SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

16 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Kumpens għad-dannu mġarrab mill-Unjoni – Irkupru ta’ kreditu permezz ta’ tpaċija – Terminu ta’ preskrizzjoni – Dritt applikabbli – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 – Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi normali’ – Deċiżjoni formali minn qabel li tistabbilixxi l-kreditu li kien is-suġġett ta’ rikors”

Fil-Kawża T‑494/23,

HG, irrappreżentat minn L. Levi, avukata,

rikorrent,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Bohr u L. Hohenecker, bħala aġenti,

konvenuta,

IL‑QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta minn O. Porchia, Presidenta, M. Jaeger, L. Madise (Relatur), P. Nihoul u S. Verschuur, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat li ma saritx talba għal seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrent, HG, jitlob, minn naħa, l-annullament tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea tal‑10 ta’ Ottubru 2022 (BUDG.C.4.001/AM/444), tat‑13 ta’ Ottubru 2022 (BUDG.C.4.001/PRS/444), tal‑11 ta’ Novembru 2022 (BUDG.C.4.001/AM/444_3), tat‑12 ta’ Diċembru 2022 (BUDG.C. 4.001/AM/444_4), tad‑9 ta’ Jannar 2023 (BUDG.C.4.001/AM/444_5), tad‑19 ta’ Jannar 2023 (BUDG.C.4.001/PRS/444_6), tad‑9 ta’ Frar 2023 (BUDG.C.4.001/LM/444), tal‑10 ta’ Marzu 2023 (BUDG.C.4.001/LM/444) u tal‑11 ta’ April 2023 (BUDG.C.4.001/PRS/444) dwar il-kumpens għall-kreditu li jikkonċernah (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”) u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni għar-rimbors tas-somom irkuprati fl-ammont ta’ EUR 24 092.59, flimkien mal-interessi moratorji.

Fatti

2

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Frar 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑10 ta’ Frar 2015”), il-Kummissjoni imponiet sanzjoni dixxiplinari fuq ir-rikorrent, wieħed mill-uffiċjali tagħha, u kkundannatu jikkumpensa dannu subit mill-Unjoni Ewropea fl-ammont ta’ EUR 108 596.35 abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”). Dik id-deċiżjoni, li r-rikorrent ikkontesta, daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Marzu 2015.

3

Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2021, HG vs Il‑Kummissjoni (T‑693/16 P-RENV-RX, EU:T:2021:895), il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari naqqset l-ammont tal-kumpens impost fuq ir-rikorrent għal EUR 80000 fil-jum tal-għoti tas-sentenza, għar-raġuni li l-Kummissjoni kienet ikkontribwixxiet għat-twettiq tad-dannu. L-appell tar-rikorrent ippreżentat kontra dik is-sentenza ġie miċħud minħabba nuqqas manifest ta’ kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (digriet tat‑30 ta’ Ġunju 2022, HG vs Il‑Kummissjoni, C‑150/22 P, mhux ippubblikat, EU:C:2022:523).

4

Ebda nota ta’ debitu ma ntbagħtet lir-rikorrent bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑10 ta’ Frar 2015 u l-għoti tas-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2021, HG vs Il‑Kummissjoni (T‑693/16 P-RENV-RX, EU:T:2021:895). L-uffiċjal awtorizzanti kompetenti tal-Kummissjoni bagħat nota ta’ debitu lir-rikorrent bid-data tat‑3 ta’ Marzu 2022, għall-ammont ta’ EUR 80000, li tindika d‑19 ta’ April 2022 bħala d-data ta’ skadenza għall-ħlas. It-talba għall-irtirar ta’ din in-nota, magħmula mir-rikorrent fit‑18 ta’ Marzu 2022 minħabba l-eżistenza ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, ġiet miċħuda mill-uffiċjal awtorizzat permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ April 2022. Fit‑30 ta’ Mejju 2022, ir-rikorrent ippreżenta talba, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni li jsir l-irkupru tal-ammont ta’ EUR 80000. Fil‑31 ta’ Mejju 2022, ir-rikorrent irċieva ittra ta’ tfakkira mingħand l-uffiċjal tal-kontijiet. Sussegwentement kien hemm skambju mal-uffiċjal tal-kontijiet u, permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Settembru 2022, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet bħala inammissibbli t-talba tat‑30 ta’ Mejju 2022.

