Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Lulju 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 2(ċ) – Kunċett ta’ ‘bejjiegħ jew fornitur’ – Kuntratti ta’ self u ta’ garanzija – Fond nazzjonali ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni – Funzjoni ta’ interess pubbliku – Self mogħti b’kundizzjonijiet preferenzjali – Proċedura li permezz tagħha kawża tintbagħat lura għal eżami mill-ġdid wara appell – Obbligu li persuna tikkonforma ruħha mal-evalwazzjonijiet legali tal-qorti superjuri – Prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza”

Fil-Kawża C‑188/25,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov, is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Jannar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Marzu 2025, fil-proċedura

Štátny fond rozvoja bývania

vs

GL,

KL,

SC,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, I. Ziemele (Relatriċi), A. Kumin, S. Gervasoni u M. Bošnjak, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Spielmann,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Štátny fond rozvoja bývania, minn M. Garaj, advokát,

–        għal GL, KL, SC, minn Z. Pitoňáková, advokátka,

–        għall-Gvern Slovakk, minn E. V. Larišová, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Kienapfel u R. Lindenthal, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu (1) u tal-Artikolu 2(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, u r-rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn is-Štátny fond rozvoja bývania (il-Fond Nazzjonali ta’ Għajnuna għall-Akkomodazzjoni, is-Slovakkja, iktar ’il quddiem is- “ŠFRB”) u GL, KL u SC dwar ir-rimbors tal-bilanċ pendenti ta’ self għall-akkomodazzjoni li ġie tterminat qabel iż-żmien.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 93/13

3        L-erbatax-il premessa tad-Direttiva 93/13 tiddikjara:

“[b]illi l-Istati Membri għandhom [...] jiżguraw li ma jkunux inklużi klawżoli inġusti [fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji mandatorji], partikolarment għaliex din id-Direttiva tgħodd ukoll għal snajja, negozji jew professjonijiet ta’ natura pubblika”.

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“1.      L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

2.      Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji [...] m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5        L-Artikolu 2(b) u (ċ) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(b)      ‘konsumatur’ tfisser kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

(ċ)      ‘bejjiegħ jew fornitur’ tfisser kull persuna naturali jew legali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet relatati mas-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha, sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk propjetà privata.”

 Id-dritt Slovakk

6        L-Artikolu 52 taż-zákon č. 40/1964 Zb. Občiansky zákonník (il-Liġi Nru 40/1964 (Ġabra) dwar il-Kodiċi Ċivili), tas‑26 ta’ Frar 1964 (čiastka 19/1964), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, kien jipprovdi:

“[...]

2.      Il-bejjiegħ jew fornitur huwa persuna li, waqt il-konklużjoni u l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur, topera fil-kuntest tal-attività kummerċjali tagħha jew ta’ attività professjonali oħra.

3.      Il-konsumatur huwa persuna li, fil-mument tal-konklużjoni u tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ma’ bejjiegħ jew fornitur, ma jkunx qed jopera fil-kuntest tal-attività kummerċjali tiegħu jew ta’ attività professjonali oħra.”

7        L-Artikolu 53(1) ta’ dan il-kodiċi kien jipprevedi:

“Il-kuntratti konklużi mal-konsumaturi ma għandhomx jinkludu dispożizzjonijiet li joħolqu, għad-detriment tal-konsumaturi, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti (iktar ’il quddiem ‘klawżola illegali’).”

8        L-Artikolu 7 taż-zákon č. 607/2003 Z. z. o Štátnom fone rozvoja bývania (il-Liġi Nru 607/2003 dwar il-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp tal-Akkomodazzjoni) tas‑6 ta’ Novembru 2003 (čiastka 247/2003), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, kienet ifformulata kif ġej:

“Applikant għall-għajnuna […] huwa:

a)      persuna fiżika li hija ċittadin tar-Repubblika Slovakka residenti fit-territorju tar-Repubblika Slovakka […], jew

b)      persuna ġuridika stabbilita fit-territorju tar-Repubblika Slovakka.”

