|
28.2.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 55/27 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-13 ta’ Novembru 2007
Għajnuna mill-Istat C 39/06 (ex NN 94/05) – Skema ta’ azzjonisti għall-ewwel darba implimentata mir-Renju Unit
(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5398)
(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2008/166/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 14 tiegħu,
Wara li sejħet lil partijiet terzi interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom skond id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (2),
Billi:
I. PROĊEDURA
|
(1) |
B’ittra datata 15 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni kienet mgħarrfa minn ċittadin mir-Renju Unit dwar għajnuna illegali mogħtija mill-Kunsill tal-Gżejjer Shetland, li hija l-awtorità pubblika fil-Gżejjer Shetland tar-Renju Unit. B’ittri datati 24 ta’ Awissu 2004, 4 ta’ Frar 2005, 11 ta’ Mejju 2005 u 16 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni talbet lir-Renju Unit biex jagħtiha informazzjoni dwar din l-għajnuna. Ir-Renju Unit ta lill-Kummissjoni aktar informazzjoni b’ittri datati 10 ta’ Diċembru 2004, 6 ta’ April 2005, 8 ta’ Settembru 2005 u 31 ta’ Jannar 2006. |
|
(2) |
B’ittra datata 13 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni għarrfet lir-Renju Unit li hija kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita bl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward ta’ l-għajnuna. Ir-Renju Unit ta l-kummenti tiegħu dwar il-każ b’ittra datata 16 ta’ Ottubru 2006. |
|
(3) |
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Novembru 2006 (3). Il-Kummissjoni stiednet lil partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna. Ma waslu ebda kummenti. |
II. DESKRIZZJONI DETTALJATA
|
(4) |
Il-Kunsill tal-Gżejjer Shetland għamel pagamenti lis-settur tas-sajd fl-ambitu ta’ żewġ miżuri ta’ għajnuna ġenerali msejħin ‘Għajnuna lill-Industrija tal-Qbid u l-Ipproċessar tal-Ħut’ u ‘Għajnuna lill-Industrija tat-Trobbija tal-Ħut’, li fil-fatt kienu magħmula minn tipi differenti ta’ skemi ta’ għajnuna li kienu fis-seħħ sa mis-snin sebgħin. Waħda minn dawn l-iskemi kienet l-hekk imsejħa ‘Skema ta’ azzjonisti għall-ewwel darba’ (‘l-iskema’). Skond dik l-iskema, li kienet fis-seħħ mill-1982 sa l-14 ta’ Jannar 2005, setgħu isiru għotjiet bħala kontribuzzjoni ugwali għall-kontribuzzjoni finanzjarja proprja għax-xiri ta’ sehem f’bastiment tas-sajd eżistenti jew ġdid. Għajnuna kienet tingħata biss lil persuni ’l fuq minn 18-il sena li ma kellhomx is-sehem tagħhom f’bastiment tas-sajd. |
|
(5) |
Kienet tingħata għajnuna ta’ 50% ta’ l-ispejjeż għall-akkwist tas-sehem, b’massimu ta’ liri sterlini (GBP) 7 500 fil-każ ta’ bastiment eżistenti u GBP 15 000 fil-każ ta’ bastiment ġdid. Il-50% l-oħra setgħu jitħallsu biss bil-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju nnifsu, li kienet tiġi mit-tfaddil tiegħu stess jew minn self mill-familja tiegħu. L-ammont ta’ għajnuna qatt ma seta’ jaqbeż il-25% tal-valur tal-bastiment. |
|
(6) |
L-għajnuna kienet tingħata bil-kundizzjoni li l-bastiment jintuża l-ħin kollu għas-sajd għal ħames snin ta’ wara u li l-benefiċjarju jżomm is-sehem tiegħu fil-bastiment għal perjodu ta’ ħames snin minn meta jirċievi l-għajnuna. |
Motivi biex tinbeda l-proċedura