5

Mill‑10 ta’ Ottubru 2022, ir-rikorrent ġie nnotifikat b’deċiżjonijiet suċċessivi tal-uffiċjal tal-kontijiet intiżi għat-tpaċija bejn id-dejn li huwa kellu fil-konfront tal-Kummissjoni u s-salarju tiegħu jew krediti oħrajn li huwa kellu magħha. It-tpaċija fuq is-salarju mensili kienet ta’ EUR 3350 u t-tpaċija fuq l-ispejjeż tal-missjoni kienet sħiħa. Ir-rikorrent ippreżenta lmenti kontra dawn id-deċiżjonijiet, li ġew miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Mejju 2023. F’dik id-deċiżjoni, l-Awtorità tal-Ħatra tindika b’mod partikolari li l-preskrizzjoni ta’ ħames snin invokata mir-rikorrent abbażi tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju tal‑2018”) ma hijiex applikabbli għas-sitwazzjoni, li hija rregolata mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju tal‑2012”). L-imsemmija awtorità żżid li, fl-assenza ta’ preskrizzjoni leġiżlattiva applikabbli, il-prinċipju li jeżiġi li l-amministrazzjoni taġixxi f’terminu raġonevoli ma nkisirx fid-dawl taċ-ċirkustanzi.

6

Fl‑10 ta’ Awwissu 2023, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors, fejn talab b’mod partikolari, kif indikat fil-punt 1 iktar ’il fuq, l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Deċiżjonijiet sussegwenti simili ma humiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors.

It‑talbiet tal‑partijiet

7

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–

sa fejn meħtieġ, tannulla d-deċiżjoni tal‑5 ta’ Mejju 2023 li tiċħad l-ilmenti tiegħu;

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għar-rimbors tas-somom irkuprati abbażi tad-deċiżjonijiet ikkontestati, jiġifieri EUR 24 092.59, liema ammont għandu jiżdied bl-interessi moratorji kkalkolati bir-rata tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), miżjuda b’żewġ punti;

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

8

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

Fuq it‑talbiet għal annullament

9

Ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati u, sa fejn meħtieġ, tad-deċiżjoni tal‑5 ta’ Mejju 2023 li tiċħad l-ilmenti tiegħu. Minn ġurisprudenza stabbilita jsegwi li talbiet għal annullament formalment diretti kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment imressaq skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom l-effett li jadixxu lill-Qorti Ġenerali bl-att li kontrih jitressaq l-ilment meta dawn ikunu, bħala tali, nieqsa minn kontenut awtonomu (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2018, SE vs Il‑Kunsill, T‑231/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:3, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punt 8).

10

F’dan il-każ, it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilmenti huma nieqsa minn kontenut awtonomu, fis-sens li dik id-deċiżjoni tikkonferma d-deċiżjonijiet ikkontestati, li s-sitwazzjoni tar-rikorrent ma ġietx eżaminata mill-ġdid skont punti ta’ liġi jew ta’ fatt ġodda u li dik id-deċiżjoni ma tbiddilx u ma tissupplimentax id-deċiżjonijiet ikkontestati. Konsegwentement, it-talbiet għal annullament imressqa mir-rikorrent għandhom jinftiehmu bħala li huma diretti kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2017, HF vs Il‑Parlament, T‑584/16, EU:T:2017:282, punti 71 u 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

11

Insostenn tat-talba għal annullament tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi. Huwa jinvoka ksur tal-Artikoli 98, 100, 101 u 102 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, ksur tal-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli u ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura.

Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal‑Artikoli 98, 100, 101 u 102 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018

12

Ir-rikorrent isostni essenzjalment li d-dejn huwa preskritt skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, peress li n-nota ta’ debitu tat‑3 ta’ Marzu 2022 ma ġietx stabbilita fit-terminu ta’ ħames snin previst minn din id-dispożizzjoni mill-mument meta l-Kummissjoni setgħet tinvoka l-kreditu tagħha. Minn dan isegwi li l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli kellu, konformement ma’ dak li huwa previst fl-Artikolu 101(2)(b) ta’ dan ir-regolament, jirrinunzja milli jirkupra l-kreditu kkonstatat, peress li “l-ammont riċevibbli ma [setax] jiġi rkuprat fid-dawl […] tad-dewmien fid-dispaċċ tan-nota ta’ debitu fit-termini ddefiniti fl-Artikolu 98(2)”.