9        L-Artikolu 12(2) ta’ din il-liġi kien jipprevedi:

“Il-kuntratt għandu jinkludi b’mod partikolari:

a)      id-data tal-partijiet;

b)      l-għan, l-ammont, it-tip u l-implimentazzjoni tal-għajnuna mogħtija;

c)      ir-regoli għat-twettiq tal-obbligi tal-partijiet;

d)      il-garanziji;

e)      il-metodu ta’ ħlas tal-għajnuna […];

f)      il-karatteristiċi tekniċi tax-xogħol u t-tul ta’ żmien għat-twettiq tiegħu;

g)      il-penali applikabbli fil-każ ta’ ksur tal-klawżoli kuntrattwali;

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Is-ŠFRB hija persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku li l-attività tagħha tikkonsisti fl-għoti ta’ għajnuna pubblika għall-akkomodazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-għoti ta’ self għal proprjetà immobbli b’rata preferenzjali.

11      Fit‑13 ta’ Diċembru 2006, is-ŠFRB ikkonkluda ma’ GL u KL kuntratt ta’ self għal ammont ta’ EUR 33 193.92 rimborsabbli fuq 30 sena, għax-xiri ta’ proprjetà bħala akkomodazzjoni. SC aġixxa bħala garanti ta’ GL u ta’ KL.

12      Fit‑22 ta’ Jannar 2018, wara li GL u KL naqsu milli jħallsu l-pagamenti mensili għar-rimbors tas-self, is-ŠFRB ittermina l-kuntratt fir-rigward tal-persuni li ssellfu u sussegwentement, permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Awwissu 2018, fir-rigward ta’ SC.

13      Fl‑24 ta’ Settembru 2018, is-ŠFRB adixxa lill-Okresný súd Prešov (il-Qorti Distrettwali ta’ Prešov, is-Slovakkja) sabiex il-persuni li ssellfu u l-garanti tagħhom jiġu kkundannati għall-ħlas tal-bilanċ pendenti tas-self, jiġifieri ammont ta’ EUR 26 040.44, flimkien mal-interessi, l-ispejjeż u l-penali. Peress li din it-talba ntlaqgħet, il-konvenuti fil-kawża prinċipali appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov, is-Slovakkja) billi invokaw il-protezzjoni li għandha tiġi rrikonoxxuta lilhom bis-saħħa tad-Direttiva 93/13, fil-kapaċità tagħhom ta’ konsumatur. Wara li l-appell ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni li applikat id-dispożizzjonijiet taż-zákon č. 513/1991 Zb. Obchodný zákonník (il-Liġi Nru 513/1991 li jistabbilixxi l-Kodiċi tal-Kummerċ) tal‑5 ta’ Novembru 1991 (čiastka 98/1991), il-konvenuti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell ta’ kassazzjoni quddiem in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) li ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 ma kinux applikabbli għat-tilwima minħaba li s-ŠFRB ma toperax fil-kapaċità ta’ bejjiegħ jew fornitur. Issa, billi qieset li r-relazzjoni kuntrattwali bejn is-ŠFRB u l-konvenuti fil-kawża prinċipali kienet irregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili u mhux mil-Liġi Nru 513/1991, din l-aħħar qorti annullat id-deċiżjoni mogħtija fl-appell u bagħtet il-kawża lura għal eżami mill-ġdid quddiem il-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov), li hija l-qorti tar-rinviju.

14      Din tqis li l-konvenuti fil-kawża prinċipali għandhom il-kwalità ta’ “konsumaturi”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, u li s-ŠFRB, fid-dawl tal-karatteristiċi organiċi u funzjonali tiegħu, jista’ jitqies li qiegħed jaġixxi bħala “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva.

15      L-ewwel nett, sa fejn is-ŠFRB inħoloq permezz ta’ liġi għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ akkomodazzjoni tal-Istat Slovakk, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, bis-saħħa tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li l-attivitajiet ta’ organu pubbliku jaqgħu taħt funzjoni ta’ interess ġenerali, mingħajr skop ta’ lukru, ma huwiex rilevanti għall-klassifikazzjoni bħala “bejiegħ jew fornitur”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13.

