Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
ĆAPETA
ippreżentati fil‑15 ta’ Ottubru 2026 (1)
Kawża C‑410/25
Il‑Kummissjoni Ewropea
vs
Ir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja
“Moviment liberu tal-kapital – Artikolu 63(1) TFEU – Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea – Vantaġġ fiskali fil-każ ta’ investiment mill-ġdid tal-qligħ kapitali ġġenerat mit-trasferiment ta’ ċerti assi ekonomiċi f’assi ekonomiċi oħra – Inugwaljanza fit-trattament ta’ impriżi mingħajr stabbiliment permanenti fil-Ġermanja – Artikolu 64(1) TFUE”
I. Introduzzjoni
1. Din il-kawża tikkonċerna rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja skont l-Artikolu 258 TFUE. Il-Kummissjoni ssostni li s-sistema fiskali Ġermaniża, li tagħti benefiċċju ta’ differiment tat-taxxa għall-investiment mill-ġdid biss għal impriżi bi stabbiliment permanenti fil-Ġermanja, tiddiskrimina kontra impriżi bi stabbiliment permanenti fi Stati Membri oħra jew fl-Istati taż-ŻEE, u b’hekk tikser il-moviment liberu tal-kapital żgurat mill-Artikolu 63(1) TFUE u mill-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE (2).
2. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat aspett wieħed tas-sistema fiskali inkwistjoni u ddeċidiet f’sentenza preċedenti li l-fatt li jiġi awtorizzat id-differiment tat-taxxa biss meta l-assi investiti mill-ġdid jiġu allokati lil impriża li għandha stabbiliment permanenti fil-Ġermanja kien kuntrarju għal-libertà ta’ stabbiliment (3).
3. Din il-kawża tirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ aspett ieħor ta’ din is-sistema mal-moviment liberu tal-kapital, kif żgurat mid-dritt tal-Unjoni. Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni tagħti l-benefiċċju tad-differiment tat-taxxa bil-kundizzjoni li d-dħul mill-bejgħ ta’ assi, investit mill-ġdid f’assi simili, jiġi allokat lil impriża li għandha stabbiliment permanenti fil-Ġermanja. Il-Kummissjoni tqis li dan ir-rekwiżit imur kontra l-moviment liberu tal-kapital.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea
4. L-Artikolu 63(1) TFUE jipprovdi:
“Fil-kwadru tad-dispożizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita.”
5. L-Artikolu 64(1) TFUE, li jintroduċi “klawżola tal-anzjanità”, jipprovdi:
“Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 63 ma jippreġudikawx l-applikazzjoni għall-pajjiżi terzi ta’ xi restrizzjonijiet li jkunu jeżistu fil‑31 ta’ Diċembru 1993 skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi ta’ l-Unjoni dwar il-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi li jinvolvi investiment dirett - inkluż ukoll investiment f’beni immobbli - l-istabbiliment, il-provvediment ta’ servizzi finanzjarji jew id-dħul ta’ titoli fi swieq kapitali. […]”
6. Il-partijiet rilevanti tal-Artikolu 65 TFUE jipprovdu:
“1. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 63 m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istati Membri:
a) li japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit.
b) li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jevitaw il-ksur tal-liġi u tar-regolamenti nazzjonali, partikolarment fil-qasam fiskali u fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali ta’ l-istituzzjonijiet finanzjarji, jew li jimponu proċeduri għal finijiet ta’ informazzjoni amministrattiva jew ta’ statistika għad-dikjarazzjoni ta’ movimenti ta’ kapital, jew li jieħdu miżuri li jkunu ġustifikabbli minħabba fl-interess pubbliku jew is-sigurtà pubblika.
[…]
3. Il-miżuri u l-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63.”
B. Il-Ftehim ŻEE
7. L-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE jipprovdi:
“Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, ma ghandu jkun hemm l-ebda restrizzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti fuq il-moviment ta’ kapital li jappartjeni lil persuni li huma residenti fi Stati Membri tal-KE jew fi Stati ta’ l-EFTA u ma ghandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni msejsa fuq ic-cittadinanza jew fuq il-post ta’ residenza tal-partijiet jew fuq il-post fejn dak il-kapital hu investit. L-Anness XII fih id-dispożizzjonijiet necessarji biex jigi implimentat dan l-Artikolu.”
C. Id‑dritt Ġermaniż
8. Għall-finijiet ta’ din il-kawża, diversi atti leġiżlattivi Ġermaniżi huma rilevanti għat-tassazzjoni tal-impriżi. L-atti prinċipali li ser nirreferi għalihom fil-konklużjonijiet tiegħi huma l-Einkommensteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, iktar ’il quddiem l-“EStG”) u l-Körperschaftsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, iktar ’il quddiem il-“KStG”). Sussegwentement, ser nirreferi wkoll għall-Abgabenordnung (il-Kodiċi tat-Taxxa; iktar ’il quddiem l-“AO”).
9. Il-partijiet rilevanti tal-Artikolu 6b tal-EStG jipprovdu:
“(1) Persuni taxxabbli li jbigħu
art;
pjanti li jikbru fuq l-art flimkien mal-art marbuta magħhom, meta l-imsemmija pjanti jagħmlu parti minn impriża agrikola jew forestali,
bini jew dgħajjes maħsuba għan-navigazzjoni fl-ilmijiet interni,
jistgħu, matul is-sena finanzjarja li matulha seħħ il-bejgħ, inaqqsu ammont li jikkorrispondi, l-iktar l-iktar, għall-qligħ kapitali ġġenerat waqt il-bejgħ mill-ispejjeż ta’ akkwist jew ta’ produzzjoni ta’ assi ekonomiċi, imsemmija fit-tieni sentenza, li ġew akkwistati jew prodotti matul is-sena finanzjarja li tikkorrispondi għall-bejgħ jew matul is-sena finanzjarja preċedenti. It-tnaqqis għandu jiġi awtorizzat għall-ispejjeż ta’ akkwist jew ta’ produzzjoni ta’
1. art,
sa fejn il-qligħ kapitali jkun ġie ġġenerat waqt il-bejgħ ta’ art,
2. pjanti li jikbru fuq l-art bl-art marbuta magħhom,
meta l-pjanti jagħmlu parti minn impriża agrikola jew forestali, sa fejn il-qligħ kapitali jkun ġie ġġenerat waqt il-bejgħ ta’ art jew il-bejgħ ta’ pjanti li jikbru fuq l-art bl-art marbuta magħhom,
3. bini,
sa fejn il-qligħ kapitali jkun ġie ġġenerat waqt il-bejgħ ta’ art, ta’ pjanti li jikbru fuq l-art flimkien mal-art marbuta magħhom jew ta’ bini, jew
4. dgħajjes maħsuba għan-navigazzjoni fl-ilmijiet interni,
sa fejn il-qligħ kapitali jkun ġie ġġenerat waqt il-bejgħ ta’ dgħajjes maħsuba għan-navigazzjoni fl-ilmijiet interni.
L-akkwist jew il-produzzjoni ta’ bini għandu jkopri wkoll l-estensjoni, it-tkabbir jew ir-renovazzjoni tiegħu. F’dan il-każ, il-qligħ kapitali jista’ jitnaqqas biss għall-ispejjeż sostnuti għall-estensjoni, it-tkabbir jew ir-renovazzjoni tal-bini.
(2) Id-differenza, wara t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-bejgħ, bejn il-prezz tal-bejgħ u l-valur kontabbli li kien jiġi attribwit lill-assi ekonomiku mibjugħ fil-mument tal-bejgħ għandha titqies bħala qligħ kapitali fis-sens tal-ewwel sentenza tas-subartikolu 1. Il-valur kontabilistiku huwa l-valur li għandu jiġi attribwit assi ekonomiku skont l-Artikolu 6.
