Brussell, 27.2.2019

COM(2019) 150 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Is-Semestru Ewropew 2019: Valutazzjoni tal-progress li sar fir-riformi strutturali, fil-prevenzjoni u fil-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u r-riżultati tal-analiżijiet fil-fond skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011








{SWD(2019) 1000 à 1027 final}


1.Introduzzjoni

L-Unjoni Ewropea tgawdi s-seba’ sena tagħha ta’ tkabbir ekonomiku. Dan it-tkabbir ekonomiku għen biex l-ekonomija Ewropea tipprovdi impjieg lil għadd rekord ta’ nies. Bħalissa hemm 240 miljun Ewropew f’impjieg, u mill-2013 inħolqu 15-il miljun impjieg ġdid. Ir-rata tal-qgħad tal-UE niżlet għall-aktar livelli baxxi li qatt kien hemm, u bħalissa hija ta’ 6,6 %.

Barra minn hekk, il-finanzi pubbliċi tjiebu, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG reġa’ qabad jinżel mill-2015 u d-defiċit huwa stmat għal taħt il-1 % tal-PDG mill-2018. L-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali, investiment u politiki fiskali responsabbli fl-Istati Membri, flimkien ma’ azzjoni deċiżiva fuq livell Ewropew, inkluż il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, ikkontribwew għall-istabbiltà mġedda u għall-prosperità ikbar li bħalissa qed jitgawdew fl-ekonomija Ewropea.

It-tkabbir fl-Ewropa naqqas fir-ritmu, parzjalment minħabba d-deterjorament tal-ambjent ekonomiku globali. Ir-rata ta’ tkabbir fl-UE hija mistennija li tnaqqas ir-ritmu, minn 1,9 % stmata fl-2018 għal 1,5 % tal-2019, qabel ma terġa’ taqbad ir-ritmu għal 1,7 % fl-2020. It-tensjonijiet tal-kummerċ dinji u ġeopolitiċi qed jiżdiedu, u l-UE qed tintlaqat b’mod partikolari, minħabba l-orjentazzjoni ġeografika u settorjali tal-esportazzjonijiet tagħha. Madankollu, l-Unjoni Ewropea qed timmassimizza l-benefiċċji tal-kummerċ. Pereżempju, il-ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun li ġie konkluż riċentement għandu l-potenzjal li jkabbar l-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Ġappun bi EUR 13,5 biljun. Minħabba l-inċertezza li hemm dwar it-termini tar-relazzjonijiet futuri tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea, din il-Komunikazzjoni ma tispekulax dwar l-implikazzjonijiet ekonomiċi possibbli tax-xenarji differenti li jista’ jkun hemm.

Qed ikun hemm tranżizzjoni minn muturi tat-tkabbir esterni għal dawk domestiċi. Iż-żieda fl-impjiegi u t-tkabbir huma mistennija li jappoġġaw il-konsum privat, filwaqt li l-investiment għandu jkompli jgawdi minn kondizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli. L-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet għall-funzjonament tas-Suq Uniku u t-titjib tal-ambjent tan-negozju huma mistennija li jkomplu jsostnu livelli ogħla ta’ domanda aggregata. Il-fatturi domestiċi li kkontribwew għat-tnaqqis fir-ritmu riċenti jinkludu problemi tal-produzzjoni fl-industrija tal-manifattura tal-karozzi u l-inċertezza dwar il-politiki fiskali u ekonomiċi f’xi Stati Membri. Il-pożizzjoni fiskali hija prevista li ssir espansjonarja fiż-żona tal-euro fl-2019, filwaqt li d-dejn pubbliku qed ikompli jonqos.

Il-grad u l-impatt fuq l-ekonomija Ewropea tat-tnaqqis mistenni fir-ritmu se jiddependu fuq l-azzjoni politika tagħna. Il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-investiment, b’mod partikolari fin-nies u fil-ħiliet, se jsaħħaħ il-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomiji tagħna u fl-istess ħin jappoġġa d-domanda aggregata. Fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, il-gvernijiet għandhom ikomplu jtejbu s-sostenibbiltà tagħhom, b’mod partikolari meta l-proporzjon tad-dejn ikun għoli u l-Istati Membri ma jkunux ħadu vantaġġ mill-kundizzjonijiet ċikliċi favorevoli u mir-rati baxxi tal-imgħax biex jibnu l-buffers fiskali mill-ġdid. Fl-istess ħin, għandu jintuża l-ispazju fiskali fejn ikun jeżisti, u għandha tingħata attenzjoni speċifika lil kemm in-nefqa u s-sistema fiskali jkunu favorevoli għat-tkabbir u lill-effetti ridistributtivi tagħhom. Finalment, riekwilibriju aktar simetriku fiż-żona tal-euro se jżomm l-impatt negattiv tad-diżingranaġġ fuq it-tkabbir u jagħmel il-prestazzjoni ekonomika tagħna tiddependi anqas fuq id-domanda esterna.

F’konformità mad-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2018 tal-President Juncker, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2019 talab li jkun hemm politiki tal-investiment iktar immirati flimkien ma’ sett imfassal tajjeb ta’ riformi strutturali u politiki fiskali responsabbli. Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjoni għall-politika ekonomika taż-żona tal-euro fl-2019 1 saħqet fuq il-ħtieġa li l-isforzi nazzjonali jiġu kkomplementati bit-tkomplija tar-riformi fil-livell Ewropew, bħat-tisħiħ tas-Suq Uniku. Filwaqt li fi snin riċenti saret azzjoni politika biex tittejjeb ir-reżiljenza tal-ekonomiji tagħna, għad fadal xi sfidi. It-tkabbir fl-Ewropa mhuwiex qed jibbenefika lill-pajjiżi, lir-reġjuni u liċ-ċittadini kollha bl-istess mod. Xi Stati Membri għadhom qegħdin jesperjenzaw rati għoljin ta’ qgħad, dħul nett tal-familji taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi, u rati għoljin ta’ faqar. Għad fadal differenzi reġjonali kbar u f’xi Stati Membri dawn id-differenzi qegħdin jiżdiedu. Barra minn hekk, it-tkabbir tal-produttività totali tal-fatturi huwa baxx u t-teknoloġiji diġitali għadhom qed jinfirxu bil-mod. Flimkien mal-impatt tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq il-forza tax-xogħol tagħna, dan se jillimita l-potenzjal tat-tkabbir tagħna fil-futur. Ir-rapporti tal-pajjiżi ppubblikati flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni jagħtu kas partikolari ta’ kif l-Istati Membri qegħdin jiksbu r-riżultati b’rabta mad-dimensjonijiet tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. L-implimentazzjoni tal-pilastru hija l-boxxla biex jinkiseb it-tkabbir inklużiv, ġust u sostenibbli.

Għall-quddiem, f'dan il-pakkett tas-Semestru, il-Kummissjoni qed tippreżenta rabta ta’ politika aktar effettiva bejn is-Semestru Ewropew u l-finanzjament tal-UE għall-2021–2027, wara l-proposti tal-Kummissjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE li jmiss. L-għan huwa li tiġi żgurata aktar koerenza bejn il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u l-użu tal-fondi tal-UE, li jirrappreżentaw parti sinifikanti mill-investiment pubbliku f’bosta Stati Membri (il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni waħedhom fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss jikkorrespondu għal 0,5 % tal-PDG tal-UE). Għal dak il-għan, ir-rapporti tal-pajjiżi jidentifikaw oqsma ta’ prijorità għall-azzjoni politika rigward l-investiment pubbliku u privat fl-Istati Membri, u b’hekk jipprovdu l-bażi analitika għal programmazzjoni b’suċċess tal-fondi tal-politika tal-koeżjoni u l-użu ta’ fondi tal-UE relatati bejn l-2021 u l-2027.


2.Progress fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi 

Ir-rapporti tal-pajjiżi ppubblikati llum iservu bħala l-bażi analitika għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fis-Semestru Ewropew. Tul dan iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew u hija u tkompli fuq l-isforzi tas-sena l-oħra, il-Kummissjoni beħsiebha tapprofondixxi d-djalogu mal-Istati Membri, mas-sħab soċjali, u ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn, biex tkompli tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u żżid is-sjieda tagħhom fil-livell nazzjonali. Dan id-djalogu se jinkludi żjarat dedikati fl-Istati Membri u diskussjonijiet bilaterali u multilaterali.

L-Istati Membri kollha għamlu progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, iżda fi gradi differenti. Mindu beda s-Semestru fl-2011, l-Istati Membri għamlu mill-inqas “xi progress” bl-implimentazzjoni ta’ aktar minn żewġ terzi tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. Din ir-rata ta’ progress hija fil-biċċa l-kbira stabbli meta mqabbla mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Mejju 2018 2 . Kif kien il-każ f’valutazzjonijiet preċedenti, l-Istati Membri għamlu l-aktar progress fis-servizzi finanzjarji, li jirrifletti l-prijorità li ngħatat lill-istabbilizzazzjoni u lis-sodezza tas-settur finanzjarju wara l-kriżi finanzjarja. Barra minn hekk, f’konsistenza mal-impatt inizjalment kbir tal-kriżi fuq is-suq tax-xogħol, sar progress tajjeb bl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet biex jiġi promoss il-ħolqien tal-impjiegi b’kuntratt permanenti u biex tiġi indirizzata s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol.

Fid-dawl tar-riskji ekonomiċi li qed jiżdiedu, l-implimentazzjoni aktar b’saħħitha tar-riformi hija kruċjali biex issaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekonomiji tagħna. Hemm bżonn li l-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill-kundizzjonijiet ekonomiċi favorevoli billi jagħmlu aktar progress bl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lilhom mill-Kunsill fl-2018. L-aktar progress inkiseb fir-rakkomandazzjonijiet li jindirizzaw sfidi fis-settur finanzjarju, b’mod partikolari rigward is-servizzi finanzjarji, it-tnaqqis tal-pożizzjoni ta’ dejn privat, u r-riforma tal-proċeduri tal-insolvenza. Fl-istess ħin, il-progress kien pjuttost batut biex jindirizza l-kompetizzjoni u l-oqfsa regolatorji, kif ukoll biex jindirizza rakkomandazzjonijiet relatati ma’ intrapriżi tal-istat u biex jitwessgħu l-bażijiet tat-taxxa. F’xi każi, hemm xi evidenza li l-progress li sar treġġa’ lura, bħal pereżempju fil-qasam tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, inklużi l-pensjonijiet.

Ir-riformi u l-investiment jeħtieġu biżżejjed kapaċità amministrattiva u teknika biex l-Istati Membri jwasslu r-riżultati mistennija. Ħidma preparatorja b’saħħitha minn amministrazzjoni li għandha l-persunal xieraq bil-mezzi tekniċi meħtieġa timmassimizza l-impatt tal-investimenti u r-riformi pubbliċi. Ir-riformi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom kostijiet limitati fit-terminu l-qasir u jistgħu jkunu effikaċi fi kwalunkwe punt taċ-ċiklu. L-eżiti tar-riformi, fattibbli u li jistgħu jitkejlu, hemm bżonn li jkunu speċifikati, immonitorjati, u kkomunikati. Il-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali joffri appoġġ tekniku prattiku lill-Istati Membri kollha, jekk jitolbuh, għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' riformi, speċjalment fis-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew 3 .



3.Indirizzar tal-iżbilanċi makroekonomiċi

Ir-rieżamijiet fil-fond fir-rapporti tal-pajjiżi jagħtu analiżi komprensiva tal-iżbilanċi esperjenzati mill-Istati Membri. huma jidentifikaw il-vulnerabbiltajiet sottostanti u l-implikazzjonijiet transfruntiera rilevanti. L-iżbilanċi makroekonomiċi jistgħu jaffettwaw ħażin lill-ekonomija ta’ Stat Membru partikolari, liż-żona tal-euro, jew lill-Unjoni inġenerali. Il-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku għandha l-għan li taqbad u tipprevenihom fi stadju bikri huma u jkunu ħerġin, biex jiġi żgurat li l-Istati Membri kkonċernati jieħdu l-azzjoni xierqa biex jikkoreġuhom.

Ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2019 identifika 13-il Stat Membru għal analiżi fil-fond biex jivvaluta jekk humiex affettwati, jew jekk hemmx riskju li jiġu affettwati, minn żbilanċi 4 . Minn dawn il-pajjiżi, 11 kienu meqjusa li qed jesperjenzaw żbilanċi jew żbilanċi eċċessivi fl-2018. Barra minn hekk, wara li ħarġet mill-programm ta’ assistenza finanzjarja, il-Greċja kienet soġġetta għal analiżi fil-fond għall-ewwel darba. Ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2019 qies ukoll li kienet ġustifikata analiżi fil-fond għar-Rumanija, sabiex jiġu vvalutati l-implikazzjonijiet tad-deterjorament li għaddej fil-kompetittività fuq il-prezz u l-bilanċ estern tal-pajjiż. L-għażla ta’ Stati Membri kienet appoġġata mill-Kunsill 5 . L-analiżi tħares lejn il-gravità tal-iżbilanċi, l-evoluzzjoni tagħhom u r-rispons ta’ politika għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi relatati mal-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku. L-effetti kollaterali rilevanti u l-implikazzjonijiet sistemiċi transfruntiera tal-iżbilanċi jitqiesu wkoll.