16      It-tieni nett, il-klawżoli tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jirriflettux kollha dispożizzjonijiet leġiżlattivi imperattivi fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. Għalkemm huwa minnu li l-leġiżlatur Slovakk iddefinixxa l-qafas legali applikabbli għall-kuntratti konklużi mis-ŠFRB, madankollu dan jibqa’ liberu li jippreċiża kull waħda mill-klawżoli li jinsabu fih, bil-konsegwenza li dawn il-kuntratti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

17      It-tielet nett, għalkemm il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka), il-leġiżlatur Slovakk eskluda l-kuntratti konklużi mis-ŠFRB mill-applikazzjoni tas-sistema legali dwar is-self għall-konsum, madankollu hija tenfasizza li l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 tiddependi min-natura tal-kuntratt, b’mod partikolari min-natura standardizzata tiegħu, u mhux mill-klassifikazzjoni legali tiegħu fid-dritt nazzjonali.

18      Ir-raba’ nett, ma jistax jiġi eskluż li l-kuntratti konklużi mis-ŠFRB jinkludu klawżoli inġusti fis-sens ta’ din id-direttiva. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-klawżoli tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jirregolaw it-terminazzjoni tiegħu, il-penali u l-ħlas, anki wara t-terminazzjoni tal-kuntratt, ta’ interessi minbarra l-interessi moratorji, huma ta’ din in-natura. Issa, l-għan ta’ protezzjoni mfittex mill-imsemmija direttiva huwa impost b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratti, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirriflettu relazzjoni żbilanċjata bejn il-partijiet kontraenti.

19      Dik il-qorti tenfasizza fl-aħħar nett li, skont id-dritt proċedurali nazzjonali, hija tinsab marbuta bl-evalwazzjonijiet legali tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka), fil-kuntest tal-proċedura li permezz tagħha l-kawża tintbagħat lura għal eżami mill-ġdid. Issa, hija tqis li dawn l-evalwazzjonijiet ma humiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li [s-ŠFRB], li kkonkluda kuntratt ma’ persuni fiżiċi għall-provvista ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat bħala ‘bejjiegħ jew fornitur’ skont it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva, u l-ftehim inkwistjoni huwa kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva?

2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li din id-direttiva tista’ tapplika għal kuntratt ta’ garanzija konkluż bejn persuna fiżika u [s-ŠFRB] bil-għan li jiġi żgurat it-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-ftehim fil-każ fejn din il-persuna fiżika ma tkun irċeviet ebda benefiċċji mill-Fond u aġixxiet għal skopijiet barra mill-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha?

3)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi li opinjoni legali ta’ qorti ta’ istanza superjuri tkun vinkolanti għal qorti ta’ istanza inferjuri li quddiemha tkun reġgħet intbagħtet il-kawża sabiex din teżaminaha ulterjorment, jekk, konformement mal-opinjoni legali tal-qorti ta’ istanza superjuri, [s-ŠFRB] ma jkunx jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13?”

 Fuq id-domandi preliminari


 Fuq l-ammissibbiltà


21      Is-ŠFRB isostni li d-domandi preliminari huma inammissibbli, minħabba, l-ewwel nett, li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13 hija ċara u għalhekk ma tqajjem ebda dubju raġonevoli. Għalhekk, skont is-ŠFRB, minn din l-interpretazzjoni jirriżulta li organu rregolat mid-dritt pubbliku, bħal fil-każ tiegħu, li jipprovdi servizzi mhux skont loġika tas-suq iżda esklużivament f’sitwazzjonijiet iddefiniti mil-liġi, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “bejjiegħ jew fornitur”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni. It-tieni nett, ir-relazzjoni kuntrattwali stabbilita bejnu u l-konvenuti fil-kawża prinċipali hija rregolata minn dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt nazzjonali, b’tali mod li, konformement mal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, il-klawżoli tal-kuntratt konkluż ma’ dawn il-konvenuti ma humiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