(2a) Fil-każ li l-assi ekonomiċi msemmija fit-tieni sentenza tas-subparagrafu 1 li huma attribwibbli lill-assi tan-negozju tal-persuna taxxabbli fi Stat Membru ieħor tal-[Unjoni] jew taż-[ŻEE], jinkisbu jew jiġu prodotti fis-sena finanzjarja li fiha jsir il-bejgħ tal-assi ekonomiċi msemmija fis-sentenza l-ewwel tas-subparagrafu 1, jew fl-erba’ snin finanzjarji sussegwenti, jew jekk kienu nkisbu jew ġew prodotti fis-sena finanzjarja ta’ qabel il-bejgħ, it-taxxa stmata pagabbli fuq il-qligħ kapitali skont it-tifsira tas-subparagrafu 2 tista’, fuq talba tal-persuna taxxabbli, titħallas f’ħames rati annwali ugwali; il-perijodu ta’ erba’ snin għandu jiġi estiż għal sitt snin fil-każ ta’ binjiet ġodda, fejn il-produzzjoni tagħhom tibda qabel tmiem ir-raba’ sena finanzjarja wara l-bejgħ. It-talba tista’ ssir biss matul is-sena finanzjarja li matulha l-assi ekonomiċi msemmija fl-ewwel sentenza tas-subartikolu 1 jiġu mibjugħa. It-tieni sal-ħames sentenza tas-subparagrafu 5 tal-Artikolu 36 għandhom japplikaw mutatis mutandis. Fejn il-persuna taxabbli ma tipprovdi l-ebda prova ta’ akkwist jew produzzjoni kif imsemmija fl-ewwel sentenza, għandhom jiġu applikati l-interessi matul il-perijodu ta’ differiment tal-ħlas permezz ta’ rati li ngħataw, b’applikazzjoni tal-Artikolu 234 tal-[AO] b’analoġija. Fejn l-ispejjeż ta’ akkwist jew ta’ produzzjoni tal-assi ekonomiċi akkwistati jew prodotti jkunu inqas mill-qligħ kapitali fis-sens tas-subartikolu 2, għandha tapplika r-raba’ sentenza bil-kundizzjoni li l-interessi jinġabru biss fuq id-differenza. Fil-kalkolu tal-interessi, id-differenza għandha titqies li hija imputata proporzjonalment għar-rati ta’ ħlas annwali kollha. L-assi ekonomiċi akkwistati jew mixtrija skont l-ewwel sentenza jinkludu wkoll l-assi ekonomiċi attribwibbli lill-assi tan-negozju tal-persuna taxxabbli fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, bil-kundizzjoni li t-talba skont l-ewwel sentenza tkun saret qabel ma r-Renju Unit waqaf milli jkun Stat Membru tal-[Unjoni] u barra minn hekk ma baqax jiġi ttrattat bħala tali.
(3) Jekk il-persuna taxxabbli ma tkunx wettqet it-tnaqqis imsemmi fi-subartikolu 1, hija tista’, matul is-sena finanzjarja li fiha seħħ il-bejgħ, tistabbilixxi riżerva li tnaqqas il-profitt taxxabbli tagħha. Il-persuna taxxabbli tista’, fid-dawl tar-restrizzjonijiet imsemmija fit-tieni sar-raba’ sentenzi tas-subartikolu 1, tnaqqas ammont li ma jeċċedix din ir-riżerva mill-ispejjeż ta’ akkwist jew ta’ produzzjoni tal-assi ekonomiċi deskritti fit-tieni sentenza tas-subartikolu 1, li ġew akkwistati jew prodotti matul l-erba’ snin finanzjarji sussegwenti, matul is-sena finanzjarja li tikkorrispondi għall-akkwist jew għall-produzzjoni tagħhom. It-terminu ta’ erba’ snin għandu jiġi pospost għal sitt snin għal bini ġdid, meta l-produzzjoni tagħhom tkun bdiet qabel it-tmiem tar-raba’ sena finanzjarja wara l-istabbiliment tar-riżerva. Ir-riżerva għandha tiġi inkluża fil-profitti sal-ammont imnaqqas. Jekk riżerva tkun għadha teżisti fl-aħħar tar-raba’ sena finanzjarja wara l-istabbiliment tagħha, din għandha tiġi inkluża fil-profitti f’din id-data, ħlief fil-każ li ma jkunx possibbli li jsir tnaqqis tal-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ bini li l-produzzjoni tiegħu tkun bdiet f’dak iż-żmien; jekk ir-riżerva tkun għadha teżisti fl-aħħar tas-sitt sena finanzjarja wara l-istabbiliment tagħha, hija għandha tiġi inkluża fil-profitti f’din id-data.
(4) L-applikazzjoni tas-subartikoli 1 sa 3 għandha tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet segwenti:
1. il-persuna taxxabbli għandha tiddetermina l-profitt skont l-Artikolu 4(1) jew l-Artikolu 5,
2. l-assi ekonomiċi mibjugħa jridu jkunu jagħmlu parti integrali mill-assi ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fit-territorju nazzjonali għal perijodu mhux interrott ta’ mill-inqas sitt snin fil-mument tal-bejgħ,
3. l-assi ekonomiċi akkwistati jew prodotti għandhom jagħmlu parti mill-assi ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fit-territorju nazzjonali,
4. il-qligħ kapitali ġġenerat mill-bejgħ ma għandux jitħalla barra fil-kalkolu tal-profitt taxxabbli fit-territorju nazzjonali, u
5. it-tnaqqis skont is-subartikolu 1 u l-istabbiliment tar-riżerva u l-inklużjoni tagħha fil-profitti skont is-subartikolu 3 għandhom ikunu jistgħu jiġu traċċati fil-kontabbiltà. […]”
10. L-Artikolu 49 tal-EStG jipprevedi:
“(1) Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala dħul domestiku għall-iskopijiet ta’ obbligazzjoni limitata ta’ taxxa fuq id-dħul […]:
[…]
2. Dħul minn attivitajiet kummerċjali […],
(a) li għalih jinżamm stabbiliment permanenti jew jinħatar rappreżentant permanenti fil-Ġermanja,
[…]
(f) li, sa fejn ma jkunx jaqa’ taħt id-dħul imsemmi fil-punt (a), ikun iġġenerat minn
(aa) il-kiri u l-lokazzjoni jew
(bb) il-bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tinsab fil-Ġermanja, ta’ aggregazzjonijiet ta’ assi jew ta’ drittijiet fis-sens tal-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(1) jew ta’ drittijiet oħra, b’mod partikolari ta’ privattivi, ta’ drittijiet ta’ trademark jew ta’ drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti, li jinsabu fil-Ġermanja jew li jkunu rreġistrati f’reġistru pubbliku fil-Ġermanja jew li jkunu operati fi stabbiliment permanenti jew faċilità oħra li tinsab fil-Ġermanja. [...] Dħul minn attivitajiet kummerċjali għandu jfisser ukoll dħul iġġenerat minn korporazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 2(1) tal-[KStG], li hija paragunabbli ma’ kumpannija b’kapital azzjonarju jew persuna legali oħra għall-finijiet tal-Artikolu 1(1) sa (3) tal-[KStG].”
11. Il-partijiet rilevanti tal-Artikolu 1 tal-KStG jipprovdu:
“(1) korporazzjonijiet, assoċjazzjonijiet ta’ persuni u ġabriet ta’ assi li huma ġestiti jew għandhom is-sede tagħhom fil-Ġermanja huma suġġetti b’mod illimitat għat-taxxa fuq id-dħul korporattiv:
1. kumpanniji b’kapital azzjonarju (b’mod partikolari Kumpanniji Ewropej, kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, soċjetajiet in akkomandita b’kapital azzjonarju u kumpanniji b’responsabbiltà limitata), inklużi kumpanniji li għażlu li jkunu inklużi għall-finijiet tal-Artikolu 1a;
2. kooperattivi, inklużi Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej;
3. fondi tal-pensjoni u tal-assigurazzjoni reċiproċi;
4. persuni ġuridiċi oħra rregolati mid-dritt privat;
5. assoċjazzjonijiet mingħajr personalità ġuridika, istituzzjonijiet li ma humiex korporati, fondazzjonijiet u fondi oħra bi skop speċjali oħra rregolati mid-dritt privat;
6. operazzjonijiet ta’ natura kummerċjali ta’ persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku.