3.1. Il-progress li sar biex jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi makroekonomiċi fl-UE u fiż-żona tal-euro

Il-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi fl-UE qed tagħmel progress bis-saħħa tal-issoktar tat-tkabbir u l-isforzi ta’ politika, iżda għad hemm vulnerabbiltajiet. Id-dejn privat u tal-gvern għadu f’livelli storikament għoljin f’xi Stati Membri, u l-korrezzjoni tiegħu mhuwiex miexi dejjem malajr biżżejjed. Dan inaqqas il-lok biex jiġu assorbiti skossi ekonomiċi negattivi futuri. Barra minn hekk, f’għadd ta’ Stati Membri hemm preżenti sinjali ta’ sovrażbilanċ possibbli, li huma fil-biċċa l-kbira marbutin mat-tkabbir dinamiku fil-prezzijiet tal-proprjetà u l-kost ta' unità lavorattiva li qed jikber malajr.

Ir-riekwilibriju tal-pożizzjonijiet esterni għadu mhux komplut. Id-defiċits fil-kontijiet kurrenti ġew ikkoreġuti fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, iżda xi wħud għadhom qed jaffaċċjaw pożizzjonijiet ta' investiment internazzjonali netti fil-biċċa l-kbira negattivi. Ammonti kbar ta’ dejn estern għadhom vulnerabbiltà f'għadd ta’ Stati Membri, li għandhom bżonn iżommu pożizzjonijiet tal-kontijiet kurrenti tagħhom prudenti u li jevitaw telf fil-kompetittività. Min-naħa l-oħra, xi Stati Membri oħrajn qed juru surpluses kbar fil-kont kurrenti, li baqgħu pjuttost persistenti. Sinjali modesti ta’ aġġustament bdew jidhru biss dan l-aħħar. Li jiġu indirizzati s-surpluses kbar f’pajjiżi li huma kredituri netti permezz tal-investiment u tal-politiki tal-pagi jikkontribwixxi biex jiġi appoġġat il-potenzjal tat-tkabbir. Fil-livell aggregat, is-surplus fil-kont kurrenti taż-żona tal-euro qabeż bi ftit it-3 % tal-PDG fl-2016 u baqa’ fil-biċċa l-kbira kostanti wara. Dan is-surplus kbir jirrifletti kuntest li fih id-domanda domestika aggregata fiż-żona tal-euro kienet qed tkarkar wara l-attività ekonomika u fejn il-pożizzjoni kompetittiva mill-ekonomiji taż-żona tal-euro sostniet l-esportazzjonijiet.

It-tnaqqis tad-dejn għadu għaddej. Il-progress effettiv biex jitnaqqsu l-livelli tad-dejn privat u tal-gvern ikun essenzjali biex jinħoloq spazju biex jiġu assorbiti skossi ekonomiċi negattivi fil-ġejjieni. Il-proporzjonijiet tad-dejn privat qed jonqsu f’għadd dejjem jikber ta’ Stati Membri. Dan huwa prinċipalment ir-riżultat ta’ tkabbir nominali tal-PGD ogħla. It-tnaqqis tad-dejn mit-tfaddil pożittiv nett, kif ukoll mill-issoktar tat-tkabbir tal-kreditu, qed isir inqas intens u mifrux. It-tnaqqis tad-dejn korporattiv kien iktar mgħaġġel milli fis-settur domestiku, u dan kien parzjalment dovut għal-livelli baxxi ta’ investiment tul dawn l-aħħar snin. Min-naħa tas-settur pubbliku, filwaqt li l-pożizzjonijiet baġitarji mtejbin u l-issoktar tat-tkabbir fil-PDG qed iwasslu għal tnaqqis fil-proporzjonijiet tad-dejn fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, madankollu qegħdin jonqsu biss bil-mod.

Il-kundizzjonijiet fis-settur bankarju tal-UE qed jitjiebu, speċajlment fil-pajjiżi l-aktar vulnerabbli, iżda għad hemm bżonn ta’ aktar sforzi. Il-proporzjonijiet kapitali komplew jitjiebu fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Il-proporzjonijiet tas-self improduttiv naqsu b’mod notevoli f’xi Stati Membri fejn kien hemm l-akbar ammonti tiegħu. Il-proporzjon medju tal-UE tas-self improduttiv kien ta’ 3,3 % fit-tielet trimestru tal-2018, filwaqt li sena qabel kien 4,4 %, iżda dawn il-proporzjonijiet għadhom għoljin ħafna f’xi Stati Membri fejn għad hemm bżonn isiru aktar sforzi. Il-proporzjonijiet tal-kapital u tal-likwidità komplew jitjiebu fil-maġġoranza l-kbira tal-banek. Minkejja t-titjib riċenti, il-profittabilità baxxa marbuta mas-swieq b’wisq banek għadha ta’ tħassib. Is-swieq tal-kapital ukoll ikkontribwew ulterjorment biex iwessgħu u jiddiversifikaw il-finanzjament tal-ekonomija Ewropea. Hemm potenzjal addizzjonali sinifikanti għall-iżvilupp tagħhom fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali.

Il-prezzijiet tad-djar qed jaċċelleraw f'għadd dejjem jiżdied ta’ Stati Membri, b’aktar pajjiżi qegħdin juru sinjali possibbli ta’ sopravalutazzjoni. Il-prezzijiet tad-djar żdiedu aktar malajr fi Stati Membri li wrew ftit jew ebda evidenza ta’ sopravalwazzjoni fi snin riċenti, u f'xi każi l-kreditu ipotekarju qed jissokta b’rata ogħla. Min-naħa l-pożittiva, il-prezzijiet tad-djar reċentement immoderaw ruħhom f’pajjiżi li fihom hemm l-akbar evidenza ta’ sopravalwazzjoni, ukoll minħabba restrizzjonijiet ta’ affordabilità u politiki makroprudenzjali implimentati reċentement.

Is-swieq tax-xogħol qed ikomplu jitjiebu. Ir-rati tal-qgħad qed ikomplu jinżlu, inkluż għaż-żgħażagħ u għal dawk qiegħda fit-tul, iżda għadhom għoljin f’xi Stati Membri. Il-pagi fl-Istati Membri qed jissoktaw b’veloċitajiet differenti li ġeneralment jirriflettu kemm xi pajjiżi qegħdin jesperjenzaw nuqqas ta’ ħaddiema, filwaqt li t-tkabbir tal-pagi għaż-żona tal-euro kollha kemm hi għadu taħt dak li wieħed jistenna fil-livelli attwali tal-qgħad abbażi ta’ data storika.

Mill-2016, il-kostijiet ta’ unità lavorattiva fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kienu qed jikbru b'rati aktar mgħaġġlin minn qabel. Ġew irreġistrati aċċellerazzjonijiet b'saħħithom, b’mod partikolari fi Stati Membri b’livelli tal-pagi taħt il-medja, parzjalment minħabba nuqqas ta’ ħaddiema. Sa issa l-iżviluppi fl-kost tal-manodopera ma ġewx imqabblin minn telf sostanzjali fl-ishma tas-swieq tal-esportazzjoni jew deterjoramenti fil-bilanċi tal-kontijiet kurrenti iżda dawn l-effetti setgħu jsiru viżibbli jekk dawn ix-xejriet jippersistu. Fl-istess ħin, fiż-żona tal-euro, il-vantaġġ tal-kompetittività tal-kostijiet f’pajjiżi b’wirt ta’ defiċits kbar fil-kont kurrenti jew li għad għandhom ammonti kbar ta’ dejn estern batta, li juri l-ħtieġa li jinżamm il-momentum għar-riformi mmirati biex iżidu t-tkabbir fil-produttività u tinżamm il-kompetittività tal-kostijiet.

3.2. L-implimentazzjoni tal-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi

L-iżbilanċi jew żbilanċi eċċessivi ġew identifikati fl-Istati Membri kollha li kienu soġġetti għal analiżi fil-fond, iżda l-gravità tal-iżbilanċi naqset f’xi każi. L-analiżijiet fil-fond tal-2019 sabu li 10 Stati Membri qed jesperjenzaw żbilanċi u li tlieta qed jesperjenzaw żbilanċi eċċessivi. Pajjiż wieħed għamel progress ċar sal-punt li jtejjeb il-kategorizzazzjoni tal-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku għal żbilanċi minn żbilanċi eċċessivi sena ilu. F'xi każi oħrajn il-korrezzjoni tal-iżbilanċi ekonomiċi għadha għaddejja, iżda mhux b'tali mod li tista’ tiġġustifika li jinħarġu mill-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku. L-Appendiċi 3 jagħti fil-qosor il-konstatazzjonijiet mill-analiżijiet fil-fond skont l-Istat Membru.

Il-Greċja, li ġiet integrata fis-Semestru Ewropew wara li ħarġet mill-programm ta' aġġustament makroekonomiku, ġiet identifikata bħala li qed tesperjenza żbilanċi eċċessivi. Il-Greċja għadha qed taffaċċja sfidi kbar relatati mad-dejn pubbliku għoli, il-pożizzjoni ta' investiment internazzjonali netta negattiva, sehem għoli ta’ self improduttiv, ir-rata tal-qgħad li għadha għolja, u l-potenzjal baxx tat-tkabbir. Ir-riformi profondi istituzzjonali u strutturali li nbdew fi snin riċenti biex jimmodernizzaw l-ekonomija u l-Istat bdew jagħtu l-frott, kif ġie rifless bil-konklużjoni b’suċċess tal-programm tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, l-irkupru tat-tkabbir kif ukoll it-tnaqqis tal-qgħad. Dan il-proċess ta’ riforma jeħtieġ implimentazzjoni sostnuta biex l-impatt tagħhom jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu. Mindu ħarġet mill-programm, il-Greċja saret soġġetta għal sorveljanza msaħħa, li tagħti l-bażi għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-impenji li l-Greċja għamlet biex tiżgura l-kontinwità u t-tlestija tar-riformi adottati skont il-programm ta’ għajnuna għall-istabbiltà tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà.

Ir-Rumanija, li kien identifikat li ma kellhiex żbilanċi fl-2018, instab li qed tesperjenza żbilanċi. Ir-riskji relatati mat-telf tal-kompetittività u defiċit fil-kont kurrenti li qed jikber li ġew sottolinjati fir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija ġew ikkonfermati fl-analiżi fil-fond. Barra minn hekk, inizjattivi leġiżlattivi riċenti jidhru li qed jinduċu r-riskji fis-settur finanzjarju. Dan qiegħed jiġri f’kuntest ta’ implimentazzjoni tar-riformi li qed tiddgħajjef, ambjent ta’ tfassil ta’ politika imprevedibbli, u espansjoni fiskali espansjonarja. Jekk ma jiġux indirizzati, dawn ix-xejriet se jkollhom effett fuq il-prospetti tad-dejn tal-gvern u barrani, u se jagħmlu ħsara lill-prospetti ta’ investiment u ta’ tkabbir.

Il-Kroazja, li kien identifkat li kellha żbilanċi eċċessivi fl-2018, instab li qed tesperjenza żbilanċi. L-iżviluppi ekonomiċi qegħdin jikkontribwixxu għal korrezzjoni gradwali tal-iżbilanċi eżistenti, partikolarment dawk relatati ma’ ammonti kbar ta’ dejn pubbliku, privat u estern, u b’dak il-mod qed iwasslu għal tnaqqis fir-riskji. L-azzjoni politika u l-impenji li jistgħu jgħinu għal korrezzjoni sostenibbli tal-iżbilanċi ġew skalati dan l-aħħar, u l-implimentazzjoni sħiħa, malajr u effettiva tagħhom se tkun kruċjali.

F’pajjiżi oħrajn, l-iżviluppi ekonomiċi ġeneralment kienu favorevoli għall-korrezzjoni tal-iżbilanċi, iżda fadal xi sfidi għall-prospetti ekonomiċi u ta’ politika:

·Il-Bulgarija, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, in-Netherlands, il-Portugall, Spanja u l-Iżvezja, fl-2018 ġew identifikati li qed jesperjenzaw żbilanċi. Il-Bulgarija ħadet aktar passi biex tiżgura l-istabbiltà tas-settur bankarju, iżda għad fadal xi azzjonijiet x’jiġu finalizzati jew implimentati. Franza żiedet l-impenji tagħha għar-riforma, iżda l-korrezzjoni tal-iżbilanċi relatati mad-dejn pubbliku għoli u tad-dinamiki dgħajfa tal-kompetittività tiddependi fuq il-progress tal-politika. Fin-Netherlands, l-isforzi ta’ politika ġew intensifikati iżda fadal żbilanċi relatati mal-ammont kbir ta’ dejn privat u s-surplus kbir fil-kont kurrenti. Fil-Ġermanja, is-surplus fil-kont kurrenti għadu għoli u qiegħed jonqos biss bil-mod, filwaqt li hemm bżonn ta’ aktar sforzi biex jimtlew id-diskrepanzi fl-investimenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-investiment pubbliku fl-infrastruttura u l-edukazzjoni. Fl-Irlanda, it-tkabbir qawwi u l-progress fil-politika komplew jgħinu fit-tnaqqis ta’ żbilanċi tal-istokkijiet, iżda fadal xi vulnerabbiltajiet fil-kuntest ta’ riskji miżjuda mill-ambjent internazzjonali. L-iżbilanċi tal-istokkijiet relatati mad-dejn intern u estern qegħdin jiċkienu fil-Portugall u fi Spanja, bl-għajnuna ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi aħjar, iżda għad hemm lakuni tal-politika u tal-aġġustament. Fl-Iżvezja, għad hemm żbilanċi minkejja xi aġġustamenti riċenti fil-prezzijiet tad-djar u fil-politiki.