|
(7) |
Il-Kummissjoni kellha dubji serji li l-għajnuna mogħtija skond l-iskema għal individwi li jkunu kisbu għall-ewwel darba sehem f’bastiment użat setgħet ma kinitx kompatibbli mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 2.2.3.3. tal-Linji gwida għall-eżami ta’ għajnuna mill-Istat lis-sajd u l-akkwakultura ta’ l-1994, l-1997 u l-2001 rispettivament (4). B’mod partikolari, kellha dubji dwar il-konformità ta’ l-iskema suġġetta għall-kundizzjoni li tingħata għajnuna biss fir-rigward ta’ bastimenti mhux eqdem minn 10 snin (5) jew 20 sena (6) rispettivament, li setgħu jintużaw mill-anqas għal 10 snin oħra. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tar-rata ta’ għajnuna ta’ l-iskema ta’ 25% ta’ l-ispiża attwali ta’ l-akkwist tal-bastiment, li dehret li ma kinitx konformi mal-Linji gwida ta’ l-2001, applikabbli għal skemi eżistenti ta’ għajnuna sa mill-1 ta’ Lulju 2001, li kienu jippermettu rata ta’ għajnuna sa 20% biss, li kienu jippermettu rata ta’ għajnuna sa 20% biss (7). Fir-rigward ta’ l-għajnuna mogħtija għall-akkwist ta’ sehem f’bastiment ġdid, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-iskema dehret li ma kienet issemmi xejn dwar il-livell ta’ referenza għad-daqs tal-flotta tas-sajd u lanqas għall-ħtiġijiet ta’ iġjene u sikurezza u għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-bastiment fir-reġistru tal-flotta, skond il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikoli 6, 7, 9 u 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2792/1999 tas-17 ta’ Diċembru, u ta’ l-Anness III, li jistabbilixxi regoli u arranġamenti dettaljati dwar assistenza strutturali Komunitarja fis-settur tas-sajd (8), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2369/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 (9). Barra minn dan, l-iskema dehret li ma kellhiex dispożizzjonijiet fir-rigward tar-rekwiżiti addizzjonali msemmijin fir-Regolament (KE) Nru 2792/1999 kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2369/2002. |
III. KUMMENTI MIR-RENJU UNIT
|
(8) |
Fit-tweġiba tiegħu tas-16 ta’ Ottubru 2006, ir-Renju Unit ta aktar informazzjoni dwar l-għajnuna mogħtija skond l-iskema. Innota li l-ammont totali ta’ għajnuna mogħtija skond l-iskema kien ta’ GBP 581 750 flok ta’ GBP 8 000 000 imsemmi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE. Ir-Renju Unit innota wkoll li wara l-1 ta’ Lulju 2001, ma kienet ingħatat ebda għajnuna fir-rigward ta’ bastimenti ġodda, u li, għalhekk, il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ kompatibbiltà ta’ l-iskema wara dik id-data ma kienet ta’ ebda rilevanza. |
|
(9) |
Fir-rigward ta’ l-għajnuniet għal akkwist ta’ sehem f’bastiment użat, ir-Renju Unit ikkonferma li l-iskema ma kien fiha ebda kundizzjoni dwar kemm kellu jkollu żmien il-bastiment, l-anqas ma kien hemm dispożizzjoni dwar il-ħtieġa li l-bastimenti kellhom jintużaw għal mill-anqas 10 snin. Iżda r-Renju Unit argumenta li l-iskema kellha kundizzjoni ta’ għotja għal ħames snin u li din id-dispożizzjoni kienet tirrappreżenta impenn impliċitu li l-bastiment ikompli jintuża għas-sajd għallinqas għal dak it-tul ta’ żmien. |
|
(10) |
Ir-Renju Unit ta lista tat-78 għajnuniet individwali kollha, kull waħda tiswa GBP 7 500, mogħtija bejn il-25 ta’ April 1996 u l-15 ta’ Lulju 2003, għall-akkwist ta’ sehem f’bastiment użat, li turi l-isem tal-benefiċjarju u l-isem u kemm kellu żmien il-bastiment. Ir-rata ta’ l-għajnuna kienet tvarja bejn 0.12% u 25%. Wara l-1 ta’ Jannar 2001, ir-rata ta’ għajnuna qatt ma kienet ogħla minn 3.75%. |
|
(11) |
Ir-Renju Unit innota li 36 minn dawk it-78 għotja dehru li ma kinux konformi, iżda li 28 minnhom kienu rkuprati jew kienu qegħdin jiġu rkuprati wara t-telf, is-sekwestru, il-bejgħ jew l-irtirar tal-bastiment in kwistjoni. Fil-każ ta’ żewġ partiti minn tmienja li kien għad fadal, l-irkupru ta’ l-għotja ma baqax ikun segwit minħabba li t-telf seħħ wara li skada l-perjodu ta’ l-għotja għall-ħames snin. Ir-Renju Unit, għalhekk, ikkonkluda li kien għad fadal biss sitt għotjiet li setgħu ma kinux konformi, dwar vapuri li kienu għadhom qed jaħdmu jew bastimenti li ġew wara u li fuqhom kien ittrasferit il-benefiċċju ta’ l-għotja in kwistjoni. |
|
(12) |
Fl-aħħarnett, ir-Renju Unit sostna li, kieku l-Kummissjoni kellha tieħu deċiżjoni negattiva, l-għajnuna mogħtija qabel it-3 ta’ Ġunju 2003 ma kienx jeħtiġilha tintradd lura minħabba li dak kien imur kontra l-prinċipju tal-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi. F’dak ir-rigward, ir-Renju Unit għamel referenza għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/612/KE tat-3 ta’ Ġunju 2003, dwar self għax-xiri ta’ kwoti ta’ qbid ta’ ħut fil-Gżejjer Shetland (ir-Renju Unit) [traduzzjoni mhux uffiċjali] (10), u għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/226/KE tas-7 ta’ Diċembru 2005, dwar Investimenti f’Kiri u Żviluppi ta’ Proprjetà ta’ Shetland fil-Gżejjer Shetland (Renju Unit) [traduzzjoni mhux uffiċjali] (11), u qal li sat-3 ta’ Ġunju 2003, il-Kunsill tal-Gżejjer Shetland leġittimament qies il-fondi użati għal għajnuna bħal dik bħala privati milli pubbliċi. |
IV. VALUTAZZJONI TA’ L-GĦAJNUNA
|
(13) |
Għandu jkun stabbilit l-ewwelnett, jekk il-miżura tistax titqies bħala għajnuna mill-Istat u jekk huwa hekk, jekk hix kompatibbli mas-suq komuni. |
|
(14) |
Ingħatat għajnuna lil għadd limitat ta’ kumpaniji fis-settur tas-sajd, u, għal din ir-raġuni, hija selettiva. L-għajnuna ngħatat mill-Kunsill tal-Gżejjer Shetland minn riżorsi ta’ l-Istat u kienet ta’ benefiċċju għax-Shetland Fish Products Limited, li topera f’kompetizzjoni diretta ma’ kumpaniji oħra fis-settur tas-sajd, kemm ġewwa r-Renju Unit kif ukoll fi Stati Membri oħra. Għalhekk l-għajnuna tgħawweġ jew thedded il-kompetizzjoni u tidher li hija għajnuna mill-Istat skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE. |
Legalità
|
(15) |
Skond ir-Renju Unit iż-żewġ skemi ġenerali msemmija fil-Premessa 4 kienu applikati qabel ma r-Renju Unit ssieħeb mal-Komunità Ekonomika Ewropea. Iżda l-Kummissjoni tinnota illi skond l-informazzjoni mogħtija, l-iskema ta’ Azzjonisti għall-ewwel darba kienet bdiet isseħħ biss fl-1982. F’kull każ, minħabba nuqqas ta’ dokumenti dwar x’kien ġara fil-passat, ir-Renju Unit ma setax iġib prova li l-għajnuna kienet diġà teżisti qabel ma r-Renju Unit ingħaqad mal-Komunità. Barra minn hekk, ir-Renju Unit ikkonferma li l-iskemi ta’ għajnuna kienu nbidlu matul is-snin u li dawn it-tibdiliet qatt ma kienu nnotifikati lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE (li qabel kien l-Artikolu 93(3)). B’riżultat ta’ dan, l-għajnuna għandha titqies bħala għajnuna ġdida. |
Bażi tal-valutazzjoni
|
(16) |
Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999 ma jistabbilixxi ebda terminu ta’ dekadenza għall-eżami ta’ ‘għajnuna illegali’, kif definita fl-Artikolu 1(f) tiegħu, jiġifieri għajnuna mogħtija qabel ma l-Kummissjoni tkun tista’ tasal għal konklużjoni dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Iżda l-Artikolu 15 ta’ dak ir-Regolament jistipula li s-setgħa tal-Kummissjoni li tesiġi r-radd lura ta’ għajnuna hija suġġetta għal terminu ta’ dekadenza ta’ għaxar snin u li t-terminu ta’ dekadenza jibda fil-jum li fih tingħata l-għajnuna illegali lill-benefiċjarju u li dak it-terminu ta’ dekadenza jinkiser b’kull azzjoni meħuda mill-Kummissjoni. Għaldaqstant il-Kummissjoni tqis li mhux meħtieġ f’dan il-każ li tkun eżaminata l-għajnuna koperta mit-terminu ta’ dekadenza, jiġifieri għajnuna mogħtija aktar minn għaxar snin qabel ma ttieħdet xi miżura mill-Kummissjoni dwarha. |
|
(17) |
Il-Kummissjoni tqis li f’dan il-każ it-terminu ta’ dekadenza nkiser bit-talba tagħha għal informazzjoni mibgħuta lir-Renju Unit fl-24 ta’ Awissu 2004. Għalhekk it-terminu ta’ dekadenza japplika għal għajnuna mogħtija lil benefiċjarji qabel l-24 ta’ Awissu 1994. Għaldqastant, il-Kummissjoni llimitat il-valutazzjoni tagħha għall-għajnuna mogħtija bejn l-24 ta’ Awissu 1994 u Jannar, 2005. |
|
(18) |
Għajnuna mill-Istat tista’ tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni jekk tkun konformi ma’ waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fit-Trattat tal-KE. Fir-rigward ta’ għajnuna lis-settur tas-sajd, miżuri ta’ għajnuna mill-Istat jitqiesu kompatibbli mas-suq komuni jekk ikunu konformi mal-kundizzjonijiet tal-Linji Gwida għall-eżami ta’ għajnuna mill-Istat lis-sajd u l-akkwakultura. Skond it-tieni paragrafu tal-punt 5.3 tal-Linji gwida ta’ l-2004: “Għajnuna illegali’ skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(f) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 tkun stmata skond il-linji gwida applikabbli fiż-żmien meta l-att amministrattiv li jagħti l-għajnuna jkun daħal fis-seħħ.” Dan huwa wkoll skond ir-regoli ġenerali espressi f’avviż tal-Kummissjoni biex ikunu determinati r-regoli applikabbli għall-valutazzjoni ta’ għajnuna illegali mill-Istat (12). L-għajnuna għandha, għalhekk, tkun valutata abbażi tal-kompatibbiltà tagħha mal-Linji Gwida ta’ l-1994, l-1997 u l-2001. |
Bastimenti ġodda
|
(19) |
Dwar l-għajnuna mogħtija għall-akkwist ta’ sehem f’bastiment ġdid, fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni innutat li l-għajnuna mogħtija qabel l-1 ta’ Lulju 2001, setgħet titqies li kienet kompatibbli mas-suq komuni. Wara dik id-data, iżda, il-kundizzjonijiet ta’ l-iskema ma dehrux li kienu għadhom kompatibbli mal-kundizzjonijiet applikabbli u, għalhekk, il-Kummissjoni kellha dubji serji li għajnuna bħal dik mogħtija wara dik id-data kienet tkun inkompatibbli. |
|
(20) |
Mill-informazzjoni mogħtija mir-Renju Unit, jista’ jkun stabbilit li ma ngħatat ebda għajnuna wara l-1 ta’ Lulju 2001 għall-akkwist ta’ sehem f’bastiment ġdid u li l-iskema m’għadhiex aktar fis-seħħ sa mill-14 ta’ Jannar 2005. |
Bastimenti użati
|
(21) |
Skond il-punt 2.2.3.3 tal-Linji Gwida ta’ l-1994, l-1997 u l-2001, għajnuna tista’ titqies li tkun kompatibbli mas-suq komuni biss meta l-bastiment ikun jista’ jintuża mill-anqas għal 10 snin oħra. Barra minn dan, skond il-Linji Gwida ta’ l-1994 u l-1997, il-bastiment għandu jkollu mill-anqas 10 snin u skond il-Linji Gwida ta’ l-2001, mill-anqas 20 sena. |
|
(22) |
L-iskema ma fiha ebda kundizzjoni dwar kemm ikollhom żmien il-bastimenti, u r-Renju Unit ikkonferma li ebda kundizzjoni jew azzjoni oħra ma setgħu jiżguraw il-kompatibbiltà ma’ din il-kundizzjoni. Barra minn hekk, l-iskema ma kinitx tesiġi li l-bastimenti jintużaw mill-anqas għal 10 snin oħra. Dan jagħmel lill-iskema inkompatibbli b’mod ċar mal-Linji gwida ta’ l-1994, l-1997 u l-2001. |
|
(23) |
Inkompatibbiltà bħal dik ma titneħħiex b’dak li tesiġi l-iskema li s-sehem fil-bastiment jinżamm mill-anqas għal ħames snin oħra u li l-bastiment jintuża għas-sajd matul dawk is-snin. Din id-dispożizzjoni żgurat biss li l-bastimenti jkunu qed jitħaddmu għall-ewwel ħames snin, jiġifieri għal nofs iż-żmien rikjest mill-Linji gwida. |
|
(24) |
Għalhekk qed jitqies li l-għajnuna mogħtija skond l-iskema għall-akkwist ta’ sehem f’bastiment użat hija inkompatibbli mas-suq komuni. |
Rkupru ta’ l-għajnuna
|
(25) |
Skond l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi fil-każ ta’ għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru interessat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju. |
|
(26) |
Ir-Renju Unit qajjem il-kwistjoni li l-Kummissjoni m’għandhiex tesiġi l-irkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kontra l-prinċipju tal-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi u jsostni li dan il-prinċipju japplika għal dan il-każ. |
|
(27) |
Il-fondi użati għall-finanzjament ta’ l-iskema huma l-istess fondi użati għall-għajnuniet suġġetti għad-deċiżjonijiet negattivi meħudin mill-Kummissjoni fid-Deċiżjonijiet 2003/612/KE u 2006/226/KE, kif hemm referenza għalihom fil-Premessa 12 ta’ din id-deċiżjoni. F’dawk il-każijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn il-fondi għandhom jitqiesu bħala riżorsi ta’ l-Istat għall-finijiet ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każijiet in kwistjoni, aspettattivi leġittimi dwar in-natura privata tal-fond in kwistjoni kienu nħolqu min-naħa ta’ l-awtoritajiet u l-korpi involuti ta’ Shetland permezz ta’ taħlita ta’ għadd ta’ elementi meħudin flimkien li ma kinux iħallu jsir irkupru ta’ l-għajnuna inkompatibbli mill-Istat. |
|
(28) |
Il-Kummissjoni tikkunsidra, iżda, li f’dan il-każ l-elementi li tqiesu fid-Deċiżjonijiet 2003/612/KE u 2006/226/KE ma jistgħux ikunu applikati bl-istess mod u li ma nħolqux l-aspettattivi leġittimi. Il-Kummissjoni tinnota, b’mod partikolari, l-azzjonijiet u l-istqarrijiet tar-Renju Unit, li juru b’mod ċar li, fiż-żminijiet rispettivi meta ngħatat l-għajnuna, l-awtoritajiet responsabbli kienu konvinti li l-iskema kienet fil-fatt skema ta’ għajnuna mill-Istat u li r-regoli dwar għajnuna mill-Istat kienu japplikaw. |
|
(29) |
Biex waslet għal dik il-konklużjoni, il-Kummissjoni tosserva li, għall-kuntrarju ta’ l-għajnuniet suġġetti għad-Deċiżjonijiet 2003/612/KE u 2006/226/KE, l-iskema in kwistjoni twaqqfet bħala skema normali ta’ għajnuna u hija dwar għotjiet diretti għal sajjieda, mogħtija direttament mill-Kunsill tal-Gżejjer Shetland. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ juru biċ-ċar li r-Renju Unit qies li kienu japplikaw ir-regoli ta’ għajnuna mill-Istat, peress li r-Renju Unit kontinwament inkluda n-nefqa skond l-iskema fir-rapporti annwali tar-Renju Unit dwar għajnuna mill-Istat mibgħuta lill-Kummissjoni skond obbligi Komunitarji. Fil-fatt, bi tweġiba għal mistoqsijiet magħmulin mill-Kummissjoni, ir-Renju Unit stqarr fl-ittra tiegħu ta’ l-10 ta’ Diċembru 2004, li: ‘pagamenti skond l-iskema kienu inklużi fl-Inventarju Annwali ta’ Għajnuna mill-Istat u mibgħuta kull sena lill-Kummissjoni, kif meħtieġ, għal bosta snin’, u fl-ittra tiegħu tas-6 ta’ April 2005, li: ‘L-awtoritajiet tiegħi aġixxew, tul is-snin, b’bona fidi u għax kienu jemmnu li l-Iskemi kienu konformi mal-linji gwida dwar għajnuna mill-Istat’. |
|
(30) |
Fir-rigward ta’ dawk l-istqarrijiet u ċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ħtieġa li l-għajnuna tintradd lura ma tistax titqies bħala kontradittorja għall-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Għalhekk, skond l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-Renju Unit għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarji ta’ l-iskema (mingħajr ma jitqiesu l-azzjonijiet li diġà ttieħdu), bla ħsara għal każijiet li jaqgħu fil-mira tar-Regolament (KE) Nru 875/2007 ta’ l-24 ta’ Lulju 2007, dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għal għajnuna ‘de minimis’ fis-settur tas-sajd u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1860/2004 (13). |
|
(31) |
F’dak ir-rigward, għandu jkun innutat li skond l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, biex ikun żgurat li l-kompetizzjoni effettiva terġa’ tinġieb għal li kienet qabel, l-irkupru għandu jinkludi l-imgħax. Dan l-imgħax għandu jkun ikkalkulat fuq bażi komposta skond il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (14). Ir-Renju Unit għandu, għalhekk, jiżgura li anki l-irkupri li diġà saru jew li għadhom qed isiru jkunu konformi ma’ din il-kundizzjoni u, fejn dan l-imgħax ma kienx inkluż fl-irkupru, jieħu l-miżuri meħtieġa biex jirkupra wkoll l-ammont imsemmi ta’ imgħax mingħand dawk il-benefiċjarji. |
|
(32) |
Il-Kummissjoni ser titlob lir-Renju Unit jibagħtilha l-kwestjonarju hawn mehmuż dwar l-istatus kurrenti tal-proċedura ta’ rkupru u biex jagħmel lista ta’ benefiċjarji li għalihom japplika l-irkupru. |
V. KONKLUŻJONI
|
(33) |
Fid-dawl tal-valutazzjoni magħmula fis-Sezzjoni IV, il-Kummissjoni ssib li r-Renju Unit, bi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE, ta għajnuna illegalment skond l-Iskema. |
|
(34) |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna mogħtija skond l-iskema mhix kompatibbli mas-suq komuni sa fejn għandha x’taqsam ma’ l-għajnuna mogħtija għall-akkwist għall-ewwel darba ta’ sehem f’bastiment tas-sajd użat. |
|
(35) |
Minħabba li wara l-1 ta’ Lulju 2001, ma ngħatatx għajnuna għall-akkwist għall-ewwel darba ta’ sehem f’bastiment tas-sajd ġdid, l-għajnuna kollha mogħtija skond l-iskema hija meqjusa bħala kompatibbli mas-suq komuni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-għajnuna mill-Istat li r-Renju Unit implimenta abbażi ta’ l-Iskema ta’ azzjonista għall-ewwel darba (‘l-iskema’) hija kompatibbli mas-suq komuni sa fejn għandha x’taqsam ma’ għajnuna mogħtija għall-akkwist għall-ewwel darba ta’ sehem f’bastiment tas-sajd ġdid.
2. L-għajnuna mill-Istat li r-Renju Unit implimenta abbażi ta’ l-iskema hija inkompatibbli mas-suq komuni sa fejn għandha x’taqsam ma’ għajnuna mogħtija għall-akkwist għall-ewwel darba ta’ sehem f’bastiment tas-sajd użat.
Artikolu 2
L-għajnuna individwali msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-Deċiżjoni ma tikkostitwix għajnuna jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 875/2007.
Artikolu 3
1. Ir-Renju Unit għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna mogħtija skond l-iskema msemmija fl-Artikolu 1(2), ħlief għal dik imsemmija fl-Artikolu 2.
2. L-ammonti li għandhom jinġabru għandhom ikunu bl-imgħax mid-data li fiha tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sa meta jkunu attwalment irkuprati.
3. L-imgħax għandu jkun ikkalkulat fuq bażi komposta skond il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004.
4. Ir-Renju Unit għandu jikkanċella l-pagamenti kollha li baqgħalhom isiru f’għajnuna skond l-iskema msemmija fl-Artikolu 1(2) b’effett mid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 4
1. L-irkupru ta’ l-għajnuna mogħtija skond l-iskema msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun immedjat u effettiv
2. Ir-Renju Unit għandu jiżgura li din id-Deċiżjoni tkun implimentata fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 5
1. Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, ir-Renju Unit għandu jibgħat l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:
|
(a) |
Il-lista ta’ benefiċjarji li rċevew għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 875/2007, u l-ammont totali ta’ għajnuna li kull wieħed minnhom irċieva; |
|
(b) |
ammont totali (kapital u mgħaxijiet) li għandu jkun irkuprat mingħand kull benefiċjarju; |
|
(ċ) |
deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri meħudin diġà u dawk ippjanati għall-konformità ma’ din id-Deċiżjoni; u |
|
(d) |
dokumenti li juru li l-benefiċjarji kienu ordnati jroddu lura l-ħlas ta’ l-għajnuna. |
2. Ir-Renju Unit għandu jżomm lill-Kummissjoni mgħarrfa bil-progress tal-miżuri nazzjonali meħudin għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sakemm l-irkupru ta’ l-għajnuna mogħtija skond l-iskema imsemmija fl-Artikolu 1(2) ikun sar.
Huwa għandu jibgħat immedjatament kull informazzjoni li l-Kummissjoni titlob dwar il-miżuri diġà meħuda u ppjanati b’konformità ma’ din id-Deċiżjoni.
Huwa għandu jagħti wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u ta’ mgħaxijiet ta’ rkupru diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarju.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.
Magħmula fi Brussell, 13 ta’ Novembru 2007.
Għall-Kummissjoni
Joe BORG
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).
(2) ĠU C 291, 30.11.2006, p. 5.
(3) ĠU C 289, 28.11.2006, p. 10.
(4) ĠU C 260, 17.9.1994, p. 3; ĠU C 100, 27.3.1997, p. 12; u ĠU C 19, 20.1.2001, p. 7.
(5) Linji gwida ta’ l-1994 u l-1997.
(6) Linji gwida ta’ l-2001.
(7) Punt 2.2.3.3(ċ) tal-Linji gwida ta’ l-2001 għall-eżami ta’ għajnuna mill-Istat lis-sajd u lill-akwakoltura.
(8) ĠU L 337, 30.12.1999, p. 10. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1421/2004 (ĠU L 260, 6.8.2004, p. 1).
(9) ĠU L 358, 31.12.2002, p. 49.
(10) ĠU L 211, 21.8.2003, p. 63.
(11) ĠU L 81, 18.3.2006, p. 36.
(12) ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22.
(13) ĠU L 193, 25.7.2007, p. 6.
(14) ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1935/2006 (ĠU L 407, 30.12.2006).