22      Madankollu, għandu jiġi osservat li l-argumenti mressqa mis-ŠFRB sabiex jikkontesta l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari jirrigwardaw il-mertu tal-kawża u, b’mod iktar preċiż, fir-rigward tal-ewwel wieħed mill-imsemmija argumenti, il-kunċett ta’ “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13 – kunċett li l-interpretazzjoni tiegħu hija s-suġġett tal-ewwel domanda. Fir-rigward tat-tieni argument imsemmi fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, dan jirrigwarda l-applikabbiltà tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għall-klawżoli tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, dawn l-argumenti ma jistgħux iqiegħdu inkwistjoni l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula.

23      B’mod partikolari, sa fejn is-ŠFRB isostni li l-kontenut tal-klawżoli tal-kuntratti li huwa jikkonkludi huwa ddeterminat bil-liġi Slovakka, bir-riżultat li dawn il-klawżoli huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 bis-saħħa tal-Artikolu 1(2) tagħha, għandu jitfakkar li, minkejja li, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, meta liġijiet jew regolamenti jkunu imperattivi, il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dawn id-dispożizzjonijiet jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, tali esklużjoni ma timplikax li l-validità ta’ klawżoli oħra, li jinsabu fl-istess kuntratt u li ma jirriflettux l-imsemmija dispożizzjonijiet, ma tkunx tista’ tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali fid-dawl ta’ din id-direttiva (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, S. V. (Binja f’kondominju), C‑485/21, EU:C:2022:839, il-punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Issa, il-qorti tar-rinviju tindika espliċitament li l-klawżoli tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali li hija tqis bħala inġusti ma jirriflettux dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, sa fejn, għalkemm l-inklużjoni tagħhom fil-kuntratti konklużi mis-ŠFRB hija prevista mil-liġi, dan tal-aħħar jibqa’ liberu li jispeċifika l-kontenut eżatt tagħhom.

25      Għaldaqstant, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, tali klawżoli ma humiex esklużi bħala tali mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 23 ta’ din is-sentenza.

26      Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li b’ebda mod ma huwa pprojbit li qorti nazzjonali tressaq domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-fehma tal-partijiet fil-kawża prinċipali, ir-risposta għaliha ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli (sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Għalhekk, anki jekk jitqies li r-risposta għad-domanda magħmula ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, din id-domanda madankollu ma ssirx inammissibbli (sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 65).

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi preliminari huma ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel domanda

29      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li organu pubbliku maħluq mil-liġi għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ attività mingħajr skop ta’ lukru ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni li tikkonsisti, b’mod partikolari, fl-għoti ta’ self għal proprjetà immobbli b’kundizzjonijiet preferenzjali lil persuni fiżiċi, huwa “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

30      L-ewwel nett, skont il-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, bejjiegħ jew fornitur ifisser “kull persuna naturali jew legali li [...] tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet relatati mas-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha, sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk propjetà privata”.

31      Fil-fatt, minn naħa, l-użu tal-kelma “kull” fl-imsemmija dispożizzjoni tenfasizza li kull persuna fiżika jew ġuridika għandha titqies bħala “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens tad-Direttiva 93/13, ladarba hija teżerċita attività professjonali (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 49).

32      Din l-istess dispożizzjoni tkopri kull attività professjonali “sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk propjetà privata”. Għaldaqstant, bħalma tistipula l-erbatax-il premessa tagħha, id-Direttiva 93/13 tapplika wkoll għall-attivitajiet professjonali ta’ natura pubblika (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 50).