·Ċipru, u l-Italja huma identifikati, bħal fl-2018, li qed jesperjenzaw żbilanċi eċċessivi. F’Ċipru, minkejja kuntest ekonomiku mtejjeb u intensifikazzjoni riċenti tal-isforzi ta’ politika, għad hemm vulnerabbiltajiet sinifikanti relatati ma’ livell li qed jonqos iżda li xorta għadu għoli ta’ self improduttiv u dejn estern, privat u tal-gvern. Fl-Italja, il-progress f’xi oqsma ta’ politika fi snin iktar bikrija ġie megħlub minn prospetti li sejrin għall-agħar, li fil-biċċa l-kbira jiġu mid-deterjorament baġitarju ppjanat u minn aġenda tar-riforma li ġeneralment weħlet. Miżuri politiċi reċenti jreġġgħu lura elementi ta’ riformi preċedenti u se jaffettwaw b’mod negattiv is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, il-produttività, u t-tkabbir potenzjali tal-PDG. L-inċertezza marbuta mal-pożizzjoni tal-gvern ikkontribwiet għal pressjonijiet akbar tas-suq u rendiment ogħla fuq id-dejn sovran matul l-2018. Jekk dawn l-iżbilanċi makroekonomiċi jiggravawx jew jittaffewx se jiddependi kruċjalment fuq il-politiki biex itejbu l-kwalità tal-finanzi pubbliċi Taljani, biex iżidu l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika u tas-sistema tal-ġustizzja, biex itejbu l-ambjent tan-negozju tagħha, u jsaħħu s-suq tax-xogħol u s-sistema finanzjarja tagħha. Għaldaqstant il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi fl-Italja u tivvaluta l-passi ta’ politika u l-impenji biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi, b’mod partikolari l-livell ta' ambizzjoni tal-Programm Nazzjonali ta' Riforma, fil-kuntest tal-pakkett tar-rebbiegħa tas-Semestru Ewropew li ġej.

Il-Kummissjoni se tkompli tanalizza l-iżviluppi u l-miżuri ta’ politika li jittieħdu mill-Istati Membri kollha bi żbilanċi jew bi żbilanċi eċċessivi fil-qafas tal-monitoraġġ speċifiku. Il-Kunsill jieħu sehem f'dawn l-analiżijiet u appoġġa l-konklużjonijiet tar-rapporti ta’ monitoraġġ speċifiku 6 .

Tabella 1: Eżiti tal-analiżijiet fil-fond fl-2019 u s-sitwazzjoni fl-2018

Is-sitwazzjoni fl-2018

Eżitu tal-AFF tal-2019

Żbilanċi

BG, DE, ES, FR, IE, NL, PT, SE

BG, DE, ES, FR, HR, IE, NL, PT, RO, SE

Żbilanċi eċċessivi

CY, HR, IT

CY, EL 7 , IT

   



4.Politiki tal-Istati Membri

Fil-kuntest ta’ tkabbir li qed ibatti, riformi effettivi u prijoritajiet għall-investiment immirati tajjeb jgħinu lill-Istati Membri jkunu aktar reżiljenti għal skossi makroekonomiċi futuri. Bi swieq finanzjarji, tal-prodotti u tax-xogħol u istituzzjonijiet li jaħdmu aħjar, u amministrazzjonijiet tal-istat aktar effiċjenti, l-ekonomiji tagħna jistgħu jaġġustaw aktar faċilment u l-kostijiet ekonomiċi u soċjali jiġu mminimizzati. Huwiex għax joħolqu l-infrastruttura neċessarja, jew għax jipprovdu forza tax-xogħol b’iktar ħiliet speċjalizzati, jew għax jappoġġjaw ideat intraprenditorjali innovattivi, l-investimenti mmirati tajjeb isaħħu t-tkabbir potenzjali fit-terminu twil, u jikkontribwixxu għall-kompetittività u r-reżiljenza ekonomika. Jekk jadattaw għat-tibdil strutturali li għaddej, l-ekonomiji jkunu jistgħu jikkonverġu billi jnaqqsu d-differenzi fil-produttività, u jitjiebu l-eżiti soċjali.

4.1 Niżguraw politiki fiskali responsabbli u l-istabbiltà finanzjarja

Politiki fiskali responsabbli, il-kwalità tal-finanzi pubbliċi u sistemi fiskali favorevoli għat-tkabbir

L-Istati Membri bi proporzjon tad-dejn għoli qed jonqsu milli jibnu buffers fiskali. It-tkabbir ekonomiku robust u r-rati tal-imgħax storikament baxxi qed ikomplu jappoġġaw tnaqqis fil-proporzjonijiet tad-dejn pubbliku. Fl-2018, il-kundizzjonijiet ċikliċi favorevoli u n-nefqa nieżla fl-imgħax irriżultaw fi tnaqqis ulterjuri tal-bilanċ negattiv globali tal-baġit fl-UE, li bħalissa qiegħed taħt il-1 % tal-PDG. Din ix-xejra ’l isfel hija mistennija li tintemm fl-2019, meta d-defiċit kumplessiv huwa mistenni li jiżdied ftit għall-ewwel darba mill-2009. Id-dejn pubbliku għadu qrib tal-qċaċet storiċi f’xi Stati Membri. L-aġġustament fiskali previst huwa relattivament limitat jew saħansitra negattiv f’xi Stati Membri li għandhom ħafna dejn. Il-bini mill-ġdid tal-buffers fiskali huwa partikolarment importanti fi Stati Membri li għad għandhom livelli għoljin ta’ dejn pubbliku, bil-ħsieb li titnaqqas il-vulnerabbiltà tagħhom għall-iskossi u biex l-istabbilizzaturi awtomatiċi jkunu jistgħu joperaw bis-sħiħ fit-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li jmiss. Il-konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, flimkien ma’ xi espansjoni fiskali minn Stati Membri bi spazju fiskali tikkontribwixxi għal taħlita ta’ politika bbilanċjata, bis-saħħa tal-appoġġ kontinwu lill-ekonomija mill-politika monetarja. Barra minn hekk, din tnaqqas ir-riskji tal-instabbiltà finanzjarja.

Hemm ħafna spazju biex tissaħħaħ il-kwalità tal-finanzi pubbliċi, u r-rieżamijiet tal-infiq huma għodda kruċjali f'dan ir-rigward. Ħafna Stati Membri jagħmlu skrutinju tal-infiq pubbliku, bit-tir li jżidu l-effiċjenza tiegħu u li jiffrankaw il-flus, u b’hekk joħolqu spazju għal infiq li jsaħħaħ it-tkabbir. Hemm rieżamijiet tal-infiq wesgħin ippjanati fl-Italja u Franza. Rieżamijiet aktar iffukati, li jkopru oqsma speċifiċi tan-nefqa, huma previsti f’bosta Stati Membri oħra. Dawn jinkludu oqsma bħall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-intrapriżi tal-istat, il-proprjetà immobbli, l-investiment pubbliku, it-trasport, u l-ambjent. Fl-2019, għandu jfiġġ titjib fl-effiċjenza fil-Portugall bis-saħħa ta’ użu akbar tal-akkwist pubbliku ċċentralizzat u użu aktar effiċjenti tal-assi pubbliċi, u fil-Latvja bis-saħħa ta’ ġestjoni aktar kosteffikaċi tal-intrapriżi tal-istat fis-settur tal-proprjetà immobbli u l-konsolidazzjoni tal-infrastruttura tat-teknoloġija tal-informatika. F'perspettiva iktar fit-tul, ir-rieżamijiet tal-infiq jibbenefikaw minn evalwazzjonijiet interim aktar frekwenti u rigorużi, kif ukoll b’integrazzjoni iktar stretta mal-proċess baġitarju.

L-Istati Membri qed ikomplu jtejbu l-oqfsa fiskali domestiċi tagħhom, li huma fattur ewlieni tat-tfassil ta’ politika fiskali. L-oqfsa fiskali ġew riformati konsiderevolment tul l-aħħar snin: l-effetti pożittivi fuq l-infiq pubbliku u t-tassazzjoni diġà huma viżibbli. Ir-riformi f’din id-direzzjoni komplew reċentement f’għadd ta’ Stati Membri. Fil-Ġermanja, il-Grupp tal-Proġett ta’ Previżjoni Ekonomika Konġunta ġie inkarigat biex japprova l-previżjonijiet makroekonomiċi. L-Ungerija u l-Litwanja komplew itejbu l-perspettiva fuq medda medja ta’ żmien tal-qafas tagħhom. Saħansitra hemm ukoll Stati Membri li l-oqfsa fiskali tagħhom normalment iservu bħala eżempju tal-aħjar prassi qed ikomplu jtejbuhom. B’mod partikolari, l-Iżvezja introduċiet ankra ġdida għad-dejn, filwaqt li n-Netherlands tejbu l-karatteristiċi ta’ stabbilizzazzjoni awtomatika tal-qafas tagħhom. L-Irlanda qed timplimenta l-pjanijiet tagħha biex tistabbilixxi fond għal meta jinqala’ l-bżonn. Madankollu, għad hemm oqsma li fihom huma meħtieġa aktar sforzi. Dan b’mod partikolari jikkonċerna arranġamenti ta’ koordinazzjoni tul il-livelli tal-gvern fl-Istati Membri bi strutturi federali kumplessi.

It-tixjiħ tal-popolazzjoni qiegħed jippreżenta lil ħafna Stati Membri bl-isfida li jiżguraw is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tagħhom. Tul l-aħħar deċennju, sar progress sinifikanti biex tiġi indirizzata ż-żieda prevista fl-ispejjeż tal-pensjonijiet. Madankollu, iż-żieda fil-lonġetività u l-irtirar tal-ġenerazzjoni tal-baby boom xorta qed jirriżultaw f’żidiet previsti konsiderevoli fl-infiq relatat mal-età għal 21 Stat Membru, li qed jaffaċċjaw riskji ta’ sostenibbiltà fiskali medji jew għoljin. Dan jista’ jkollu impatt fuq l-adegwatezza futura tal-pensjonijiet. Fl-2018, il-Kroazja adottat riforma tal-pensjonijiet li hija mistennija li ttejjeb l-adegwatezza tal-pensjonijiet mingħajr ma tipperikola s-sostenibbiltà fit-tul, filwaqt li Franza ppreżentat pjanijiet ta’ riforma komprensivi. Fl-Italja u fir-Rumanija hemm każijiet fejn it-treġġigħ lura parzjali ta’ xi miżuri qed jirriskja li jitlef il-progress li sar tul l-aħħar għaxar snin fl-Italja u r-Rumanija. Miżuri li jżidu n-nefqa fuq il-pensjonijiet ġew introdotti jew qed jiġu ppjanati wkoll fil-Ġermanja, fi Spanja u fil-Portugall. Il-progress biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fiskali fit-tul jidher li qed isir bil-mod għall-kura tas-saħħa u għall-kura fit-tul. L-isforzi tar-riforma f’xi Stati Membri għandhom tendenza li jkunu parzjali u għandhom jikkombinaw aħjar l-objettivi tas-sostenibbiltà fiskali mal-aċċessibilità u l-effettività tal-kura.

Ir-riformi fis-sistema tal-kura tas-saħħa qed jiffukaw fuq aktar effettività, aċċessibbiltà u reżiljenza. Ħafna Stati Membri qed jagħmlu sforzi biex jirriorjentaw is-sistemi tal-kura tas-saħħa lejn il-kura preventiva, filwaqt li jsaħħu l-kura primarja u koordinazzjoni aħjar f’kuntesti ta’ kura differenti. Ċipru qed idaħħal sistema ġdida ta’ kontribuzzjonijiet tas-saħħa, biex iwitti t-triq għall-kopertura universali tas-saħħa u biex jillimita ħlas għoli mill-but. Il-Polonja bdiet proġetti pilota biex issaħħaħ il-kura primarja u ambulatorja u ttejjeb il-koordinazzjoni.

Is-sistemi fiskali jistgħu jgħinu biex jappoġġaw it-tkabbir inklużiv. Sistemi fiskali favorevoli għat-tkabbir jistgħu jappoġġaw l-investiment tas-settur privat u jtejbu l-ambjent tan-negozju, jinkoraġġixxu l-impjiegi u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, inaqqsu l-inugwaljanza u jikkontribwixxu għal ekonomija ambjentalment sostenibbli. Fid-dawl ta' dan, bosta Stati Membri qed ikomplu jirriformaw is-sistema fiskali tagħhom, u b’mod partikolari qed inqassu t-tassazzjoni fuq ix-xogħol. Il-Latvja u l-Litwanja qed jintroduċu skeda għal rata ta’ taxxa fuq id-dħul personali progressiva. In-Netherlands qed imexxu l-piż tat-taxxa minn fuq ix-xogħol għal fuq il-konsum billi jnaqqsu t-taxxi fuq l-introjtu personali u jżidu r-rata tat-taxxa tal-valur miżjud. Il-Ġermanja u l-Irlanda qed ikomplu jnaqqsu t-tassazzjoni fuq ix-xogħol għal dawk bi dħul baxx jew medju. Id-Danimarka, il-Greċja u s-Slovenja jiżguraw sehem għoli ta’ dħul mit-taxxa ambjentali, li jinkoraġġixxi użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u jagħti spinta lill-investiment u lill-impjiegi.

