, ikun soġġett għal miżuri korrettivi effettivi u dissważivi.

(3)3.    L-Iżlanda għandha tirrapporta kwalunkwe ksur tas-sigurtà tad-data lill-awtorità superviżorja nazzjonali stabbilita skont l-Artikolu 41 tad-Direttiva (UE) 2016/680.

ARTIKOLU 10

Reġistrazzjoni u dokumentazzjoni tal-ipproċessar tad-data tal-PNR

(1)Il-PIU Iżlandiża għandha tirreġistra u tiddokumenta l-ipproċessar kollu tad-data tal-PNR. L-Iżlanda għandha tuża reġistru jew dokument biss biex:

(a)tagħmel awtomonitoraġġ u tivverifika l-legalità tal-ipproċessar tad-data;

(b)tiżgura l-integrità tad-data jew il-funzjonalità tas-sistema xierqa;

(c)tiżgura s-sigurtà tal-ipproċessar tad-data; u

(d)tiżgura s-sorveljanza u r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni pubblika.

(2)Ir-reġistri jew id-dokumentazzjoni miżmumin skont il-paragrafu 1 għandhom jiġu kkomunikati fuq talba lill-awtorità superviżorja nazzjonali li għandha tuża din l-informazzjoni biss għas-sorveljanza tal-protezzjoni tad-data u għall-iżgurar ta’ pproċessar xieraq tad-data kif ukoll għall-integrità u s-sigurtà tad-data.

KAPITOLU IV

ĦŻIN U DIVULGAZZJONI TAD-DATA TAL-PNR

ARTIKOLU 11

Perjodi ta’ ħżin

(1)L-Iżlanda għandha tiżgura li d-data tal-PNR riċevuta skont dan il-Ftehim tinħażen:

(a)biss dment li jkun hemm rabta oġġettiva, anke jekk waħda indiretta, bejn id-data tal-PNR maħżuna u mill-inqas wieħed mill-iskopijiet stabbiliti fl-Artikolu 5; u

(b)fi kwalunkwe każ għal-perjodi li ma jaqbżux 5 snin.

(2)Skont il-paragrafu 1, il-PIU Iżlandiża tista’ taħżen biss id-data tal-PNR tal-passiġġieri kollha tal-ajru għal perjodu ta’ żmien inizjali li għandu jkun previst fil-liġi nazzjonali. It-tul ta’ dan il-perjodu ta’ żmien inizjali ma għandux jaqbeż dak li huwa strettament meħtieġ biex jippermetti lill-PIU twettaq it-tfittxijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1)(b) għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-persuni li għadhom ma ġewx suspettati b’involviment f’reati terroristiċi jew kriminalità serja abbażi tal-valutazzjoni f’ħin reali skont l-Artikolu 6(1)(a).

(3)Wara l-perjodu ta’ żmien inizjali msemmi fil-paragrafu 2, l-Iżlanda tista’ taħżen biss data tal-PNR ta’ passiġġieri li fir-rigward tagħhom ikun hemm evidenza oġġettiva ta’ natura li tistabbilixxi riskju fil-qasam tar-reati terroristiċi jew tal-kriminalità serja.

(4)L-Iżlanda għandha tiżgura li l-PIU Iżlandiża tirrieżamina l-ħtieġa li d-data tal-PNR tibqa’ maħżuna skont il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, fuq bażi regoli.

(5)L-Iżlanda għandha tiżgura li hekk kif jiskadi l-perjodu ta’ żamma tad-data xieraq, id-data tal-PNR titħassar b’mod irrevokabbli jew issir anonima b’tali mod li s-suġġetti tad-data kkonċernati ma jibqgħux identifikabbli.

(6)Minkejja l-paragrafu 1(b), l-Iżlanda tista’ tippermetti l-ħżin tad-data tal-PNR meħtieġa għar-rieżami, l-investigazzjoni, l-azzjoni ta’ infurzar, il-proċediment ġudizzjarju, il-prosekuzzjoni, jew l-infurzar tal-penali, sakemm ma jiġi konkluż il-proċess rilevanti.