33      F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi kunċett wiesa’ tal-kunċett ta’ “bejjiegħ jew fornitur”, b’tali mod li kull persuna fiżika jew ġuridika għandha titqies li taqa’ taħt dan il-kunċett peress li hija teżerċita attività professjonali, inklużi l-funzjonijiet ta’ natura pubblika u ta’ interess ġenerali (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, S. V. (Binja f’kondominju), C‑485/21, EU:C:2022:839, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Minn dan isegwi l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13 la jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu lill-entitajiet li jwettqu funzjoni ta’ interess ġenerali u lanqas lil dawk li huma rregolati mid-dritt pubbliku. Barra minn hekk, sa fejn il-funzjonijiet ta’ natura pubblika u ta’ interess ġenerali jitwettqu ta’ spiss mingħajr skop ta’ lukru, il-fatt jekk organu huwiex bi skop ta’ lukru jew le huwa irrilevanti għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 51).

35      It-tieni nett, l-interpretazzjoni wiesgħa ta’ dan il-kunċett hija ġġustifikata fid-dawl tal-għan imfittex mid-Direttiva 93/13, li hija intiża li tagħti protezzjoni lill-persuni fiżiċi kollha li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Pouvin u Dijoux, C‑590/17, EU:C:2019:232, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, YYY.(Kunċett ta’ “konsumatur”), C‑570/21, EU:C:2023:456, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      It-tielet nett, il-kunċett ta’ “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13, huwa kunċett funzjonali li jinvolvi l-evalwazzjoni dwar jekk ir-relazzjoni kuntrattwali kkonċernata tidħolx fil-kuntest tal-attivitajiet li din l-entità twettaq fuq bażi professjonali (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Pouvin u Dijoux, C‑590/17, EU:C:2019:232, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-ŠFRB inħoloq sabiex tiġi implimentata l-politika tal-akkomodazzjoni tal-Istat Slovakk, b’mod partikolari, permezz tal-għoti ta’ self għal proprjetà immobbli b’kundizzjonijiet preferenzjali. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-ammonti li jikkorrispondu għar-rimborsi ta’ dan is-self, inkluż il-ħlas tal-interessi, huma investiti mill-ġdid fl-għoti ta’ self ġdid u jippermettu li jiġu koperti l-ispejjeż operattivi tas-ŠFRB.

38      Għaldaqstant, bla ħsara għall-verifiki mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-kuntratti ta’ self konklużi mis-ŠFRB jidħlu fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ finanzjament ta’ tranżazzjonijiet ta’ akkwist ta’ proprjetà immobbli mwettqa minn dan l-organu fuq bażi professjonali.

39      Madankollu, is-ŠFRB jenfasizza, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-mekkaniżmu ta’ sostenn għall-akkwist ta’ proprjetà immobbli li huwa jimplementa ma jissodisfa ebda loġika tas-suq u li huwa jaġixxi bħala organu inkarigat b’missjoni ta’ interess ekonomiku ġenerali, jiġifieri l-promozzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali.

40      Barra minn hekk, il-Gvern Slovakk jindika fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li s-ŠFRB jagħżel il-benefiċjarji tas-self billi japplika l-kriterji ta’ eliġibbiltà imposti fuqu mil-liġi.

41      Madankollu, kif tfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “bejjiegħ jew fornitur” iddefinit fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13 ma jeskludix l-entitajiet li jwettqu funzjoni ta’ interess ġenerali u lanqas dawk li għandhom status irregolat mid-dritt pubbliku. Bl-istess mod, il-fatt li s-ŠFRB jaġixxi mingħajr skop ta’ lukru, mingħajr ebda kunsiderazzjoni merkantili, huwa irrilevanti għall-kategorizzazzjoni tiegħu bħala “bejjiegħ jew fornitur” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

42      Fil-fatt, tali ċirkustanza ma tistax, fiha nnifisha, iċċaħħad lill-persuni fiżiċi li magħhom is-ŠFRB jikkonkludi kuntratti ta’ self għal proprjetà immobbli mill-protezzjoni rikonoxxuta lilhom mid-Direttiva 93/13, bir-riskju li jiġi kompromess l-għan imfittex minn din id-direttiva, li hija intiża li tagħti protezzjoni lill-persuni fiżiċi kollha li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, YYY. (Kunċett ta’ “konsumatur”), C‑570/21, EU:C:2023:456, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-persuni fiżiċi li jikkuntrattaw self għal proprjetà immobbli mingħand is-ŠFRB jinsabu, fil-fatt, f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbla ma’ dan l-organu li l-attività professjonali tiegħu tikkonsisti preċiżament fl-għoti ta’ finanzjamenti għall-akkwist ta’ proprjetà immobbli.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li organu pubbliku maħluq mil-liġi għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ attività mingħajr skop ta’ lukru ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni li tikkonsisti, b’mod partikolari, fl-għoti ta’ self għal proprjetà immobbli b’kundizzjonijiet preferenzjali lil persuni fiżiċi huwa “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn il-kuntratti ta’ self li huwa jikkonkludi ma’ dawn il-persuni jaqgħu fil-kuntest tal-attività professjonali tiegħu.