Il-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa hija prijorità biex jiġi żgurat li s-Suq Uniku jaħdem kif suppost. Il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi biex is-sistema fiskali ssir iktar trasparenti, effettiva u koerenti, u anqas suxxettibbli għal prattiki ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa. L-ippjanar aggressiv tat-taxxa jista’ jkollu impatt fuq il-baġit ta’ Stati Membri oħra, joħloq distorsjoni fil-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-kumpaniji, u jiddevja r-riżorsi inġustament mill-objettivi ta’ nfiq tal-gvernijiet. L-Istati Membri li l-bażi taxxabbli tagħhom tittiekel jew se jkollhom jiġbru d-dħul minn taxxi oħrajn jew ikollhom inqas dħul għal riformi li jsaħħu t-tkabbir u għal finijiet ta’ ridistribuzzjoni għall-ġlieda kontra l-inugwaljanzi. It-traspożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE u ta’ inizjattivi maqbula internazzjonalment se jgħinu biex irażżnu l-prattiki ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa 8 . L-ippjanar aggressiv tat-taxxa jista’ jiġi indirizzat ulterjorjment billi tissaħħaħ il-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, u jiżdiedu t-trasparenza u l-kooperazzjoni amministrattiva.

Is-settur bankarju, il-profittabilità baxxa u s-self improduttiv

B’mod aggregat, il-kapital tal-banek u l-pożizzjonijiet tal-likwidità komplew jitjiebu fl-2018, appoġġati mill-ambjent ekonomiku kif ukoll mill-azzjoni leġiżlattiva u superviżorja. Fl-istess ħin, l-ingranaġġ bankarju naqas filwaqt li l-kapaċità tal-assorbiment tat-telf naqset. Is-self improduttiv fuq il-karti bilanċjali tal-banek kompla jonqos. L-aħħar ċifri juru li l-proporzjon gross tas-self improduttiv għall-banek kollha tal-UE kompla jonqos għal 3,3 % (Q3-2018), isfel b’aktar minn punt perċentwali sena fuq sena. Erbatax-il Stat Membru kellhom proporzjonijiet ta’ self improduttiv baxxi, ta’ anqas minn 3 %. B’mod partikolari, kien hemm tnaqqis sinifikanti f’Ċipru, fl-Irlanda, fl-Italja, fi Spanja, fil-Portugall, fl-Ungerija, fis-Slovenja, fir-Rumanija, fl-Awstrija u fil-Ġermanja, fejn il-pass tad-disponiment tas-self improduttiv qabad ir-ritmu sew mill-2017, fost pressjoni superviżorja persistenti u/jew żvilupp ulterjuri tas-swieq sekondarji tas-self improduttiv.

Barra minn hekk, il-proċessi leġiżlattivi għal bosta miżuri tat-tnaqqis tar-riskji fil-livell tal-UE u nazzjonali komplew jimxu ’l quddiem, li wasslu għal progress tanġibbli. Il-Ftehim ta’ Diċembru 2018 bejn il-Kunsill u l-Parlament fir-rigward tal-pakkett dwar it-Tnaqqis tar-Riskju għandu jkompli jsaħħaħ il-kapital bankarju u l-pożizzjonijiet tal-likwidità, b’mod partikolari f’xenarji potenzjali ta’ riżoluzzjoni, kif ukoll biex jiffaċilita aktar tnaqqis u kondiviżjoni tar-riskju fis-settur bankarju tal-UE. Dan jinkludi li jiġi żgurat li r-regoli tal-UE kontra l-ħasil tal-flus jiġu implimentati bis-sħiħ, u prevenzjoni u ġestjoni tar-riskji adegwati mill-banek.

It-test tal-istress tal-Awtorità Bankarja Ewropea tal-2018 ikkonferma li l-banek tal-UE qed isiru aktar reżiljenti. Madankollu, il-perċezzjoni tal-investituri tat-testijiet tista’ ma twassalx għal tibdil materjali fil-mod li bih is-suq jara r-reżiljenza kapitali tal-banek tal-UE, li l-prezzijiet tal-ishma tagħhom jistgħu jkomplu jitmexxew aktar minn fundamentali makroekonomiċi fl-2019. Il-profittabilità tal-banek għadha dgħajfa u affettwata minn proporzjonijiet għoljin ta’ self improduttiv, mudelli ta’ negozju inadegwati f’ħafna każi, swieq b’eċċess ta’ banek u l-volatilità tas-swieq finanzjarji (li reġgħet feġġet fl-ewwel nofs tal-2018).

L-attività bankarja transfruntiera fl-UE tista’ terġa’ taċċellera, billi tieħu vantaġġ mill-ħtiġijiet ta’ ristrutturar imħabbrin ta’ xi gruppi Ewropej kbar. Xi gruppi bankarji ewlenin fi Stati Membri ewlenin qed jaqilbu l-istrateġiji tagħhom biex inaqqsu r-riskji għall-profittabilità. Dan jista’ jagħti opportunitajiet biex il-banek jakkomodaw xi wħud mir-riskji għall-profittabilità tagħhom.



4.2. Is-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u l-politiki soċjali

Is-sitwazzjoni tal-impjiegi qed tkompli titjieb. L-għadd ta’ nies fix-xogħol laħaq ammont rekord ta’ 240 miljun fir-raba’ trimestru tal-2018. Ir-rata tal-qgħad ta’ 6,6 % issa mhux talli qiegħda lura għal-livelli ta’ qabel il-kriżi, iżda qiegħda fl-iktar livell baxx li qatt ġie rreġistrat mindu d-data korrispondenti bdiet tinġabar fis-sena 2000. Wara snin ta’ tkabbir ekonomiku u ta’ ħolqien tal-impjiegi, is-sitwazzjoni soċjali qed tkompli titjieb. Fl-2017 biss aktar minn ħames miljun ruħ telqu mill-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Madankollu, is-sitwazzjoni tindika differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri. F’xi Stati Membri r-rati tal-qgħad għadhom ma rkuprawx għalkollox u għadhom aktar minn 10 %. Is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ għadha sfida f’xi wħud minn dawn il-pajjiżi: proporzjonijiet kbar ta’ żgħażagħ li la huma f’impjieg, la fl-edukazzjoni jew it-taħriġ iqajmu tħassib għall-impjegabbiltà preżenti u futura tagħhom. F’xi pajjiżi oħrajn hemm nuqqas ta' ħaddiema li qed joħolqu effett lembut għal aktar tkabbir. Kollox ma’ kollox, minkejja r-rati tal-impjieg li qed jiżdiedu fost in-nisa, id-distakk bejn il-ġeneri fir-rati tal-impjiegi għadhom hemm u qed iwasslu għal diskrepanzi fil-pagi. Nies bi ftit kwalifiki u persuni li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni, b’mod partikolari, jaffaċċjaw diffikultajiet biex isibu impjieg. In-nies b’diżabilità wkoll għadhom fi żvantaġġ. Barra minn hekk, għad hemm diskrepanzi reġjonali kbar fl-eżiti tas-suq tax-xogħol f’bosta Stati Membri.

It-tibdil demografiku u l-iżviluppi teknoloġiċi qed jagħtu sura ġdida lis-swieq tax-xogħol Ewropej. Huwa u tikber il-popolazzjoni u l-għadd ta’ żgħażagħ jonqos, huwa kruċjali li l-Istati Membri jżidu l-għadd ta’ nies attivi fis-suq tax-xogħol, biex jiżguraw potenzjal tat-tkabbir b’saħħtu kif ukoll biex jiżguraw li s-sistemi tas-sigurtà soċjali jkunu ffinanzjati biżżejjed u sostenibbilment. Xi Stati Membri qed jieħdu azzjoni f’dan il-qasam. Pereżempju, fil-Kroazja, daħlet fis-seħħ riforma tal-pensjonijiet f’Jannar 2019, immirata biex tippromwovi ħajjiet tax-xogħol itwal u biex tindirizza inkonsistenzi strutturali fis-sistema. Minħabba t-trasformazzjonijiet li d-diġitalizzazzjoni u l-firxa ta’ pjattaformi qed iġibu għall-ġejjieni tax-xogħol, huwa kruċjali li l-Istati Membri jimmodernizzaw is-swieq tax-xogħol u s-sistemi ta' protezzjoni soċjali, inkluż billi jiżguraw kopertura tal-protezzjoni soċjali lil ħaddiema mhux standard u li jaħdmu għal rashom, biex iżommu l-pass ma’ dawn l-iżviluppi.

Il-promozzjoni tal-ħiliet adegwati hija kruċjali. L-aċċess ugwali għall-edukazzjoni huwa essenzjali jekk irridu li ċ-ċittadini kollha jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetajiet tagħna u jagħmlu l-aħjar li jistgħu mill-ħajjiet tax-xogħol tagħhom. Il-ħiliet adegwati jistgħu jżidu l-produttività u t-tkabbir potenzjali, li huma essenzjali biex jippermettu t-tkabbir fil-pagi u jittejbu l-kundizzjonijiet soċjali u tal-għajxien. F’kuntest ta’ nuqqas u spariġġi ta’ ħiliet, hemm bżonn li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jissaħħu u jiġu mmodernizzati. Fl-istess ħin, il-politiki ta’ taħriġ mill-ġdid u tat-titjib tal-ħiliet huma importanti biex iżidu r-reżiljenza u l-adattabilità tal-forza tax-xogħol, biex jipprevjenu li n-nies b’livell baxx ta’ ħiliet u nies li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni jħabbtu wiċċhom ma’ opportunitajiet ta’ impjieg li qed jiddeterjoraw. Franza qed timplimenta riformi biex torbot aħjar is-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Il-Latvja qed tieħu azzjoni biex ittejjeb il-kwalità, l-attraenza u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Fil-Portugall, il-programm Qualifica, immirat biex jindirizza l-isfida ta’ forza tax-xogħol bi ftit kwalifiki, riċentement ġie msaħħaħ permezz ta’ riprogrammazzjoni tal-allokazzjonijiet tal-Fond Soċjali Ewropew. Għadd ta’ Stati Membri (il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Iżvezja, il-Finlandja, u l-Belġju) ħadu miżuri biex jivvalidaw, jirrikonoxxu jew itejbu l-ħiliet eżistenti tal-migranti sabiex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

Is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol għadha sfida. Minkejja li s-sehem ta’ impjegati temporanji, bħala medja, ma żdiedx sostanzjalment fi snin riċenti, xi Stati Membri qed jesperjenzaw rati persistenti ogħla minn 15 %. F’pajjiżi bħal Spanja, is-Slovenja, il-Polonja, il-Portugall, l-Italja u l-Kroazja, aktar minn 60 % tal-impjegati temporanji huma żgħażagħ. Aktar minn nofs l-impjegati b’kuntratt temporanju ma jistgħux isibu pożizzjoni permanenti, u filwaqt li l-għadd totali ta’ sigħat maħduma ilu biss ftit li mar lura għal-livelli ta’ qabel il-kriżi, is-sehem ta’ part-timers furzati xorta jaqbeż il-50 % f’xi Stati Membri. Bosta Stati Membri qed jieħdu azzjoni biex jippromwovu l-ingaġġ indefinit billi jirriformaw l-infurzar tal-liġi tax-xogħol, inkluż billi jżidu l-ammont ta’ persunal tal-ispettorati tax-xogħol biex jindirizzaw l-użu ħażin tax-xogħol temporanju u jippromwovu disinn aħjar ta’ sussidji għall-ingaġġ. Fi Spanja, il-kapaċità tal-ispettorati tax-xogħol biex jiġġieldu l-abbuż ta’ kuntratti temporanji u x-xogħol mhux iddikjarat kompliet tissaħħaħ fl-2018. Ċipru qed jieħu azzjonijiet sinifikanti biex jappoġġa l-impjieg regolari, bit-twaqqif ta’ Servizz Uniku ta’ Spezzjonijiet. Fl-Irlanda, liġi ġdida teħtieġ li min iħaddem, fost affarijiet oħra, jipprovdi informazzjoni aħjar dwar ix-xorta ta’ impjieg.

Il-pagi qed jikbru b’pass moderat iżda aktar mgħaġġel milli fi snin preċedenti. Il-kumpens nominali għal kull impjegat kiber bi 2,7 % fl-2018. It-tkabbir tal-pagi laħħaq mal-iżviluppi fil-produttività, wara li baqa’ lura għal xi snin.

Il-faqar u l-inugwaljanza fl-introjtu naqsu fl-2017, iżda l-faqar fost dawk li jaħdmu għadu sors ta’ tħassib. Is-sehem ta’ persuni fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali naqas għal 22,4 % fl-2017 u issa huwa f’livelli ta’ qabel il-kriżi; madankollu xi gruppi huma kkaratterizzati minn riskju ta’ faqar persistentement ogħla. Barra minn hekk, il-faqar fost dawk li jaħdmu għadu sors ta’ tħassib, minħabba li għadu partikolarment għoli għal dawk li jaħdmu għal rashom, ħaddiema temporanji u part-time, u ħaddiema li ma tweldux fl-UE. Is-sistema ta’ taxxa u benefiċċji għandha rwol ridistributtiv importanti. Huwa importanti li l-appoġġ lill-fqar jiġi mmirat b’attenzjoni lejn dawk li l-aktar jeħtiġuh, pereżempju billi tissaħħaħ il-preċiżjoni tal-istrumenti tal-ittestjar tal-mezzi. Fil-Lussemburgu, skema ġdida tal-introjtu għall-inklużjoni soċjali ħadet post id-dħul minimu garantit preċedenti, bl-għan li tippromwovi l-inklużjoni u l-attivazzjoni soċjali, u biex tindirizza l-faqar tat-tfal u ta’ familji b’ġenitur wieħed. L-Italja adottat skema ta’ dħul minimu ġdida (Reddito di Cittadinanza) li se tieħu post dik preċedenti, bl-għan li jiġi żviluppat mudell ta’ inklużjoni attiva. Is-suċċess tagħha jiddependi fuq kemm se tiġi amministrata effettivament.