(2) Il-piż illimitat tat-taxxa fuq id-dħul korporattiv għandu jinkludi d-dħul kollu.”
12. L-Artikolu 2(1) tal-KStG jipprovdi:
“Dawn li ġejjin huma suġġetti b’mod limitat għat-taxxa fuq id-dħul korporattiv:
1. korporazzjonijiet, assoċjazzjonijiet ta’ persuni u ġabriet ta’ assi li la huma ġestiti u lanqas ma għandhom is-sede tagħhom fil-Ġermanja, fir-rigward tad-dħul domestiku tagħhom, [...].”
13. Il-partijiet rilevanti tal-Artikolu 8 tal-KStG jipprovdu:
“(1) Id-dispożizzjonijiet tal-[EStG] u ta’ din il-Liġi għandhom jiddeterminaw x’għandu jitqies bħala dħul u l-mod kif id-dħul għandu jiġi ddeterminat [...]
(2) Fil-każ ta’ persuni taxxabbli suġġetti għal piż illimitat tat-taxxa fis-sens tal-Artikolu 1(1) sa (3), id-dħul kollu għandu jitqies bħala dħul minn attivitajiet kummerċjali.”
14. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ stabbiliment permanenti huwa ddefinit fl-Artikolu 12 tal-AO, li jipprovdi:
“‘Stabbiliment permanenti’ tfisser kwalunkwe post tan-negozju jew faċilità fissa li sservi n-negozju ta’ impriża. Dawn li ġejjin għandhom, b’mod partikolari, jitqiesu bħala stabbilimenti permanenti:
1. il-post tal-ġestjoni tan-negozju;
2. fergħat;
3. uffiċċji;
4. fabbriki jew workshops;
5. imħażen;
6. uffiċċji tax-xiri jew stabbilimenti ta’ bejgħ;
7. minjieri, barrieri jew faċilitajiet stazzjonarji oħra, mobbli jew li jżommu f’wiċċ l-ilma, għall-isfruttament tar-riżorsi naturali;
8. siti ta’ kostruzzjoni jew proġetti ta’ kostruzzjonijiet jew ta’ installazzjoni, inklużi dawk li jiċċaqilqu jew li jżommu f’wiċċ l-ilma, meta
(a) sit ta’ kostruzzjoni jew proġett ta’ kostruzzjoni jew ta’ installazzjoni individwali, jew
(b) wieħed minn diversi siti ta’ kostruzzjoni jew proġetti ta’ kostruzzjonijiet jew ta’ installazzjoni koeżistenti, jew
(c) diversi siti ta’ kostruzzjoni jew proġetti ta’ kostruzzjonijiet jew ta’ installazzjoni immedjatament suċċessivi
idum(u) iktar minn sitt xhur.”
III. Il-proċedura prekontenzjuża
15. Fis‑27 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fejn informatha bl-inkompatibbiltà tas-sistema fiskali tagħha rregolata mill-Artikolu 6 tal-EStG mal-moviment liberu tal-kapital stabbilit fl-Artikolu 63(1) TFUE u fl-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE. Skont dik il-liġi, l-intitolament għall-vantaġġ fiskali stabbilit taħt l-Artikolu 6b(1) u (3) tal-EStG huwa kundizzjonali, skont l-Artikolu 6b(4)(2) tiegħu, fuq il-fatt li l-assi mibjugħ kien jappartjeni kontinwament, għal mill-inqas sitt snin qabel it-trasferiment tiegħu, lill-assi fissi ta’ intrapriża bi stabbiliment permanenti fil-Ġermanja.
16. B’ittra datata s‑17 ta’ Jannar 2013, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet billi kkontestat l-argument tal-Kummissjoni peress li qieset il-leġiżlazzjoni kkontestata bħala kompatibbli mal-moviment liberu tal-kapital. Barra minn hekk, hija semmiet il-proċeduri ta’ ksur li kienu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-Artikolu 6b(4)(3) tal-EStG u sostniet li jkun xieraq li wieħed jistenna l-eżitu ta’ dawk il-proċeduri, peress li l-Artikolu 6b(4)(2) u l-Artikolu 6b(4)(3) tal-EStG jikkostitwixxu kundizzjonijiet komuni għall-intitolament għall-vantaġġ fiskali skont l-Artikolu 6b(1) u (3) tagħha u li, konsegwentement, il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun applikabbli wkoll għal din il-kawża.
17. Fis‑16 ta’ April 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (libertà ta’ stabbiliment), li fiha kkonstatat li s-sistema fiskali Ġermaniża inkwistjoni kienet inkompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE u l-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE.
18. Dik il-kawża kienet tikkonċerna l-Artikolu 6b(4)(3) tal-EStG, li jipprevedi li t-tassazzjoni tal-qligħ kapitali fuq il-bejgħ ta’ ċerti assi setgħet tiġi ddifferita biss meta l-assi ta’ sostituzzjoni kien jagħmel parti mill-assi fissi ta’ impriża li għandha stabbiliment permanenti fil-Ġermanja. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din id-differenza fit-trattament setgħet twassal għal żvantaġġ ta’ likwidità għall-persuna taxxabbli li tixtieq tinvesti mill-ġdid il-qligħ kapitali sabiex takkwista assi ta’ sostituzzjoni intiż għal stabbiliment permanenti li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex il-Ġermanja, meta mqabbla ma’ persuna taxxabbli li twettaq investiment mill-ġdid simili f’impriża li l-istabbiliment permanenti tagħha jinsab fil-Ġermanja. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali differenza fit-trattament tista’ tal-inqas tirrendi l-investiment mill-ġdid imwettaq barra mill-Ġermanja inqas attraenti mill-investiment mill-ġdid imwettqa ġewwa l-Ġermanja. Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, billi żammet is-sistema fiskali inkwistjoni, kisret l-Artikolu 49 TFUE u l-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE peress li din setgħet tiddisswadi persuna taxxabbli stabbilita f’dan l-Istat Membru milli teżerċita l-attivitajiet tagħha permezz ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex il-Ġermanja (4).
19. Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja introduċiet l-Artikolu 6b(2a) fl-Artikolu 6b tal-EStG. Din id-dispożizzjoni tippermetti li t-taxxa dovuta fuq il-qligħ kapitali ġġenerat mill-bejgħ tal-assi oriġinali tiġi ddifferita u mħallsa fuq perijodu massimu ta’ ħames snin, meta l-kontribwent imsemmi fl-Artikolu 6b(4)(2) tal-EStG jakkwista jew jipproduċi assi ta’ sostituzzjoni allokat għall-assi tan-negozju tal-persuna taxxabbli li tinsab fi Stat Membru ieħor jew fi Stat taż-ŻEE. Kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, il-Kummissjoni tqis li l-emenda tad-dritt Ġermaniż hija sodisfaċenti peress li tirrimedja l-ksur tal-libertà ta’ stabbiliment. Il-proċedura ta’ ksur għalhekk ingħalqet.
20. Madankollu, l-Artikolu 6(4)(2) tal-EStG, li ma kienx inkwistjoni fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (libertà ta’ stabbiliment), ma ġiex emendat. Peress li qieset li din id-dispożizzjoni, li tinkludi l-kundizzjonijiet għall-intitolament għall-vantaġġ fiskali inkwistjoni, tikser il-moviment liberu tal-kapital skont id-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tkompli bil-proċedura ta’ ksur relatata ma’ din il-libertà tas-suq.
21. B’hekk, fil‑15 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
22. Permezz ta’ ittra datata t‑12 ta’ April 2017, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkontestat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni u żammet il-pożizzjoni tagħha espressa fir-risposta oriġinali tagħha għall-ewwel ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni.
23. Fis‑27 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata skont l-Artikolu 258 TFUE li tikkonferma l-pożizzjoni tagħha li l-Artikolu 6b(4)(2) tal-EStG kien inkompatibbli mal-Artikolu 63(1) TFUE u mal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkonforma ruħha mal-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tagħha.
24. Fl‑24 ta’ Jannar 2020, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet għall-opinjoni motivata, u rrepetiet il-pożizzjoni espressa fir-risposta tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni.
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
25. Fit‑23 ta’ Ġunju 2025, peress li qieset li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx ħadet il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-opinjoni motivata fit-terminu mogħti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors, fejn talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 63(1) TFUE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE billi ssuġġettat l-intitolament għall-vantaġġ fiskali inkwistjoni għall-kundizzjoni li l-impriża jkollha stabbiliment permanenti fil-Ġermanja.
26. Fir-risposta tagħha ppreżentata fl‑1 ta’ Settembru 2025, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan ir-rikors.
27. Il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentaw ukoll replika u kontroreplika fl‑10 ta’ Ottubru 2025 u fit‑12 ta’ Novembru 2025, rispettivament.
28. Inżammet seduta fil‑25 ta’ Ġunju 2026, li matulha l-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom.
V. Analiżi
A. Introduzzjoni
1. Ir-rikors u l-istruttura tal-analiżi
29. Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li s-sistema fiskali Ġermaniża stabbilita mill-Artikolu 6b tal-EStG hija inkompatibbli mal-moviment liberu tal-kapital. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 6b(4)(2) tal-EStG jikser l-Artikolu 63(1) TFUE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE minħabba li jċaħħad lill-impriżi li ma għandhomx stabbiliment permanenti fil-Ġermanja mill-benefiċċju tad-differiment tat-taxxa inkwistjoni, minkejja li dawn l-impriżi jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli ma’ impriżi li għandhom stabbiliment permanenti fil-Ġermanja, li huma intitolati għal dan il-vantaġġ fiskali.
30. Skont l-Artikolu 63(1) TFUE, ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi huma pprojbiti. Din il-projbizzjoni tinkludi, inter alia, ir-restrizzjonijiet li jiskoraġġixxu lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew dawk li jiskoraġġixxu lir-residenti ta’ Stat Membru milli jinvestu fi Stati Membri oħra (5).
31. F’din il-kawża, id-distinzjoni rilevanti bejn it-tipi differenti ta’ impriża ma hijiex ibbażata fuq ir-residenza, iżda pjuttost fuq il-kwistjoni dwar jekk l-impriżi għandhomx stabbiliment permanenti fil-Ġermanja.
32. Hemm tliet kategoriji ta’ persuni taxxabbli li huma rilevanti sabiex din il-kawża tinftiehem.
33. L-ewwel kategorija tikkonsisti mill-impriżi residenti. Skont id-dritt Ġermaniż, l-impriżi residenti huma dawk li għandhom jew il-post ta’ ġestjoni effettiva tagħhom, jew is-sede tagħhom fil-Ġermanja (6). Dawn l-impriżi huma suġġetti għal piż illimitat tat-taxxa fuq id-dħul korporattiv (7).
34. It-tieni kategorija tikkonsisti mill-impriżi mhux residenti, li huma dawk li la għandhom il-post ta’ ġestjoni effettiva tagħhom u lanqas is-sede tagħhom fil-Ġermanja, iżda li għandhom xi tip ta’ preżenza kummerċjali permanenti fil-Ġermanja, kif speċifikat fl-Artikolu 12 tal-AO. Dawn l-impriżi mhux residenti huma meqjusa li għandhom stabbiliment permanenti fil-Ġermanja u huma suġġetti għal piż limitat tat-taxxa fuq id-dħul, li tinkludi t-taxxa fuq id-dħul korporattiv jew negozju operat lokalment.
35. Fl-aħħar nett, it-tielet kategorija tikkonsisti minn impriżi mhux residenti li ma għandhomx stabbiliment permanenti fil-Ġermanja. Bħala prinċipju, dawn l-impriżi ma humiex taxxabbli fil-Ġermanja. Madankollu, hemm eċċezzjonijiet. Eċċezzjoni minnhom, li hija rilevanti għal din il-kawża, hija prevista fl-Artikolu 49(1)(2)(f) tal-EStG, li jipprevedi li l-impriżi mhux residenti li ma għandhomx stabbiliment permanenti fil-Ġermanja huma madankollu suġġetti għat-taxxa limitata fuq id-dħul korporattiv fuq il-profitti miksuba mill-bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tinsab f’dan l-Istat Membru.
36. Huwa fir-rigward ta’ din l-aħħar kategorija ta’ impriżi li l-Kummissjoni ssostni li s-sistema fiskali Ġermaniża inkwistjoni tikser l-Artikolu 63(1) TFUE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE, peress li teskludi lil dawn l-impriżi mill-vantaġġ fiskali skont l-Artikolu 6b tal-EStG.
37. Il-vantaġġ fiskali inkwistjoni jikkonsisti f’differiment tat-taxxa mogħti bil-kundizzjoni li l-qligħ kapitali ġġenerat mill-bejgħ tal-assi fiss (iktar ’il quddiem l-“assi oriġinali”) jiġi investit mill-ġdid, jew matul dik is-sena (8), jew fil-perijodu massimu ta’ sitt snin wara l-bejgħ tal-assi oriġinali (9), f’assi simili ieħor (iktar ’il quddiem l-“assi ta’ sostituzzjoni”) (10). Id-differiment isir billi jitnaqqas l-ammont tal-qligħ kapitali mill-ispejjeż tal-assi ta’ sostituzzjoni (11). Jekk l-investiment mill-ġdid ma jseħħx matul l-istess sena tal-bejgħ tal-assi oriġinali, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tippermetti l-ħolqien ta’ riżerva fiskali, irreġistrata fil-kotba tan-negozju, li tindika li l-qligħ kapitali ma jkunx (għadu) ġie ġġenerat. Din ir-riżerva tista’ tintuża sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-assi ta’ sostituzzjoni f’perijodu massimu ta’ sitt snin. Jekk din ir-riżerva ma tintużax għall-investiment mill-ġdid matul dan il-perijodu, l-impriża għandha tinkludiha fil-profitti tagħha fi tmiem is-sena finanzjarja li matulha jiskadi t-terminu ta’ investiment mill-ġdid u tkun suġġetta għall-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul korporattiv fuq dan l-ammont irriżervat (12).
38. Fil-każ li l-assi ta’ sostituzzjoni jiġi allokat lil impriża li għandha stabbiliment permanenti fil-Ġermanja, il-ħlas tat-taxxa jiġi ddifferit sal-mument li fih jinbiegħ l-assi ta’ sostituzzjoni li l-valur kontabilistiku tiegħu jitnaqqas billi jitnaqqas il-qligħ kapitali fuq l-ewwel assi. F’dak il-mument, li jista’ jkun żmien twil wara l-bejgħ tal-assi oriġinali, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-fatt tiġbor it-taxxi fuq il-qligħ kapitali ġġenerat mill-bejgħ tal-assi oriġinali kif ukoll taxxi fuq il-qligħ kapitali mill-assi ta’ sostituzzjoni, peress li dawn issa jagħmlu parti mill-qligħ kapitali ogħla li jirriżulta mill-bejgħ tal-assi akkwistat ġdid, minħabba t-tnaqqis fil-valur kontabilistiku tiegħu. Jekk l-assi ta’ sostituzzjoni jiġi allokat lil impriża li ma għandhiex stabbiliment permanenti fil-Ġermanja, fuq il-bażi tal-Artikolu 6b(2a) tal-EStG, li ġie introdott bħala emenda wara s-sentenza fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (id-dritt ta’ stabbiliment), din l-impriża tista’ tagħżel li tħallas it-taxxa f’ħames rati ta’ ħlas.
39. L-intitolament għall-vantaġġ fiskali huwa kkundizzjonat fuq żewġ rekwiżiti, skont l-Artikolu 6b(4)(2) tal-EStG. L-ewwel, l-assi oriġinali għandu jkun jifforma parti mill-assi fissi tal-impriża għal perijodu mhux interrott ta’ mill-inqas sitt snin qabel il-bejgħ tiegħu. Il-Kummissjoni ma sabitx li din il-parti tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża kienet problematika.
40. It-tieni, l-assi oriġinali kellu jiġi allokat (13) għall-assi fissi ta’ impriża li kellha stabbiliment permanenti fil-Ġermanja matul dawn is-sitt snin.
41. Għalhekk, impriża bi stabbiliment permanenti fi Stat Membru ieħor jew fi Stat taż-ŻEE ma hijiex eliġibbli għad-differiment tat-taxxa, anki jekk l-assi oriġinali kien allokat għaliha għall-perjodu meħtieġ. Tali impriża għandha tħallas it-taxxa fuq id-dħul korporattiv immedjatament fuq it-trasferiment tal-assi oriġinali. Huwa dan l-aspett tas-sistema fiskali inkwistjoni li l-Kummissjoni tqis li jikser l-Artikolu 63(1) TFUE.
42. Sabiex tiddeċiedi jekk hemmx lok li tilqa’ jew li tiċħad it-talba tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tevalwa jekk id-differenzazzjoni mwettqa mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża meta mqabbla mal-vantaġġ fiskali inkwistjoni tikkostitwixxix restrizzjoni għall-investimenti kapitali ta’ impriżi li ma għandhomx stabbiliment permanenti fil-Ġermanja, kuntrarjament għall-Artikolu 63(1) TFUE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE.
43. L-analiżi tiegħi ser tipproċedi kif ġej. L-ewwel, ser insostni li s-sistema fiskali Ġermaniża inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment transkonfinali tal-kapital (B) u li din ir-restrizzjoni ma hijiex awtorizzata skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE (C). Imbagħad ser neżamina jekk ir-restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, kif isostni l-Gvern Ġermaniż (D). Fl-aħħar nett, ser neżamina fil-qosor l-applikazzjoni tal-“klawżola ta’ anzjanità” li tinsab fl-Artikolu 64(1) TFUE (E).
2. Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE
44. Il-Kummissjoni ssostni li hemm ksur tal-Artikolu 63(1) TFUE u tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE.
45. F’dan ir-rigward, irrid nenfasizza mill-bidu li l-Ftehim ŻEE għandu l-għan li jiżgura, fost affarijiet oħra, l-iktar realizzazzjoni sħiħa possibbli tal-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital fi ħdan iż-ŻEE kollha, sabiex jespandi s-suq intern tal-Unjoni għall-Istati ŻEE. Minn din il-perspettiva, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi (14). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regoli tal-Ftehim ŻEE li huma essenzjalment identiċi għal dawk tat-Trattat għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fi ħdan l-Istati Membri (15).
46. Fuq il-bażi tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (16), ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital bejn iċ-ċittadini tal-Istati partijiet għall-Ftehim ŻEE għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-Artikolu 40 tal-Anness XII ta’ dan il-ftehim. F’dan ir-rigward, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-istess kamp ta’ applikazzjoni ġuridiku bħad-dispożizzjonijiet materjalment identiċi tal-Artikolu 63 TFUE. Konsegwentement, mhux ser nindirizza separatament l-allegazzjoni dwar il-ksur tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE. Għall-kuntrarju, l-analiżi li ġejja fir-rigward tal-Artikolu 63(1) TFUE tapplika wkoll għal din id-dispożizzjoni.
B. Hemm restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital?
47. F’din il-kawża, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tistabbilixxi differenza fit-trattament fiskali bejn l-impriżi li għandhom stabbiliment permanenti fil-Ġermanja u l-impriżi li ma għandhomx tali stabbiliment permanenti.
48. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li din id-differenzazzjoni ma hijiex ibbażata fuq in-“nazzjonalità” tal-impriżi, peress li l-impriżi li għandhom sede fil-Ġermanja, u għalhekk jitqiesu bħala impriżi residenti għal finijiet tat-taxxa, iżda għandhom il-post tal-ġestjoni effettiva tagħhom fi Stat Membru ieħor jew fi Stat ŻEE, u ma għandhom l-ebda stabbiliment permanenti ieħor fil-Ġermanja, huma wkoll esklużi mill-vantaġġ fiskali inkwistjoni.
49. Għalkemm tali xenarju jista’ fil-fatt ikun possibbli, naqbel mal-Kummissjoni li huwa iktar probabbli li impriża rreġistrata fil-Ġermanja jkollha l-istabbiliment permanenti tagħha fil-Ġermanja milli impriża mhux residenti.
50. F’dan is-sens, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni għandha l-effett li tiddisswadi numru ikbar ta’ impriżi mhux residenti milli jinvestu f’proprjetajiet immobbli li jinsabu fil-Ġermanja jew milli jinvestu mill-ġdid il-kapital tagħhom billi jbigħu assi fil-Ġermanja.
51. Bl-istess mod, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward li, kif isostni l-Gvern Ġermaniż, l-impriżi mhux residenti jistgħu jkollhom stabbiliment permanenti fil-Ġermanja u, għaldaqstant, ikunu eliġibbli għall-vantaġġ fiskali inkwistjoni. Dan ma jneħħi xejn mill-pretensjoni li iktar impriżi mhux residenti ser jiġu mċaħħda mill-vantaġġ fiskali inkwistjoni meta mqabbla mal-impriżi residenti.
52. Għaldaqstant, billi tissuġġetta l-vantaġġ fiskali inkwistjoni għall-eżistenza ta’ stabbiliment permanenti fil-Ġermanja, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni toħloq restrizzjoni għall-moviment transkonfinali tal-kapital.
53. Madankollu, skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 63(1) TFUE huma mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn kontribwenti li ma humiex fl-istess sitwazzjoni fir-rigward tal-post ta’ residenza tagħhom.
C. Komparabbiltà oġġettiva
54. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ tinvoka l-Artikolu 65(1)(a) TFUE sabiex teskludi l-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 63(1) TFUE?
55. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrepetiet fil-ġurisprudenza tagħha, “l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, sa fejn jikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-kapital, għandu jiġi interpretat b’mod strett. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tagħmel distinzjoni bejn il-kontribwenti skont il-post fejn jirrisjedu jew skont l-Istat li fih jinvestu l-kapital tagħhom hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat […]” (17).
56. “Fil-fatt, id-differenzi fit-trattament awtorizzati mill-Artikolu 65(1)(a) TFUE ma għandhom jikkostitwixxu, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 65, la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija. [...] tali differenzi fit-trattament huma awtorizzati biss meta dawn jirrigwardaw sitwazzjonijiet li ma jkunux oġġettivament paragunabbli jew, fil-każ kuntrarju, meta dawn ikunu ġġustifikati minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali [...]” (18).
57. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni tkun awtorizzata skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE biss jekk is-sitwazzjoni ta’ impriża mingħajr stabbiliment permanenti fil-Ġermanja ma tkunx oġġettivament paragunabbli ma’ dik ta’ impriża bi stabbiliment permanenti fil-Ġermanja.
58. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]n-natura paragunabbli jew le ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kif ukoll tas-suġġett u tal-kontenut ta’ dawn tal-aħħar, u [...] huma biss il-kriterji ta’ distinzjoni rilevanti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk id-differenza fit-trattament li tirriżulta minn tali leġiżlazzjoni tirriflettix differenza oġġettiva fis-sitwazzjoni” (19).
59. F’dan ir-rigward, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Ġermaniż jaqblu fuq il-fatt li l-Artikolu 6(4)(2) tal-EStG għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 49(1)(2)(f) tagħha. Madankollu, huma ma jaqblux fir-rigward tal-għan ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.
60. L-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-Artikolu 49(1)(2)(f) tal-EStG tirriżulta mill-istorja leġiżlattiva ta’ din id-dispożizzjoni. Hija ssostni li din id-dispożizzjoni kienet espressament immirata għal sitwazzjonijiet li fihom l-impriżi mhux residenti jippossjedu proprjetajiet immobbli fil-Ġermanja, iżda ma jeżerċitaw ebda attività kummerċjali. L-introduzzjoni tas-subartikolu (f) kellha l-għan li tiżgura trattament ugwali tal-impriżi barranin u domestiċi li jwettqu attivitajiet ta’ ġestjoni tal-assi. F’dan is-sens, il-leġiżlatur Ġermaniż ikkunsidra s-sitwazzjonijiet tagħhom bħala paragunabbli, peress li ż-żewġ impriżi jiġġestixxu proprjetà immobbli fil-Ġermanja, u l-attivitajiet tagħhom huma l-istess.
61. Il-Gvern Ġermaniż jaqbel li d-dispożizzjoni inkwistjoni tqiegħed lill-impriżi kollha li jiġġestixxu proprjetà immobbli fil-Ġermanja fuq l-istess livell. Madankollu, huwa jikkontesta l-perspettiva tal-Kummissjoni dwar l-għan prinċipali ta’ din id-dispożizzjoni. Huwa jsostni li l-uniku għan tal-Artikolu 49(1)(f) tal-EStG huwa li jiżgura li l-qligħ kapitali minn tranżazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli jiġi kklassifikat bħala dħul industrijali jew kummerċjali (u mhux iktar bħala dħul minn kiri), indipendentement mill-eżistenza ta’ stabbiliment permanenti fil-Ġermanja. F’dan is-sens, il-Gvern Ġermaniż isostni li din id-dispożizzjoni ma hijiex marbuta mal-ħolqien ta’ xi finzjoni ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fit-territorju nazzjonali u li hija sservi biss sabiex tqiegħed lill-impriżi domestiċi u barranin fuq livell ugwali għall-finijiet tat-tassazzjoni tal-qligħ kapitali fuq proprjetà immobbli.
62. Tkun xi tkun l-interpretazzjoni korretta tal-għan tal-Artikolu 49(1)(2)(f) tal-EStG, ma jistax jiġi miċħud li din id-dispożizzjoni tissuġġetta lill-impriżi mhux residenti li ma għandhomx stabbiliment permanenti fil-Ġermanja għall-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul korporattiv fuq il-qligħ kapitali ġġenerat mill-bejgħ ta’ proprjetajiet immobbli li jinsabu fil-Ġermanja. Konsegwentement, fir-rigward ta’ din it-taxxa partikolari, l-impriżi li ma għandhomx stabbiliment permanenti fil-Ġermanja jinsabu fl-istess sitwazzjoni bħall-impriżi li għandhom tali stabbiliment permanenti.
63. Madankollu, anki jekk huma suġġetti għall-istess taxxa, dawn l-impriżi ma jistgħux jibbenefikaw minn differimenti tal-ħlas ta’ din it-taxxa. Jeżistu differenzi oġġettivi fir-rigward tal-għan ta’ dan il-vantaġġ fiskali bejn l-impriżi bi stabbiliment permanenti u dawk mingħajr stabbiliment permanenti fil-Ġermanja?
64. Skont il-Gvern Ġermaniż, l-għan tal-vantaġġ fiskali inkwistjoni huwa li jinkoraġġixxi u jiffaċilita aħjar ir-ristrutturazzjoni tal-impriżi permezz tal-investiment mill-ġdid f’assi fissi ta’ sostituzzjoni. Dan iżid il-flessibbiltà u l-adattabbiltà tal-impriżi sabiex jiġi ffaċilitat l-aġġustament ekonomiku tagħhom għall-bidliet strutturali (20). Konsegwentement, il-komparabbiltà bejn is-sitwazzjoni transkonfinali u dik domestika għandha tieħu inkunsiderazzjoni dan l-għan.
65. F’dan ir-rigward, nikkunsidra li, meta wieħed iqis l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, l-impriżi bi stabbiliment permanenti fi Stati Membri oħra (jew fi Stati ŻEE) jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-impriżi bi stabbiliment permanenti fil-Ġermanja. Iż-żewġ kategoriji ta’ impriżi jistgħu jiġġeneraw qligħ kapitali mit-trasferiment ta’ proprjetajiet immobbli li jinsabu fil-Ġermanja u jkollhom bżonn il-flessibbiltà sabiex jinvestu mill-ġdid dan il-qligħ kapitali sabiex jadattaw ruħhom għall-bidliet strutturali u ekonomiċi. Is-sempliċi fatt li l-istabbiliment permanenti ta’ impriża jkun jinsab fi Stat Membru ieħor ma jpoġġix, fih innifsu, tali impriża f’sitwazzjoni differenti fir-rigward tal-għan imfittex mid-dispożizzjoni inkwistjoni (21).
66. Fil-qosor, is-sitwazzjoni ta’ impriża li ma għandhiex stabbiliment permanenti fil-Ġermanja hija paragunabbli ma’ dik ta’ impriża li għandha stabbiliment permanenti fil-Ġermanja. It-tnejn li huma huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul korporattiv fuq il-qligħ kapitali mill-bejgħ ta’ assi fiss fil-Ġermanja, iżda l-ewwel waħda għandha tħallas din it-taxxa immedjatament, filwaqt li t-tieni waħda tista’ tiddiferixxi l-ħlas. Dan il-benefiċċju jagħmel l-investiment mill-ġdid iktar attraenti għall-impriżi li għandhom stabbiliment permanenti fil-Ġermanja milli għal dawk l-impriżi li ma għandhomx, anki jekk l-intenzjonijiet li fuqhom huwa bbażat l-investiment mill-ġdid huma l-istess.
67. Konsegwentement, it-trattament differenti tal-impriżi mhux residenti li ma għandhomx stabbiliment permanenti fil-Ġermanja u tal-impriżi li għandhom tali stabbiliment permanenti huwa pprojbit skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, peress li t-tnejn jinsabu f’sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tas-sistema fiskali Ġermaniża inkwistjoni. Għalhekk, is-sistema fiskali Ġermaniża inkwistjoni tikser l-Artikolu 63(1) TFUE, sakemm ir-restrizzjoni li hija tintroduċi ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali invokati mill-Gvern Ġermaniż.
D. Raġunijiet imperattiva ta’ interess ġenerali u l-proporzjonalità tas-sistema fiskali Ġermaniża
68. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tista’ tiġi aċċettata jekk tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jekk tkun xierqa sabiex tiżgura, b’mod konsistenti u sistematiku, it-twettiq tal-għan imfittex minnha u jekk ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (22).
69. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jikkostitwixxu restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE, il-Gvern Ġermaniż invoka tliet motivi sabiex jiġġustifika din ir-restrizzjoni: (1) il-promozzjoni tal-investiment fil-Ġermanja, (2) il-koerenza tas-sistema fiskali u (3) l-allokazzjoni bbilanċjata tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.
1. Fuq il-promozzjoni tal-investiment fil-Ġermanja
70. Il-Gvern Ġermaniż isostni li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonstata li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tirrestrinġi l-moviment liberu tal-kapital, din ir-restrizzjoni tkun neċessarja sabiex jiġu promossi l-investimenti fil-Ġermanja u sabiex tiġi żgurata s-sopravivenza tal-impriżi li għandhom preżenza permanenti fil-Ġermanja. Huwa jsostni wkoll, billi jibbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-promozzjoni tal-investiment, b’mod partikolari meta jkun marbut mas-sopravivenza tal-impriżi żgħar medji (SMEs) u maż-żamma tal-impjiegi fi ħdan dawn l-impriżi, tista’, f’ċerti ċirkustanzi u taħt ċerti kundizzjonijiet, tikkostitwixxi ġustifikazzjonijiet aċċettabbli ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi vantaġġ fiskali favur persuni fiżiċi jew ġuridiċi (23).
71. F’dan ir-rigward, anki jekk ir-rekwiżit li wieħed ikollu stabbiliment permanenti fl-Istat Membru inkwistjoni kien fil-fatt neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ appoġġ tal-impriżi li għandhom stabbiliment permanenti fil-Ġermanja u ta’ stimulazzjoni tal-attività ekonomika tagħhom f’dan l-Istat Membru, dan l-għan huwa ta’ natura purament ekonomika.
72. Fuq il-bażi tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għan purament ekonomiku ma jistax, bħala prinċipju, jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital (24).
73. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li tali għan huwa ammissibbli, il-fatt li jiġi ffaċilitat l-investiment mill-ġdid tal-qligħ kapitali ma jiżgurax, fih innifsu, li kumpannija żżomm l-attività kummerċjali fil-Ġermanja.
74. Fl-aħħar nett, anki jekk sistema fiskali intiża sabiex tappoġġja lill-SMEs tista’ tiġi aċċettata bħala ġustifikazzjoni għar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, xejn ma jindika li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni hija intiża sabiex tappoġġja lill-SMEs. Pjuttost, il-vantaġġ fiskali huwa miftuħ għal kull impriża residenti li għandha stabbiliment permanenti fil-Ġermanja li tiddeċiedi li tinvesti mill-ġdid il-profitti mill-bejgħ ta’ proprjetajiet immobbli f’assi fissi ġodda fi żmien it-terminu massimu ta’ sitt snin.
75. Konsegwentement, l-argument tal-Gvern Ġermaniż li r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital hija ġġustifikata mill-ħtieġa li jiġu promossi l-investimenti fil-Ġermanja ma jistax jintlaqa’.
2. Fuq il-koerenza tas-sistema fiskali
76. Il-Gvern Ġermaniż isostni li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tirrestrinġi l-moviment liberu tal-kapital, din ir-restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-koerenza tas-sistema fiskali. Impriżi mhux residenti u li ma għandhomx stabbiliment permanenti fil-Ġermanja jgawdu minn vantaġġ fiskali: huma ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq in-negozju miġbura lokalment. Din l-eżenzjoni tfisser li l-impriżi mhux residenti ma jistgħux jibbenefikaw mill-vantaġġ fiskali inkwistjoni f’din il-kawża, li, għal raġunijiet ta’ koerenza fiskali, jista’ jkun ta’ benefiċċju biss għall-impriżi residenti, li huma suġġetti għat-taxxa fuq in-negozju lokali. Konsegwentement, fil-fehma tal-Gvern Ġermaniż, l-estensjoni tal-vantaġġ fiskali inkwistjoni għall-impriżi mhux residenti, jew tiddiskrimina kontra l-impriżi residenti suġġetti għat-taxxa fuq in-negozju lokali, jew tagħti vantaġġ mhux iġġustifikat lill-impriżi mhux residenti, peress li dawn tal-aħħar ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq in-negozju lokali.
77. Insostenn ta’ dan l-argument, il-Gvern Ġermaniż jirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprevedi li l-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-koerenza ta’ sistema fiskali tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali bil-kundizzjoni li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u t-tpaċija ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ impożizzjoni fiskali partikolari (25).
78. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sitwazzjoni fiskali globali ta’ kontribwent ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjoni inkwistjoni tiksirx il-moviment liberu tal-kapital. Għall-kuntrarju, l-eżistenza tat-trattament fiskali sfavorevoli għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-leġiżlazzjoni speċifika inkwistjoni (26).
79. Peress li l-vantaġġ fiskali inkwistjoni jirrigwarda t-taxxa fuq id-dħul korporattiv u jippermetti d-differiment tal-ħlas ta’ din it-taxxa, l-impriżi li ma għandhomx stabbiliment permanenti fil-Ġermanja jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli mal-impriżi li għandhom stabbiliment permanenti, anki jekk dawn tal-aħħar biss huma suġġetti għat-taxxa fuq in-negozju lokali.
80. Kif sostniet il-Kummissjoni, ma naħsibx li l-Gvern Ġermaniż stabbilixxa l-eżistenza tar-rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali u t-tpaċija tiegħu permezz tat-taxxa fuq in-negozju lokali. Din it-taxxa fuq in-negozju, li għaliha huma suġġetti l-impriżi li għandhom stabbiliment permanenti fil-Ġermanja, ma tpaċix l-iżvantaġġ maħluq mill-esklużjoni tal-impriżi li ma għandhomx stabbiliment permanenti fil-Ġermanja mid-differiment tal-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul korporattiv. Iż-żewġ taxxi huma taxxi differenti. Il-vantaġġ fiskali inkwistjoni huwa marbut biss mat-taxxa fuq id-dħul korporattiv, u mhux mat-taxxa fuq in-negozju lokali.
81. It-taxxa fuq id-dħul korporattiv u t-taxxa fuq in-negozju lokali jikkostitwixxu, kif sostniet il-Kummissjoni, żewġ taxxi distinti rregolati minn kundizzjonijiet ġuridiċi differenti. F’din il-kawża, l-allegata diskriminazzjoni tirriżulta mid-differenza fit-trattament tal-qligħ kapitali ġġenerat, ibbażata fuq l-istabbiliment permanenti tal-impriża, iktar milli fuq il-koeżistenza ta’ imposti fiskali differenti. Fi kliem ieħor, iż-żewġ tipi ta’ impriżi huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul korporattiv meta jiġġeneraw il-qligħ kapitali mill-bejgħ ta’ proprjetajiet immobbli li jinsabu fil-Ġermanja, iżda huma biss l-impriżi residenti li għandhom stabbiliment permanenti fil-Ġermanja li huma intitolati għall-vantaġġ fiskali inkwistjoni. Għalhekk, l-issuġġettar għat-taxxa tan-negozju lokali skont id-dritt Ġermaniż huwa irrilevanti f’din il-kawża.
82. Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, il-Gvern Ġermaniż ma jistax jinvoka l-eżistenza tal-issuġġettar għat-taxxa tan-negozju lokali imposta (biss) fuq l-impriżi li għandhom stabbiliment permanenti fil-Ġermanja sabiex jiġġustifika kwalunkwe trattament differenti bejn impriżi residenti u impriżi mhux residenti.
3. Fuq it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri
83. Il-Gvern Ġermaniż isostni li r-restrizzjoni inkwistjoni tista’ tiġi ġġustifikata wkoll mill-ħtieġa li jiġi ppreżervat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri. Skont l-interpretazzjoni li dan il-gvern jagħti lill-punt 69 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (libertà ta’ stabbiliment), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li investiment mill-ġdid ta’ qligħ kapitali li ser jintuża sabiex jinkisbu assi ta’ sostituzzjoni barra mill-pajjiż ma jobbligax lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrinunzja għad-dritt tagħha li tintaxxa dan il-qligħ qabel ma jitlaq mill-ġuriżdizzjoni tagħha. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għalhekk adottat vantaġġ fiskali li japplika r-raġunament ta’ din is-sentenza. B’mod partikolari, skont il-Gvern Ġermaniż, l-Artikolu 6(4)(2) tal-EStG jimplimenta l-allokazzjoni tad-drittijiet ta’ tassazzjoni li l-Istati Membri ftiehmu dwarhom f’konvenzjonijiet bilaterali u jirrifletti l-prinċipju li kull Stat għandu jipparteċipa fis-suċċess ekonomiku ġġenerat mill-infrastruttura li huwa jipprovdi, filwaqt li jeskludi l-vantaġġi fiskali għall-impriżi mhux residenti li l-qligħ kapitali mhux realizzat tagħhom ġie ġġenerat barra mill-pajjiż. L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ssaħħaħ sistema diġà favorevoli għall-impriżi mhux residenti (permezz tal-eżenzjoni tagħhom mill-ħlas tat-taxxa fuq in-negozju lokali), tinkoraġġixxi l-evitar tat-taxxa u l-frodi fiskali u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, u b’hekk tagħmel ħsara lis-suq intern permezz ta’ trattament fiskali diskriminatorju u tmur kontra l-għan tal-libertajiet fundamentali.
84. Jiena tal-fehma, bħall-Kummissjoni, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma hijiex obbligata tirrinunzja għad-dritt tagħha li tintaxxa l-qligħ kapitali ġġenerat mill-assi oriġinali li jinsab fil-Ġermanja. Skont il-prinċipju ta’ territorjalità fiskali, l-Istati Membri jżommu d-dritt li jintaxxaw il-qligħ kapitali ġġenerat fit-territorju tagħhom (27).
85. Madankollu, it-tassazzjoni immedjata tal-qligħ kapitali ġġenerat minn impriża mhux residenti tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi ppreżervat it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni, peress li jeżistu miżuri inqas restrittivi mit-tassazzjoni immedjata. Bl-istess mod, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (libertà ta’ stabbiliment) (28), il-persuna taxxabbli li ma għandhiex stabbiliment permanenti fil-Ġermanja tista’ tingħata l-għażla bejn il-ħlas immedjat tat-taxxa u l-ħlas iddifferit tagħha. Il-ġbir ta’ din it-taxxa jista’ jiġi organizzat b’mod li jippermetti lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżomm kontroll fuq il-ġbir sussegwenti tat-taxxi, minkejja l-assenza tagħha ta’ kontroll dirett tal-kontabbiltà tal-impriża, minħabba l-assenza ta’ stabbiliment permanenti fil-Ġermanja.
86. Konsegwentement, l-argument tal-Gvern Ġermaniż li l-esklużjoni tal-impriżi mhux residenti li ma għandhomx stabbiliment permanenti fil-Ġermanja mid-differiment tat-taxxa huwa ġġustifikat fuq il-bażi tas-setgħa ta’ tassazzjoni tal-Istat Membru ma jistax jintlaqa’.
87. Peress li s-sistema fiskali Ġermaniża inkwistjoni tirrestrinġi l-moviment tal-kapital transkonfinali billi teskludi lill-impriżi li ma għandhomx stabbiliment permanenti fil-Ġermanja mill-benefiċċju tad-differiment tat-taxxa, minkejja li huma suġġetti għall-istess sistema ta’ taxxa fuq id-dħul korporattiv bħall-impriżi li għandhom stabbiliment permanenti fil-Ġermanja, li jibbenefikaw mid-differiment tat-taxxa, u peress li tali differenza fit-trattament ma tista’ tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tal-ebda waħda mir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali mressqa mill-Gvern Ġermaniż, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li s-sistema fiskali Ġermaniża inkwistjoni tikser l-Artikolu 63(1) TFUE.
E. L-applikazzjoni tal-Artikolu 64(1) TFEU rigward restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital fir-rigward ta’ pajjiżi terzi
88. L-Artikolu 64(1) TFUE jinkludi “klawżola ta’ anzjanità” li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 63 TFUE fir-rigward tar-restrizzjonijiet li kienu jeżistu fil‑31 ta’ Diċembru 1993 bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni adottati fir-rigward tal-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi li jinvolvi investiment diretti – inkluż f’proprjetà immobbli – l-istabbiliment, il-provvista ta’ servizzi finanzjarji jew id-dħul ta’ titoli fis-swieq tal-kapital.
89. Din il-klawżola tista’ tiġi invokata fir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi, iżda mhux fir-relazzjonijiet mal-Istati partijiet għall-Ftehim ŻEE (29).
90. Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-Artikolu 6b tal-EStG ġie introdott f’din il-liġi nazzjonali mis-Steueränderungsgesetz (il-Liġi li Temenda t-Taxxa) tal‑1964. Din id-dispożizzjoni tapplika għal investimenti f’impriżi residenti u tippermetti l-istabbiliment ta’ riżervi moħbija li jikkonsistu fi qligħ kapitali li jirriżulta mill-bejgħ individwali ta’ ċerti assi ta’ proprjetajiet immobbli, sabiex jintużaw għal finijiet ta’ investiment mill-ġdid. Għaldaqstant, hija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 64(1) TFUE.
91. Konsegwentement, is-sistema fiskali Ġermaniża ma tmurx kontra t-Trattati jekk tiġi applikata fir-rigward ta’ pajjiżi terzi.
92. Il-Kummissjoni kkonfermat waqt is-seduta li hija ma tikkontestax dan l-argument.
VI. Fuq l-ispejjeż
93. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li r-Repubblika tal-Ġermanja tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.
VII. Konklużjoni
94. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
(1) Tiddikjara li, billi adottat u żammet fis-seħħ is-sistema fiskali prevista fl-Artikolu 6b(4)(2) tal-Einkommensteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul), li tissuġġetta l-benefiċċju tad-differiment tat-taxxa tal-qligħ kapitali ġġenerat mat-trasferiment ta’ assi kapitali, fil-każ tal-investiment mill-ġdid tiegħu, għall-kundizzjoni li dan l-assi jkun jagħmel parti mill-assi fissi ta’ persuna taxxabbli li għandha stabbiliment permanenti fil-Ġermanja għal mill-inqas sitt snin qabel it-trasferiment tiegħu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 63(1) TFUE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat‑2 ta’ Mejju 1992;
(2) Tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994 L 1, p. 3; iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”).
3 Ara s-sentenza tas‑16 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (libertà ta’ stabbiliment) (C‑591/13, iktar ’il quddiem “Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (libertà ta’ stabbiliment)”, EU:C:2015:230).
4 Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (libertà ta’ stabbiliment), punti 58 u 59.
5 Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2025, Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej (Metodu ta’ ġestjoni ta’ IIK) (C‑18/23, EU:C:2025:119, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).
6 Ara l-Artikolu 1 tal-KStG.
7 Ibid.
8 Artikolu 6b(1) tal-EStG
9 Artikolu 6b(3) tal-EStG
10 Skont l-Artikolu 6b(1) tal-EStG, porzjoni ta’ art tista’ tiġi ssostitwita b’porzjoni ta’ art oħra; pjanti marbuta ma’ porzjoni ta’ art b’porzjoni ta’ art jew pjanti marbuta ma’ porzjoni ta’ art; bini b’art, pjanti marbuta ma’ porzjoni ta’ art jew bini; u dgħajjes maħsuba għan-navigazzjoni fl-ilmijiet interni b’dgħajjes maħsuba għan-navigazzjoni fl-ilmijiet interni.
11 Skont l-Artikolu 6b(2) tal-EStG, il-qligħ kapitali jiġi kkalkolat bħala d-differenza, wara t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-bejgħ, bejn il-prezz tal-bejgħ u l-valur kontabilistiku li kien ikun attribwibbli lill-assi ekonomiku mibjugħ fil-mument tal-bejgħ.
12 Li huwa x-xenarju previst fl-Artikolu 6b(3) tal-EStG.
13 Waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż spjega li l-allokazzjoni tal-assi għall-assi fissi ta’ stabbiliment permanenti ssir permezz tar-reġistrazzjoni u tal-pubblikazzjoni tagħhom fir-reġistru kummerċjali.
14 Ara Opinjoni 1/92 (It-Tieni Opinjoni dwar il-Ftehim ŻEE) tal‑10 ta’ April 1992 (EU:C:1992:189).
15 Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2025, Familienstiftung (C‑142/24, iktar ’il quddiem “Familienstiftung”, EU:C:2025:873, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
16 Ara Familienstiftung, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata.
17 Ara Familienstiftung, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata.
18 Sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023, Autoridade Tributária e Aduaneira (Qligħ kapitali fuq trasferiment ta’ ishma) (C‑472/22, EU:C:2023:880, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
19 Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, L Fund (C‑537/20, iktar ’il quddiem “L Fund”, EU:C:2023:339, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 Skont id-dikjarazzjoni tal-Gvern Ġermaniż mogħtija fil-Komunikazzjoni tas‑17 ta’ Jannar 2013 lill-Kummissjoni.
21 Il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet ukoll dan l-istess raġunament f’L Fund, punti 57 sa 62.
22 Ara L Fund, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata.
23 Biex jappoġġja dan l-argument, il-Gvern Ġermaniż jirreferi għas-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Geurts u Vogten (C‑464/05, EU:C:2007:631, punt 26).
24 Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen (C‑35/98, EU:C:2000:294, punt 48), u tal‑25 ta’ Frar 2021, Novo Banco (C‑712/19, EU:C:2021:137, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
25 Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑345/05, EU:C:2006:685, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
26 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 1986, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Franċiża (C‑270/83, EU:C:1986:37, punt 21) li għaliha rreferiet il-Kummissjoni fis-seduta. Kif sostniet il-Kummissjoni, ir-raġunament applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza jista’ jiġi applikat ukoll għal din il-kawża minkejja l-fatt li din kienet tirrigwarda l-libertà ta’ stabbiliment.
27 Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (libertà ta’ stabbiliment), punt 65.
28 Ara l-punt 73 tagħha.
29 Ara, pereżempju, id-digriet tal‑24 ta’ Ġunju 2011, projektart et (C‑476/10, EU:C:2011:422, punt 36).