 Fuq it-tieni domanda

44      Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq it-tielet domanda

45      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis li l-evalwazzjonijiet legali tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) fir-rigward tal-klassifikazzjoni tas-ŠFRB fir-rigward tal-kunċett ta’ “bejjiegħ jew fornitur” fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13, imorru kontra din id-dispożizzjoni kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Peress li, fil-każ li din il-qorti superjuri tibgħat lura l-kawża inkwistjoni għal eżami mill-ġdid, il-qorti tar-rinviju hija marbuta minn dawn l-evalwazzjonijiet, hija tistaqsi, essenzjalment, jekk huwiex possibbli għaliha li titbiegħed minn tali evalwazzjonijiet sabiex tikkonforma ruħha mal-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq qorti nazzjonali, marbuta, bis-saħħa ta’ regola jew prattika tad-dritt nazzjonali, bl-evalwazzjonijiet legali magħmula minn qorti nazzjonali superjuri f’kawża li tkun intbagħtet lura lilha għal eżami mill-ġdid, li twarrab dawn l-evalwazzjonijiet meta hija tqis li dawn ma humiex konformi mal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-preeminenza tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt tal-Istati Membri. Għaldaqstant, dan il-prinċipju jimponi fuq l-organi kollha tal-Istati Membri, u għalhekk ukoll fuq il-qrati tagħhom, l-obbligu li jagħtu effett sħiħ lid-diversi regoli tal-Unjoni, peress li d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jaffettwa l-effett rikonoxxut lil dawn id-diversi regoli fit-territorju ta’ dawn l-Istati (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Global Ink Trade, C‑537/22, EU:C:2024:6, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Dan il-prinċipju jimponi, b’mod partikolari, fuq il-qrati nazzjonali, sabiex jiggarantixxu l-effettività tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni, l-obbligu li jinterpretaw, sa fejn ikun possibbli, id-dritt intern tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jobbliga lill-qrati nazzjonali jimmodifikaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tal-aħħar tkun tistrieħ fuq interpretazzjoni tad-dritt intern tagħhom li tkun inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva u ma japplikawx, minn jeddhom, kull interpretazzjoni adottata minn qorti superjuri li l-qorti nazzjonali tkun obbligata ssegwi bis-saħħa ta’ dan id-dritt, jekk din l-interpretazzjoni ma tkunx kompatibbli ma’ din id-direttiva (sentenza tat‑30 ta’ April 2025, AxFina Hungary (Sussistenza tal-kuntratt), C‑630/23, EU:C:2025:302, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax validament tqis li huwa impossibbli għaliha li tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni sempliċement minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni tkun ġiet kontinwament interpretata f’sens li ma jkunx kompatibbli ma’ dan id-dritt (sentenza tat‑30 ta’ April 2025, AxFina Hungary (Sussistenza tal-kuntratt), C‑630/23, EU:C:2025:302, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li tipprevedi li qorti inferjuri ta’ Stat Membru hija marbuta minn deċiżjoni ta’ qorti superjuri ta’ dan l-Istat Membru, fid-dawl tal-kompetenza li għandhom l-Istati Membri fl-organizzazzjoni tal-ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 45).

52      Dan premess, il-qorti nazzjonali, wara li tkun eżerċitat il-fakultà mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, hija marbuta, għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, bl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja u għandha għalhekk, jekk ikun il-każ, teskludi l-evalwazzjonijiet ta’ qorti nazzjonali superjuri jekk tqis, fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, jekk ikun il-każ billi ma tapplikax ir-regola nazzjonali li tobbligaha tikkonforma ruħha mad-deċiżjonijiet ta’ din il-qorti superjuri (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Global Ink Trade, C‑537/22, EU:C:2024:6, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      F’dan il-każ, il-fatt li l-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura li permezz tagħha kawża tintbagħat lura għal eżami mill-ġdid għandha tikkonforma ruħha mal-evalwazzjonijiet legali magħmula minn qorti nazzjonali superjuri fil-kawża li hija s-suġġett ta’ din il-proċedura ma huwiex ta’ natura li jqiegħed inkwistjoni l-obbligu ta’ din il-qorti li teskludi tali evalwazzjonijiet jekk dawn ikunu kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni, jekk ikun il-każ billi ma tapplikax ir-regola nazzjonali li tobbligaha tikkonforma ruħha mad-deċiżjonijiet ta’ din il-qorti superjuri.

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-prinċipju ta’ supremazija u tal-effetti marbuta mas-sentenzi preliminari mogħtija skont l-Artikolu 267 TFUE, il-qorti nazzjonali ma tistax tkun obbligata, permezz tal-liġi jew tal-prattika nazzjonali tagħha, li tillimita ruħha għall-evalwazzjonijiet legali ta’ qorti nazzjonali ta’ grad superjuri li tirrifjuta li tikklassifika bħala “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13, organu li jissodisfa l-kriterju mfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

55      Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq qorti nazzjonali, marbuta, bis-saħħa ta’ regola jew ta’ prassi tad-dritt nazzjonali, bl-evalwazzjonijiet legali magħmula minn qorti nazzjonali superjuri f’kawża li tkun intbagħtet lura lilha għal eżami mill-ġdid, twarrab dawn l-evalwazzjonijiet meta tqis li dawn ma humiex konformi mal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE.

 Fuq il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza

56      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal sabiex tikkonkludi li organu bħas-ŠFRB jista’ jiġi kklassifikat bħala “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13, is-ŠFRB u l-Gvern Slovakk talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza għall-proċeduri pendenti, li ma kinux is-suġġett ta’ deċiżjoni definittiva qabel l-għoti ta’ din is-sentenza.

57      Huma jenfasizzaw, minn naħa, li s-ŠFRB aġixxa in bona fide, konformement mad-deċiżjonijiet mogħtija min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) sa mill‑2019 u, min-naħa l-oħra, li assenza ta’ limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza twassal għal konsegwenzi finanzjarji li jikkompromettu l-attivitajiet tas-ŠFRB.

58      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni tikkjarifika u tiddefinixxi t-tifsira u l-portata ta’ dik ir-regola skont kif għandha jew kif kellha tinftiehem u tiġi applikata mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. Huwa biss eċċezzjonalment li l-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha tista’, b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tasal biex tillimita għal kull persuna kkonċernata l-possibbiltà li tinvoka dispożizzjoni li hija tkun interpretat sabiex tqiegħed inkwistjoni relazzjonijiet legali stabbiliti in bona fide . Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi deċiża, huwa neċessarju li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji, fejn għandu jkun mifhum li dawn il-kriterji huma kumulattivi (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punti 132 u 136 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

59      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi speċifiċi, b’mod partikolari meta kien jeżisti riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi gravi dovuti b’mod partikolari għan-numru għoli ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti in bona fide fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni meqjusa li kienet validament fis-seħħ u meta kien jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu ġew imħeġġa jadottaw aġir mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva għal dak li jirrigwarda l-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni – inċertezza li għaliha kienu eventwalment ikkontribwixxew l-aġir stess adottat mill-Istati Membri l-oħra jew mill-Kummissjoni Ewropea (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60      Fir-rigward tal-kriterju dwar l-eżistenza ta’ riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji, għandu jitfakkar li huwa l-Istat Membru li jitlob limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ sentenza mogħtija f’kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari li għandu jipproduċi, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ċifri li jistabbilixxu r-riskju ta’ tali riperkussjonijiet (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Erzeugerorganisation Tiefkühlgemüse, C‑516/16, EU:C:2017:1011, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      F’dan il-każ, huwa minnu li l-Gvern Slovakk ippreżenta, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, id-data dwar in-numru ta’ self għal proprjetà immobbli mogħti mis-ŠFRB, kif ukoll il-volum finanzjarju korrispondenti.

62      Madankollu, la dan il-gvern u lanqas, barra minn hekk, is-ŠFRB ma jippreċiżaw l-effetti legali u finanzjarji li għandha l-kategorizzazzjoni ta’ dan l-organu bħala “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13, fuq il-kuntratti konklużi minnu. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li applikazzjoni ta’ din id-direttiva għal dawn il-kuntratti li twassal sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ wħud mill-klawżoli tagħhom ma timplikax neċessarjament in-nullità ta’ dawn tal-aħħar fl-intier tagħhom, peress li dawn għandhom jeżistu mingħajr il-klawżoli li jitqiesu inġusti, sa fejn, konformement mar-regoli tad-dritt intern, tali eżistenza ta’ dawn il-kuntratti hija legalment possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH, C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-kriterju dwar ir-riskju ta’ diffikultajiet serji ma huwiex issodisfatt, bil-konsegwenza li ma huwiex neċessarju li jiġi vverifikat jekk il-kriterju dwar il-bona fide tal-persuni kkonċernati huwiex issodisfatt.

64      Għaldaqstant, ma hemmx lok li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati ratione temporis.

65      Madankollu, għandha titfakkar l-importanza li l-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata għandu kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Fil-fatt, sabiex jiġu żgurati kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji ġudizzjarji disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini previsti għal dawn ir-rimedji ma jkunux jistgħu jitqiegħdu iktar inkwistjoni (sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 38, u tad‑9 ta’ April 2024, Profi Credit Polska (Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura magħluqa permezz ta’ deċiżjoni definittiva), C‑582/21, EU:C:2024:282, punt 37).

66      Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk dan kien jippermetti li tiġi rrimedjata sitwazzjoni nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ dan id-dritt. Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jirrikjedix li, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni rilevanti tal-imsemmi dritt adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja, korp ġudizzjarju nazzjonali għandu, bħala prinċipju, jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu li tkun mogħnija bl-awtorità ta’ res judicata. Dan premess, għalkemm ir-regoli proċedurali interni applikabbli jinkludu l-possibbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-qorti nazzjonali li teżamina mill-ġdid deċiżjoni mogħnija bl-awtorità ta’ res judicata sabiex tagħmel is-sitwazzjoni kompatibbli mad-dritt nazzjonali, din il-possibbiltà għandha, konformement mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, tipprevali, jekk dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-konformità tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punti 59 sa 62, u tad‑9 ta’ April 2024, Profi Credit Polska (Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura magħluqa permezz ta’ deċiżjoni definittiva), C‑582/21, EU:C:2024:282, punti 38 u 42).

 Fuq l-ispejjeż

67      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

organu pubbliku maħluq mil-liġi għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ attività mingħajr skop ta’ lukru ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni li tikkonsisti, b’mod partikolari, fl-għoti ta’ self għal proprjetà immobbli b’kundizzjonijiet preferenzjali lil persuni fiżiċi huwa “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn il-kuntratti ta’ self li huwa jikkonkludi ma’ dawn il-persuni jaqgħu fil-kuntest tal-attività professjonali tiegħu.

2)      Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq qorti nazzjonali, marbuta, bis-saħħa ta’ regola jew ta’ prassi tad-dritt nazzjonali, bl-evalwazzjonijiet legali magħmula minn qorti nazzjonali superjuri f’kawża li tkun intbagħtet lura lilha għal eżami mill-ġdid, twarrab dawn l-evalwazzjonijiet meta tqis li dawn ma humiex konformi mal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE.


Firem


*      Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.