Id-djalogu soċjali li jaħdem tajjeb huwa essenzjali biex jittejjeb it-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi, biex jiżdied is-sens ta’ sjieda. Tul l-aħħar sena, is-sħab soċjali f’għadd ta’ Stati Membri rrapportaw żviluppi pożittivi rigward l-involviment sinfikattiv u fil-ħin tal-gvern tagħhom dwar riformi ekonomiċi u soċjali. Pereżempju, abbażi ta’ ftehim tripartitiku, il-Portugall ippreżenta sett ta’ miżuri biex jindirizzaw is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, li issa jrid jiġi lleġiżlat. L-iżvilupp pożittiv li kien hemm f’xi Stati Membri jikkuntrasta mal-passi lura li saru f’xi oħrajn. F’bosta minnhom, hemm fejn tittejjeb il-kapaċità tas-sħab soċjali u l-konsultazzjoni f'waqtha fl-istadji ewlenin tat-tfassil tal-miżuri ta’ riforma, inkluż fi stadji importanti tas-Semestru Ewropew.

4.3 Kompetittività u produttività

Nindirizzaw id-diskrepanza fil-produttività

Fl-isfond tax-xerjiet demografiċi, it-tkabbir fil-produttività huwa essenzjali biex niżguraw it-tkabbir sostenibbli fil-futur fl-Istati Membri kollha. Bil-mod, il-produttività qed tikber fl-UE. Il-kawżi huma varji, u jinkludu fost l-oħrajn investiment baxx fir-riċerka, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, u t-tranżizzjoni strutturali mill-manifattura għas-servizzi. Li nindirizzaw il-produttività batuta tax-xogħol huwa essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi fuq terminu qasir u fit-tul tal-UE. It-tkabbir fil-produttività tax-xogħol aktarx se jibqa’ baxx, madwar jew anqas minn 1 % fis-snin li ġejjin, u hemm differenzi notevoli fil-produttività bejn l-Istati Membri. B’mod partikolari, ekonomiji maturi b’livelli ta’ produttività li diġà huma għoljin qed isibuha diffiċli li jkabbru l-potenzjal tat-tkabbir tagħhom. L-investiment li jtejjeb is-sostenibbiltà ambjentali għandu l-potenzjali li jagħti spinta lill-produttività fl-ekonomija permezz ta’ użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u ta’ anqas kosti ta’ materja prima, filwaqt li jitnaqqsu l-kostijiet u l-impatti esterni.

Il-produttività fis-settur tas-servizzi (li tirrappreżenta l-akbar parti tal-attività ekonomika) għadha relattivament baxxa minkejja l-prestazzjoni ekonomika li ġeneralment tjiebet. Filwaqt li t-tnaqqis fir-ritmu tal-produttività kien xi ħaġa komuni għal ekonomiji avvanzati oħrajn, id-distakk fil-produttività fis-servizzi għadha kbira u qed tikber, partikolarment mal-Istati Uniti. Dan jirrappreżenta żvantaġġ għall-kumpaniji tal-UE għall-kummerċ inġenerali u għall-integrazzjoni tagħhom fil-ktajjen tal-valur mondjali. Biex janalizza l-muturi tal-produttività u jappoġġaw rispons ta’ politika adegwat, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jwaqqfu bordijiet nazzjonali tal-produttività 9 .

Il-produttività tax-xogħol ogħla se tagħmilha possibbli li jkun hemm pagi u prodott potenzjali ogħla, iżda dan minnu nnifsu mhuwiex biżżejjed biex jinkisbu dawn l-għanijiet. Filwaqt li hemm evidenza ta’ produttività ogħla li qed tingħadda lill-pagi fit-terminu medju u twil, hemm ukoll eżempji fejn il-qligħ mhux qed ilaħħaq mal-bidliet fil-produttività maż-żmien. Għaldaqstant l-Istati Membri qed jieħdu miżuri addizzjonali biex isarrfu l-produttività ogħla tax-xogħol fi qligħ akbar mix-xogħol.

Investiment ta’ kwalità u użu aktar effettiv tal-fondi tal-UE

L-investiment immirat tajjeb għadu essenzjali biex tiġi indirizzata l-isfida tat-tkabbir tal-produttività fl-UE. Huwa wieħed mit-tliet elementi essenzjali tat-“trijangolu virtwuż” ippreżentat minn din il-Kummissjoni. Għaldaqstant, li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ investiment kienet prijorità tas-Semestru Ewropew li ilha li ġiet stabbilita. Fil-fażi attwali taċ-ċiklu ekonomiku, l-enfasi għandha tkun fuq l-investiment pubbliku u privat li jżid il-produttività u l-potenzjal tat-tkabbir filwaqt li se jkun importanti li jitħares l-investiment fil-każ li kellhom jimmaterjalizzaw riskji ekonomiċi. Barra minn hekk, miżuri ta’ investiment fit-tul, inkluż fil-ħiliet u l-edukazzjoni, jistgħu jgħinu biex jiżguraw li l-ekonomija tal-UE tgawdi minn tkabbir sostenibbli u tibqa’ reżiljenti, u li tkun tista’ wkoll tissodisfa ħtiġijiet soċjali urġenti.

L-investiment fir-riċerka, żvilupp u innovazzjoni huwa meħtieġa fil-maġġoranza tal-Istati Membri biex issaħħaħ it-tkabbir fil-produttività u l-kompetittività tagħhom. F’ħafna Stati Membri u reġjuni hemm ħafna lok biex jissaħħu r-rabtiet bejn in-negozji, l-akkademja, ir-riċerka u l-atturi fis-settur pubbliku permezz ta’ kooperazzjoni fil-ktajjen tal-valur, inkluż permezz tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti. Dan huwa l-każ, pereżempju, fil-Belġju, il-Bulgarija, Franza, Ċipru, il-Polonja, il-Latvja u l-Estonja. Barra minn hekk, id-diġitalizzazzjoni tal-kumpaniji u tas-servizzi pubbliċi diġitali jeħtieġu aktar investiment fil-Belġju, Ċipru, l-Awstrija, is-Slovenja, Spanja, is-Slovakkja, il-Polonja, l-Estonja, il-Ġermanja u l-Bulgarija. L-Istati Membri b’livelli ta’ produttività ogħla, bħall-Ġermanja u n-Netherlands, u oħrajn li għaddew minn tibdil strutturali sinifikanti b’rati għoljin ta’ investiment qabel il-kriżi u matul l-irkupru, bħall-Ungerija, il-Polonja u r-Repubblika Ċeka, jistgħu jagħmlu aktar progress billi jinvestu f'assi intanġibbli u l-innovazzjoni. Fi Stati Membri li għadhom qed ilaħħqu, l-investiment fil-makkinarju u tagħmir jista’ jikkontribwixxu għal żieda fil-kapital u għal produttività tax-xogħol ogħla. Sabiex jirrispondu għal sfidi marbutin mal-ekonomija ċirkolari u l-adattament għall-klima, huwa meħtieġ investiment relatat mal-effiċjenza fir-riżorsi u l-prevenzjoni tar-riskju klimatiku fl-Estonja, fil-Lussemburgu, fis-Slovakkja, fil-Portugall, fil-Bulgarija, fin-Netherlands, fl-Italja, f’Ċipru u fi Franza.

L-allinjament aħjar tal-fondi tal-UE mal-analiżi u r-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew għandu jtejjeb ir-riżultati u jsaħħaħ l-impatt tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni. L-allinjament tal-fondi tal-UE mas-Semestru Ewropew huwa komponent ewlieni tal-proposti għall-qafas finanzjarju pluriennali għall-2021–2027. Għal xi Stati Membri, il-fondi tal-UE jirrappreżentaw saħansitra parti kritika mill-investiment pubbliku tagħhom. B’mod partikolari, kif ippreżentat fil-proposta tal-qafas finanzjarju pluriennali tal-Kummissjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus u l-Fond ta’ Koeżjoni jkunu jammontaw għal madwar EUR 600 biljun matul il-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, jekk jiġi inkluż il-kofinanzjament nazzjonali — dan jikkorrispondi għal 0,5 % tal-PDG tal-UE, u konsiderevolment iktar fl-Istati Membri benefiċjarji ewlenin. Barra minn hekk, il-proposti tal-qafas finanzjarju pluriennali tal-Kummissjoni jippermettu li dawn il-fondi jiġu kkombinati ma’ sorsi oħra ta’ finanzjament tal-UE, bħall-Programm futur ta’ EUR 650 biljun InvestEU; is-suċċessur tal-Pjan Juncker. Dawn għandhom il-potenzjal li jiġbru investituri pubbliċi u privati oħrajn u jżidu l-impatt tal-investiment f’oqsma strateġiċi tal-ekonomija tal-UE saħansitra aktar.

Abbażi tal-analiżi fir-rapporti tal-pajjiżi, anness ġdid jidentifka kif dawk il-fondi tal-UE jistgħu jgħinu aħjar biex jindirizzaw ħtiġijiet speċifiċi fl-Istati Membri. Flimkien ma’ enfasi aktar b'saħħitha fuq il-prijoritajiet tal-investiment, ir-rapporti tal-pajjiiż ta’ din is-sena għandhom ukoll analiżi aktar granulari tad-differenzi reġjonali u tal-effetti lembut għall-investiment. L-anness dedikat jgħin fid-djalogu mal-Istati Membri individwali biex jiġu ddefiniti l-prijoritajiet ta’ finanzjament tal-programmi futuri li jimplimentaw dawn il-fondi. Dak li huwa ppreżentat fir-rapporti tal-pajjiżi jikkostitwixxi l-fehmiet tal-Kummissjoni, ibbażati fuq l-analiżi tas-Semestru li tirfidhom. Dan huwa l-punt tat-tluq għan-negozjati mal-Istati Membri dwar il-programmi. Iħalli spazju għall-flessibbiltà fid-diskussjonijiet mal-Istati Membri. L-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ investiment hija bbażata fuq il-fehim kondiviż li l-investimenti għandu jkollhom l-ogħla impatt possibbli fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

L-investiment privat, li jinkiseb minn swieq tal-kapital integrati u li jiffunzjonaw tajjeb, jeħtieġ li jiġi sfruttat aktar bis-sħiħ. Huwa u l-UE tiffinalizza l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tagħha għall-bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali, id-diversità sħiħa tas-swieq kapitali tal-Ewropa li jvarjaw minn ċentri globali għal netwerks integrati reġjonalment u l-inizjattivi lokali għandhom jiġu żviluppati aktar biex jiffinanzjaw negozji, u jippromwovu d-dekarbonizzazzjoni u t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli. Fil-livell nazzjonali, pereżempju, l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja qed joħolqu suq pan-Baltiku għal bonds koperti u titolizzazzjoni. Dan se jikkontribwixxi għal swieq kapitali li jaħdmu tajjeb u li jkunu aktar profondi fir-reġjun. Se jiftaħ ukoll għażliet ta’ finanzjament fit-tul għall-banek, sabiex ikunu jistgħu jilliberaw il-karti bilanċjali tagħhom biex jippermettu self miżjud.

Il-kwalità istituzzjonali bħala fattur ewlieni fir-riforma

L-issodisfar tal-ħtiġijiet ta’ investiment jirrikjedi ambjent ta’ investiment favorevoli. Dawk li jfasslu l-politika hemm bżonn li jagħtu attenzjoni partikolari biex joħolqu ambjent favorevoli għall-investiment, jevitaw ostakoli regolatorji u tas-suq mhux neċessarji u jtejbu l-mod li bih joperaw l-istituzzjonijiet u l-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom. L-aspetti relatati mal-effettività tal-amministrazzjoni pubblika, il-grad ta’ diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, il-kwalità u l-istabbiltà tal-ambjent regolatorju u r-rispett għall-istat tad-dritt, inkluż l-indipendenza tas-sistemi ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, għandhom impatt kritiku fuq id-deċiżjonijiet ta’ investiment. Fl-2019, madwar nofs l-aħjar 25 pajjiż fid-dinja fir-rigward tal-livelli ta’ perċezzjoni ta’ korruzzjoni huma Stati Membri tal-UE, iżda għad hemm diskrepanzi kbar 10 u l-isforzi biex tittejjeb il-prevenzjoni tal-korruzzjoni, biex jitħarsu l-informaturi biex tiġi msaħħa d-detezzjoni u jitneħħew l-ostakli għall-prosekuzzjoni effettiva, u hemm bżonn li s-sanzjonijiet jiġu intensifikati. Biex jindirizzaw xi wħud minn dawn l-isfidi, l-Italja, is-Slovakkja, u l-Latvja rrevedew ir-reġim tal-protezzjoni tal-informaturi tagħhom, filwaqt li l-Litwanja, Spanja, Ċipru, u l-Greċja bħalissa qed jippjanaw riformi f'dan il-qasam.

Kif irrappurtat fir-rapporti tal-pajjiżi tal-2019, l-Istati Membri kollha esperjenzaw ostakli għall-investiment f’oqsma ta’ politika differenti (ara l-Appendiċi 4). Kollox ma’ kollox, id-dgħufijiet fl-amministrazzjoni pubblika u fl-ambjent tan-negozju jirrappreżentaw l-ogħla sehem tal-ostakli għall-investiment. Bħala eżempji nsibu l-piż regolatorju u amministrattiv għoli, in-nuqqas ta’ prevedibbiltà fl-oqfsa regolatorji, l-effettività tas-sistemi tal-ġustizzja u amministrazzjoni pubblika ineffiċjenti. Ħafna ostakli huma wkoll relatati ma’ proċeduri ta’ approvazzjoni skabrużi u twal, kif ukoll nuqqas ta’ ħiliet minħabba dgħufijiet fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Ostakli għall-istabbiliment fil-bejgħ wasslu għal dewmien f’investimenti transfruntiera f’dan is-settur. In-nuqqas ta' ħiliet huwa msemmi f’bosta rapporti tal-pajjiżi bħala ostaklu li jxekkel u jdewwem l-investiment f'setturi li huma mmexxija mid-diġitalizzazzjoni u teknoloġiji ġodda (pereżempju t-telekomunikazzjoni, il-konnettività jew l-ekonomija ċirkolari) iżda wkoll f’setturi aktar tradizzjonali li qed jaffaċċjaw domanda li qed tikber (pereżempju l-kostruzzjoni).

