|
18.12.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 341/68 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-11 ta’ Diċembru 2013
li tiċħad it-talba mill-Ungerija biex tintroduċi miżura speċjali tal-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida b’deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
(notifikata bid-dokument C(2013) 9007)
(It-test bl-Ungeriż biss huwa awtentiku)
(2013/769/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 199b tagħha,
Billi:
|
(1) |
B’notifika rreġistrata mal-Kummissjoni fis-27 ta’ Novembru 2013, l-Ungerija talbet awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżura speċjali tal-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida b’deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE. |
|
(2) |
Skont din in-notifika, wasal għall-attenzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali li għadd ta’ kummerċjanti kienu involuti fl-evażjoni tat-taxxa billi ma ħallsux il-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti. |
|
(3) |
Il-miżura mitluba tikkonsisti fin-nomina tal-persuna taxxabbli li lilha tiġi fornuta l-merkanzija, li f’dan il-każ hija zokkor, bħala responsabbli għall-ħlas tal-VAT minflok il-fornitur. |
|
(4) |
Fl-4 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Istati Membri li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tivvaluta t-talba. |
|
(5) |
Fuq il-bażi taċ-ċifri tal-frodi dettaljati f’dan is-settur, ipprovduti mill-Ungerija, jidher li l-frodi f’dan is-settur kien diġà ta’ natura sostantiva fl-2011 u l-2012. |
|
(6) |
Għaldaqstant ġie stabbilit li l-frodi identifikat mhuwiex ta’ natura immedjata fis-sens tal-Artikolu 199b tad-Direttiva 2006/112/KE. |
|
(7) |
Id-deroga rikjesta ma għandhiex għalhekk tingħata, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Ungerija ma tistax tintroduċi l-miżura speċjali tal-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida b’deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2013.
Għall-Kummissjoni
Algirdas ŠEMETA
Membru tal-Kummissjoni