13

Ir-rikorrent iqis li l-applikabbiltà tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 issegwi mid-deċiżjonijiet ikkontestati, li jsemmuh bħala bażi legali. Il-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ tpaċija sussegwenti għal dawk li huma s-suġġett ta’ din il-kawża li ġew indirizzati lilu jsemmuh ukoll bħala bażi legali jikkonferma r-rieda tal-Kummissjoni li tieħu d-deċiżjonijiet inkwistjoni fuq din il-bażi. Il-Kummissjoni ma għandhiex il-possibbiltà li tbiddel bażi legali fl-istadju tal-proċedura ta’ lment, kif hija għamlet fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilmenti tiegħu tal‑5 ta’ Mejju 2023, billi tissostitwixxi l-bażi legali inizjalment użata mir-Regolament Finanzjarju tal‑2012, li ma jipprevedix terminu għall-adozzjoni ta’ nota ta’ debitu. Mill-prinċipju ta’ ċertezza legali jirriżulta li l-possibbiltà li jinbidlu l-motivi ta’ deċiżjoni fl-istadju tal-ilment ma tistax tinftiehem bħala li tasal sal-punt li tippermetti l-bdil tal-bażi legali tagħha.

14

Ir-rikorrent iżid li l-kreditu tal-Kummissjoni kien likwidu, dovut u ċert mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑10 ta’ Frar 2015. In-natura ċerta tal-kreditu ma ġietx ikkontestata bil-kontestazzjoni tiegħu, b’mod partikolari kontenzjuża, u din lanqas ma ssospendiet it-terminu sabiex tiġi stabbilita nota ta’ debitu. In-natura likwida tiegħu, min-naħa tiegħu, ma ġietx affettwata mill-fatt li l-ammont tad-dejn, kif kien ġie ffissat fid-deċiżjoni tal‑10 ta’ Frar 2015, tnaqqas fis-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2021, HG vs Il‑Kummissjoni (T‑693/16 P-RENV-RX, EU:T:2021:895). Din tal-aħħar ma tatx lok għal kreditu ġdid iżda għat-tnaqqis ta’ kreditu eżistenti. Fl-aħħar nett, it-terminu sabiex tiġi stabbilita n-nota ta’ debitu ma ġiex sospiż mill-kontestazzjoni tar-rikorrenti.

15

Il-Kummissjoni tikkontesta l-applikabbiltà tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 favur dak tal‑2012, li ma jipprevedix terminu għall-komunikazzjoni ta’ nota ta’ debitu.

16

Il-Kummissjoni ssostni f’dan ir-rigward li d-determinazzjoni tar-regolament applikabbli kellha ssir skont il-mument li minnu l-kreditu tagħha kien sar ċert, likwidu u dovut, jiġifieri dak tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑10 ta’ Frar 2015. Issa, skont l-Artikolu 282(2) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, dan tal-aħħar japplika biss mit‑2 ta’ Awwissu 2018. Ebda dispożizzjoni tranżitorja ma tipprevedi applikazzjoni retroattiva tat-terminu ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 98(2) ta’ dan ir-regolament għall-krediti diġà dovuti qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu. Għalhekk, dan it-terminu japplika biss għall-krediti li saru ċerti, likwidi u dovuti wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, li ma huwiex il-każ tal-kreditu inkwistjoni.

17

Interpretazzjoni kuntrarja tkun twassal għall-introduzzjoni retroattiva ta’ terminu sabiex tintbagħat in-nota ta’ debitu għal krediti diġà dovuti qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, li jkun imur kontra ċ-ċertezza legali u l-prinċipju ta’ ġestjoni tajba u ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

18

F’dan il-każ, l-applikabbiltà tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 ma tistax tirriżulta mis-sempliċi fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati jsemmu dan ir-regolament bħala bażi legali, għaliex din il-bażi hija żbaljata u ġiet validament mibdula favur ir-Regolament Finanzjarju tal‑2012 fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilmenti tal‑5 ta’ Mejju 2023. Fil-fatt, mill-proċedura ta’ lment prekontenzjuża prevista fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal isegwi li l-amministrazzjoni żżomm il-possibbiltà li temenda l-motivi li abbażi tagħhom hija tkun adottat id-deċiżjoni kkontestata qabel ma tinġieb quddiem il-qrati tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li d-deċiżjonijiet ta’ tpaċija sussegwenti għad-deċiżjonijiet ikkontestati ma jagħmlux parti mill-kawża. Konsegwentement, il-motivi u d-dispożizzjonijiet li għalihom jirreferu ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

19

Fl-aħħar nett, skont il-Kummissjoni, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 81(1) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2012 ma kienx skada meta ġew adottati d-deċiżjonijiet ikkontestati, peress li kien beda jiddekorri biss mid-data ta’ skadenza għall-ħlas ikkomunikata lir-rikorrent fin-nota ta’ debitu, jiġifieri mid‑19 ta’ April 2022.

20

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 jipprevedi li “[k]walunkwe ammont riċevibbli li huwa identifikat bħala ammont fiss, ċert u dovut għandu jiġi stabbilit b’ordni ta’ rkupru li permezz tagħha l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jagħti struzzjonijiet lill-uffiċjal tal-kontabilità biex jirkupra l-ammont” u li “[l-ordni ta’ rkupru għandha] [t]iġi segwit[a] minn nota ta’ debitu mibgħuta lid-debitur, [ħlief f’każijiet speċifiċi mhux rilevanti f’din il-kawża]”. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 iżid li “[l]-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni għandu jibgħat in-nota ta’ debitu minnufih wara li jistabbilixxi l-ammont riċevibbli u mhux aktar tard minn fi żmien perijodu ta’ ħames snin minn meta l-istituzzjoni tal-Unjoni kienet, f’ċirkustanzi normali, f’pożizzjoni li tagħmel pretensjoni għad-dejn tagħha”. Din l-istess dispożizzjoni tispeċifika li “[d]an il-perijodu ma għandux ikun japplika meta l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jistabbilixxi li, minkejja l-isforzi għamlet li l-istituzzjoni tal-Unjoni, id-dewmien fit-teħid ta’ azzjoni [kien] kkaġunat mill-aġir tad-debitur”.

21

Għandu jiġi osservat li, konformement mal-Artikolu 282(2) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tal-istess regolament, li jipprevedu l-preskrizzjoni ta’ ħames snin invokata mir-rikorrent, huma applikabbli mill-istess jum tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, it‑2 ta’ Awwissu 2018. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 279 tal-istess regolament u d-dati ta’ applikabbiltà retroattivi jew posposti għal ċerti dispożizzjonijiet, previsti fl-Artikolu 282(3) tiegħu, ma jikkonċernawhomx. Barra minn hekk, l-Artikolu 281 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 jipprovdi li, ħlief f’każijiet speċifiċi mhux rilevanti f’din il-kawża, ir-Regolament Finanzjarju tal‑2012 tħassar b’effett mit‑2 ta’ Awwissu 2018.

22

Sussegwentement, fir-rigward tal-prinċipji ta’ suċċessjoni tar-regoli ratione temporis, għandu jitfakkar li regola ġdida tapplika bħala prinċipju immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot taħt ir-regola l-qadima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 1970, Brock, 68/69, EU:C:1970:24, punt 7). L-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot taħt regola qadima għandhom jinftiehmu bħala li jagħmlu riferiment għall-effetti attwali ta’ din is-sitwazzjoni fil-mument li fih tapplika r-regola l-ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop, C‑224/98, EU:C:2002:432, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-applikazzjoni ta’ regola ġdida għall-effetti attwali ta’ sitwazzjoni li nħolqot taħt ir-regola l-qadima ma tikkostitwixxix applikazzjoni retroattiva tar-regola l-ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 1986, Licata vs CES, 270/84, EU:C:1986:304, punt 31).

23

Għalhekk, hija ġurisprudenza stabbilita li dispożizzjoni ġdida tapplika mid-data ta’ applikabbiltà tagħha stabbilita fl-att li jistabbilixxiha u għalkemm, bħala prinċipju, hija ma tapplikax għas-sitwazzjonijiet legali mnissla u definittivament konklużi taħt id-dispożizzjoni l-qadima, hija tapplika għall-effetti futuri tagħhom kif ukoll għas-sitwazzjonijiet legali ġodda. Mill-ġurisprudenza jsegwi b’mod iktar partikolari li r-regoli proċedurali huma ġeneralment maħsuba sabiex japplikaw mid-data li fiha jidħlu fis-seħħ, b’differenza għar-regoli sostantivi li ġeneralment jiġu interpretati bħala li ma japplikawx għal sitwazzjonijiet li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom sa fejn ma jirriżultax b’mod ċar mill-kliem, mill-għan u mill-istruttura tagħhom li għandu jingħatalhom tali effett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2015, Il‑Kummissjoni vs Moravia Gas Storage, C‑596/13 P, EU:C:2015:203, punti 32 u 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Ġie deċiż ukoll li, għalkemm regola ta’ preskrizzjoni relatata ma’ dejn doganali kienet regola sostantiva, għaliex kienet tirregola d-dejn doganali nnifsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie, C‑201/04, EU:C:2006:136, punti 39 sa 41, u tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Jumbocarry Trading, C‑39/20, EU:C:2021:435, punt 35), hija setgħet madankollu tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li fiha d-dejn inkwistjoni ma kienx definittivament dovut, minkejja ċ-ċirkustanza li dan inħoloq taħt regola preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Jumbocarry Trading, C‑39/20, EU:C:2021:435, punt 38).

25

F’dan il-każ, il-kreditu tal-Unjoni fir-rigward tar-rikorrent ma kienx definittivament dovut fit‑2 ta’ Awwissu 2018, peress li r-rikorrent kien ikkontesta dan il-kreditu u r-rikors kontenzjuż f’dan ir-rigward kien għadu pendenti, u, għaldaqstant, lanqas ma jista’ jiġi rrikonoxxut li, lejliet din id-data, jiġifieri madwar tliet snin u nofs wara d-deċiżjoni tal‑10 ta’ Frar 2015, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kienet definittivament tilfet id-dritt li tirkupra dan il-kreditu minħabba dewmien fl-implimentazzjoni ta’ dan id-dritt. Fil-fatt, minn naħa, ir-Regolament Finanzjarju tal‑2012 ma kienx jistabbilixxi terminu partikolari sabiex tintbagħat nota ta’ debitu u, min-naħa l-oħra, it-terminu raġonevoli li istituzzjoni tal-Unjoni għandha madankollu tosserva f’dan it-tip ta’ sitwazzjoni sabiex teżerċita s-setgħat tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il‑Parlament, C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata) ma kienx inqabeż fid-dawl taċ-ċirkustanzi. Konsegwentement, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 japplika fir-rigward tal-kreditu inkwistjoni.

26

Fid-dawl tal-konklużjoni preċedenti, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti tar-rikorrent li jgħidu li l-Kummissjoni ma setgħetx tbiddel il-bażi legali tad-deċiżjonijiet ikkontestati fid-deċiżjoni tagħha ta’ ċaħda tal-ilmenti tal‑5 ta’ Mejju 2023.

27

Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-preskrizzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 ma hijiex ta’ benefiċċju għalih.

28

Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin jibda jiddekorri “minn meta l-istituzzjoni tal-Unjoni kienet, f’ċirkustanzi normali, f’pożizzjoni li tagħmel pretensjoni għad-dejn tagħha”.

29

Issa, il-Kummissjoni setgħet ġustament tqis li ċ-ċirkustanzi tal-kawża kkaratterizzati minn kreditu kkontestat li seta’ sussegwentement jiġi annullat jew imnaqqas, bħalma ġara, peress li l-Qorti Ġenerali naqqsitu minn EUR 108 596.35 għal EUR 80000 fis-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2021, HG vs Il‑Kummissjoni (T‑693/16 P-RENV-RX, EU:T:2021:895), kienu normali, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, biss ladarba l-imsemmija sentenza saret definittiva.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, f’sitwazzjoni proċedurali bħal dik f’dan il-każ fejn il-kreditu kellu qabelxejn jiġi stabbilit, fi tmiem proċedura partikolari, permezz ta’ deċiżjoni formali qabel il-konstatazzjoni tiegħu, tali interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 hija fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba, peress li hija favorevoli kemm għall-interessi tal-istituzzjonijiet kredituri kif ukoll għal dawk tad-debituri tagħhom jew ta’ eventwali terzi kkonċernati, peress li hija ma tobbligax f’kull ċirkustanza lill-uffiċjal awtorizzanti kompetenti jordna l-irkupru ta’ krediti kkontestati fil-prinċipju jew fl-ammont tagħhom mid-debituri qabel ma jkun magħruf id-destin finali ta’ dawn il-krediti u mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi ċċitati iktar ’il fuq. B’mod partikolari, meta jkun hemm kreditu fil-konfront ta’ uffiċjal u dan jikkontestah kemm fil-prinċipju kif ukoll fl-ammont tiegħu billi jitlob l-annullament jew il-bidla tad-deċiżjoni preliminari li tistabbilixxih, l-uffiċjal awtorizzanti jista’, sabiex jiddetermina l-mument opportun biex jikkonstata l-kreditu, jordna l-irkupru tiegħu u jibgħat in-nota ta’ debitu, b’mod partikolari jieħu inkunsiderazzjoni, fid-dawl tad-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni lejn il-membri tal-persunal tagħha, li jobbligah jieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjal ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il‑Kummissjoni, 33/79 u 75/79, EU:C:1980:139, punt 22), l-importanza tas-somma inkwistjoni meta mqabbla mad-dħul tal-uffiċjal u l-evalwazzjoni tiegħu tal-possibbiltà li din is-somma, b’mod partikolari jekk tirriżulta mill-involviment tar-responsabbiltà tal-uffiċjal, tiġi emendata mill-qorti fl-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa.

31

Din l-interpretazzjoni ssegwi dik tal-Qorti tal-Ġustizzja li kkunsidrat li, anki jekk istituzzjoni kienet normalment f’pożizzjoni li tinvoka l-kreditu tagħha mid-data li fiha dan kien ċert, likwidu u dovut, jiġifieri, f’dan il-każ, l‑1 ta’ Marzu 2015, id-data li fiha daħlet fis-seħħ id-deċiżjoni tal‑10 ta’ Frar 2015, kien hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża sabiex jiġi evalwat jekk l-uffiċjal awtorizzanti kienx dam biex jikkomunika nota ta’ debitu lid-debitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il‑Parlament, C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punti 103 u 104). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li kien hemm lok b’mod partikolari li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-importanza tat-tilwima għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tal-kawża u l-istadji proċedurali differenti li l-istituzzjoni tal-Unjoni kienet segwiet (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il‑Parlament, C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 99).

32

L-imsemmija interpretazzjoni hija wkoll konformi mar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li xtaq jintroduċi d-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, b’mod partikolari, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 31 iktar ’il fuq, bħalma jirriżulta mill-punt 8 tal-motivi tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2021/2002, ir-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013, (UE) Nru 1307/2013, (UE) Nru 1308/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni 541/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM/2016/0605 finali - 2016/0282 (COD)).

33

Fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikoli 100 u 102 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, ir-rikorrent ma jesprimi l-ebda argument insostenn tiegħu. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-qrati tal-Unjoni, kif interpretati fil-kuntest ta’ ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors għandu jinkludi l-motivi u l-argumenti invokati espressi b’mod suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-qorti tiddeċiedi, jekk ikun il-każ mingħajr ma jkollha titlob informazzjoni oħra. Fin-nuqqas ta’ dan, l-ilment mhux ċar jew vag huwa inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Tàpias vs Il‑Kunsill, T‑527/16, EU:T:2019:856, punti 64 u 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-Artikoli 100 u 102 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 huma għalhekk inammissibbli.

34

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 98, 100, 101 u 102 tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018 għandu jiġi miċħud.

Fuq il‑motiv ibbażat fuq in‑nuqqas ta’ osservanza tat‑terminu raġonevoli

35

Ir-rikorrent isostni li, fil-każ li r-Regolament Finanzjarju tal‑2012, li ma jippreċiżax it-terminu li fih nota ta’ debitu għandha tiġi kkomunikata, ikun applikabbli, il-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li tosserva terminu raġonevoli u l-prinċipju ta’ ċertezza legali li jipprekludiha milli ddewwem indefinittivament l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha.

36

Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ressaq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tat-terminu raġonevoli biss sussidjarjament fil-każ li r-Regolament Finanzjarju tal‑2012 ikun applikabbli. Issa, bħalma ġie deċiż fil-punt 25 iktar ’il fuq, ir-Regolament Finanzjarju tal‑2012 ma japplikax għad-deċiżjonijiet ikkontestati.

37

Il-motiv ibbażat fuq il-ksur tat-terminu raġonevoli għandu għalhekk, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud.

Fuq il‑motivi bbażati fuq il‑ksur tal‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad‑dmir ta’ premura.

38

Ir-rikorrent isostni li l-assenza ta’ komunikazzjoni minn qabel miegħu tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar il-modalitajiet ta’ rkupru tal-kreditu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll tad-dmir ta’ premura. B’mod partikolari, huwa ma kienx informat biżżejjed fuq il-motivi li wasslu sabiex ikun hemm tpaċija tal-krediti, fuq l-iskeda tar-rimborsi jew fuq il-possibbiltajiet ta’ pjan ta’ skedar mill-ġdid tad-dejn tiegħu. L-applikant huwa sorpriż ukoll li l-Kummissjoni finalment riedet tirkupra l-kreditu tagħha fi żmien sentejn wara li stenniet sitt snin biex tagħmel talba għalih.

39

Il-Kummissjoni ssostni li ħadet inkunsiderazzjoni kemm id-dispożizzjonijiet applikabbli kif ukoll l-interessi tar-rikorrent billi għażlet il-modalitajiet ta’ rkupru permezz ta’ tpaċija raġonevoli fuq madwar sentejn fid-dawl tar-remunerazzjoni tal-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma sostniex interess speċifiku fi ħlas bin-nifs partikolari tad-dejn tiegħu. Kieku dan kien il-każ, il-Kummissjoni kienet tkun lesta li tadatta l-pjan ta’ ħlas bin-nifs.

40

Għandu jiġi rrilevat li, fil-posta elettronika tal-uffiċjal awtorizzanti tal‑1 ta’ April 2022, li tiċħad it-talba għall-irtirar tan-nota ta’ debitu tat‑3 ta’ Marzu (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), prodotta mir-rikorrent innifsu, dan tal-aħħar ġie mistieden jikkuntattja lid-dipartimenti tal-Kummissjoni dwar il-modalitajiet tar-rimbors tad-dejn tiegħu. Issa, mill-proċess ma jsegwix li r-rikorrent għamel tali pass, u lanqas li huwa kien beda b’mod spontanju jonora dan id-dejn, kemm jekk qabel jew wara d-data ta’ skadenza għall-ħlas tad‑19 ta’ April 2022 imsemmija fl-imsemmija nota ta’ debitu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi pproċeda permezz ta’ tpaċija mas-salarju tar-rikorrent jew ma’ rimborsi ta’ spejjeż, bħalma jeżiġi l-Artikolu 102(1) tar-Regolament Finanzjarju tal‑2018, u billi żamm ex officio pjan ta’ ħlas bin-nifs ta’ madwar sentejn li jħalli għad-dispożizzjoni tar-rikorrent dħul xieraq fid-dawl tal-livell ta’ remunerazzjoni tiegħu, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni, billi adotta d-deċiżjonijiet ikkontestati, la kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u lanqas id-dmir ta’ premura tal-istituzzjonijiet lejn l-uffiċjali tagħhom.

41

Il-motivi bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura għandhom għalhekk jiġu miċħuda. Għalhekk, it-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda.

Fuq it‑talba għar‑rimbors

42

Ir-rikorrent isostni li huwa ġarrab dannu materjali minħabba d-deċiżjonijiet ikkontestati, li jikkorrispondi għall-ammont totali tat-tnaqqis li huwa ġarrab, jiġifieri EUR 24 092.59. Huwa jitlob il-ħlas ta’ din is-somma, flimkien mal-interessi moratorji applikati minn kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati u kkalkolati skont il-modalitajiet indikati fit-talbiet tiegħu.

43

Il-Kummissjoni tikkontesta l-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati u għalhekk kull dannu.

44

Peress li l-motivi għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati ġew miċħuda, jidher li t-talba li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għar-rimbors tas-somom irkuprati ma tistax fi kwalunkwe każ tirnexxi, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta’ tali talba. Għaldaqstant hemm lok li t-talba għal rimbors tiġi miċħuda u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud ir-rikors fl-intier tiegħu.

Fuq l‑ispejjeż

45

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

HG huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Porchia

Jaeger

Madise

Nihoul

Verschuur

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑16 ta’ Ottubru 2024.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.