Ir-riformi biex itejbu l-kwalità tal-governanza, l-istituzzjonijiet, l-effettività tas-sistemi tal-ġustizzja u l-amministrazzjoni pubblika huma l-bażi li fuqhom joperaw is-soċjetajiet demokratiċi avvanzati, u huma ta’ importanza ekonomika konsiderevoli. Tali riformi jistgħu jgħinu biex itejbu l-ambjent li fih id-ditti u l-partijiet ikkonċernati joperaw u jħeġġu l-attività kummerċjali, inaqqsu l-korruzzjoni, u jsaħħu r-rispett għall-istat tad-dritt. Fost l-aktar ostakoli għall-investiment li jissemmew spiss hemm l-ineffiċjenza fl-amministrazzjoni pubblika, kondizzjonijiet mhux favorevoli biex isir in-negozju, u piż amministrattiv u regolatorju għoli għal setturi speċifiċi. F’xi Stati Membri, l-investiment qed jinżamm lura wkoll minn nuqqas ta’ trasparenza fis-settur pubbliku, sistemi fiskali kumplessi, swieq tal-prodotti jew tax-xogħol distorti u dgħufijiet fl-oqfsa tar-riċerka u l-innovazzjoni u fl-istituzzjonijiet. Biex tindirizza kwistjonijiet bħal dawn, il-Polonja adottat “Kostituzzjoni għan-Negozju”, sett komprensiv ta’ ħames liġijiet biex jittejjeb l-ambjent tan-negozju. Franza qed timplimenta aġenda wiesgħa ta’ riforma biex ittejjeb l-ambjent tan-negozju u l-kompetittività tal-kumpaniji Franċiżi. Bosta Stati Membri, bħall-Finlandja u l-Estonja, qed jagħmlu sforzi biex inaqqsu l-piż amministrattiv. Il-Bulgarija, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovenja, u r-Rumanija bħalissa qed jirriformaw is-sistemi tal-akkwist pubbliku tagħhom. Fl-2018 il-gvern federali Ġermaniż ħabbar li se joħloq aġenzija għall-promozzjoni tal-innovazzjoni fixkiela.



Ftehim dwar il-ħruġ bejn l-UE u r-Renju Unit

Dan il-pakkett ma jispekulax dwar ir-riskji ekonomiċi assoċjati max-xenarji differenti tal-Brexit.

Minħabba l-proċess ta’ ratifika li għaddej tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fl-UE u fir-Renju Unit, il-previżjonijiet għall-2019 u l-2020 huma bbażati fuq suppożizzjoni purament teknika ta’ status quo f’dak li għandu x’jaqsam mar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-EU27 u r-Renju Unit. Fil-każ ta’ “Brexit iebes”, li l-Kummissjoni ma tixtiqux, iżda li għalih l-EU27 hija mħejjija tajjeb għalih 11 , dawn is-suppożizzjonijiet ikollhom jiġu riveduti ’l isfel.



5.Il-passi li jmiss

Fi snin riċenti l-Unjoni Ewropea mxiet minn irkupru ekonomiku għal espansjoni solida, u għall-2019, l-ekonomija tal-Ewropa hija mistennija tkompli tespandi, minkejja l-prospetti aktar inċerti li huma previsti. Biex jiżguraw li din l-espansjoni tkompli, l-Istati Membri se jkollhom bżonn jimplimentaw riformi strutturali effettivi, ikollhom politiki fiskali responsabbli u jistabbilixxu strateġiji tal-investiment immirati. Ir-rabta aktar effettiva bejn is-Semestru Ewropew u l-finanzjament tal-UE għall-2021–2027 kif ippreżentat fil-pakkett tas-Semestru ta’ din is-sena sa jagħti l-istruttura meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ta’ investiment l-iktar fil-mira.

Is-Semestru Ewropew joffri lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-imsieħba soċjali u lill-partijiet ikkonċernati f’kull livell l-opportunità li jidħlu fi djalogu permanenti ma’ xulxin matul is-sena. Ir-rapporti tal-pajjiżi ppubblikati ma’ din il-Komunikazzjoni jibbażaw fuq skambji dettaljati mal-gvernijiet, mal-awtoritajiet nazzjonali u mal-partijiet ikkonċernati kemm fil-livell tekniku u kemm fil-livell politiku, inklużi f’laqgħat bilaterali ta' livell għoli li saru f'Diċembru 2018. Il-konstatazzjonijiet tagħhom se jiġu ppreżentati fl-uffiċċji tar-rappreżentanzi tal-Kummissjoni fl-ibliet kapitali tal-Istati Membri, u se jsir segwitu tagħhom f’laqgħat bilaterali u multilaterali li jsiru wara.

Il-Kummissjoni dalwaqt se tidħol fi djalogu mal-Istati Membri dwar il-programmi tal-2021–2027 għall-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, infurmata mill-konstatazzjonijiet relatati mal-investiment u l-konklużjonijiet tar-rapporti tal-pajjiżi. Il-Viċi Presidenti tal-Kummissjoni u l-Kummissarji se jżuru l-Istati Membri biex jistiednu l-fehmiet tal-parlamenti, tal-gvernijiet, tal-imsieħba soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati oħrajn dwar l-analiżi u l-konklużjonijiet tar-rapporti tal-pajjiżi. Il-Kummissjoni se tiddiskuti wkoll il-konstatazzjonijiet fil-qosor tar-rapporti tal-pajjiżi mal-Parlament Ewropew.

Fid-dawl tal-isfidi identifikati, l-Istati Membri se jippreżentaw il-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali fil-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom sa nofs April. Se jippreżentaw ukoll l-istrateġiji pluriennali tagħhom għall-finanzi pubbliċi sodi, fil-forma ta’ programmi ta’ stabbiltà (għal Stati Membri fiż-żona tal-euro) u ta’ konverġenza (għal dawk li mhumiex fiż-żona tal-euro). Biex jingħata rispons xieraq u sostenibbli għal dawn l-isfidi, il-Kummissjoni tirrakkomanda li dawn il-programmi jitħejjew bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha, bħall-imsieħba soċjali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif xieraq.  

Appendiċi 1 — Sorveljanza integrata tal-iżbilanċi makroekonomiċi u fiskali 

Il-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku (MIP 12 )

Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir 13

(OTM: objettiv ta' terminu medju / EDP: proċedura ta' defiċit eċċessiv)

Kummenti

AT

Parti preventiva

OTM mhux milħuq; soġġetta għar-regola tad-dejn 14

Id-distanza mill-OTM fl-2018 inqas mill-konċessjoni mogħtija għal avvenimenti mhux tas-soltu

BE

Parti preventiva

OTM mhux milħuq; soġġett għar-regola tad-dejn

BG

Żbilanċi

Parti preventiva

OTM qed jinkiseb

CY

Żbilanċi eċċessivi

Parti preventiva

OTM qed jinkiseb; soġġett għar-regola tad-dejn tranżizzjonali 15

CZ

Parti preventiva

OTM qed jinkiseb

DE

Żbilanċi

Parti preventiva

OTM qed jinkiseb; soġġetta għar-regola tad-dejn

DK

Parti preventiva

OTM qed jinkiseb

EE

Parti preventiva

Mhux fl-OTM

EL

Żbilanċi eċċessivi

Parti preventiva

Soġġetta għar-regola tad-dejn tranżizzjonali

Billi l-Greċja kienet eżenti milli tippreżenta Programmi ta’ Stabbiltà filwaqt li kienet taħt il-programm, hija għadha ma ħabbritx l-objettiv ta’ terminu medju tagħha.

IE

Żbilanċi

Parti preventiva

OTM qed jinkiseb; soġġetta għar-regola tad-dejn tranżizzjonali

ES

Żbilanċi

Parti korrettiva

Defiċit eċċessiv, skadenza għall-korrezzjoni 2018

Soġġett għar-regola ta’ dejn tranżizzjonali fl-2019 kundizzjonali fuq it-tħassir tal-EDP abbażi tad-data tal-eżitu tal-baġit validata għall-2018.

FR

Żbilanċi

Parti preventiva

OTM mhux milħuq; soġġetta għar-regola tad-dejn tranżizzjonali

HR

Żbilanċi

Parti preventiva

OTM qed jinkiseb; soġġetta għar-regola tad-dejn

HU

Parti preventiva

Soġġetta għall-proċedura ta’ devjazzjoni sinifikanti; soġġett għar-regola tad-dejn

IT

Żbilanċi eċċessivi

Parti preventiva

OTM mhux milħuq; soġġetta għar-regola tad-dejn

LT

Parti preventiva

OTM qed jinkiseb

LU

Parti preventiva

OTM qed jinkiseb

LV

Parti preventiva

Mhux fl-OTM

MT

Parti preventiva

OTM qed jinkiseb

NL

Żbilanċi

Parti preventiva

OTM qed jinkiseb

PL

Parti preventiva

Mhux fl-OTM

PT

Żbilanċi

Parti preventiva

OTM mhux milħuq; soġġett għar-regola tad-dejn tranżizzjonali

SI

Parti preventiva

OTM mhux milħuq; soġġetta għar-regola tad-dejn tranżizzjonali

SE

Żbilanċi

Parti preventiva

OTM qed jinkiseb

SK

Parti preventiva

Mhux fl-OTM

RO

Żbilanċi

Parti preventiva

Soġġetta għall-proċedura ta’ devjazzjoni sinifikanti

FI

Parti preventiva

OTM mhux milħuq; soġġetta għar-regola tad-dejn

Id-distanza mill-OTM fl-2018 inqas mill-konċessjoni mogħtija għal avvenimenti mhux tas-soltu u riformi strutturali

UK

Parti preventiva

OTM mhux milħuq; soġġett għar-regola tad-dejn tranżizzjonali

(*) Ir-Rakkomandazzjonijiet skont it-“2-pack” (ir-Regolament Nru 473/2013) dwar miżuri li għandhom jittieħdu sabiex tiġi żgurata korrezzjoni f’waqtha tad-defiċit eċċessiv tal-gvern jikkonċernaw biss l-Istati Membri fiż-żona tal-euro.



Appendiċi 2: Il-progress lejn il-miri ta' Ewropa 2020

Il-miri tal-Ewropa 2020
għall-UE

data tal-2010

L-aktar data riċenti disponibbli

Fl-2020, skont xejriet reċenti

1. Żieda fir-rata ta’ impjieg tal-popolazzjoni fl-età ta’ 20-64 sena għal mill-anqas 75 %

68,6 %

73,5 % (Q3 2018)

Il-mira x'aktarx tintlaħaq

2. Żieda fl-investiment pubbliku u privat meħudin flimkien fir-R&Ż għal 3 % tal-PDG

1,93 %

2,07 % (2017)

Il-mira x’aktarx ma tintlaħaqx

3a. It-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra b'mill-inqas 20 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990

tnaqqis ta’ 14,2 %

tnaqqis ta’ 22 %

Il-mira x'aktarx tintlaħaq

3b. Iż-żieda fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija għal 20 %

12,5 %

17,5 % (2017)

Il-mira x'aktarx tintlaħaq

3c. Proċess lejn mira ta' 20 % fl-effiċjenza fl-enerġija

11,8 % (distanza sal-mira għall-2020 għall-konsum tal-enerġija primarja)

5,26 % (2017)

Il-mira x'aktarx tintlaħaq

4 a. Titnaqqas ir-rata ta’ dawk li jħallu l-edukazzjoni u t-taħriġ kmieni (minn 18 sa 24 sena) għal inqas minn 10 %

13,9 %

10,6 % (2017)

Il-mira x'aktarx tintlaħaq

4b. Żieda fis-sehem tal-popolazzjoni fl-età ta’ 30-34 sena li temmew l-edukazzjoni terzjarja għal mill-anqas 40 %

33,8 %

39,9 % (2017)

Il-mira x'aktarx tintlaħaq

5. It-tneħħija ta' mill-inqas 20 miljun ruħ mir-riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali

Żieda ta’ 1,4 miljun (meta mqabbel mas-sena bażi 2008)

Tnaqqis ta’ 5,2 miljun (meta mqabbel mas-sena bażi 2008) fl-2017    

Il-mira x’aktarx ma tintlaħaqx



L-Appendiċi 3 — Konstatazzjonijiet mill-analiżijiet fil-fond skont l-Istat Membru

Il-Bulgarija qed tesperjenza żbilanċi. Il-vulnerabbiltajiet fis-settur finanzjarju huma kkombinati ma’ pożizzjoni ta' dejn gġoli u self improduttiv fis-settur korporattiv. Il-pożizzjoni esterna netta tjiebet bis-saħħa ta’ tkabbir robust u surpluses kbar fil-kont kurrenti. Saru passi biex tissaħħaħ l-istabbiltà tas-settur finanzjarju. Il-banek u korporazzjonijiet finanzjarji oħra komplew jagħmlu aktar progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet indirizzati wara li r-reviżjonijiet u s-superviżjoni tal-kwalità tal-assi u tal-karta tal-bilanċ ġew imsaħħa. Madankollu, fadal xi fraġilità marbuta mal-governanza, il-kwalità tal-assi u s-superviżjoni dgħajfin, filwaqt li hemm sfidi ġodda li qed ifiġġu fis-settur tal-assigurazzjoni. It-tkabbir robust appoġġa tnaqqis kontinwu fl-ingranaġġ privat u tnaqqis ulterjuri fil-proporzjonijiet tas-self improduttiv, imma l-ammonti tas-self improduttiv fis-settur korporattiv għadhom għoljin. Filwaqt li hemm progress biex jiġu indirizzati s-sorsi tal-iżbilanċi, l-implimentazjoni sħiħa u l-monitoraġġ tar-riformi riċenti għas-superviżjoni u l-governanza fis-settur bankarju u s-settur finanzjarju mhux bankarju se jkunu kruċjali. Hemm bżonn ta’ aktar azzjoni biex jitnaqqas l-ammont ta’ self improduttiv u biex titlesta r-riforma tal-qafas ta’ insolvenza.


