It-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali dwar l-infurzar tal-liġi, inkluż dwar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, huwa essenzjali biex jiġu indirizzati t-theddid mit-terroriżmu u l-kriminalità tranżnazzjonali serja. L-aħħar rapport tal-Valutazzjoni tat-Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata (SOCTA, Serious and Organised Crime Threat Assessment) ippubblikat mill-Europol juri d-dimensjoni internazzjonali tal-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tal-kriminalità l-aktar serji. Barra minn hekk, l-aħħar Rapport tiegħu tas-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu (TE-SAT, Terrorism Situation and Trend Report) jenfasizza mhux biss ir-rabtiet diretti bejn l-ivvjaġġar tranżnazzjonali u l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet terroristiċi u l-kriminalità serja, iżda wkoll l-importanza li jiġu identifikati, investigati u mħarrka b’mod effettiv reati kriminali serji oħra għall-prevenzjoni u l-iskoperta ta’ reati terroristiċi.
Id-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) hija informazzjoni pprovduta mill-passiġġieri u miġbura mis-sistemi ta’ prenotazzjoni u ta’ kontroll tat-tluq tat-trasportaturi tal-ajru u miżmuma fihom għall-finijiet kummerċjali tagħhom stess. Il-kontenut tad-data tal-PNR ivarja skont l-informazzjoni mogħtija matul il-proċess tal-prenotazzjoni u taċ-check-in u jista’ jinkludi, pereżempju, id-dati tal-ivvjaġġar u l-itinerarju sħiħ tal-ivvjaġġar tal-passiġġier jew tal-grupp ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw flimkien, id-dettalji ta’ kuntatt bħall-indirizz u n-numru tat-telefown, l-informazzjoni dwar il-ħlas, in-numru tal-post u l-informazzjoni dwar il-bagalji.
Il-ġbir u l-analiżi tad-data tal-PNR jistgħu jipprovdu lill-awtoritajiet b’elementi importanti li jippermettulhom jiskopru xejriet ta’ vvjaġġar suspettużi u jidentifikaw l-assoċjati tal-kriminali u tat-terroristi, b’mod partikolari dawk li qabel ma kinux magħrufa mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Għaldaqstant, l-ipproċessar tad-data tal-PNR sar għodda tal-infurzar tal-liġi użat b’mod wiesa’, fl-UE u lil hinn minnha, biex jinkixfu t-terroriżmu u forom oħra ta’ kriminalità serja, bħal reati relatati mad-droga, it-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttament sesswali tat-tfal, u biex jiġi evitat it-twettiq ta’ tali kriminalità. Wera wkoll li jikkostitwixxi sors importanti ta’ informazzjoni biex jappoġġa l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ każijiet fejn ikunu twettqu tali attivitajiet illegali.
Filwaqt li kruċjali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja, it-trasferiment tad-data tal-PNR lil pajjiżi terzi kif ukoll l-ipproċessar mill-awtoritajiet tagħhom jikkostitwixxi interferenza fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi fir-rigward tad-data personali tagħhom. Għal din ir-raġuni, dan jirrikjedi bażi legali skont id-dritt tal-UE u jrid ikun neċessarju, proporzjonat u soġġett għal limitazzjonijiet stretti u għal salvagwardji effettivi, kif iggarantit mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, b’mod partikolari fl-Artikoli 6, 7, 8, 21, 47 u 52 tagħha. Il-kisba ta’ dawn l-objettivi importanti tirrikjedi li jinstab bilanċ ġust bejn l-objettiv leġittimu li tinżamm is-sigurtà pubblika u d-dritt ta’ kull persuna għat-tgawdija tal-protezzjoni tad-data personali u l-ħajja privata.
Fl-2016, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw id-Direttiva (UE) 2016/681 dwar l-użu tad-data tal-PNR għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (“id-Direttiva dwar il-PNR”). Din id-Direttiva tirregola t-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tal-PNR fl-Unjoni Ewropea u tistabbilixxi salvagwardji importanti għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali. F’Ġunju 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QĠUE) fis-Sentenza tagħha fil-kawża C-817/19, ikkonfermat il-validità u l-konformità ta’ din id-Direttiva mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u mat-Trattati tal-Unjoni.
L-Iżlanda u l-Istati Membri tal-Unjoni li huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Schengen għandhom responsabbiltà kondiviża li jiżguraw is-sigurtà interna f’żona komuni mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, inkluż permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti. L-ipproċessar tad-data tal-PNR wera l-potenzjal li jtejjeb is-sigurtà taż-żona Schengen, billi jtejjeb il-prevenzjoni u l-iskoperta ta’ kriminalità serja u terroriżmu fil-fruntieri esterni u billi jipprovdi approċċ ibbażat fuq ir-riskju mmexxi mid-data għall-użu tal-Istati Membri fiż-żona Schengen bħala miżura ta’ kumpens għan-nuqqas ta’ kontrolli fil-fruntieri interni.
L-Iżlanda adottat leġiżlazzjoni domestika dwar il-PNR u l-awtorità kompetenti tagħha li nħatret biex tirċievi u tipproċessa d-data tal-PNR dwar it-titjiriet li jinżlu jew jitilqu mill-ajruporti tagħha, bdiet topera uffiċjalment f’Novembru 2021.
Skont id-dritt tal-Unjoni, it-trasferiment ta’ kwalunkwe data personali mill-Unjoni lil pajjiż terz jista’ jseħħ biss jekk dak il-pajjiż jiżgura livell ta’ protezzjoni tad-data personali li jkun essenzjalment ekwivalenti għal dak garantit għal dik id-data personali fl-Unjoni. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-Iżlanda ma hijiex pajjiż terz skont it-tifsira tal-Kapitolu V tar-Regolament 2016/679 peress li dan ir-Regolament ġie inkorporat b’adattamenti fl-Anness XI tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Madankollu, il-qafas tar-regoli stabbilit f’dak ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali, inkluża d-data tal-PNR, mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Iżlanda għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iskoperta jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra t-theddid għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni tiegħu. Fl-istess ħin, minħabba li skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen bejn l-UE u l-Iżlanda tal-1999, l-Iżlanda hija marbuta mill-atti tal-Unjoni li jikkostitwixxu żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, hija mistennija tapplika d-Direttiva (UE) 2016/680 b’mod simili bħall-Istati Membri tal-UE. Madankollu, id-Direttiva dwar il-PNR ma tikkostitwix żvilupp tal-acquis ta’ Schengen, għalhekk l-Iżlanda ma tipparteċipax fl-implimentazzjoni ta’ dan l-istrument legali.
F’dawn iċ-ċirkostanzi, jiġifieri fin-nuqqas ta’ salvagwardji xierqa fir-rigward tal-ipproċessar speċifiku tad-data tal-PNR, li għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ bażi legali valida kif meħtieġ mid-dritt tal-UE, l-Iżlanda ma tistax tirċievi u tipproċessa legalment data tal-PNR dwar titjiriet operati minn trasportaturi tal-ajru bejn l-Unjoni u l-Iżlanda.
Fid-dawl ta’ dan, fis-6 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni, li tipproponi li l-Kunsill jawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar it-trasferiment ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja. B’mod parallel, hija rrakkomandat ukoll il-ftuħ ta’ negozjati ta’ ftehmiet bħal dawn mal-Konfederazzjoni Żvizzera u man-Norveġja. Fl-4 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill ipprovda l-awtorizzazzjoni tiegħu għall-ftuħ tan-negozjati u adotta direttivi ta’ negozjati.
L-għan ta’ dan il-Ftehim hu li jitnaqqas dan id-distakk fis-sigurtà eżistenti fiż-żona Schengen, u biex ikun jista’ jsir it-trasferiment tad-data tal-PNR mill-Unjoni lill-Iżlanda b’rikonoxximent tal-ħtieġa li tintuża d-data tal-PNR bħala għodda essenzjali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u forom oħra ta’ kriminalità serja.
In-negozjati mal-Iżlanda kif ukoll man-Norveġja u mal-Konfederazzjoni Żvizzera bdew fil-21 ta’ Marzu 2024. Fid-9 ta’ April 2025, in-negozjaturi ewlenin inizjalaw it-test tal-ftehim u b’hekk ikkonkludew formalment in-negozjati.
Il-koleġiżlaturi ġew infurmati matul il-proċess tan-negozjati u kkonsultati fl-istadji kollha tan-negozjati, b’mod partikolari billi rrappurtaw lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-Kunsill (IXIM, Working Party on Justice and Home Affairs Information Exchange) u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament Ewropew (LIBE, Committee on Civil Liberties, Justice and Home Affairs).