ARTIKOLU 12

Depersonalizzazzjoni

(1)Il-PIU Iżlandiża għandha tiddepersonalizza d-data tal-PNR mhux aktar tard minn 6 xhur wara li tirċievi d-data tal-PNR. Hija għandha tagħmel dan billi tostor l-elementi tad-data li ġejjin li jistgħu jservu biex jidentifikaw direttament il-passiġġier li miegħu hija relatata d-data tal-PNR:

(a)isem/ismijiet, inklużi l-ismijiet ta’ passiġġieri oħra fuq il-PNR u l-għadd ta’ vjaġġaturi fuq il-PNR li jivvjaġġaw flimkien;

(b)indirizz u informazzjoni ta’ kuntatt;

(c)il-forom kollha ta’ informazzjoni dwar il-ħlas, inkluż l-indirizz tal-ħruġ tal-kontijiet, sa fejn ikun fihom xi informazzjoni li tista’ sservi biex jiġi identifikat direttament il-passiġġier li miegħu hija relatata d-data tal-PNR jew kwalunkwe persuna oħra;

(d)informazzjoni dwar dawk li jivvjaġġaw ta’ spiss;

(e)kummenti ġenerali sa fejn huma jkun fihom xi informazzjoni li tista’ sservi biex jiġi identifikat direttament il-passiġġier li miegħu hija relatata d-data tal-PNR; u

(f)kwalunkwe data tal-API li tkun ġiet miġbura.

(2)Il-PIU Iżlandiża tista’ tiddivulga biss l-elementi tad-data msemmijin fil-paragrafu 1 għall-iskopijiet tal-Artikolu 5 u skont il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 13 jew 14.

ARTIKOLU 13

Divulgazzjoni fl-Iżlanda

(1)Meta twieġeb talba debitament motivata mibgħuta minn awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 6(b), il-PIU Iżlandiża għandha tiddivulga biss, abbażi ta’ każ b’każ, id-data tal-PNR jew ir-riżultati tal-ipproċessar tagħha, meta:

(a)tali divulgazzjoni tkun neċessarja biex jinkiseb wieħed mill-iskopijiet stabbiliti fl-Artikolu 5;

(b)jiġi ddivulgat biss l-ammont minimu ta’ data tal-PNR meħtieġ;

(c)l-awtorità kompetenti riċeventi toffri protezzjoni li tkun ekwivalenti għas-salvagwardji deskritti f’dan il-Ftehim;

(d)id-divulgazzjoni tkun approvata jew minn awtorità ġudizzjarja jew minn korp indipendenti kompetenti ieħor skont il-liġi nazzjonali biex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet għad-divulgazzjoni humiex issodisfati.

(2)B’deroga mill-paragrafu 1, il-punt (d), il-PIU Iżlandiża tista’ tiddivulga data tal-PNR f’każijiet ta’ urġenza debitament ġustifikata mingħajr rieżami jew approvazzjoni minn qabel. F’każijiet bħal dawn, ir-rieżami msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b), għandu jseħħ fi żmien qasir.

(3)L-Iżlanda għandha tiżgura li l-awtorità kompetenti riċeventi ma tiddivulgax id-data tal-PNR lil awtorità oħra sakemm id-divulgazzjoni ma tkunx ġiet espliċitament awtorizzata mill-PIU Iżlandiża.

ARTIKOLU 14

Divulgazzjoni barra mill-Iżlanda u mill-UE

(1)Meta twieġeb talba debitament motivata mibgħuta minn awtorità kompetenti ta’ pajjiżi oħra li ma humiex Stati Membri tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 6(b), il-PIU Iżlandiża għandha tiddivulga, abbażi ta’ każ b’każ, id-data tal-PNR jew ir-riżultati tal-ipproċessar tagħha, biss meta:

(a)tali divulgazzjoni tkun neċessarja biex jinkiseb wieħed mill-iskopijiet stabbiliti fl-Artikolu 5;

(b)jiġi ddivulgat biss l-ammont minimu ta’ data tal-PNR meħtieġ;

(c)il-pajjiż li d-data tal-PNR għandha tkun iddivulgata lill-awtorità tiegħu, ikun jew ikkonkluda Ftehim mal-Unjoni li jipprevedi protezzjoni tad-data personali komparabbli ma’ dan il-Ftehim jew ikun soġġett għal deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea, li ssib li l-imsemmi pajjiż jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data fis-sens tad-dritt tal-Unjoni Ewropea;

(d)id-divulgazzjoni tkun approvata jew minn awtorità ġudizzjarja jew minn korp indipendenti kompetenti ieħor skont il-liġi nazzjonali biex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet għad-divulgazzjoni humiex issodisfati.

(2)B’deroga mill-paragrafu 1(c), il-PIU Iżlandiża tista’ tiddivulga data tal-PNR lil pajjiż ieħor jekk din tqis li d-divulgazzjoni hija meħtieġa għall-prevenzjoni jew l-investigazzjoni ta’ theddida serja u imminenti għas-sigurtà pubblika u jekk dak il-pajjiż jipprovdi assigurazzjoni bil-miktub, skont arranġament, ftehim jew mod ieħor li l-informazzjoni se tkun protetta f’konformità mas-salvagwardji stabbiliti f’dan il-Ftehim.

(3)B’deroga mill-paragrafu 1(d), il-PIU Iżlandiża tista’ tiddivulga data tal-PNR f’każijiet ta’ urġenza debitament ġustifikata mingħajr rieżami u approvazzjoni minn qabel. F’tali każijiet, ir-rieżami msemmi fil-paragrafu 1 għandu jseħħ fi żmien qasir.

ARTIKOLU 15

Skambju ta’ informazzjoni relatata mal-PNR

(1)Il-PIU Iżlandiża għandha tikkondividi mal-Europol jew il-Eurojust, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandati rispettivi tagħhom, jew mal-PIUs tal-Istati Membri, id-data tal-PNR, ir-riżultati tal-ipproċessar ta’ dik id-data, jew l-informazzjoni analitika bbażata fuq id-data tal-PNR malajr kemm jista’ jkun u f’każijiet speċifiċi meta tkun neċessarja għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni, jew il-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew kriminalità serja. Il-PIU Iżlandiża għandha tikkondividi tali informazzjoni jew fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-Europol jew tal-Eurojust, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandati rispettivi tagħhom, jew tal-PIUs tal-Istati Membri.

(2)Il-PIUs tal-Istati Membri għandhom jikkondividu mal-PIU Iżlandiża d-data tal-PNR, ir-riżultati tal-ipproċessar ta’ dik id-data, jew l-informazzjoni analitika bbażata fuq id-data tal-PNR malajr kemm jista’ jkun u f’każijiet speċifiċi meta tkun neċessarja għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni, jew il-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew kriminalità serja. Il-PIUs tal-Istati Membri għandhom jikkondividu tali informazzjoni fuq l-inizjattiva tagħhom stess jew fuq talba tal-PIU Iżlandiża.

(3)Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 tkun kondiviża f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi jew il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-Iżlanda u l-Europol jew il-Eurojust, jew l-Istat Membru rilevanti. B’mod partikolari, l-iskambju tal-informazzjoni mal-Europol skont dan l-Artikolu għandu jseħħ permezz ta’ kanal ta’ komunikazzjoni sigur stabbilit għall-iskambju tal-informazzjoni.

KAPITOLU V

PROTEZZJONI TAD-DATA

ARTIKOLU 16

Drittijiet u obbligi skont id-Direttiva (UE) 2016/680

(1)Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, l-Iżlanda għandha tiżgura li, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti, hija tapplika l-istess drittijiet u obbligi bħad-Direttiva (UE) 2016/680, inkluża kwalunkwe emenda tagħha li tkun ġiet aċċettata u implimentata mill-Iżlanda f’konformità mal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda u n-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

(2)L-ipproċessar tad-data personali mill-PIU Iżlandiża għandu jkun sorveljat minn awtorità superviżorja indipendenti stabbilita f’konformità mal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni mill-Iżlanda tad-Direttiva (UE) 2016/680, inkluża kwalunkwe emenda tagħha li tkun ġiet aċċettata u implimentata mill-Iżlanda f’konformità mal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda u n-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

(3)Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni aktar speċifika f’dan il-Ftehim dwar l-ipproċessar tad-data tal-PNR.

ARTIKOLU 17

Trasparenza u informazzjoni

(1)L-Iżlanda għandha tiżgura li fis-sit web tagħha, il-PIU Iżlandiża tagħmel disponibbli l-informazzjoni li ġejja:

(a)lista tal-leġiżlazzjoni li tawtorizza t-trasferiment tad-data tal-PNR mit-trasportaturi tal-ajru;

(b)ir-raġuni għall-ġbir u l-ħżin tad-data tal-PNR;

(c)il-mod ta’ pproċessar u protezzjoni tad-data tal-PNR;

(d)il-mod li bih tista’ tiġi divulgata d-data lil awtoritajiet kompetenti oħra u sa liema punt jista’ jsir dan; u

(e)l-informazzjoni ta’ kuntatt għall-mistoqsijiet.

(2)L-Iżlanda għandha taħdem ma’ partijiet terzi interessati, bħall-industrija tal-avjazzjoni u tal-ivvjaġġar bl-ajru, biex tippromwovi t-trasparenza fil-ħin tal-prenotazzjoni fir-rigward tar-raġunijiet għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data tal-PNR, u fir-rigward ta’ kif jintalbu l-aċċess, ir-rettifika u r-rimedju.

(3)Jekk id-data tal-PNR miżmuma f’konformità mal-Artikolu 11 tkun ġiet divulgata f’konformità mal-Artikolu 13 jew l-Artikolu 14, l-Iżlanda għandha tinforma, filwaqt li tqis l-isforzi raġonevoli, lill-passiġġieri kkonċernati permezz tal-modalitajiet stabbiliti skont l-Artikolu 13(2)(d) tad-Direttiva 2016/680 u fi żmien raġonevoli malli tali notifika ma tkunx għadha tista’ tipperikola l-investigazzjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati sal-punt li l-informazzjoni ta’ kuntatt rilevanti tal-passiġġieri tkun disponibbli jew tkun tista’ tinkiseb.

KAPITOLU VI

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

ARTIKOLU 18

Notifiki

(1)L-Iżlanda għandha tinnotifika lill-Unjoni b’mezzi diplomatiċi dwar l-identità tal-awtoritajiet li ġejjin:

(a)Il-PIU Iżlandiża msemmija fl-Artikolu 2(4);

(b)L-awtorità superviżorja nazzjonali msemmija fl-Artikolu 9(3).

(2)L-Iżlanda għandha tinnotifika mingħajr dewmien kwalunkwe bidla fl-identità tal-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1.

(3)L-Unjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

ARTIKOLU 19

Dħul fis-seħħ

(1)Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat mill-Partijiet f’konformità mal-proċeduri proprji tagħhom.

(2)Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara d-data tal-wasla tan-notifika bil-miktub li permezz tagħha l-Iżlanda tkun innotifikat dwar l-identità tal-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 18, il-paragrafu 1, jew in-notifiki bil-miktub li permezz tagħhom il-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin b’mezzi diplomatiċi li l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 ikunu tlestew, skont liema tiġi l-aħħar.

ARTIKOLU 20

Soluzzjoni tat-tilwim u sospensjoni

(1)Il-Partijiet għandhom isolvu kwalunkwe tilwima fir-rigward tal-interpretazzjoni, l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim permezz ta’ konsultazzjonijiet, bil-ħsieb li jaslu għal soluzzjoni aċċettata b’mod reċiproku, li tipprevedi l-possibbiltà li waħda mill-Partijiet tikkonforma fi żmien raġonevoli.

(2)Kwalunkwe waħda mill-Partijiet tista’ tissospendi kompletament jew parzjalment l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim b’notifika bil-miktub lill-Parti l-oħra b’mezzi diplomatiċi. Tali notifika bil-miktub ma għandhiex issir qabel ma l-Partijiet ikunu involuti f’perjodu raġonevoli ta’ konsultazzjoni. Is-sospensjoni għandha tidħol fis-seħħ xahrejn mid-data li fiha tkun saret tali notifika, sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux b’mod konġunt li jsir mod ieħor.

(3)Il-Parti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tinforma minnufih lill-Parti l-oħra bid-data li fiha jerġa’ jibda japplika dan il-Ftehim, ladarba hija tqis li r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux għadhom japplikaw. Il-Parti li tissospendi għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub.

(4)L-Iżlanda għandha tkompli tapplika t-termini ta’ dan il-Ftehim għad-data tal-PNR kollha li tkun irċeviet qabel is-sospensjoni ta’ dan il-Ftehim.

ARTIKOLU 21

Terminazzjoni

(1)Dan il-Ftehim jista’ jiġi tterminat fi kwalunkwe ħin minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet b’notifika bil-miktub b’mezzi diplomatiċi. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ 3 xhur wara d-data minn meta tasal in-notifika bil-miktub.

(2)Jekk kwalunkwe waħda mill-Partijiet tagħti notifika ta’ terminazzjoni skont dan l-Artikolu, il-Partijiet għandhom jiddeċiedu liema miżuri huma meħtieġa biex jiġi żgurat li kwalunkwe kooperazzjoni mibdija skont dan il-Ftehim tiġi konkluża b’mod xieraq.

(3)L-Iżlanda għandha tkompli tapplika l-kundizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għad-data tal-PNR kollha li tkun irċeviet qabel kwalunkwe terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

ARTIKOLU 22

Emendi

(1)Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat fi kwalunkwe ħin b’kunsens reċiproku bejn il-Partijiet. L-emendi ta’ dan il-Ftehim għandhom jidħlu fis-seħħ f’konformità mal-Artikolu 19.

(2)L-Anness ta’ dan il-Ftehim jista’ jiġi aġġornat, b’kunsens reċiproku bejn il-Partijiet espress b’notifika bil-miktub skambjata b’mezzi diplomatiċi. Dawn l-aġġornamenti għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data msemmija fl-Artikolu 19(2).

ARTIKOLU 23

Konsultazzjoni u evalwazzjoni

(1)Il-Partijiet għandhom jidħlu f’konsultazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Huma għandhom jagħtu pariri lil xulxin dwar kwalunkwe miżura li tista’ taffettwa lil dan il-Ftehim.

(2)Il-Partijiet għandhom iwettqu evalwazzjoni konġunta tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim jekk tintalab minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet u tiġi deċiża b’mod konġunt. Fit-twettiq ta’ tali evalwazzjoni, il-Partijiet għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lin-neċessità u l-proporzjonalità tal-ipproċessar tad-data tal-PNR għal kull waħda mill-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 5. Il-Partijiet għandhom jiddeċiedu minn qabel dwar il-modalitajiet ta’ tali evalwazzjonijiet.

ARTIKOLU 24

Applikazzjoni territorjali

(1)Dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju tal-Unjoni Ewropea f’konformità mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għat-territorju tal-Iżlanda.

(2)Sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, l-Unjoni Ewropea għandha tinnotifika lill-Iżlanda dwar l-Istati Membri li dan il-Ftehim japplika għat-territorji tagħhom. Sussegwentement, hija tista’, fi kwalunkwe ħin, tinnotifika kwalunkwe bidla fiha.

Dan il-Ftehim għandu jitfassal f’żewġ kopji bil-Bulgaru, il-Kroat, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, l-Iżlandiż, l-Irlandiż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol u l-Iżvediż, b’kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiku. Fil-każ ta’ kwalunkwe diverġenza bejn it-testi ta’ dan il-Ftehim, it-test bl-Ingliż għandu jipprevali.

[firem]


ANNESS

ELEMENTI TAD-DATA TAR-REĠISTRU TAL-ISMIJIET TAL-PASSIĠĠIERI

IMSEMMIJIN FL-ARTIKOLU 2(5)

1. Lokalizzatur tar-reġistru tal-PNR

2. Data tal-prenotazzjoni/ħruġ tal-biljett

3. Data/i tal-ivvjaġġar ippjanat

4. Isem/Ismijiet

5. Indirizz u informazzjoni ta’ kuntatt, jiġifieri n-numru tat-telefown u l-indirizz tal-email tal-passiġġieri

6. Informazzjoni dwar il-metodi tal-ħlas, u l-ħruġ ta’ kontijiet tal-biljett tal-ajru

7. Itinerarju sħiħ tal-ivvjaġġar għall-PNR speċifika

8. Data dwar il-passiġġier(i) li jivvjaġġa(w) ta’ spiss (status u numru tal-vjaġġatur frekwenti)

9. Aġenzija tal-ivvjaġġar/aġent tal-ivvjaġġar

10. Status tal-ivvjaġġar tal-passiġġier, inklużi konfermi, status taċ-check-in, informazzjoni dwar in-nuqqas jew il-preżenza

11. Informazzjoni tal-PNR mifruda/maqsuma

12. Informazzjoni dwar minuri mhux akkumpanjati taħt it-18-il sena: l-isem, il-ġeneru, l-età, l-ilsien/ilsna mitkellem/mitkellma, l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-kustodja mat-tluq u r-relazzjoni mal-minuri, l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-kustodja mal-wasla u r-relazzjoni mal-minuri, l-isem tal-aġent tat-tluq u tal-wasla.

13. Informazzjoni fil-qasam tal-biljetti, inkluż in-numru tal-biljett, id-data tal-ħruġ tal-biljett u biljetti lejn direzzjoni waħda, spazji tal-automated ticket fare quote

14. Numru tal-post u informazzjoni oħra dwar il-post

15. Informazzjoni dwar il-kondiviżjoni tal-kodiċi

16. L-informazzjoni kollha dwar il-bagalji

17. Numru u ismijiet oħra tal-vjaġġaturi fuq il-PNR

18. Kwalunkwe element tad-data tal-informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri (API, advance passenger information) sa fejn din tkun diġà nġabret mit-trasportaturi

19. Il-bidliet storiċi kollha tal-PNR elenkati taħt in-numri 1 sa 18.

(1)    ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36
(2)    Ir-Regolament (UE) 2025/13 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 dwar il-ġbir u t-trasferiment ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/818.