Ċipru qed jesperjenza żbilanċi eċċessivi. Is-sehem għoli ħafna ta’ self improduttiv huwa ta’ piż għas-settur finanzjarju u l-ammont għoli ta’ dejn privat, pubbliku, u estern huwa marbut mal-ekonomija, f'kuntest ta’ qgħad li għadu relattivament kbir, għalkemm qed jonqos, u tkabbir potenzjali dgħajjef. Id-defiċit fil-kont kurrenti huwa negattiv b’mod sinifikanti, saħansitra meta titqies il-preżenza ta’ entitajiet bi skop speċjali, li jirrifletti domanda domestika qawwija kif ukoll it-tfaddil negattiv fost l-unitajiet domestiċi, u mhuwiex adegwat biżżejjed biex jiggarantixxi aġġustament sostenibbli tal-ammont kbir ta’ obbligazzjonijiet esterni netti. It-tnaqqis fl-ingranaġġ tad-dejn tas-settur privat għadu għaddej iżda bil-mod. Is-self ġdid lis-settur privat għadu limitat. It-trasferiment ta’ portafoll sinfikanti ta’ self improduttiv mis-Cyprus Cooperative Bank għas-settur pubbliku fil-kuntest tal-bejgħ u l-istralċ tal-bank naqqas b’mod sinifikanti s-sehem ta’ self improduttiv fis-sistema bankarja. Madankollu, is-self improduttiv għadu għoli kemm għall-unitajiet domestiċi kif ukoll għall-korporazzjonijiet. L-appoġġ tal-gvern fil-bejgħ tas-Cyprus Cooperative Bank kellu impatt ta’ żieda fid-dejn pubbliku ta’ darba fl-2018. ’Il quddiem, id-dejn pubbliku kbir huwa mistenni li jkun fit-triq tan-niżla bis-saħħa tat-tkomplija tal-prestazzjoni fiskali b'saħħitha. Meta mqabbel mas-sena l-oħra, il-momentum tar-riformi intensifika, partikolarment fil-front ta’ miżuri biex jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet mis-self improduttiv, iżda għad hemm bżonn ta’ aktar progress fir-riformi strutturali biex iżid il-potenzjal tat-tkabbir.


Il-Ġermanja qed tesperjenza żbilanċi. Is-surplus għoli fil-kont kurrenti li nieżel bil-mod jirrifletti livell baxx ta’ investiment imqabbel mat-tfaddil, kemm fis-settur privat u pubbliku u għandu rilevanza transfruntiera. Dan minkejja l-ħtieġa li qed tiżdied għall-investiment u l-innovazzjoni biex l-ekonomija Ġermaniża ssir aktar reżiljenti u biex jiġi żgurat mudell ta’ tkabbir iktar sostenibbli u inklużiv. Is-surplus naqas ftit fl-2018 fil-kuntest ta’ żieda mill-ġdid fid-domanda domestika, u huwa mistenni li jkompli nieżel gradwalment fis-snin li ġejjin filwaqt li jibqa’ f’livell storikament għoli. L-investiment pubbliku u privat żiedu konsiderevolment u hemm tranżizzjoni lejn tkabbir iktar immexxi mid-domanda domestika. Madankollu l-investiment kif ukoll il-konsum għadhom baxxi bħala sehem tal-PDG, minkejja l-kundizzjonijiet favorevoli ta’ finanzjament, il-ħtiġijiet persistenti ta’ investiment fl-infrastruttura u l-edukazzjoni, partikolarment fil-livell muniċipali, u l-ispazju fiskali disponibbli. Is-surplus baġitarju kiber fl-2018 u l-proporzjon tad-dejn kompla jonqos. It-tkabbir tal-pagi żdied xi ftit bis-suq tax-xogħol aktar ristrett, iżda t-tkabbir reali fil-pagi għadu modest. Filwaqt li ttieħdu għadd ta’ miżuri biex isaħħu l-investiment pubbliku u privat, għad hemm bżonn ta’ aktar sforzi biex tingħalaq id-diskrepanza fl-investiment partikolarment fir-rigward tal-investiment pubbliku fl-infrastruttura u l-edukazzjoni. Kien hemm inqas progress f’oqsma oħra ta’ politika.


Il-Greċja qed tesperjenza żbilanċi eċċessivi. Il-vulnerabbiltajiet huma marbuta ma’ pożizzjoni ta’ dejn għolja tal-gvern, il-pożizzjoni esterna negattiva, is-sehem għoli ta’ self improduttiv, riekwilibriju estern mhux komplut, f’kuntest ta’ qgħad għoli li madankollu qed jonqos, u tkabbir potenzjali baxx. Il-Greċja rnexxielha toħroġ mill-programm ta’ appoġġ tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà f’Awwissu 2018 wara li għamlet titjib sostanzjali fl-aħħar snin. Madankollu, fadal ammonti kbar ta’ żbilanċi, inkluża pożizzjoni ta' investiment internazzjonali netta li għadha qed tiddeterjora fil-kuntest ta’ tkabbir tal-PDG nominali moderat u bilanċ tal-kont kurrenti li għadu negattiv. Kien hemm titjib konsiderevoli fil-kompettività fl-ispejjeż fi snin passati li reċentement naqas fid-dawl ta’ tkabbir imrażżan tal-produttività. Filwaqt li l-livell tad-dejn pubbliku għadu għoli, huwa fil-biċċa l-kbira miżmum minn kredituri fis-settur uffiċjali u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament se jkunu se jkunu relattivament baxxi għal mill-inqas sena. Il-pass tat-tnaqqis tad-dejn jiddependi kruċjalment fuq li jkomplu jinkisbu tal-miri fiskali maqbula u l-implimentazzjoni tar-riformi biex jiġġeneraw żieda sostenibbli fil-potenzjal tat-tkabbir. Is-settur finanzjarju huwa vulnerabbli minħabba ammont kbir ħafna ta’ self improduttiv u profittabilità baxxa, li jxekkel it-tkabbir tal-kreditu u l-irkupru tal-investiment. Id-dejn privat qed jonqos, filwaqt li t-tnaqqis attiv fl-ingranaġġ għadu għaddej. Ittieħdu miżuri b’firxa wiesgħa tul il-programmi ta’ assistenza finanzjarja biex jindirizzaw ħafna mid-dgħufijiet strutturali tal-ekonomija Griega. Minbarra l-konsolidazzjoni tar-riformi u sforzi ta’ aġġustament preċedenti, l-awtoritajiet impenjaw ruħhom li jiżguraw il-kontinwità u t-tlestija tar-riformi, li huma mmonitorjati fil-qafas ta’ sorveljanza msaħħa.



L-Irlanda qed tesperjenza żbilanċi. Ammonti kbar ta' dejn pubbliku u dejn privat u obbligazzjonijiet esterni netti jikkostitwixxu vulnerabbiltajiet. Madankollu l-iżbilanċi fl-istokk huma taħt korrezzjoni sostanzjali. L-attivitajiet ta’ ditti multinazzjonali li għandhom ftit li xejn rabta mal-ekonomija domestika jinfluwenzaw ħafna l-obbligazzjonijiet barranin netti li jaqgħu li qed jonqsu bis-saħħa ta’ surpluses kbar fil-kont kurrenti. L-ammont ta’ dejn privat għadu għoli iżda t-tkabbir ekonomiku għadu qed jappoġġja t-tnaqqis fl-ingranaġġ privat. L-attivitajiet ta’ intrapriżi multinazzjonali qed ikomplu jinfluwenzaw id-dejn korporattiv. Id-dejn tal-unitajiet domestiċi jidher ġeneralment konformi mal-fundamentali, minkejja li huwa għoli mqabbel mad-dħul disponibbli. Id-dejn tal-gvern huwa previst li jibqa’ sejjer għan-niżla, filwaqt li d-defiċit miexi malajr lejn pożizzjoni bbilanċjata. Il-prezzijiet tad-djar qed jikbru b’rata mgħaġġla għal għadd ta’ snin iżda dan l-aħħar naqqsu r-ritmu. Il-prezzijiet tad-djar huma fil-biċċa l-kbira mmexxija minn restrizzjonijiet fil-provvista u ma hemm l-ebda evidenza ċara ta’ sopravalutazzjoni. L-ammont ta’ self improduttiv, minkejja li għadu għoli, kompla jonqos minkejja li l-arretrati fit-tul qed jonqsu b’pass aktar bil-mod. L-azzjoni politika li tindirizza dawn il-vulnerabbiltajiet diġà ttieħdet, b’mod partikolari fil-qasam tal-provvista tad-djar u l-politika makroprudenzjali, iżda xi miżuri se jieħdu ż-żmien biex jiġġeneraw l-effetti mistennija.


Spanja qed tesperjenza żbilanċi. Minkejja li t-tkabbir ekonomiku għadu robust, ammonti kbar ta' dejn estern u intern, kemm pubbliku kif ukoll privat, ikomplu jikkostitwixxu vulnerabbiltajiet f’kuntest ta’ qgħad li għadu kbir, u għandhom rilevanza transfruntiera. Ir-riekwilibriju fis-settur estern kompla, minkejja li s-surplus fil-kont kurrenti ddgħajjef fl-2018, b'riflessjoni ta’ fatturi marbutin mal-ambjent globali. Is-surpluses fil-kont kurrenti sostnuti fuq perjodu estiż ta’ żmien se jkunu meħtieġa biex l-obbligazzjonijiet esterni netti jitniżżlu għal livelli prudenti. It-tnaqqis tad-dejn għas-settur privat ukoll mexa ’l quddiem, bis-saħħa ta’ tkabbir nominali robust. Il-proporzjon ta’ self improduttiv kompla jonqos. Id-dejn pubbliku naqas xi ftit, bid-defiċits li qed jonqsu mistennija li jappoġġaw it-tnaqqis gradwali ulterjuri tiegħu. Madankollu, għad hemm bżonn aktar sforzi biex il-finanzi pubbliċi jinġiebu f’perkors aktar sostenibbli. Il-qgħad kompla jonqos, iżda għadu għoli. L-implimentazzjoni tal-azzjoni politika biex jiżdied it-tkabbir potenzjali kienet bil-mod. Fadal sfidi, b’mod partikolari rigward is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u r-regolamentazzjoni tan-negozju, partikolarment għas-servizzi.



Franza qed tesperjenza żbilanċi. Il-vulnerabbiltajiet ġejjin minn dejn pubbliku għoli u dinamiki ta' kompetittività dgħajfa f'kuntest ta' tkabbir tal-produttività baxx, li jġorru magħhom rilevanza transfruntiera. Id-dejn tal-gvern kien ġeneralment stabbli iżda f’livell elevat fl-2018. Huwa previst li jonqos biss marġinalment. Il-livell għoli ta’ dejn pubbliku jnaqqas l-ispazju fiskali disponibbli biex isir rispons għal skossi futuri u huwa ta’ piż fuq il-prospetti ta’ tkabbir. Iż-żidiet fil-kost ta’ unità lavorattiva qed ikomplu jkunu moderati f’kuntest ta’ tkabbir baxx fil-produttività. Xi elementi tal-ambjent tan-negozju għadhom ikunu ta’ piż fuq il-kompetittività mhux marbuta mal-ispejjeż. Fl-aħħar snin saru xi riformi, bi progress fuq bosta fronti, inkluż is-swieq tax-xogħol, it-tassazzjoni u l-ambjent tan-negozju. Madankollu, l-effetti ta’ dawn ir-riformi għad iridu jimmaterjalizzaw għalkollox, filwaqt li hija ġġustifikata azzjoni ulterjuri f’oqsma oħra, bħal fir-riforma tas-sistema tal-benefiċċji tal-qgħad, ir-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet, u r-rieżami tal-infiq biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u biex jissaħħaħ il-potenzjal tat-tkabbir.



Il-Kroazja qed tesperjenza żbilanċi. Il-vulnerabbiltajiet li fadal huma marbutin ma’ livelli għoljin ta’ dejn pubbliku, privat u estern, f’kuntest ta’ tkabbir potenzjali baxx. Madankollu, dawn kienu qegħdin jonqsu fl-aħħar snin. Dan kien appoġġat min tkabbir nominali robust, ogħla mill-potenzjal stmat, u politika fiskali prudenti. Il-pożizzjoni esterna netta negattiva għadha kbira, iżda qiegħda titjieb bis-saħħa ta’ surpluses fil-kont kurrent mkomplija. It-tnaqqis fl-ingranaġġ fis-settur privat għadu għaddej, minkejja li l-pass tiegħu huwa mistenni li jbatti malli t-tkabbir fil-kreditu u l-investiment jirkupraw. Il-bilanċ baġitarju ilu f’surplus mill-2017 u d-dejn pubbliku naqas notevolment mill-quċċata tiegħu fl-2014. Is-settur finanzjarju huwa kkapitalizzat tajjeb u profittabli, filwaqt li s-self improduttiv, minkejja li qed jonqos, għadu għoli. L-iskopertura għal muniti barranin tal-korporazzjonijiet u l-unitajiet domestiċi naqas, iżda għadhatirrappreżenta vulnerabbiltà. L-azzjoni politika ġiet intensifikata bl-adozzjoni ta’ riforma tal-pensjonijiet u leġiżlazzjoni ġdida biex jittejjeb il-qafas fiskali. Hemm xi miżuri politiki rilevanti oħrajn ippjanati u huwa kruċjali li jiġu implimentati bir-reqqa biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekonomija.



L-Italja qed tesperjenza żbilanċi eċċessivi. Il-livell għoli tad-dejn tal-gvern u d-dinamiċi tal-produttività dgħajfin fit-tul jimplikaw riskji b’rilevanza transfruntiera, f’kuntest ta’ livell ta' self improduttiv li għadu għoli u livell għoli ta’ qgħad. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mhuwiex mistenni li jonqos fis-snin li ġejjin, minħabba li l-prospetti makroekonomiċi dgħajfin u l-pjanijiet fiskali attwali tal-gvern, minkejja li huma anqas espansjonarji mill-pjanijiet inizjali tiegħu għall-2019, se jinvolvu deterjorament tas-surplus primarju. Il-kompetittività tal-kostijiet hija stabbli, iżda t-tkabbir dgħajjef fil-produttività jippersisti. Dan għandu l-għeruq tiegħu fi kwistjonijiet li ilhom jeżistu marbutin mal-funzjonament tas-swieq tax-xogħol, kapitali u tal-prodotti, li ġew aggravati bi dgħufijiet fis-sistemi tal-amministrazzjoni pubblika u tal-ġustizzja, li jnaqqsu t-tkabbir potenzjali tal-PDG. L-ammont ta’ self improduttiv kompla jonqos b’mod sinifikanti, iżda li jinżamm il-pass tat-tnaqqis tas-self improduttiv jista’ jippreżenta sfida minħabba l-kundizzjonijiet tas-suq. Redditi sovrani ogħla meta mqabbla mal-livelli tal-bidu tal-2018 qed jaffettwaw il-kostijiet ta’ finanzjament u l-buffers kapitali tal-banek, li qed jaffettwaw is-self lill-bqija tal-ekonomija u t-tkabbir tal-PDG. Minkejja xi progress fit-tiswija tal-karti bilanċjali tal-banek, fir-riformi tal-insolvenza u fil-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, il-momentum tar-riforma tista’ tgħid li waqaf fl-2018. Il-baġit tal-2019 jinkludi miżuri ta’ politika li jreġġgħu lura elementi ta’ riformi importanti preċedenti, b’mod partikolari fil-qasam tal-pensjonijiet, u ma jinkludix miżuri effettivi biex jiżdied it-tkabbir potenzjali.


In-Netherlands qed jesperjenzaw żbilanċi. L-ammont għoli ta’ dejn privat u s-surplus kbir fil-kont kurrenti jikkostitwixxu sorsi ta’ żbilanċ, b’rilevanza transfruntiera. Is-surplus laħaq il-quċċata tiegħu fl-2017 f’livell għoli ħafna, u huwa mistenni jonqos bil-mod, minkejja li se jibqa’ għoli ħafna. Parti mis-surplus estern jista’ jiġi attribwit għal karatteristiki statistiċi marbutin mar-rwol tal-kumpaniji nazzjonali u mhuwiex mistenni li jittaffa fil-futur qrib. Appoġġat mit-tkabbir ekonomiku, il-proporzjon tad-dejn privat għall-PDG kompla x-xejra tiegħu ta’ tnaqqis kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-unitajiet domestiċi, minkejja li għadu għoli. Madankollu, id-dejn nominali tal-unitajiet domestiċi qiegħed jiżdied bil-mod bis-saħħa tat-tkabbir dinamiku fil-prezzijiet tad-djar. It-tkabbir fil-pagi sa issa kien moderat, minkejja r-restrizzjoni fis-suq tax-xogħol. Riformi riċenti, bħat-tħaffif tat-tnaqqis tad-deduċibbiltà tal-imgħax fuq is-self ipotekarju, huma mistennija li jnaqqsu l-predispożizzjoni għad-dejn għall-unitajiet domestiċi, filwaqt li l-istimolu fiskali huwa mistenni li jikkontribwixxi biex jappoġġa d-domanda aggregata.



Il-Portugall qed jesperjenza żbilanċi. L-akkumuli kbar ta’ obbligazzjonijiet esterni netti, id-dejn privat u pubbliku u sehem għoli ta’ self improduttiv jikkostitwixxu vulnerabbiltajiet f’kuntest ta' tkabbir baxx fil-produttività. Il-kont kurrenti huwa fil-biċċa l-kbira bbilanċjat iżda pożizzjoni prudenti mkomplija u ż-żamma tal-kisbiet fil-kompetittività huma meħtieġa biex jiżguraw l-aġġustament ta’ obbligazzjonijiet esterni netti għal livelli prudenti. Il-proporzjonijiet tad-dejn privat komplew jonqsu minn livelli għoljin bis-saħħa tat-tkabbir nominali, bi rwol ridott ta’ tnaqqis attiv fl-ingranaġġ. Id-dejn tal-gvern beda jonqos mill-2017 bl-appoġġ ta’ bilanċi pożittivi primarji filwaqt li baqa’ għoli. Ir-riskji fis-settur bankarju naqsu, inkluż fid-dawl tar-rikapitalizzazzjoni ta’ banek ewlenin fl-2017 u titjib riċenti fil-profittabbiltà. L-ammont kbir ta’ self improduttiv naqas, iżda għadu relattivament għoli. Huwa kruċjali li jiġi żgurat tkabbir ogħla fil-produttività għal prospetti aħjar fil-kompetittività, it-tnaqqis fl-ingranaġġ u t-tkabbir potenzjali. L-aġġustament tas-suq tax-xogħol kompla jagħmel progress u l-qgħad kien qed jonqos b’ritmu b’saħħtu għal bosta snin. Kien hemm azzjoni politika biex jiġi indirizzat il-livell tas-self improduttiv, iżda hemm xi lakuni fil-politika f’oqsma oħra, bħal fis-swieq tal-prodotti u tas-servizzi. L-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ bosta pjanijiet ta’ riforma, inkluż riformi fiskali-strutturali biex titjieb is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, se jkollhom bżonn jiġu mmonitorjati.



L-Iżvezja qed tesperjenza żbilanċi. Il-livelli sopravalutati tal-prezzijiet tad-djar, abbinati ma’ żieda li kompliet fid-dejn tal-unitajiet domestiċi qed jippreżentaw riskji ta’ korrezzjoni diżordinata. Id-dejn għoli tal-unitajiet domestiċi kompla jikber bħala sehem tal-PDG. Kien hemm korrezzjoni tal-prezzijiet tad-djar fit-tieni nofs tal-2017 li minn dak iż-żmien ’l hemm stabbilizzaw gradwalment. Madankollu, l-indikaturi tal-valwazzjoni jagħtuna x’nifhmu li l-prezzijiet tad-djar għadhom għoljin b’relazzjoni għall-fundamentali. Minkejja li s-settur bankarju jidher li huwa kkapitalizzat adegwatament, korrezzjoni diżordinata taffettwa ħażin lis-settur finanzjarju minħabba l-iskopertura kbira għall-mutwi ipotekarji tal-unitajiet domestiċi. F’tali każ, jista’ jkun hemm effetti kollaterali negattivi għal pajjiżi ġirien minħabba l-interkonnessjonijiet finanzjarji sistemiċi. L-effeti lembut strutturali għall-provvista tad-djar għadhom hemm u l-produzzjoni tal-kostruzzjoni ddgħajfet. Minkejja li fi snin riċenti ttieħdu miżuri fil-qasam makroprudenzjali biex jiġi indirizzat it-tkabbir tad-dejn ipotekarju, l-impatt jidher li sa issa huwa limitat. Fadal lakuni fil-politika, b’mod partikolari b’relazzjoni mal-inċentivi fiskali għas-sjieda tad-djar u l-funzjonament tal-provvista tad-djar u s-suq tal-kiri.


Ir-Rumanija qed tesperjenza żbilanċi. Il-vulnerabbiltajiet huma marbutin mat-telf fil-kompetittività fil-kostijiet u defiċit fil-kont kurrenti li qed jikber, f’kuntest ta’ politika fiskali espansjonarja u ambjent tan-negozju imprevedibbli. Inizjattivi leġiżlattivi riċenti qed joħolqu riskji għall-funzjonament tas-settur finanzjarju u jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-investiment tas-settur privat. Id-defiċit fil-kont kurrenti qiegħed jikber bis-saħħa ta’ importazzjonijiet akbar milli previsti, l-aktar għal finijiet tal-konsum, u huwa mistenni li jkompli jikber. It-tkabbir qawwi fil-PDG nominali madankollu implika li l-pożizzjoni ta' investiment internazzjonali netta negattiva kienet qed titjieb għal xi snin, iżda din tista’ tbatti bil-persistenza tad-defiċits fil-kont kurrenti u tkabbir fil-PDG aktar baxx ’il quddiem. Id-domanda hija alimentata minn tkabbir qawwi fil-pagi, konness fost l-oħrajn ma’ żidiet fil-pagi fis-settur pubbliku u fil-paga minima, li ssarrfu f’żidiet sostanzjali fil-kostijiet ta’ unità lavorattiva. Minkejja t-telf fil-kompetittività tal-ispejjeż, sa issa l-proporzjonijiet mis-suq kienu qed jikbru. Il-qagħda fiskali espansjonarja, f’kuntest ta’ tkabbir b’saħħtu tal-PDG, hija prevista li għalhekk tkompli tikkontribwixxi għal dinamiki tal-konsum privat akbar milli mistenni. Wara li naqas għal xi snin, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern huwa previst li jiżdied. Tibdil leġiżlattivi frekwenti u imprevedibbli kkontribwixxa għal ambjent tan-negozju aktar dgħajjef u inċert, b’riperkussjonijiet negattivi fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali u l-investiment. Inizjattivi leġiżlattivi riċenti b’impatt fuq ir-riskju tal-banek qed jheddu l-funzjonament tas-settur finanzjarju u jistgħu jxekklu l-investiment, kemm permezz ta’ suq tal-kreditu aktar strett, u suq kapitali aktar baxx, b’investituri istituzzjonali aktar dgħajfin. F’oqsma oħra, il-progress fir-riformi naqqas ir-ritmu jew treġġa’ lura.

Appendiċi 4 — Ostakli għall-investiment fl-Istati Membri

(1) COM(2018) 759 final.
(2) Komunikazzjoni Introduttorja ta’ Mejju 2018.
(3) Id-deċiżjoni ta’ finanzjament għall-2019 qed tiġi adottata ma’ dan il-pakkett.
(4) COM(2018) 758 final.
(5)   https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-5603-2019-INIT/en/pdf
(6) https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-5603-2019-INIT/mt/pdf
(7)

Bħal kull pajjiż ieħor li ħareġ minn programm ta’ assistenza finanzjarja fl-imgħoddi, ġie identifikat li l-Greċja għandha żbilanċi eċċessivi

(8) Pereżempju, sa tmiem l-2018, l-Istati Membri kollha kellhom jittrasponu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa ((UE) 2016/1164) fid-dritt nazzjonali tagħhom.
(9) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Settembru 2016 dwar l-istabbiliment ta’ Bordijiet Nazzjonali tal-Produttività. ĠU C 349, 24.9.2016, p. 1.
(10)

L-Istati Membri kollha huma soġġetti għal valutazzjoni kontinwa tal-isforzi tagħhom kontra l-korruzzjoni. Bħas-sena l-oħra, il-Kummissjoni analizzat l-isfidi ewlenin fir-rapporti tal-pajjiżi fl-Istati Membri rilevanti.

(11)

COM(2018) 556 final/2 (rettifika adottata fis-27 ta’ Awwissu 2018); COM(2018) 880 final; COM(2018) 890 final.

(12) Kemm il-kategorija ta’ “żbilanċi” u kemm dik ta’ “żbilanċi eċċessivi” jinvolvu monitoraġġ speċifiku, li għandu jiġi modulat skont il-gravità tal-isfidi.
(13) Il-kisba tal-OTM u l-applikabilità tar-regola tad-dejn (tranżizzjonali) jirreferu għall-2018 skont il-previżjoni tal-Kummissjoni tal-ħarifa tal-2018.
(14) Ir-regola tad-dejn: Jekk ir-referenza ta' 60 % għall-proporzjon ta' dejn mal-PDG ma tkunx rispettata, l-Istat Membru kkonċernat jitpoġġa fil-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv, wara li jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha u l-impatt taċ-ċiklu ekonomiku, jekk id-differenza bejn il-livell ta' dejn tiegħu u r-referenza ta' 60 % ma titnaqqasx b'1/20 kull sena (fuq medja ta' tliet snin).
(15) Ir-regola tad-dejn tranżizzjonali: kull Stat Membru fi Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv jingħata perjodu ta' tliet snin wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv biex jilħaq ir-regola tad-dejn. Dan ma jfissirx li r-regola tad-dejn ma tapplikax matul dan il-perjodu billi l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu progress suffiċjenti lejn il-konformità matul dan il-perjodu tranżitorju. Valutazzjoni negattiva tal-progress li jsir lejn il-konformità mal-valur referenzjarju tad-dejn matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni tista' twassal għall-ftuħ ta' Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv.