12004V/PRO/09

Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - Protokolli u annessi - 9.Protokoll dwar it-Trattat u l-Att ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, r-Repubblika ta'l-Estonja, r-Repubblika ta' Ċipru, r-Repubblika tal-Latvja, r-Repubblika tal-Litwanja,ir-Repubblika ta' l-Ungerija, r-Repubblika ta' Malta, r-Repubblika tal-Polonja, r-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka

Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0297 - 0336


9. PROTOKOLL DWAR IT-TRATTAT U L-ATT TA' L-ADEŻJONI TAR-REPUBBLIKA ĊEKA, IR-REPUBBLIKA TA' L-ESTONJA, R-REPUBBLIKA TA' ĊIPRU, IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA, R-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA, IR-REPUBBLIKA TA' L-UNGERIJA, R-REPUBBLIKA TA' MALTA, IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA, R-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA U R-REPUBBLIKA SLOVAKKA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT LI JFAKKRU li r-Repubblika Ċeka, r-Repubblika ta' l-Estonja, r-Repubblika ta' Ċipru, r-Repubblika tal-Latvja, r-Repubblika tal-Litwanja, r-Repubblika ta' l-Ungerija, r-Repubblika ta' Malta, r-Repubblika tal-Polonja, r-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka, ingħaqdu mal-Komunitajiet Ewropej u ma' l-Unjoni Ewropea stabbilita bit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fl- 1 ta' Mejju 2004;

WARA LI KKUNSIDRAW LI l-Artikolu IV-437(2)(e) tal-Kostituzzjoni jipprovdi li t-Trattat tas- 16 ta' April 2003 li jikkonċerna l-adeżjonijiet hawn fuq previsti għandu jiġi imħassar;

WARA LI KKUNSIDRAW LI ħafna mid-disposizzjonijiet ta' l-Att anness ma' dak it-Trattat ta' Adeżjoni jibqgħu rilevanti; li l-Artikolu IV-437(2) tal-Kostituzzjoni jipprovdi li dawk id-disposizzjonijiet iridu jiġu stabbiliti jew previsti fi Protokoll, sabiex jibqgħu fis-seħħ u biex l-effetti legali tagħhom ikunu ippreservati;

WARA LI KKUNSIDRAW LI xi disposizzjonijiet in kwistjoni jeħtieġu l-aġġustamenti tekniċi neċessarji biex jiġu allinjati mal-Kostituzzjoni mingħajr ma jinbidel l-effett legali tagħhom,

FTEHMU dwar id-disposizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika:

L-EWWEL PARTI

DISPOSIZZJONIJIET DWAR L-ATT TA' L-ADEŻJONI TAS- 16 TA' APRIL 2003

TITOLU I

PRINĊIPJI

Artikolu 1

Għall-finijiet ta' dan il-Protokoll:

a) il-frażi "Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003" tfisser l-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, r-Repubblika ta' l-Estonja, r-Repubblika ta' Ċipru, r-Repubblika tal-Latvja, r-Repubblika tal-Litwanja, r-Repubblika ta' l-Ungerija, r-Repubblika ta' Malta, r-Repubblika tal-Polonja, r-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hi bbażata l-Unjoni Ewropea;

b) il-frażijiet "Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea" ("Trattat tal-KE") u "Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika" ("Trattat tal-KEEA"), ifissru dawk it-Trattati kif issupplementati jew emendati bi trattati jew b'atti oħra li daħlu fis-seħħ qabel l- 1 ta' Mejju 2004;

ċ) il-frażi it-"Trattat dwar l-Unjoni Ewropea" ("Trattat dwar l-UE"), tfisser dak it-Trattat kif issupplimentat jew emendat bi trattati jew atti oħra li daħlu fis-seħħ qabel l- 1 ta' Mejju 2004;

d) il-frażi "il-Komunità" tfisser, skond il-każ, waħda mill-Komunitajiet previsti f'(b) jew it-tnejn li huma;

e) il-frażi "Stati Membri attwali" tfisser l-Istati Membri li ġejjin: ir-Renju tal-Belġju, r-Renju tad-Danimarka, r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, r-Repubblika Ellenika, r-Renju ta' Spanja, r-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, r-Repubblika Taljana, l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, r-Renju ta' l-Olanda, r-Repubblika Awstrijaka, r-Repubblika Portugiża, r-Repubblika tal-Finlandja, r-Renju ta' l-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq;

f) il-frażi "Stati Membri l-ġodda" tfisser l-Istati Membri li ġejjin: ir-Repubblika Ċeka, r-Repubblika ta' l-Estonja, r-Repubblika ta' Ċipru, r-Repubblika tal-Latvja, r-Repubblika tal-Litwanja, r-Repubblika ta' l-Ungerija, r-Repubblika ta' Malta, r-Repubblika tal-Polonja, r-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka.

Artikolu 2

Id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mit-Trattati ta' Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, r-Repubblika ta' l-Estonja, r-Repubblika ta' Ċipru, r-Repubblika tal-Latvja, r-Repubblika tal-Litwanja, r-Repubblika ta' l-Ungerija, r-Repubblika ta' Malta, r-Repubblika tal-Polonja, r-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka, previsti fl-Artikolu IV-437(2)(e) tal-Kostituzzjoni, daħlu fis-seħħ, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dak it-Trattat, mill- 1 ta' Mejju 2004.

Artikolu 3

1. Id-disposizzjoni ta' l-acquis Schengen integrati fil-qafas ta' l-Unjoni permezz tal-Protokoll anness mat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ bħala l-"Protokoll ta' Schengen") u l-atti li jibnu fuqu jew li b'xi mod għandhom x'jaqsmu miegħu, elenkati fl-Anness I ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003, kif ukoll atti oħra bħal dawn adottati qabel l- 1 ta' Mejju 2004, għandhom jorbtu u jkunu applikabbli fl-Istati Membri l-ġodda mill- 1 ta' Mejju 2004.

2. Dawk id-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li ġew integrati fil-qafas ta' l-Unjoni u l-atti li jibnu fuqu jew li għandhom x'jaqsmu miegħu li m'hemmx referenza għalihom fil-paragrafu 1, waqt li jorbtu lill-Istati Membri l-ġodda mill- 1 ta' Mejju 2004, għandhom japplikaw fi Stat Membru ġdid biss wara deċiżjoni Ewropea tal-Kunsill, li tkun ivverifikat skond il-proċeduri ta' valutazzjoni ta' Schengen applikabbli, li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha ta' l-acquis kkonċernat kienu sodisfatti f'dak l-Istat Membru l-ġdid.

Il-Kunsill għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu, wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, billi jaġixxi bl-unanimità tal-membri tiegħu li jirrappreżentaw il-Gvernijiet ta' l-Istati Membri li fir-rigward tagħhom id-disposizzjonijiet previsti f'dan il-paragrafu diġà daħlu fis-seħħ u tar-rappreżentant tal-Gvern ta' l-Istat Membru li fir-rigward tiegħu dawk id-disposizzjonijiet għad iridu jiddaħħlu fis-seħħ. Il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw il-Gvernijiet ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għandhom jieħdu sehem f'din id-deċiżjoni sakemm din tirrigwarda id-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen u l-atti li jibnu fuqu jew li għandhom x'jaqsmu miegħu b'xi mod ieħor li fih jipparteċipaw dawn l-Istati Membri.

3. Kull Ftehim milħuq mill-Kunsill taħt l-Artikolu 6 tal-Protokoll ta' Schengen għandu jorbot l-Istati Membri l-ġodda mill- 1 ta' Mejju 2004.

4. F'dak li għandu x'jaqsam mal-konvenzjonijiet jew l-istrumenti fil-qasam tal-ġustizzja u affarijiet interni li huma inseparabbli mill-kisba tal-miri tat-Trattat ta' l-UE, l-Istat Membri ġodda huma marbuta:

a) li jaderixxu ma' dawk li, fl- 1 ta' Mejju 2004, jkunu ġew miftuħa għall-firma mill-Istati Membri attwali, u ma' dawk li kienu abbozzati mill-Kunsill skond it-Titolu VI tat-Trattat ta' l-UE u rrakkomandati lill-Istati Membri għall-adozzjoni;

b) li jintroduċu arranġamenti amministrattivi u oħrajn, bħal dawk adottati sa l- 1 ta' Mejju 2004 mill-Istati Membri attwali jew mill-Kunsill, biex jiffaċilitaw koperazzjoni prattika bejn l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet ta' l-Istati Membri li jaħdmu fil-qasam tal-ġustizzja u l-intern.

Artikolu 4

Kull wieħed mill-Istati membri l-ġodda għandu jipparteċipa fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja mill- 1 ta' Mejju 2004 bħala Stat Membru b'deroga fis-sens ta' l-Artikolu III-197 tal-Kostituzzjoni.

Artikolu 5

1. L-Istati Membri l-ġodda, li ngħaqdu bl-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003 mad-deċiżjonijiet u l-ftehim adottati mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, għandhom ikunu meħtieġa li jaderixxu ma' kull ftehim ieħor konkluż mill-Istati Membri attwali dwar il-funzjonament ta' l-Unjoni jew li huma konnessi ma' l-attivitajiet tagħha.

2. L-Istati Membri l-ġodda għandhom ikun meħtieġa li jaderixxu għall-konvenzjonijiet previsti mill-Artikolu 293 tat-Trattat tal-KE u għal dawk li huma inseparabbli mill-kisba ta' l-għanijiet tat-Trattat tal-KE, jekk ikunu għadhom fis-seħħ, u wkoll mal-protokolli dwar l-interpretazzjoni ta' dawk il-konvenzjonijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmati mill-Istati Membri attwali, u għal dan l-iskop huma għandhom ikunu marbuta li jidħlu f'negozjati ma' l-Istati Membri attwali biex jagħmlu l-aġġustamenti meħtieġa għalihom.

Artikolu 6

1. L-Istati Membri l-ġodda għandhom ikunu obbligati li jaderixxu, bil-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Protokoll, mal-ftehim jew il-konvenzjonijiet konklużi jew applikati b'mod provviżorju mill-Istati Membri attwali li jaġixxu konġuntement ma' l-Unjoni jew il-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u għal kull ftehim konkluż minn dawk l-Istati li huma marbuta ma' dawk il-ftehim jew il-konvenzjonijiet.

L-adeżjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda għal kull ftehim jew konvenzjoni previsti fil-paragrafu 4 hawn taħt, kif ukoll għall-Ftehim mal-Belarus, iċ-Ċina, ċ-Ċile, il-Mercosur u l-Isvizzera, li ġew konklużi jew iffirmati mill-Komunità u l-Istati Membri attwali tagħha flimkien, għandha tkun approvata permezz ta' konklużjoni ta' protokoll għal dawn il-ftehim jew il-konvenzjonijiet bejn il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu għan-nom ta' l-Istati Membri, u l-pajjiż jew il-pajjiżi terzi jew l-organizzazzjoni internazzjonali, kkonċernati. Din il-proċedura hija bla ħsara għall-kompetenzi ta' l-Unjoni u tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u ma tolqotx l-allokazzjoni ta' kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Istati Membri fir-rigward tal-konklużjoni ta' ftehim bħal dan fil-futur jew kwalunkwe emenda oħra li ma għandhiex x'taqsam ma' l-adeżjoni. Il-Kummissjoni għandha tinnegozja dawn il-protokolli għan-nom ta' l-Istati Membri abbażi ta' direttivi dwar in-negozjati approvati mill-Kunsill, li jaġixxi bl-unanimità, u wara konsultazzjoni ma' kumitat magħmul mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri. Għandha tissottometti abbozzi tal-protokolli lill-Kunsill sabiex jiġu konklużi.

2. Hekk kif jaderixxu mal-ftehim u l-konvenzjonijiet previsti fil-paragrafu 1, l-Istati Membri l-ġodda għandhom jiksbu l-istess drittijiet u obbligi taħt dawk il-ftehim u l-konvenzjonijiet bħall-Istati Membri attwali.

3. L-Istati Membri l-ġodda għandhom ikunu obbligati li jaderixxu, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Protokoll, għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [1] skond l-Artikolu 128 tiegħu.

4. Mill- 1 ta' Mejju 2004, u, jekk ikun il-każ, sakemm jiġu konklużi l-protokolli meħtieġa previsti fil-paragrafu 1, l-Istati Membri l-ġodda għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet tal-Ftehim konklużi mill-Istati Membri attwali, u, konġuntament, mal-Komunità, ma' l-Alġerija, l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Bulgarija, l-Kroazja, l-Eġittu, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Ġeorġja, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Kazakstan, il-Kirgiżistan, il-Libanu, l-Messiku, l-Moldova, l-Marokk, ir-Rumanija, l-Federazzjoni Russa, San Marino, l-Afrika t'Isfel, il-Koreja t'Isfel, is-Sirja, t-Tuniżija, t-Turkija, t-Turkmenistan, l-Ukraina u l-Użbekistan kif ukoll d-disposizzjonijiet ta' kull ftehim ieħor konkluż mill-Istati Membri attwali u l-Komunità flimkien qabel l- 1 ta' Mejju 2004.

Kwalunkwe aġġustament għal dawn il-Ftehim għandu jsir permezz ta' protokolli mal-pajjiżi ko-kontraenti skond it-tieni sottoparagrafu tal-paragrafu 1. Jekk il-Protokolli ma jkunux ġew konklużi sa l- 1 ta' Mejju 2004, l-Unjoni, l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Istati Membri għandhom jieħdu, fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-miżuri meħtieġa biex jittrattaw dik is-sitwazzjoni.

5. Mill- 1 ta' Mejju 2004, l-Istati Membri l-ġodda għandhom japplikaw il-ftehim u l-arranġamenti bilaterali dwar it-tessuti konklużi mill-Komunità ma' pajjiżi terzi.

Ir-restrizzjonijiet kwantitattivi applikati mill-Unjoni fuq l-importazzjoni tat-tessuti u l-prodotti tal-ħwejjeġ għandhom jiġu aġġustati sabiex jieħdu in konsiderazzjoni l-adeżjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda.

Jekk l-emendi għall-ftehim u l-arranġamenti bilaterali dwar it-tessuti ma jkunux daħlu fis-seħħ sa l- 1 ta' Mejju 2004, l-Unjoni għandha tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa għar-regoli tagħha dwar l-importazzjoni ta' tessuti u ta' prodotti tal-ħwejjeġ ta' lbies minn pajjiżi terzi biex jieħdu in konsiderazzjoni l-adeżjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda.

6. Ir-restrizzjonijiet kwantitattivi applikati mill-Unjoni fuq l-importazzjoni ta' l-azzar u prodotti ta' l-azzar għandhom jiġu aġġustati abbażi ta' l-importazzjoni mill-Istati Membri l-ġodda matul is-snin li jiġu eżatt qabel l-iffirmar tat-Trattat ta' l-Adeżjoni ta' prodotti ta' l-azzar li joriġinaw mill-pajjiżi fornituri kkonċernati.

7. Ftehim dwar is-sajd konklużi qabel l- 1 ta' Mejju 2004 mill-Istati Membri l-ġodda ma' pajjiżi terzi għandhom jiġu amministrati mill-Unjoni.

Id-drittijiet u l-obbligi ta' l-Istati Membri l-ġodda li jirriżultaw minn dawk il-ftehim ma għandhomx ikunu milquta matul il-perijodu li fih id-disposizzjonijiet ta' dawk il-ftehim ikunu fis-seħħ b'mod provviżorju.

Kemm jista' jkun malajr, u fi kwalunkwe każ qabel l-iskadenza tal-ftehim previsti fl-ewwel subparagrafu, l-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta deċiżjonijiet Ewropej xierqa għall-kontinwazzjoni ta' l-attivitajiet ta' sajd li jirriżultaw minn dawk il-ftehim, inkluża l-possibiltà li jiġu estiżi ċerti ftehim għal perijodi ta' mhux aktar minn sena.

8. B'effett mill- 1 ta' Mejju 2004, l-Istati Membri l-ġodda għandhom jirtiraw minn kwalunkwe ftehim ta' kummerċ ħieles ma' pajjiżi terzi, inkluż il-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles ta' l-Ewropa Ċentrali.

Sa fejn ftehim bejn Stat Membru wieħed ġdid jew iktar min-naħa l-waħda, u pajjiż terz wieħed jew iżjed min-naħa l-oħra, ma jkunux kompatibbli ma' l-obbligi li jinħolqu mill-Kostituzzjoni, u b'mod partikolari minn dan il-Protokoll, l-Istati Membri l-ġodda għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jeliminaw l-inkompatibilitajiet eżistenti. Jekk Stat Membru ġdid jiltaqa' ma' diffikultajiet biex jadatta ftehim konkluż ma' pajjiż terz jew iżjed qabel l-adeżjoni, għandu, skond it-termini ta' dan il-ftehim, jirtira minn dak il-ftehim.

9. L-Istati Membri l-ġodda għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jaġġustaw, fejn meħtieġ, il-posizzjoni tagħhom fir-rigward ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, u ta' dawk il-ftehim internazzjonali li huma parti minnhom l-Unjoni jew il-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika jew Stati Membri oħra, għad-drittijiet u l-obbligi li jinħolqu bl-adeżjoni tagħhom ma' l-Unjoni.

B'mod partikolari, għandhom jirtiraw fl- 1 ta' Mejju 2004, jew kemm jista' jkun malajr wara din id-data, minn ftehim internazzjonali dwar organizzazzjonijiet tas-sajd anke minn dawk li tagħhom l-Unjoni wkoll hija parti, sakemm is-sħubija tagħhom f'dawn il-ftehim u organizzazzjonijiet ma tirrigwardax materji oħra barra s-sajd.

Artikolu 7

Atti adottati mill-istituzzjonijiet li għalihom jirreferu d-disposizzjonijiet transitorji stabbiliti minn dan il-Protokoll għandhom iżommu l-istatus ġuridiku tagħhom; b'mod partikolari, l-proċeduri biex jiġu emendati dawk l-atti għandhom jibqgħu japplikaw.

Artikolu 8

Disposizzjonijiet ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u l-Qorti Ġenerali, li l-iskop jew l-effett tagħhom hu li jħassar jew jemenda, b'miżura li ma tkunx transitorja, atti adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-aġenziji tal-Komunità Ewropea jew ta' l-Unjoni Ewropea stabbilita bit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandhom jibqgħu fis-seħħ bla preġudizzju għall-applikazzjoni tat-tieni paragrafu.

Dawn id-disposizzjonijiet għandu jkollhom l-istess natura ġuridika bħall-atti li jħassru jew jemendaw, u għandhom ikunu suġġetti għall-istess regoli bħal dawk l-atti.

Artikolu 9

It-testi ta' l-atti ta' l-istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-Komunità jew ta' l-Unjoni Ewropea stabbiliti bit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-testi ta' l-atti tal-Bank Ċentrali Ewropew li ġew adottati qabel l- 1 ta' Mejju 2004, u li kienu mfassla bil-lingwa Ċeka, Estona, Latvjana, Litwana, Ungeriża, Maltija, Pollakka, Slovena u Slovakka għandhom ikunu awtentiċi minn dik id-data, bl-istess kondizzjonijiet bħat-testi stabbiliti u awtentiċi fil-lingwi l-oħra.

Artikolu 10

Liġi Ewropea tal-Kunsill tista' tħassar d-disposizzjonijiet transitorji stabbiliti f'dan il-Protokoll, meta ma jibqgħux iżjed applikabbli. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

Artikolu 11

L-applikazzjoni tal-Kostituzzjoni u ta' atti adottati mill-istituzzjonijiet għandhom, bħala miżura transitorja, jkunu soġġetti għad-derogi kif provdut f'dan il-Protokoll.

TITOLU II

DISPOSIZZJONIJIET PERMANENTI

Artikolu 12

L-aġġustamenti għall-atti elenkati fl-Anness III ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003, li jsiru meħtieġa bl-adeżjoni għandhom jitfasslu skond il-linji gwida stipulati f'dak l-Anness u skond il-proċedura u l-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 36.

Artikolu 13

Il-miżuri elenkati fil-lista li tinstab fl-Anness IV ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003 għandhom jiġu applikati skond il-kondizzjonijiet stipulati f'dak l-Anness.

Artikolu 14

Liġi Ewropea tal-Kunsill tista' tagħmel l-aġġustamenti li jistgħu jkunu meħtieġa minħabba f'xi tibdil fid-dritt ta' l-Unjoni, għad-disposizzjonjiet ta' dan il-Protokoll, f'dak li għandu x'jaqsam mal-politika agrikola komuni . Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

TITOLU III

DISPOSIZZJONIJIET TEMPORANJI

Artikolu 15

Il-miżuri elenkati fil-lista li tinstab fl-Annessi V, VI, VII, VIII, IX, X, XI, XII, XIII u XIV ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003 għandhom japplikaw fir-rigward ta' l-Istati Membri l-ġodda taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dawk l-Annessi.

Artikolu 16

1. Id-dħul msemmi "dazji tat-Tariffa Doganali Komuni u dazji oħra" previst fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad- 29 ta' Settembru 2000, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej [2], jew id-disposizzjoni korrispondenti f'xi Deċiżjoni li tissostitwiha, għandu jinkludi d-dazji doganali kkalkulati abbażi tar-rati li jirriżultaw mit-Tariffa Doganali Komuni u kwalunkwe konċessjoni ta' tariffa li għandha x'taqsam magħha applikata mill-Unjoni fil-kummerċ ta' l-Istati Membri l-ġodda ma' pajjiżi terzi.

2. Għas-sena 2004, il-bażi ta' stima armonizzata tat-taxxa fuq il-valur miżjud u l-bażi tad-dħul gross nazzjonali (GNI — gross national income) ta' kull Stat Membru ġdid, previst fl-Artikolu 2(1)(ċ) u (d) tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom għandhom ikunu daqs żewġ terzi tal-bażi annwali. Il-bażi tal-GNI ta' kull Stat Membru ġdid li għandha tiġi kkunsidrata għall-kalkolu tal-finanzjament tal-korrezzjoni fir-rigward ta' żbilanċi fil-budget konċessa lir-Renju Unit, previst fl-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom għandha bl-istess mod tkun ekwivalenti għal żewġ terzi tal-bażi annwali.

3. Sabiex tiġi stabbilita r-rata ffriżata għall-2004 skond l-Artikolu 2(4)(b) tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom il-bażi kkappjata tat-taxxa fuq il-valur miżjud ta' l-Istati Membri l-ġodda għandha tiġi kkalkulata abbażi ta' żewġ terzi tal-bażi mhux ikkappjata tat-taxxa fuq il-valur miżjud tagħhom u ta' żewġ terzi tal-GNI tagħhom.

Artikolu 17

1. Il-budget ta' l-Unjoni għas-sena finanzjarja 2004 ġie adattat permezz ta' budget rettifikatorju li daħal fis-seħħ fl- 1 ta' Mejju 2004 sabiex jieħu in konsiderazzjoni l-adeżjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda.

2. It-tnax-il dodiċesimu mensili ta' riżorsi bbażati fuq il-VAT u l-GNI li għandu jitħallas mill-Istati Membri l-ġodda taħt il-budget rettifikatorju previst fil-paragrafu 1, kif ukoll l-aġġustament retroattiv tad-dodiċesimu mensili għal perjodu minn Jannar sa April 2004 li japplikaw biss għall-Istati Membri attwali, għandhom jinbidlu f'ottavi li jitħallsu waqt il-perijodu bejn Mejju u Diċembru 2004. Bl-istess mod, l-aġġustamenti retroattivi li jirriżultaw minn xi budget rettifikatorju sussegwenti adottat fl-2004, għandhom bl-istess mod jinbidlu f'partijiet indaqs li jitħallsu matul il-bqija tas-sena.

Artikolu 18

Fl-ewwel jum utli ta' kull xahar l-Unjoni għandha tħallas lir-Repubblika Ċeka, lil Ċipru, lil Malta u lis-Slovenja, bħala parti min-nefqa taħt il-budget ta' l-Unjoni, ottav fl-2004, mill- 1 ta' Mejju 2004, u dodiċesimu fl-2005 u l-2006 ta' l-ammonti ta' kumpens temporanju tal-budget li ġejjin:

(miljuni ta' euro, prezzijiet ta' l-1999) |

| 2004 | 2005 | 2006 |

ir-Repubblika Ċeka | 125,4 | 178,0 | 85,1 |

Ċipru | 68,9 | 119,2 | 112,3 |

Malta | 37,8 | 65,6 | 62,9 |

is-Slovenja | 29,5 | 66,4 | 35,5 |

Artikolu 19

Fl-ewwel jum utli ta' kull xahar l-Unjoni għandha tħallas lir-Repubblika Ċeka, lill-Estonja, lil Ċipru, lil-Latvja, lil-Litwanja, lill-Ungerija, lil Malta, lill-Polonja, lis-Slovenja u lis-Slovakkja, bħala parti min-nefqa taħt il-budget ta' l-Unjoni, ottav fl-2004, mill- 1 ta' Mejju 2004, u dodiċesimu fl-2005 u l-2006 ta' l-ammonti li ġejjin f'somma definita bħala faċilità speċjali għal-likwidità:

(miljuni ta' euro, prezzijiet ta' l-1999) |

| 2004 | 2005 | 2006 |

ir-Repubblika Ċeka | 174,7 | 91,55 | 91,55 |

l-Estonja | 15,8 | 2,90 | 2,90 |

Ċipru | 27,7 | 5,05 | 5,05 |

il-Latvja | 19,5 | 3,40 | 3,40 |

il-Litwanja | 34,8 | 6,30 | 6,30 |

l-Ungerija | 155,3 | 27,95 | 27,95 |

Malta | 12,2 | 27,15 | 27,15 |

il-Polonja | 442,8 | 550,00 | 450,00 |

is-Slovenja | 65,4 | 17,85 | 17,85 |

is-Slovakkja | 63,2 | 11,35 | 11,35 |

1000 miljun euro għall-Polonja u 100 miljun euro għar-Repubblika Ċeka, inklużi fis-somma waħda definita ta' faċilità speċjali għal-likwidità, għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni f'kull kalkolu tar-ripartizzjoni tal-Fondi Strutturali għas-snin 2004, 2005 u 2006.

Artikolu 20

1. L-Istati Membri l-ġodda elenkati hawn taħt għandhom iħallsu l-ammonti li ġejjin lill-Fond għar-Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar previst fid-Deċiżjoni 2002/234/KEFA tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill tas- 27 ta' Frar 2002 dwar il-konsegwenzi finanzjarji tat-tmiem tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond għar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar [3]:

(miljuni ta' euro, prezzijiet attwali) |

ir-Repubblika Ċeka | 39,88 |

l-Estonja | 2,50 |

il-Latvja | 2,69 |

l-Ungerija | 9,93 |

il-Polonja | 92,46 |

is-Slovenja | 2,36 |

is-Slovakkja | 20,11 |

2. Il-kontribuzzjonijiet għall-Fond għar-Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar għandhom isiru f'erba' pagamenti li jibdew fl-2006 u jitħallsu kif ġej, f'kull każ fl-ewwel jum utli ta' l-ewwel xahar ta' kull sena:

2006: | 15 % |

2007: | 20 % |

2008: | 30 % |

2009: | 35 % |

Artikolu 21

1. Ħlief fejn previst xort'oħra f'dan il-Protokoll, l-ebda impenn finanzjaru ma għandu jsir taħt il-programm Phare [4], il-programm Phare ta' Koperazzjoni Transkonfinali [5], il-fondi ta' qabel l-adeżjoni għal Ċipru u Malta [6], il-programm ISPA [7] u l-programm SAPARD [8] favur l-Istati Membri l-ġodda wara l- 31 ta' Diċembru 2003. L-Istati Membri l-ġodda għandhom jirċievu l-istess trattament bħall-Istati Membri attwali rigward in-nefqa taħt l-ewwel tliet intestaturi tal-Perspettiva Finanzjarja, kif imfissra fil-Ftehim Interistituzzjonali tas- 6 ta' Mejju 1999 [9], mill- 1 ta' Jannar 2004, soġġett għall-ispeċifikazzjonijiet u eċċezzjonijiet individwali ta' hawn taħt jew kif previst b'mod ieħor f'dan il-Protokoll. L-approprjazzjonijiet addizzjonali massimi għall-intestaturi 1, 2, 3 u 5 tal-Perspettiva Finanzjarja li għandhom x'jaqsmu mat-tkabbir huma mniżżla fl-Anness XV ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003. Madanakollu, qabel ma tkun seħħet l-adeżjoni ta' l-Istat Membru l-ġdid rilevanti ma jista' jittieħed l-ebda impenn finanzjarju taħt l-estimi ta' l-2004 għal kwalunkwe programm jew aġenzija in kwistjoni.

2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għan-nefqa taħt il-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanziji, Sezzjoni Garanzija, skond l-Artikoli 2(1), 2(2) u 3(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1258/1999 tas- 17 ta' Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni [10], li ser tkun eliġibbli għall-fondi Komunitarji biss mill- 1 ta' Mejju 2004, skond l-Artikolu 2 ta' dan il-Protokoll.

Madankollu, l-paragrafu 1 għandu japplika għal infiq għal żvilupp rurali taħt il-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanziji, Sezzjoni Garanzija, skond l-Artikolu 47a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas- 17 ta' Mejju 1999 dwar sostenn għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanziji(EAGGF) u li jemenda u jħassar ċerti regolamenti [11], bla ħsara għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-emenda ta' dak ir-Regolament, li jinsab fl-Anness II għall-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003.

3. Bla ħsara għall-aħħar sentenza tal-paragrafu 1, mill- 1 ta' Jannar 2004, l-Istati Membri l-ġodda għandhom jipparteċipaw fil-programmi u l-aġenziji ta' l-Unjoni skond l-istess kondizzjonijiet bħall-Istati Membri attwali b'fondi mill-budget ġenerali ta' l-Unjoni.

4. Jekk ikunu meħtieġa xi miżuri biex jiffaċilitaw it-transizzjoni mir-reġim ta' qabel l-adeżjoni għal dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, l-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri meħtieġa.

Artikolu 22

1. Mill- 1 ta' Mejju 2004, it-tnedija għal offerti, l-kuntratti, l-implimentazzjoni u l-pagamenti ta' l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni taħt il-programm ta' Phare, il-programm ta' koperazzjoni transkonfinali fil-kwadru tal-programm Phare u l-fondi ta' qabel l-adeżjoni għal Ċipru u Malta għandhom jiġu amministrati minn aġenziji ta' implimentazzjoni fl-Istati Membri l-ġodda.

Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjonijiet Ewropej biex tneħħi l-kontroll ex-ante mill-Kummissjoni fuq it-tnedija għal offerti u l-kuntratti wara valutazzjoni posittiva tas-Sistema ta' Implimentazzjoni Deċentralizzata u Estiża (EDIS) skond il-kriterji u l-kondizzjonijiet stipulati fl-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1266/1999 tal- 21 ta' Ġunju 1999 dwar il-kordinazzjoni ta' l-għajnuna lill-pajjiżi applikanti fil-kwadru ta' l-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru. 3906/89 [12].

Jekk dawn id-deċiżjonijiet biex jitneħħa l-kontroll ex-ante ma jkunux ġew adottati qabel l- 1 ta' Mejju 2004, kull kuntratt iffirmat bejn l- 1 ta' Mejju 2004 u d-data li fiha jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni m'għandux ikun eliġibbli għall-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni.

Madanakollu, eċċezzjonalment, jekk id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jneħħu l-kontroll ex-ante ikunu posposti sa wara l- 1 ta' Mejju 2004 għal raġunjiet li mhumiex attribwibbli lill-awtoritajiet ta' Stat Membru ġdid, il-Kummissjoni tista' taċċetta, f'każijiet iġġustifikati kif xieraq, l-eliġibilità għall-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni ta' kuntratti ffirmati bejn l- 1 ta' Mejju 2004 u d-data ta' l-adozzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet, u l-kontinwazzjoni ta' l-implimentazzjoni ta' l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni għal perjodu limitat, bla ħsara għall-kontroll ex-ante mill-Kummissjoni fuq it-tnedija għal offerti u l-kuntratti.

2. L-impenji globali fuq il-budget li saru qabel l- 1 ta' Mejju 2004 taħt l-istrumenti finanzjarji ta' qabel l-adeżjoni previsti fil-paragrafu 1, inklużi l-konkluzjoni u r-reġistrazzjoni ta' impenji u pagamenti legali individwali sussegwenti li jsiru wara l- 1 ta' Mejju 2004, għandhom ikomplu jkunu regolati mir-regoli u regolamenti ta' l-istrumenti finanzjarji ta' qabel l-adeżjoni u jitħallsu mill-kapitoli korrispondenti tal-budget sa l-għeluq tal-programmi u l-proġetti in kwistjoni. Madankollu, l-proċeduri ta' l-akkwist pubbliku li nbdew wara l- 1 ta' Mejju 2004 għandhom jitwettqu skond l-atti rilevanti ta' l-Unjoni.

3. L-aħħar eżerċizzju ta' programmazzjoni ta' l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni previst fil-paragrafu 1 għandu jseħħ fl-aħħar sena kalendarja sħiħa qabel l- 1 ta' Mejju 2004. Azzjonijiet taħt dawn il-programmi jridu jiġu kuntrattati matul is-sentejn ta' wara u pagamenti għandhom jiġu magħmula kif provdut fil-Memorandum tal-Finanzjament [13], normalment sat-tmiem tat-tielet sena wara l-impenn. Ma tista' tingħata l-ebda estensjoni għall-perijodu kontrattwali. Eċċezzjonalment u f'każijiet ġustifikati kif xieraq, jistgħu jingħataw estensjonijiet limitati tat-terminu għall-ħlas.

4. Biex tkun żgurata s-soppressjoni progressiva neċessarja ta' strumenti finanzjari ta' qabel l-adeżjoni previsti fil-paragrafu 1 kif ukoll il-programm ISPA, u transizzjoni bla xkiel mir-regoli applikabbli qabel l- 1 ta' Mejju 2004 għal dawk applikabbli wara dik id-data, l-Kummissjoni tista' tieħu kull miżura xierqa biex tiżgura li l-persunal statutorju meħtieġ jkun miżmum fl-Istati Membri l-ġodda għal massimu ta' ħmistax-il xahar wara l- 1 ta' Mejju 2004. Matul dan il-perijodu, uffiċjali assenjati għal postijiet fl-Istati

Membri l-ġodda qabel l- 1 ta' Mejju 2004 u li huma meħtieġa li jibqgħu fis-servizz f'dawk l-Istati wara l- 1 ta' Mejju 2004 għandhom jibbenefikaw, bħala eċċezzjoni, mill-istess kondizzjonijiet finanzjarji u materjali li kienu applikati mill-Kummissjoni qabel l- 1 ta' Mejju 2004 skond l-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg applikabbli għall-Agenti l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej stipulati fir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru. 259/68 [14]. In-nefqa amministrattiva, inklużi s-salarji ta' persunal ieħor, meħtieġa għall-amministrazzjoni ta' l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni għandha tiġi koperta, għas-sena 2004 kollha u sa l-aħħar ta' Lulju ta' l-2005, taħt l-intestatura "nefqa għas-sostenn ta' operazzjonijiet" (li qabel kienet il-parti B tal-budget) jew intestaturi ekwivalenti għall-istrumenti finanzjarji previsti fil-paragrafu 1 kif ukoll il-programm ta' l-ISPA, ta' l-budgets kollha rilevanti ta' qabel l-adeżjoni.

5. Meta xi proġetti li ġew approvati taħt ir-Regolament (KE) Nru. 1258/1999 ma jistgħux jibqgħu jiġu ffinanzjati taħt dak l-istrument, dawn jistgħu jiġu ntegrati fil-programmazzjoni għall-iżvilupp rurali u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanziji. Jekk f'dan ir-rigward ikunu meħtieġa xi miżuri transitorji speċifiċi, dawn għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 50(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1260/1999 tal- 21 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-disposizzjonijiet ġenerali tal-Fondi Strutturali [15].

Artikolu 23

1. Bejn l- 1 ta' Mejju 2004 u l-aħħar ta' l-2006, l-Unjoni għandha tipprovdi għajnuna finanzjarja temporanja, minn hawn 'il quddiem imsejjħa "il-Faċilità għat-Transizzjoni", lill-Istati Membri l-ġodda sabiex jiżviluppaw u jsaħħu l-kapaċità amministrattiva tagħhom biex jimplimentaw u jinforzaw id-dritt ta' l-Unjoni u tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u sabiex jippromwovu l-iskambju ta' l-aħjar prattika inter pares.

2. L-għajnuna għandha tittratta l-ħtieġa kontinwa għat-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali f'ċerti oqsma permezz ta' azzjoni li ma tistax tiġi ffinanzjata mill-Fondi Strutturali, b'mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:

a) ġustizzja u intern (tisħiħ tas-sistema ġudizzjarja, kontrolli fuq il-fruntieri esterni, strateġija kontra l-korruzzjoni, tisħiħ tal-kapaċità għar-rinfurzar tal-miżuri repressivi);

b) kontroll finanzjarju;

ċ) protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni u tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-ġlieda kontra l-frodi;

d) suq intern, inkluża l-unjoni doganali;

e) ambjent;

f) servizzi veterinarji u tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva li għandha x'taqsam mas-sigurtà ta' l-ikel;

g) strutturi amministrattivi u ta' kontroll għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, inkluża s-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll (IACS);

h) sigurtà nukleari (tisħiħ ta' l-effettività u l-kompetenza ta' l-awtoritajiet tas-sigurtà nukleari u l-organizzazzjonijiet ta' sostenn tekniku tagħhom kif ukoll l-aġenziji pubbliċi għall-amministrazzjoni ta' l-iskart radjuattiv);

i) statistika;

j) tisħiħ ta' l-amministrazzjoni pubblika skond il-ħtiġijiet identifikati fir-rapport ta' monitoraġġ komprensiv tal-Kummissjoni u li mhumiex koperti mill-Fondi Strutturali.

3. Għajnuna taħt il-Faċilità għat-Transizzjoni għandha tiġi deċiża skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 3906/89 tat- 18 ta' Diċembru 1989 dwar għajnuna ekonomika lil ċerti pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant [16].

4. Il-programm għandu jiġi mplimentat skond l-Artikolu 53(1)(a) u (b) tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [17] jew skond il-liġi li tissostiwih. Għal proġetti ta' ġemellaġġ bejn amministrazzjonijiet pubbliċi sabiex jirrinfurzaw l-istituzzjonijiet, il-proċedura għas-sejħa għal proposti permezz ta' rettikolat ta' punti ta' kuntatt fl-Istati Membri għandha tibqa' tapplika, kif stabbilit fil-Ftehim Kwadru ma' l-Istati Membri attwali għall-finijiet ta' l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni.

L-approprjazzjonijiet ta' flus impenjati għall-Faċilità għat-Transizzjoni, skond il-prezzijiet ta' l-1999, għandhom ikunu ta' 200 miljun euro fl-2004, 120 miljun euro fl-2005 u 60 miljun euro fl-2006. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-budget sal-limiti tal-perspettiva finanzjarja kif imfisser bil-Ftehim Interistituzzjonali tas- 6 ta' Mejju 1999.

Artikolu 24

1. Qed tinħoloq hawnhekk Faċilità ta' Schengen bħala strument temporanju biex jgħin lill-Istati Membri benefiċjarji bejn l- 1 ta' Mejju 2004 u l-aħħar ta' l-2006 fil-finanzjament ta' azzjonijiet mal-fruntieri esterni ġodda ta' l-Unjoni għall-implimentazzjoni ta' l-acquis ta' Schengen u l-kontroll tal-fruntieri esterni.

Sabiex jiġu trattati n-nuqqasijiet identifikati fil-preparazzjoni għall-parteċipazzjoni f'Schengen, huma eliġibbli għall-finanzjament taħt il-Faċilità ta' Schengen it-tipi ta' azzjonijiet li ġejjin:

a) investiment fil-bini, restawr jew titjib ta' l-infrastruttura għall-qsim tal-fruntieri u bini konness;

b) investiment f'kull tip ta' tagħmir għal operazzjonijiet (p.e. tagħmir tal-laboratorju, għodda għall-investigazzjoni, Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen - hardware u software tas-SIS II, mezzi tat-trasport);

ċ) taħriġ ta' gwardji tal-fruntieri;

d) sostenn fl-ispejjeż għal-loġistika u l-operazzjonijiet.

2. L-ammonti li ġejjin għandhom ikunu disponibbli taħt il-Faċilità ta' Schengen fl-għamla ta' pagament ta' għotja f'somma waħda mill- 1 ta' Mejju 2004 lill-Istati Membri benefiċjarji elenkati hawn taħt:

(miljuni ta' euro, prezzijiet ta' l-1999) |

| 2004 | 2005 | 2006 |

l-Estonja | 22,90 | 22,90 | 22,90 |

il-Latvja | 23,70 | 23,70 | 23,70 |

il-Litwanja | 44,78 | 61,07 | 29,85 |

l-Ungerija | 49,30 | 49,30 | 49,30 |

il-Polonja | 93,34 | 93,33 | 93,33 |

is-Slovenja | 35,64 | 35,63 | 35,63 |

is-Slovakkja | 15,94 | 15,93 | 15,93 |

3. L-Istati Membri benefiċjarji għandhom ikunu responsabbli għall-għażla u l-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet individwali skond dan l-Artikolu. Huma għandhom ikunu responsabbli wkoll għall-kordinazzjoni ta' l-użu tal-Faċilità ta' Schengen b'għajnuna minn strumenti oħra ta' l-Unjoni, sabiex jiżguraw il-kompatibilità ma' kull politika u miżura ta' l-Unjoni u l-ħarsien tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej jew mal-liġi Ewropea li tissostitwih.

Il-pagamenti ta' għotja f'somma waħda ta' flus għandhom jintużaw fi żmien tliet snin mill-ewwel pagament u l-fondi kollha li ma jintużawx jew li jintnefqu b'mod mhux ġustifikabbli għandhom jiġu rkuprati mill-Kummissjoni. L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jissottomettu, mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-iskadenza tat-terminu ta' tliet snin, rapport komprensiv dwar l-eżekuzzjoni finanzjarja tal-pagamenti ta' għotja f'somma waħda b'rendikont li jiġġustifika n-nefqa.

L-Istat Membru benefiċjarju għandu jeżerċita din ir-responsabbiltà mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-budget ta' l-Unjoni u skond id-disposizzjonijiet fl-imsemmi Regolament Finanzjarju, jew skond il-liġi Ewropea li tissostitwih, applikabbli għall-amministrazzjoni deċentralizzata.

4. Il-Kummissjoni żżomm id-dritt tal-verifika, permezz ta' l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF). Il-Kummissjoni u l-Qorti ta' l-Awdituri jistgħu wkoll jagħmlu kontrolli fuq il-post skond il-proċeduri xierqa.

5. Il-Kummissjoni tista' tadotta kull disposizzjoni teknika meħtieġa għat-tħaddim ta' din il-Faċilità ta' Schengen.

Artikolu 25

L-ammonti previsti fl-Artikoli 18, 19, 23, u 24 għandhom jiġu aġġustati kull sena, bħala parti mill-aġġustament tekniku previst fl-Artikolu 15 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas- 6 ta' Mejju 1999.

Artikolu 26

1. Jekk, sa l-aħħar ta' perijodu ta' mhux aktar minn tliet snin mill- 1 ta' Mejju 2004 jinqalgħu diffikultajiet serji u li x'aktarx jippersistu f'xi settur ta' l-ekonomija jew li jistgħu jikkawżaw xi deterjorazzjoni serja fis-sitwazzjoni ekonomika ta' xi żona partikolari, Stat Membru ġdid jista' japplika għall-awtorizzazzjoni biex jieħu miżuri protettivi sabiex jirranġa s-sitwazzjoni u jaġġusta s-settur kkonċernat għall-ekonomija tas-suq intern.

Fl-istess ċirkostanzi, kull Stat Membru attwali jista' japplika biex jiġi awtorizzat jieħu miżuri protettivi fir-rigward ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri l-ġodda.

2. Fuq talba mill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni għandha, bi proċedura ta' emerġenża, tadotta r-regolamenti jew id-deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu l-miżuri protettivi li jidhrilha meħtieġa, u għandha tispeċifika l-kondizzjonijiet u l-modalitajiet li taħthom għandhom jidħlu fis-seħħ dawn il-miżuri.

F'każ ta' diffikultajiet ekonomiċi serji u fuq talba diretta mill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni għandha taġixxi fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta taslilha t-talba li għandu jkun fiha l-informazzjoni rilevanti meħtieġa. Il-miżuri li dwarhom tkun ittieħdet deċiżjoni għandhom ikunu applikabbli immedjatament, għandhom jikkunsidraw l-interessi tal-partijiet kkonċernati kollha u ma għandhomx jinvolvu kontrolli fuq il-fruntieri.

3. Il-miżuri awtorizzati permezz tal-paragrafu 2 jistgħu jinvolvu derogi mir-regoli tal-Kostituzzjoni, u b'mod partikolari minn dan il-Protokoll, safejn u għal dawk il-perjodi li huma strettament meħtieġa sabiex jinkisbu l-għanijiet previsti fil-paragrafu 1. Għandha tingħata prijorità lil dawk il-miżuri li l-inqas ifixklu l-funzjonament tas-suq intern.

Artikolu 27

Jekk Stat Membru ġdid ikun naqas milli jimplimenta l-impenji meħuda fil-kuntest tan-negozjati dwar l-adeżjoni, inkluż kull impenn f'kull politika settorjali li tikkonċerna attivitajiet ekonomiċi b'effett transkonfinali, u b'dan jikkawża disfunzjoni serja tas-suq intern, jew riskju imminenti ta' dan id-disfunzjoni, l-Kummissjoni tista', sa l-aħħar tal-perijodu ta' mhux akar minn tliet snin wara l- 1 ta' Mejju 2004, fuq it-talba motivata minn Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, tadotta regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu miżuri xierqa.

Il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati u għandha tingħata prijorità lil miżuri li l-inqas jiddisturbaw il-funzjonament tas-suq intern u, fejn xieraq, lill-applikazzjoni ta' mekkaniżmi ta' salvagwardja settorjali eżistenti. Dawn il-miżuri ta' salvagwardja ma għandhomx jiġu nvokati bħala mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew ta' restrizzjoni mmaskrata fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Dawn il-miżuri ma għandhomx jinżammu għal iktar żmien milli huwa strettament meħtieġ, u, f'kull każ, għandhom jitneħħew meta l-impenn rilevanti jiġi mplimentat. Madanakollu jistgħu jiġu applikati wara l-perijodu speċifikat fl-ewwel paragrafu sakemm l-impenji rilevanti ma jkunux ġew imwettqa. Il-Kummissjoni tista' taddatta l-miżuri li jkun hemm bżonn skond kif l-Istat Membru l-ġdid ikun wettaq l-impenji tiegħu,. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill fi żmien utli qabel ma' tħassar r-regolamenti u d-deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu l-miżuri ta' salvagwardja, u għandha tikkunsidra kif xieraq kull osservazzjoni tal-Kunsill f'dan ir-rigward.

Artikolu 28

Jekk ikun hemm nuqqasijiet serji jew perikli imminenti ta' tali nuqqasijiet fi Stat Membru ġdid fit-trasposizzjoni, l-istat ta' implimentazzjoni jew l-applikazzjoni tad-deċiżjonijiet kwadru jew ta' kull impenn rilevanti ieħor, ta' l-istrumenti ta' koperazzjoni u tad-deċiżjonijiet li għandhom x'jaqsmu mar-rikonoxximent reċiproku fil-qasam tal-liġi kriminali adottati skond it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-UE, tad-Direttivi u tar-Regolamenti li għandhom x'jaqsmu mar-rikonoxximent reċiproku fi kwistjonijiet ċivili adottati skond it-Titolu IV tat-Trattat tal-KE, u tal-liġijiet u tal-liġijiet kwadru Ewropej adottati abbażi tal-Parti III, t-Titolu III, l-Kapitolu IV, is-Sezzjonijiet 3 u 4 tal-Kostituzzjoni, l-Kummissjoni tista', sa l-aħħar tal-perijodu ta' mhux aktar minn tliet snin wara l- 1 ta' Mejju 2004, fuq it-talba motivata minn Stat Membru, jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, u wara li tikkonsulta lill-Istati Membri, tadotta regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu miżuri xierqa u jispeċifikaw il-kondizzjonijiet u l-modalitajiet li taħthom dawn il-miżuri għandhom jidħlu fis-seħħ.

Dawn il-miżuri jistgħu jieħdu l-forma ta' sospensjoni temporanja ta' l-applikazzjoni ta' disposizzjonijiet u deċiżjonijiet rilevanti fir-rigward ta' relazzjonijiet bejn Stat Membru ġdid u Stat Membru jew Stati Membri oħra, bla ħsara għat-tkomplija ta' koperazzjoni ġudizzjarja mill-qrib. Dawn il-miżuri ma għandhomx jinżammu għal iktar żmien milli huwa strettament meħtieġ, u, f'kull każ, għandhom jitneħħew meta n-nuqqasijiet jissewwew. Madanakollu jistgħu jkomplu jiġu applikati wara l-perijodu speċifikat fl-ewwel paragrafu sakemm dawn in-nuqqasijiet jippersistu. Wara li tikkonsulta lill-Istati Membri, l-Kummissjoni tista' taddatta l-miżuri li jkun hemm bżonn skond kif l-Istat Membru l-ġdid ikun irrettifika n-nuqqasijiet identifikati. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill fi żmien utli qabel ma' tħassar il-miżuri ta' salvagwardja, u għandha tikkunsidra kif xieraq kull osservazzjoni tal-Kunsill f'dan ir-rigward.

Artikolu 29

Sabiex ma jiġix imxekkel il-funzjonament kif suppost tas-suq intern, l-implimentazzjoni tar-regoli nazzjonali ta' l-Istati Membri l-ġodda matul il-perijodi transitorji previsti fl-Annessi V sa XIV għall-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003 ma għandhomx iwasslu għal kontrolli fuq il-fruntieri bejn l-Istati Membri.

Artikolu 30

Jekk ikunu meħtieġa miżuri transitorji sabiex jiffaċilitaw it-transizzjoni mir-reġim eżistenti fl-Istati Membri l-ġodda għal dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-politika agrikola komuni taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Protokoll, dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 42(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1260/2001 tad- 19 ta' Ġunju 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor [18], jew jekk ikun il-każ, fl-Artikoli korrispondenti tar-Regolamenti l-oħra dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli jew il-liġijiet Ewropej li jissostitwuhom jew skond il-proċedura rilevanti kif stabbilita fil-leġislazzjoni applikabbli. Il-miżuri transitorji previsti f'dan l-Artikolu jistgħu jittieħdu matul perijodu ta' tliet snin wara l- 1 ta' Mejju 2004 u l-applikazzjoni tagħhom għandha tkun limitata għal dak il-perjodu. Liġi Ewropea tal-Kunsill tista' testendi dan il-perjodu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

Artikolu 31

Jekk ikunu meħtieġa miżuri transitorji sabiex jiffaċilitaw it-transizzjoni mir-reġim eżistenti fl-Istati Membri l-ġodda għal dak li jirriżulta mill-implimentazzjoni tar-regoli veterinarji u fitosanitarji tal-Unjoni, dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura rilevanti kif stabbilita mil-leġislazzjoni applikabbli. Dawn il-miżuri għandhom jittieħdu matul perijodu ta' tliet snin wara l- 1 ta' Mejju 2004 u l-applikazzjoni tagħhom għandha tkun limitata għal dak il-perijodu.

Artikolu 32

1. Il-mandat tal-membri l-ġodda tal-Kumitati, gruppi u korpi oħra elenkati fl-Anness XVI ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003 għandu jiskadi fl-istess ħin bħal dak tal-membri in kariga fl- 1 ta' Mejju 2004.

2. Il-mandat tal-membri l-ġodda tal-Kumitati u tal-gruppi maħluqa mill-Kummissjoni elenkati fl-Anness XVII ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003, għandu jiskadi fl-istess żmien bħal dak tal-membri in kariga fl- 1 ta' Mejju 2004.

TITOLU IV

APPLIKABILITÀ TA' L-ATTI TA' L-ISTITUZZJONIJIET

Artikolu 33

Mill- 1 ta' Mejju 2004, l-Istati Membri l-ġodda għandhom jitqiesu bħala destinatarji tad-direttivi u tad-deċiżjonijiet fis-sens ta' l-Artikolu 249 tat-Trattat tal-KE u ta' l-Artikolu 161 tat-Trattat tal-KEEA, meta dawk id-direttivi u d-deċiżjonijiet ikunu ġew indirizzati lill-Istati Membri attwali kollha. Ħlief f'dak li għandu x'jaqsam mad-direttivi u d-deċiżjonijiet li jidħlu fis-seħħ bis-saħħa ta' l-Artikolu 254 (1) u (2) tat-Trattat tal-KE, l-Istati Membri l-ġodda għandhom jitqiesu li jkunu rċevew notifika ta' dawk id-direttivi u d-deċiżjonijiet fl- 1 ta' Mejju 2004.

Artikolu 34

L-Istati Membri l-ġodda għandhom idaħħlu fis-seħħ dawk il-miżuri meħtieġa biex ikunu jistgħu jħarsu, mill- 1 ta' Mejju 2004, dawk id-disposizzjonijiet ta' direttivi u deċiżjonijiet fis-sens ta' l-Artikolu 249 tat-Trattat tal-KE u ta' l-Artikolu 161 tat-Trattat tal-KEEA, sakemm terminu ta' żmien ieħor ma jkunx ipprovdut għal fl-Annessi previsti fl-Artikolu 15 jew f'xi disposizzjonijiet oħra ta' dan il-Protokoll.

Artikolu 35

Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta r-regolamenti u d-deċiżjonijiet Ewropej meħtieġa biex jimplimenta d-disposizzjonijiet li hemm fl-Annessi III u IV ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003 previsti fl-Artikoli 12 u 13 ta' dan il-Protokoll.

Artikolu 36

1. Meta atti ta' l-istituzzjonijiet adottati qabel l- 1 ta' Mejju 2004 għandhom bżonn ta' adattamenti minħabba l-adeżjoni, u ma hemmx provvediment għall-adattamenti meħtieġa minn dan il-Protokoll, dawk l-adattamenti għandhom isiru skond il-proċedura stabbilita bil-paragrafu 2. Dawk l-adattamenti għandhom jidħlu fis-seħħ mill- 1 ta' Mejju 2004.

2. Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jew il-Kummissjoni, skond liema minn dawn iż-żewg istituzzjonijiet tkun adottat l-atti orġinali, għandhom għal dan l-iskop jadottaw l-atti meħtieġa.

Artikolu 37

Id-disposizzjonijiet stabbiliti b'liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva li jkollhom l-iskop li jħarsu s-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali fit-territorju ta' l-Istati Membri l-ġodda kontra l-perikli li jinħolqu minn radjazzjoni jonizzanti għandhom, skond l-Artikolu 33 tat-Trattat tal-KEEA, jiġu notifikati minn dawk l-Istati lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mill- 1 ta' Mejju 2004.

IT-TIENI PARTI

DISPOSIZZJONIJIET DWAR IL-PROTOKOLLI ANNESSI MA' L-ATT TA' L-ADEŻJONI TAS- 16 TA' APRIL 2003

TITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET TRANSITORJI DWAR IL-BANK EWROPEW TA' L-INVESTIMENT

Artikolu 38

Ir-Renju ta' Spanja għandu jħallas l-ammont ta' 309686775 euro bħala s-sehem tiegħu tal-kapital mħallas għaż-żieda fil-kapital sottoskritt. Din il-kontribuzzjoni għandha titħallas fi tmien pagamenti indaqs li għandhom isiru fit- 30 ta' Settembru 2004, it- 30 ta' Settembru 2005, it- 30 ta' Settembru 2006, il- 31 ta' Marzu 2007, it- 30 ta' Settembru 2007, il- 31 ta' Marzu 2008, it- 30 ta' Settembru 2008 u l- 31 ta' Marzu 2009.

Ir-Renju ta' Spanja għandu jikkontribwixxi, fi tmien pagamenti ndaqs li għandhom isiru f'dawk id-dati, għar-riservi u l-provvisti li huma ekwivalenti għal riservi, kif ukoll għall-ammont li għad irid ikun approprjat għar-riservi u l-provvisti, li jinkludu l-bilanċ tal-kont tal-qligħ u t-telf, stabbilit fl-aħħar ta' April 2004, kif imniżżel fil-karta tal-bilanċ tal-Bank, f'ammonti li jikkorrispondu għal 4,1292 % tar-riservi u l-provvisti.

Artikolu 39

Mill- 1 ta' Mejju 2004, l-Istati Membri l-ġodda għandhom iħallsu l-ammonti li ġejjin li jikkorrispondu mas-sehem tagħhom tal-kapital imħallas għall-kapital sottoskritt kif definit fl-Artikolu 4 ta' l-Istatut tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment:

il-Polonja | 170563175 euro |

ir-Repubblika Ċeka | 62939275 euro |

l-Ungerija | 59543425 euro |

is-Slovakkja | 21424525 euro |

is-Slovenja | 19890750 euro |

il-Litwanja | 12480875 euro |

Ċipru | 9169100 euro |

il-Latvja | 7616750 euro |

l-Estonja | 5882000 euro |

Malta | 3490200 euro |

Dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jitħallsu fi tmien pagamenti ndaqs li għandhom isiru fit- 30 ta' Settembru 2004, it- 30 ta' Settembru 2005, it- 30 ta' Settembru 2006, il- 31 ta' Marzu 2007, it- 30 ta' Settembru 2007, il- 31 ta' Marzu 2008, it- 30 ta' Settembru 2008 u l- 31 ta' Marzu 2009.

Artikolu 40

L-Istati Membri l-ġodda għandhom jikkontribwixxu, fi tmien pagamenti ndaqs li għandhom isiru fid-dati msemmija fl-Artikolu 39, għar-riservi u l-provvisti ekwivalenti għal riservi, kif ukoll għall-ammont li għad irid ikun approprjat għar-riservi u l-provvisti, li jinkludu l-bilanċ tal-kont tal-qligħ u t-telf, stabbilit fl-aħħar ta' April 2004, kif imniżżel fil-karta tal-bilanċ tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment, f'ammonti li jikkorrispondu għall-perċentwali li ġejjin tar-riservi u l-provvisti:

il-Polonja | 2,2742 % |

ir-Repubblika Ċeka | 0,8392 % |

l-Ungerija | 0,7939 % |

is-Slovakkja | 0,2857 % |

is-Slovenja | 0,2652 % |

il-Litwanja | 0,1664 % |

Ċipru | 0,1223 % |

il-Latvja | 0,1016 % |

l-Estonja | 0,0784 % |

Malta | 0,0465 % |

Artikolu 41

Il-kapital u l-pagamenti previsti fl-Artikoli 38, 39 u 40 għandhom jitħallsu mir-Renju ta' Spanja u mill-Istati Membri l-ġodda f'euro, ħlief jekk ikun hemm xi deroga deċiża b'mod unanimu mill-Bord tal-Gvernaturi.

TITOLU II

DISPOSIZZJONIJIET DWAR IR-RISTRUTTURAR TA' L-INDUSTRIJA ĊEKA TA' L-AZZAR

Artikolu 42

1. Minkejja l-Artikoli III-167 u III-168 tal-Kostituzzjoni, għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Ċeka għal finijiet ta' ristrutturar ta' partijiet speċifiċi ta' l-industrija ta' l-azzar Ċeka mill-1997 sal-2003 għandha tkun meqjusa bħala kompatibbli mas-suq intern sakemm:

a) il-perjodu previst fl-Artikolu 8(4) tal-Protokoll Nru. 2 dwar prodotti koperti mit-Trattat tal-KEFA anness mal-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Ċeka, min-naħa l-oħra [19], ġie mtawwal sa l- 1 ta' Mejju 2004,

b) it-termini stipulati fil-pjan tar-ristrutturar li abbazi tagħhom ġie mtawwal il-Protokoll previst hawn fuq jitħarsu matul il-perijodu 2002-2006,

ċ) il-kondizzjonijiet stipulati f'dan it-Titolu jiġu sodisfatti, u

d) l-ebda għajnuna mill-Istat għar-ristrutturar ma titħallas lill-industrija Ċeka ta' l-azzar wara l- 1 ta' Mejju 2004.

2. Ir-ristrutturar tas-settur Ċek ta' l-azzar, kif imfisser fil-pjanijiet ta' negozju individwali tal-kumpanniji elenkati fl-Anness 1 għall-Protokoll Nru. 2 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003 (minn issa 'l quddiem imsejjħa "kumpanniji benefiċjarji"), u skond il-kondizzjonijiet stipulati f'dan it-Titolu, għandu jitlesta mhux iktar tard mill- 31 ta' Diċembru 2006 (minn issa 'l quddiem imsejjaħ "it-tmiem tal-perjodu ta' ristrutturar").

3. Il-kumpanniji benefiċjarji biss għandhom ikunu eliġibbli għal għajnuna mill-Istat fil-qafas tal-programm Ċek tar-ristrutturar ta' l-azzar.

4. Kumpannija benefiċjarja ma tistax:

a) fil-każ ta' fużjoni ma' kumpannija li mhijiex fl-Anness 1 għall-Protokoll Nru. 2 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003, tgħaddi lill-kumpannija benefiċjarja l-benefiċċju ta' l-għajnuna mogħtija lilha;

b) tieħu pussess ta' l-assi ta' kwalunkwe kumpannija li mhijiex fl-Anness 1 għall-Protokoll Nru.2 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003 li tkun ġiet dikjarata bħala falluta fil-perijodu sal- 31 ta' Diċembru 2006.

5. Kwalunkwe privatizzazzjoni sussegwenti ta' kwalunkwe kumpannija benefiċjarja għandha tirrispetta l-kondizzjonijiet u l-prinċipji dwar il-vijabilità, għajnuniet mill-Istat u tnaqqis tal-kapaċità kif imfisser f'dan it-Titolu.

6. L-għajnuna totali għar-ristrutturar li għandha tingħata lill-kumpanniji benefiċjarji għandha tiġi deteminata abbażi tal-ġustifikazzjonijiet stipulati fil-pjan Ċek għar-ristrutturar ta' l-azzar u pjanijiet ta' negozju individwali kif approvati mill-Kunsill. Iżda fi kwalunkwe każ, l-għajnuna mħallsa fil-perijodu 1997-2003 hi limitata għal ammont massimu ta' 14147425201 CZK. Minn din iċ-ċifra totali Novà Huť tirċievi massimu ta' 5700075201 CZK, Vítkovice Steel tirċievi massimu ta' 8155350000 CZK u Vàlcovny Plechu Frýdek Místek tirċievi massimu ta' 292000000 CZK skond il-ħtiġijiet kif stipulati fil-pjan approvat ta' ristrutturar. L-għajnuna għandha tingħata darba biss. L-ebda għajnuna oħra mill-Istat m'għandha tingħata mir-Repubblika Ċeka għal għanijiet ta' ristrutturar ta' l-industrija ta' l-azzar Ċeka.

7. It-tnaqqis fil-kapaċità netta li għandu jintlaħaq mir-Repubblika Ċeka għal prodotti lesti waqt il-perijodu 1997-2006 għandu jkun ta' 590000 tunnellati metriċi.

It-tnaqqis fil-kapaċità għandu jitkejjel biss abbażi ta' l-għeluq permanenti tal-faċilitajiet ta' produzzjoni permezz ta' distruzzjoni fiżika tali li l-faċilitajiet ma jkunux jistgħu jerġgħu jitħaddmu. Dikjarazzjoni ta' falliment ta' kumpannija ta' l-azzar ma tikkwalifikax bħala tnaqqis fil-kapaċità.

Il-livell previst hawn fuq ta' tnaqqis nett fil-kapaċità, flimkien ma' kwalunkwe tnaqqis ieħor ta' kapaċità identifikat bħala meħtieġ fil-programmi tar-ristrutturar, għandu jintlaħaq skond l-iskeda fl-Anness 2 għall-Protokoll Nru. 2 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003

8. Ir-Repubblika Ċeka għandha tneħħi x-xkiel għall-kummerċ fis-suq tal-faħam, skond l-acquis sa l-adeżjoni, u b'hekk il-kumpanniji ta' l-azzar Ċeki jkollhom aċċess għall-faħam bil-prezzijiet tas-suq internazzjonali.

9. Il-pjan ta' negozju għall-kumpannija benefiċjarja Novà Huť għandu jiġi mplimentat. B'mod partikolari:

a) l-impjant Vysoké Pece Ostrava (VPO) għandu jiddaħħal fil-qafas organizzazzjonali ta' Novà Huť bl-akkwist tal-proprjetà sħiħa. Għandha tiġi stabbilita data għal din il-fużjoni, inkluż ta' min hi r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tagħha;

b) l-isforzi tar-ristrutturar għandhom jikkonċentraw fuq li ġej:

i) l-evoluzzjoni ta' Novà Hut' minn waħda orjentata fuq il-produzzjoni għal waħda orjentata fuq il-marketing u t-titjib ta' l-effiċjenza u l-effettività fit-tmexxija tan-negozju, inkluża trasparenza ikbar dwar l-ispejjeż;

ii) Novà Huť għandha tirrivedi il-firxa tal-prodotti tagħha u u ddur lejn swieq b'valur aġġunt ogħla;

iii) Novà Huť tagħmel l-investiment meħtieġ biex tilħaq kwalità ogħla tal-prodott lest fi żmien qasir wara l-iffirmar tat-Trattat ta' Adeżjoni;

ċ) għandu jiġi implimentat ir-ristrutturar ta' l-impjiegi; sal- 31 ta' Diċembru 2006, għandhom jintlaħqu livelli ta' produttività li jistgħu jitqabblu ma' dawk miksuba mill-gruppi ta' prodotti ta' l-industrija ta' l-azzar ta' l-Unjoni, abbażi tal-figuri konsolidati tal-kumpanniji benefiċjarji kkonċernati;

d) ħarsien ta' l-acquis rilevanti tal-Komunità fil-qasam tal-protezzjoni ta' l-ambjent għandha tintlaħaq sa l- 1 ta' Mejju 2004 inklużi l-investimenti meħtieġa indirizzati fil-pjan ta' negozju. Skond il-pjan ta' negozju għandu jsir ukoll l-investiment futur u meħtieġ li għandu x'jaqsam ma' l-IPPC, biex jassigura ħarsien tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta' l- 24 ta' Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis [20] sa l- 1 ta' Novembru 2007.

10. Il-pjan ta' negozju għall-kumpannija benefiċjarja Vítkovice Steel għandu jiġi mplimentat. B'mod partikolari:

a) id-Duo Mill għandha tingħalaq għal kollox mhux iktar tard mill- 31 ta' Diċembru 2006. Jekk il-kumpannija tinxtara minn investitur strateġiku, l-kuntratt tax-xiri għandu jsir bil-kondizzjoni li din tingħalaq sa din id-data;

b) l-isforzi tar-ristrutturar għandhom jikkonċentraw fuq li ġej:

i) żieda f'bejgħ dirett u fokus akbar fuq tnaqqis ta' spejjeż, billi dan huwa meħtieġ għal amministrazzjoni iżjed effiċjenti tan-negozju;

ii) l-adattament għat-talba tas-suq u bidla għal prodotti ta' valur miżjud ogħla;

iii) l-avvanz l-investiment propost fil-proċess sekondarju tal-manufattura ta' l-azzar mill-2004 għall-2003, sabiex il-kumpannija tkun tista' tikkompeti abbażi ta' kwalità minflok ta' prezz;

ċ) konformità ma' l-acquis rilevanti tal-Komunità fil-qasam tal-protezzjoni ta' l-ambjent għandha tintlaħaq sa l- 1 ta' Mejju 2004. L-investimenti meħtieġa għal dan l-iskop għandhom ikunu inklużi fil-pjan ta' investiment bħal dawk meħtieġa għall-pjanijiet ta' l-investiment futur f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-IPPC.

11. Il-pjan ta' negozju għall-kumpannija benefiċjarja Vàlcovny Plechu Frýdek Místek (VPFM) għandu jiġi mplimentat. B'mod partikolari:

a) il-Hot Rolling Mills Nru. 1 u 2 għandhom jingħalqu għal kollox fl-aħħar tal-2004;

b) l-isforzi tar-ristrutturar għandhom jikkonċentraw fuq li ġej:

i) għandu jsir l-investiment meħtieġ biex tintlaħaq kwalità ogħla tal-prodott lest fi żmien qasir wara l-iffirmar tat-Trattat ta' l-Adeżjoni;

ii) għandha tingħata prijorità lill-implimentazzjoni ta' opportunitajiet identifikati u importanti għat-titjib fil-profitt (inkluż ristrutturar ta' l-impjiegi, tnaqqis ta' l-ispejjeż, titjib tal-qligħ u orjentazzjoni ġdida tad-distribuzzjoni).

12. Kull tibdil sussegwenti fil-pjan ġenerali ta' ristrutturar u l-pjanijiet individwali jrid jiġi miftiehem mal-Kummissjoni u, fejn xieraq, mal-Kunsill.

13. L-implimentazzjoni tar-ristrutturar għandha ssir taħt kondizzjonijiet ta' trasparenza sħiħa u abbażi ta' prinċipji sodi ta' l-ekonomija tas-suq.

14. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom isegwu mill-qrib l-implimentazzjoni tar-ristrutturar u l-adempjiment tal-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan it-Titolu dwar il-vijabilità, l-għajnuna mill-Istat u t-tnaqqis fil-kapaċità qabel u wara l- 1 ta' Mejju 2004 sat-tmiem tal-perijodu ta' ristrutturar, skond il-paragrafi 15 sa 18. Għal dan l-effett il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill.

15. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jikkontrollaw il-punti ta' referenza għall-istrutturar stabbiliti fl-Anness 3 tal-Protokoll Nru.2 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003. Ir-referenzi f'dak l-Anness għall-paragrafu 16 ta' l-imsemmi Protokoll, għandhom jinftehmu li huma għall-paragrafu 16 ta' dan l-Artikolu.

16. Il-kontrolli għandhom jinkludu valutazzjoni indipendenti li trid issir fl-2003, 2004, 2005 u 2006. It-test tal-Kummissjoni dwar il-vijabilità għandu jkun element importanti biex jassigura li l-vijabilità tinkiseb.

17. Ir-Repubblika Ċeka għandha tikkopera bis-sħiħ ma' l-arranġamenti għall-kontrolli. B'mod partikolari:

a) ir-Repubblika Ċeka għandha tipprovdi lill-Kummissjoni rapport ta' kull sitt xhur dwar ir-ristrutturar tal-kumpanniji benefiċjarji, u dan mhux iktar tard mill-15 ta' Marzu u l-15 ta' Settembru ta' kull sena sat-tmiem tal-perijodu ta' ristrutturar;

b) l-ewwel rapport għandu jasal għand il-Kummissjoni sal- 15 ta' Marzu 2003 u l-aħħar rapport sal- 15 ta' Marzu 2007, sakemm il-Kummissjoni ma tiddeċiedix mod ieħor;

ċ) ir-rapporti għandu jkun fihom it-tagħrif kollu meħtieġ għall-kontroll tal-proċess tar-ristrutturar u t-tnaqqis u l-użu tal-kapaċità, u għandu jipprovdi biżżejjed informazzjoni finanzjarja biex tkun tista' ssir valutazzjoni dwar jekk il-kondizzjonijiet u l-ħtiġiet li hawn f'dan it-Titolu jkunux ġew sodisfatti. Ir-rapporti għandu jkun fihom għall-inqas it-tagħrif stabbilit fl-Anness 4 tal-Protokoll Nru. 2 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003, li l-Kummissjoni tirriserva d-dritt li tbiddel skond l-esperjenzi tagħha waqt il-proċess ta' kontroll. Minbarra r-rapporti individwali dwar in-negozju tal-kumpanniji benefiċjarji, għandu jkun hemm ukoll rapport dwar is-sitwazzjoni ġenerali tas-settur ta' l-azzar Ċek, inklużi żviluppi makro-ekonomiċi reċenti;

d) ir-Repubblika Ċeka għandha tobbliga lill-kumpanniji benefiċjarji biex jipppubblikaw it-tagħrif rilevanti kollu li jista', taħt ċirkostanzi oħra, jkun ikkunsidrat bħala konfidenzjali. Fir-rapporti tagħha lill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tassigura li t-tagħrif konfidenzjali speċifiku għal xi kumpannija ma jinkixifx.

18. F'kull ħin il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tagħti mandat lil konsulent indipendenti biex jivvaluta r-riżultati tal-kontroll, jagħmel kwalunkwe riċerka meħtieġa u jirrapporta lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

19. Jekk il-Kummissjoni tistabbilixxi, abbażi tar-rapporti previsti fil-paragrafu 17, li saru devjazzjonijiet sostanzjali mid-data finanzjarja li fuqha tkun saret l-istima tal-vijabilità, tista' teħtieġ lir-Repubblika Ċeka tieħu l-miżuri neċċessarji biex issaħħaħ il-miżuri tar-ristrutturar tal-kumpanniji benefiċjarji kkonċernati.

20. Jekk il-kontroll juri li:

a) l-kondizzjonijiet għall-arranġamenti transitorji li jinsabu f'dan it-Titolu ma jkunux twettqu, jew li

b) l-impenji magħmula fil-qafas ta' l-estensjoni tal-perijodu li matulu ir-Repubblika Ċeka tista' b'mod eċċezzjonali tagħti għajnuna mill-Istat għar-ristrutturar ta' l-industrija ta' l-azzar tagħha taħt il-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Ċeka, min-naħa l-oħra [21], ma ġewx imwettqa, jew li

ċ) waqt il-perijodu ta' ristrutturar ir-Repubblika Ċeka tat għajnuna oħra mill-Istat, li hija inkompatibbli, lill-industrija ta' l-azzar u lill-kumpanniji benefiċjarji b'mod partikolari,

l-arranġamenti transitorji li jinsabu f'dan it-Titolu jkunu bla effett.

Il-Kummissjoni għandha tieħu passi meħtieġa biex tesiġi li kwalunkwe kumpannija kkonċernata trodd lura kull għajnuna mogħtija bi ksur tal-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan it-Titolu.

TITOLU III

DISPOSIZZJONIJIET DWAR IŻ-ŻONI TA' BAŻI SOVRANA TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ F'ĊIPRU

Artikolu 43

1. Iż-żoni ta' Bażi Sovrana għandhom jiġu inklużi fit-territorju doganali ta' l-Unjoni u, għal dan il-għan, l-atti dwar id-dwana u l-politika komuni kummerċjali ta' l-Unjoni elenkati fl-Ewwel Parti ta' l-Anness tal-Protokoll Nru. 3 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003 għandhom japplikaw għaż-Żoni ta' Bażi Sovrana bl-emendi stabbiliti f'dak l-Anness. F'dak l-Anness, referenza għal "dan il-Protokoll" għandha tinftiehem li qed tirreferi għal dan it-Titolu.

2. L-atti ta' l-Unjoni dwar it-taxxi fuq il-valur tal-bejgħ, id-dazji tas-sisa u forom oħra ta' tassazzjoni indiretta elenkati fit-Tieni Parti ta' l-Anness tal-Protokoll Nru. 3 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003 għandhom japplikaw għaż-Żoni ta' Bażi Sovrana bl-emendi stabbiliti f'dak l-Anness kif ukoll id-disposizzjonijiet rilevanti li japplikaw għal Ċipru kif stabbiliti f'dan il-Protokoll.

3. L-atti ta' l-Unjoni elenkati fit-Tielet Parti ta' l-Anness tal-Protokoll Nru. 3 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003 għandhom jiġu emendati kif stabbilit f'dak l-Anness biex ir-Renju Unit ikun jista' jżomm il-ħelsien u l-eżenzjonijiet minn dazji u taxxi fuq provvisti għall-forzi u l-persunal assoċjat tiegħu li huma mogħtija mit-Trattat dwar l-Istabbiliment tar-Repubblika ta' Ċipru (minn issa 'l quddiem imsejjaħ "Trattat ta' l-Istabbiliment").

Artikolu 44

L-Artikoli III-225 sa III-232 tal-Kostituzzjoni flimkien mad-disposizzjonijiet adottati fuq dik il-bażi, u d-disposizzjonijiet adottati skond l-Artikolu III-278 (4)(b) tal-Kostituzzjoni għandhom japplikaw għaż-Żoni ta' Bażi Sovrana.

Artikolu 45

Persuni residenti jew impjegati fit-territorju taż-Żoni ta' Bażi Sovrana li, skond arranġamenti magħmula skond it-Trattat ta' l-Istabbiliment u l-Iskambju ta' Noti assoċjati bid-data tas- 16 ta' Awwissu 1960, huma suġġetti għal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali tar-Repubblika ta' Ċipru għandhom jiġu trattati, għall-finijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 1408/71 ta' l- 14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta' skemi ta' sigurtà soċjali għal persuni mpjegati, persuni li jaħdmu għal rashom u membri tal-familji tagħhom li jispostaw rwieħhom fil-Komunità [22], daqs li kieku kienu residenti jew impjegati fit-territorju tar-Repubblika ta' Ċipru.

Artikolu 46

1. Ir-Repubblika ta' Ċipru m'għandhiex tkun meħtieġa tagħmel kontrolli fuq persuni li jaqsmu l-fruntieri ta' l-art u ta' l-baħar tagħha maż-Żoni ta' Bażi Sovrana u l-ebda restrizzjoni ta' l-Unjoni dwar il-qsim tal-fruntieri esterni ma għandha tapplika fir-rigward ta' dawn il-persuni.

2. Ir-Renju Unit għandu jagħmel kontrolli fuq persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni taż-Żoni ta' Bażi Sovrana skond l-impenji stabbiliti fir-Raba' Parti ta' l-Anness tal-Protokoll Nru. 3 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003.

Artikolu 47

Biex jassigura l-implimentazzjoni effettiva ta' l-għanijiet ta' dan it-Titolu, l-Kunsill jista', fuq proposta mill-Kummissjoni, jadotta deċiżjoni Ewropea li temenda l-Artikoli 43 sa 46, inkluż l-Anness għall-Protokoll Nru. 3 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003, jew li tapplika għaż-Żoni ta' Bażi Sovrana disposizzjonijiet oħrajn tal-Kostituzzjoni u atti ta' l-Unjoni, jekk ikun il-każ, bil-kondizzjonijiet li jista' jispeċifika. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lir-Renju Unit u r-Repubblika ta' Ċipru qabel ma tissottometti xi proposta.

Artikolu 48

1. Bla ħsara għall-paragrafu 2, ir-Renju Unit għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' dan it-Titolu fiż-Żoni ta' Bażi Sovrana. B'mod partikolari:

a) ir-Renju Unit għandu jkun responsabbli għall-applikazzjoni tal-miżuri ta' l-Unjoni speċifikati f'dan it-Titolu fl-oqsma doganali, ta' tassazzjoni indiretta u tal-politika kummerċjali komuni fir-rigward ta' prodotti li jidħlu jew joħorġu mill-gżira ta' Ċipru minn port jew ajruport fiż-Żoni ta' Bażi Sovrana;

b) kontrolli doganali fuq prodotti importati fil-, jew esportati, mill-gżira ta' Ċipru mill-forzi tar-Renju Unit minn port jew ajruport fir-Repubblika ta' Ċipru jistgħu jsiru fiż-Żoni ta' Bażi Sovrana;

ċ) ir-Renju Unit għandu jkun responsabbli biex joħroġ liċenzi, awtorizzazzjonijiet jew ċertifikati li jistgħu jkunu meħtieġa taħt kwalunkwe miżura applikabbli ta' l-Unjoni fir-rigward ta' prodotti importati fil-, jew esportati mill-gżira ta' Ċipru mill-forzi tar-Renju Unit.

2. Ir-Repubblika ta' Ċipru għandha tkun responsabbli għall-amministrazzjoni u l-ħlas tal-fondi kollha ta' l-Unjoni li għalih jistgħu jkunu intitolati persuni fiż-Żoni ta' Bażi Sovrana skond l-applikazzjoni tal-politika agrikola komuni fiż-Żoni ta' Bażi Sovrana taħt l-Artikolu 44, u r-Repubblika ta' Ċipru għandha tkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal tali spiża.

3. Bla preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2, ir-Renju Unit jista' jiddelega lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika ta' Ċipru, skond arranġamenti magħmula skond it-Trattat ta' l-Istabbiliment, it-twettiq ta' kwalunkwe funzjoni imposta fuq Stat Membru minn jew taħt xi disposizzjoni prevista fl-Artikoli 43 sa 46.

4. Ir-Renju Unit u r-Repubblika ta' Ċipru għandhom jikkoperaw biex jassiguraw l-implimentazzjoni effettiva ta' dan it-Titolu fiż-Żoni ta' Bażi Sovrana u, fejn xieraq, għandhom jikkonkludu iktar arranġamenti dwar id-delega ta' l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe disposizzjoni msemmija fl-Artikoli 43 sa 46. Kopja ta' dawn larranġamenti għandha tiġi sottomessa lill-Kummissjoni.

Artikolu 49

L-arranġamenti previsti f'dan it-Titolu għandu jkollhom l-għan uniku li jirregolaw is-sitwazzjoni partikolari taż-Żoni ta' Bażi Sovrana tar-Renju Unit f'Ċipru u ma jistgħux japplikaw għal kwalunkwe territorju ieħor ta' l-Unjoni, u lanqas iservu bħala preċedent, b'mod sħiħ jew f'parti minnhom, għal kwalunkwe arranġamenti speċjali oħra li jew digà jeżistu jew li jistgħu jiġu stabbiliti f'territorju Ewropew ieħor previst fl-Artikolu IV-440 tal-Kostituzzjoni.

Artikolu 50

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull ħames snin mill- 1 ta' Mejju 2004 dwar l-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' dan it-Titolu.

Artikolu 51

Id-disposizzjonijiet ta' dan it-Titolu għandhom japplikaw fid-dawl tad-Dikjarazzjoni dwar iż-Żoni ta' Bażi Sovrana tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f'Ċipru, li tinkludi, mingħajr ma jinbidel l-effett legali tagħha, l-kliem użat fil-preambolu tal-Protokoll Nru. 3 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003.

TITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET DWAR L-IMPJANT TA' ENERĠIJA NUKLEARI TA' IGNALINA FIL-LITWANJA

Artikolu 52

Waqt li tirrikonoxxi li l-Unjoni lesta tipprovdi iżjed għajnuna xierqa lill-isforzi tal-Litwanja għad-diżattivazzjoni ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina u waqt li tenfasizza din l-espressjoni ta' solidarjetà, il-Litwanja intrabtet li tagħlaq l-Unità 1 ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina qabel l-2005 u l-Unità 2 ta' dan l-impjant mhux iktar tard mill- 31 ta' Diċembru 2009 u li sussegwentement tipproċedi għad-diżattivazzjoni ta' dawn l-unitajiet.

Artikolu 53

1. Waqt il-perijodu 2004-2006, l-Unjoni għandha tipprovdi lil-Litwanja għajnuna finanzjarja addizzjonali biex issostni l-isforzi tagħha għad-diżattivazzjoni ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina, u biex tindirizza l-konsegwenzi ta' l-għeluq u d-diżattivazzjoni ta' dan l-impjant ta' (minn issa 'l quddiem imsejjaħ "il-Programm ta' Ignalina").

2. Miżuri taħt il-Programm ta' Ignalina għandhom jiġu deċiżi u implimentati skond id-disposizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 3906/89 tat- 18 ta' Diċembru 1989 dwar għajnuna ekonomika lil ċerti pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant [23].

3. Il-Programm ta' Ignalina għandu jkopri, fost affarijiet oħra: miżuri li jsostnu d-diżattivazzjoni ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina; miżuri għat-titjib ambjentali skond l-acquis u miżuri biex tiġi modernizzata l-kapaċità ta' produzzjoni konvenzjonali biex tieħu post il-kapaċità ta' produzzjoni taż-żewġ reatturi ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina; u miżuri oħra li jkunu meħtieġa bħala konsegwenza għad-deċiżjoni li dan l-impjant jingħalaq u jkun diżattivat u li jikkontribwixxu għar-ristrutturar, titjib ambjentali u modernizzar meħtieġa fis-setturi tal-produzzjoni, tat-trasmissjoni u tad-distribuzzjoni ta' l-enerġija fil-Litwanja kif ukoll li jsaħħu s-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija u jtejbu l-effiċjenza ta' l-enerġija fil-Litwanja.

4. Il-Programm ta' Ignalina għandu jinkludi miżuri biex isostnu l-persunal ta' l-impjant biex iżomm livell għoli ta' sigurtà fit-tħaddim ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina fil-perijodi qabel l-għeluq u matul id-diżattivazzjoni ta' l-unitajiet previsti tar-reattur.

5. Għall-perijodu 2004-2006 il-Programm ta' Ignalina għandu jammonta għal 285 miljun euro f'approprjazzjonijiet ta' impenn, li jinħarġu f'partijiet annwali indaqs.

6. Il-kontribuzzjoni taħt il-Programm ta' Ignalina tista', għal ċerti miżuri, tammonta għal sa 100 % ta' l-ispiża totali. Għandu jsir kull sforz biex titkompla l-prattika ta' ko-finanzjar stabbilita taħt l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni biex tgħin l-isforz tal-Litwanja għad-diżattivazzjoni ta' l-impjant kif ukoll biex tiġbed lejha ko-finanzjar minn għejjun oħra, kif xieraq.

7. L-għajnuna taħt il-Programm ta' Ignalina, jew partijiet minnha, tista' tkun disponibbli bħala kontribuzzjoni ta' l-Unjoni għall-Fond Internazzjonali ta' Għajnuna għad-Diżattivazzjoni ta' l-Ignalina, amministrat mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u Żvilupp.

8. Għajnuna pubblika minn għejjun nazzjonali, ta' l-Unjoni u internazzjonali:

a) għal titjib ambjentali skond l-acquis u miżuri ta' modernizzar ta' l-Impjant ta' Enerġija Termika tal-Litwanja f'Elektrenai bħala s-sostitut prinċipali għall-kapaċità ta' produzzjoni taż-żewġ reatturi ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina, u

b) għad-diżattivazzjoni ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina

għandha tkun kompatibbli mas-suq intern kif mfisser fil-Kostituzzjoni.

9. Għajnuna pubblika minn għejjun nazzjonali, ta' l-Unjoni u internazzjonali b'sostenn għall-isforzi tal-Litwanja biex titratta l-konsegwenzi ta' l-għeluq u tad-diżattivazzjoni ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina tista', skond il-każ, tkun meqjusa kompatibbli - taħt il-Kostituzzjoni - mas-suq intern, b'mod partikolari l-għajnuna pubblika moghtija biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija.

Artikolu 54

1. Filwaqt li tirrikonoxxi li d-diżattivazzjoni ta' l-Impjant ta' l-Enerġija Nukleari ta' Ignalina hija ta' natura li tieħu fit-tul u tfisser għal-Litwanja piż finanzjarju eċċezzjonali li ma jikkorrispondix mad-daqs u l-kapaċita ekonomika tagħha, l-Unjoni, b'solidarjetà mal-Litwanja, għandha tipprovdi għajnuna addizzjonali adegwata għall-isforzi ta' diżattivazzjoni li jkomplu wara l-2006.

2. Għal dan l-iskop, il-Programm ta' Ignalina għandu, jitkompla bla xkiel u jkun estiż sa wara l-2006. Id-disposizzjonijiet ta' implimentazzjoni tal-Programm ta' Ignalina estiż għandhom jsiru skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 35 ta' dan il-Protokoll u għandhom jidħlu fis-seħħ mhux aktar tard mid-data ta' l-iskadenza tal-Perspettiva Finanzjarja kif imfissra fil-Ftehim Interistituzzjonali tas- 6 ta' Mejju 1999.

3. Il-Programm ta' Ignalina, kif estiż, skond id-disposizzjoni tal-paragrafu 2, għandu jkun ibbażat fuq l-istess elementi u prinċipji deskritti fl-Artikolu 53.

4. Għall-perijodu tal-Perspettiva Finanzjarja sussegwenti, l-approprjazzjonijiet medji globali taħt il-Programm ta' Ignalina estiż għandu jkun kif jixraq. L-ipprogrammar ta' dawn ir-riżorsi għandu jkun ibbażat fuq il-bżonn ta' finanzjament u l-kapaċitajiet reali li jkunu assorbiti.

Artikolu 55

Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 52, il-klawżola ta' salvagwardja ġenerali prevista fl-Artikolu 26 għandha tapplika sal- 31 ta' Diċembru 2012 jekk il-provvista ta' l-enerġija fil-Litwanja titħarbat.

Artikolu 56

Dan it-Titolu għandu japplika fid-dawl tad-Dikjarazzjoni dwar l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Ignalina fil-Litwanja li tinkludi, mingħajr ma jinbidel l-effett legali tagħhom, il-kliem użat fil-preambolu tal-Protokoll Nru. 3 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003.

TITOLU V

DISPOSIZZJONIJIET DWAR IT-TRANSITU BL-ART TA' PERSUNI BEJN IR-REĠJUN TA' KALININGRAD U PARTIJIET OĦRA TAL-FEDERAZZJONI RUSSA

Artikolu 57

Ir-regoli u l-arranġamenti ta' l-Unjoni dwar it-transitu bl-art ta' persuni bejn ir-reġjun ta' Kaliningrad u partijiet oħra tal-Federazzjoni Russa, u b'mod partikulari ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 693/2003 ta' l- 14 ta' April 2003 li jistabbilixxi speċifikament Dokument għal Transitu Faċilitat (FTD), Dokument għal Transitu bil-Ferrovija Faċilitat (FRTD) u li jemenda l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni u l-Manwal Komuni [24], ma għandhomx fihom infushom idewwmu jew jipprevjenu l-partiċipazzjoni sħiħa tal-Litwanja fl-acquis ta' Schengen, inkluża t-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni.

Artikolu 58

L-Unjoni għandha tgħin lil-Litwanja biex timplimenta r-regoli u l-arranġamenti għat-transitu ta' persuni bejn ir-reġjun ta' Kaliningrad u l-partijiet l-oħra tal-Federazzjoni Russa biex titwettaq malajr kemm jista' jkun il-parteċipazzjoni sħiħa tal-Litwanja fiż-Żona ta' Schengen.

L-Unjoni għandha tgħin lil-Litwanja fl-amministrazzjoni tat-transitu ta' persuni bejn ir-reġjun ta' Kaliningrad u l-partijiet l-oħra tal-Federazzjoni Russa u għandha, speċjalment, tkun responsabbli għal spiża addizzjonali li tinħoloq bl-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet speċifiċi ta' l-acquis previsti għal dan it-transitu.

Artikolu 59

Bla ħsara għad-drittijiet sovrana tal-Litwanja, kwalunkwe att ieħor dwar it-transitu ta' persuni bejn ir-reġjun ta' Kaliningrad u partijiet oħra tal-Federazzjoni Russa għandu jiġi adottat mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu.

Artikolu 60

Dan it-Titolu għandu japplika fid-dawl tad-Dikjarazzjoni dwar it-transitu bl-art ta' persuni bejn ir-reġjun tal-Kaliningrad u partijiet oħra tal-Federazzjoni Russa, li tinkludi, mingħajr ma jinbidel l-effett legali tagħhom, il-kliem użat fil-preambolu tal-Protokoll Nru. 5 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003.

TITOLU VI

DISPOSIZZJONIJIET DWAR L-AKKWIST TA' RESIDENZI SEKONDARJI F'MALTA

Artikolu 61

Tenut kont tan-numru limitat ħafna ta' residenzi f'Malta u l-art limitata ħafna li tista' tintuża għal skopijiet ta' kostruzzjoni, u li dawn jistgħu biss ikopru l-ħtiġiet bażiċi kkreati mill-iżvilupp demografiku tar-residenti preżenti, Malta tista' fuq bażi mhux diskriminatorja żżomm fis-seħħ ir-regoli dwar l-akkwist u l-pussess ta' proprjetà immobbli għal skopijiet ta' residenzi sekondarji minn ċittadini ta' xi Stat Membru li ma jkunux ilhom residenti f'Malta skond il-liġi għal mill-anqas ħames snin, kif stabbilit fl-Att dwar l-Akkwist ta' Proprjetà Immobbli minn Persuni mhux Residenti (Kapitolu 246).

Malta għandha tapplika proċeduri ta' awtorizzazzjoni għall-akkwist ta' proprjetà immobbli għal skopijiet ta' residenzi sekondarji f'Malta bbażati fuq kriterji ppubblikati, oġġettivi, stabbli u trasparenti. Dawn il-kriterji għandhom jiġu applikati b'mod mhux diskriminatorju u ma għandhomx jagħmlu differenza bejn ċittadini Maltin u dawk ta' Stati Membri oħra. Malta għandha tiżgura li fl-ebda każ ma għandu ċittadin ta' xi Stat Membru jiġi ttrattat b'mod aktar restrittiv minn ċittadin ta' xi pajjiz terz.

F'każ illi l-valur ta' proprjetà waħda bħal dik mixtrija minn ċittadin ta' xi Stat Membru jkun jaqbeż il-limiti stipulati fil-liġi Maltija, jiġifieri 30000 lira Maltija għall-appartamenti u 50000 lira Maltija għal kull tip ta' proprjetà minbarra appartamenti u proprjetà ta' importanza storika, l-awtorizzazzjoni għandha tingħata. Malta tista' tirrevedi l-limiti stabbiliti b'din il-leġislazzjoni biex jirriflettu l-bidliet fil-prezzijet fis-suq tal-proprjetà f'Malta.

TITOLU VII

DISPOSIZZJONIJIET DWAR L-ABORT F'MALTA

Artikolu 62

Xejn fit-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa jew fit-Trattati u l-Atti li jemendaw jew jissupplimentaw dawk it-Trattati, ma għandu jaffettwa l-applikazzjoni fit-territorju ta' Malta tal-leġislazzjoni nazzjonali li għandha x'taqsam ma' l-abort.

TITOLU VIII

DISPOSIZZJONIJIET DWAR IR-RISTRUTTURAR TA' L-INDUSTRIJA POLLAKKA TA' L-AZZAR

Artikolu 63

1. Minkejja l-Artikoli III-167 u III-168 tal-Kostituzzjoni, għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Polonja għal finijiet ta' ristrutturar ta' partijiet speċifiċi ta' l-industrija Pollakka ta' l-azzar għandha titqies li hi kompatibbli mas-suq intern sakemm:

a) il-perijodu previst fl-Artikolu 8(4) tal-Protokoll 2 dwar prodotti tal-KEFA għall-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Polonja, min-naħa l-oħra [25], kien ġie estiż sa l- 1 ta' Mejju 2004;

b) it-termini stipulati fil-pjan tar-ristrutturar li abbażi tagħhom ġie mtawwal il-Protokoll previst hawn fuq jitħarsu matul il-perijodu 2002-2006;

ċ) il-kondizzjonijiet stipulati f'dan it-Titolu jiġu sodisfatti, u

d) l-ebda għajnuna mill-Istat għar-ristrutturar ma titħallas lill-industrija Pollakka ta' l-azzar wara l- 1 ta' Mejju 2004.

2. Ir-ristrutturar tas-settur Pollakk ta' l-azzar, kif imfisser fil-pjanijiet ta' negozju individwali tal-kumpanniji elenkati fl-Anness I għall-Protokoll Nru. 8 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003 (minn issa 'l quddiem imsejjħa l-"kumpanniji benefiċjarji"), u skond il-kondizzjonijiet stipulati f'dan it-Titolu, għandu jitlesta sa mhux aktar tard mill- 31 ta' Diċembru 2006 (minn issa 'l quddiem imsejjaħ "it-tmiem tal-perijodu ta' ristrutturar").

3. Il-kumpanniji benefiċjarji biss għandhom ikunu eliġibbli għal għajnuna mill-Istat fil-qafas tal-programm Pollakk tar-ristrutturar ta' l-azzar.

4. Kumpannija benefiċjarja ma tistax:

a) fil-każ ta' fużjoni ma' kumpannija li mhijiex fl-Anness 1 għall-Protokoll Nru. 8 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003, titrasferixxi l-benefiċċju ta' l-għajnuna mogħtija lill-kumpannija benefiċjarja;

b) tieħu pussess ta' l-assi ta' kwalunkwe kumpannija li mhijiex fl-Anness 1 għall-Protokoll Nru. 8 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003 li tkun ġiet dikjarata bħala falluta fil-perijodu sal- 31 ta' Diċembru 2006.

5. Kwalunkwe privatizzazzjoni sussegwenti ta' kwalunkwe kumpannija benefiċjarja għandha ssir b'rispett għall-ħtieġa ta' trasparenza u għandha tirrispetta l-kondizzjonijiet u l-prinċipji dwar il-vijabilità, għajnuniet mill-Istat u tnaqqis tal-kapaċità kif imfisser f'dan it-Titolu. L-ebda għajnuna mill-Istati l-oħra ma għandha tingħata bħala parti mill-bejgħ ta' kwalunkwe kumpannija jew assi individwali.

6. L-għajnuna għar-ristrutturar mogħtija lill-kumpanniji benefiċjarji għandha tiġi deteminata mill-ġustifikazzjonijiet stipulati fil-pjan Pollakk approvat għar-ristrutturar ta' l-azzar u pjanijiet ta' negozju individwali mill-Kunsill. Iżda, fi kwalunkwe każ, it-total ta' l-ammont ta' l-għajnuna mħallsa fil-perijodu 1997-2003 huwa limitat għal ammont totali ta' mhux aktar minn PLN 3387070000.

Minn din il-figura totali:

a) fil-każ ta' Polskie Huty Stali (minn issa 'l quddiem imsejjħa "PHS"), l-għajnuna għar-ristrutturar diġà mogħtija jew li għandha tingħata mill-1997 sa l-aħħar tal-2003 ma għandhiex tkun iżjed minn PLN 3140360000. PHS diġà rċeviet PLN 62360000 ta' l-għajnuna għar-ristrutturar fil-perijodu 1997-2001. Hi għandha tirċievi iżjed għajnuna għar-ristrutturar ta' mhux aktar minn PLN 3078000000 fl-2002 u l-2003 u dan ikun jiddependi fuq il-ħtiġiet stabbiliti fil-pjan approvat għar-ristrutturar (li għandhom jitħallsu kollha fl-2002 jekk l-estensjoni tal-perijodu ta' grazzja taħt il-Protokoll 2 tal-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Polonja, min-naħa l-oħra, tingħatax sa l-aħħar tal-2002, jew fin-nuqqas fl-2003);

b) fil-każ ta' Huta Andrzej S.A., Huta Bankowa Sp. z o.o., Huta Batory S.A., Huta Buczek S.A., Huta L.W. Sp. z o.o., Huta Łabędy S.A., u Huta Pokój S.A. (minn issa 'l quddiem imsejjħa "il-kumpanniji benefiċjarji l-oħra"), l-għajnuna għar-ristrutturar ta' industrija ta' l-azzar diġà mogħtija jew li għandha tingħata mill-1997 sa l-aħħar tal-2003 m'għandhiex tkun iżjed minn PLN 246710000. Dawn il-kumpanniji diġà rċevew PLN 37160000 f'għajnuna għar-ristrutturar fil-perijodu 1997-2001. Huma għandhom jirċievu iżjed għajnuna għar-ristrutturar ta' mhux aktar minn PLN 210210000 u dan ikun jiddependi fuq il-ħtiġiet stabbiliti fil-pjan approvat għar-ristrutturar (li minnhom PLN 182170000 fl-2002 u PLN 27380000 fl-2003 jekk l-estensjoni tal-perijodu ta' grazzja taħt il-Protokoll 2 tal-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Polonja, min-naħa l-oħra, tingħata sa l-aħħar tal-2002, jew fin-nuqqas PLN 210210000 fl-2003);

M'għandha tingħata l-ebda għajnuna oħra Statali mill-Polonja għall-iskop ta' ristrutturar ta' l-industrija Pollakka ta' l-azzar.

7. It-tnaqqis nett fil-kapaċità li għandu jintlaħaq mill-Polonja għal prodotti lesti waqt il-perijodu 1997-2006 għandu jkun ta' mill-inqas 1.2 31. 000 tunnellati metriċi. Dan l-ammont totali jinkludi tnaqqis nett fil-kapaċità ta' mill-inqas 715000 tunnellata fis-sena fi prodotti rrumblati bis-sħana u 716000 tunnellata fis-sena fi prodotti rrumblati bil-kesħa, kif ukoll żieda ta' mhux aktar minn 200000 tunnellata fis-sena ta' prodotti lesti oħra.

It-tnaqqis fil-kapaċità għandu jitkejjel biss abbażi ta' l-għeluq permanenti tal-faċilitajiet ta' produzzjoni permezz ta' qerda fiżika tali li l-faċilitajiet ma jkunux jistgħu jerġgħu jitħaddmu. Dikjarazzjoni ta' falliment ta' kumpannija ta' l-azzar ma tikkwalifikax bħala tnaqqis fil-kapaċità.

It-tnaqqis nett fil-kapaċità kif jidher fl-Anness 2 għall-Protokoll Nru. 8 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003 huwa l-inqas ammont u t-tnaqqis nett fil-kapaċità li għandu jinkiseb fir-realtà u l-iskeda ta' żmien biex isir dan għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-programm finali għar-ristrutturar tal-Polonja u tal-pjanijiet individwali ta' negozju taħt il-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Polonja, min-naħa l-oħra, tenut kont ta' l-għan li tkun żgurata l-vijabilità tal-kumpanniji benefiċjarji sal- 31 ta' Diċembru 2006.

8. Il-pjan ta' negozju għall-kumpannija benefiċjarja PHS għandu jiġi implimentat. B'mod partikolari:

a) l-isforzi tar-ristrutturar għandhom jikkonċentraw fuq li ġej:

i) l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-faċilitajiet ta' produzzjoni ta' PHS abbażi tal-prodott u li tkun żgurata organizzazzjoni orizzontali skond il-funzjoni (xiri, produzzjoni, bejgħ);

ii) l-istabbilment f'PHS ta' struttura tat-tmexxija unifikata li tagħmel possibili l-kisba kompleta ta' sinerġiji fil-konsolidazzjoni;

iii) l-evoluzzjoni tal-mira strateġika ta' PHS minn waħda orjentata fuq il-produzzjoni għal waħda orjentata fuq il-marketing;

iv) it-titjib ta' l-effiċjenza u l-effettività ta' l-amministrazzjoni tan-negozju ta' PHS kif ukoll l-assigurazzjoni ta' kontroll aħjar tal-bejgħ dirett;

v) li PHS tirrevedi, abbażi ta' konsiderazzjonijiet ekonomiċi sodi, l-istrateġija ta' kumpanniji li joħorġu minnha u, fejn ikun il-każ, l-integrazzjoni mill-ġdid ta' servizzi fil-kumpannija prinċipali;

vi) ir-reviżjoni minn PHS tat-taħlita ta' prodotti tagħha, biex titnaqqas il-kapaċità żejda ta' prodotti nofshom maħduma u b'mod ġenerali tidħol fis-suq tal-prodotti b'valur miżjud ogħla;

vii) l-investiment min-naħa tal-PHS bl-iskop li tilħaq kwalità ogħla ta' prodotti lesti; għandha tingħata attenzjoni speċjali biex sa d-data stabbilita fl-iskeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tal-programm tar-ristrutturar tal-PHS u mhux iktar tard mit-tmiem tal-2006 jintlaħaq il-livell ta' kwalità ta' produzzjoni 3-Sigma fis-sit tal-PHS fi Kraków;

b) għandu jiżdied it-trażżin ta' l-ispejjeż fil-PHS matul il-perijodu ta' ristrutturar permezz ta' żieda fl-effiċjenza ta' l-enerġija, titjib fix-xiri, u li jkun żgurat rendiment ta' produzzjoni komparabbli mal-livelli ta' l-Unjoni;

ċ) għandu jiġi mplimentat ir-ristrutturar ta' l-impjiegi; il-livelli ta' produttività li jistgħu jitqabblu ma' dawk miksuba mill-gruppi ta' prodotti ta' l-industrija ta' l-azzar ta' l-Unjoni għandhom jintlaħqu sal- 31 ta' Diċembru 2006, abbażi tal-figuri konsolidati inklużi l-impjiegi indiretti fil-kumpanniji ta' servizz li huma ta' proprjetà sħiħa tal-kumpanniji benefiċjarji;

d) kull privatizzazzjoni għandha tirrispetta l-ħtieġa għat-trasparenza u tirrispetta bis-sħiħ il-valur kummerċjali ta' PHS. L-ebda għajnuna mill-Istat oħra ma għandha tingħata bħala parti mill-bejgħ.

9. Il-pjan ta' negozju għall-kumpanniji benefiċjarji l-oħra għandu jiġi implimentat. B'mod partikolari:

a) għall-kumpanniji benefiċjarji kollha l-oħra, l-isforzi tar-ristrutturar għandhom jikkonċentraw fuq li ġej:

i) l-evoluzzjoni tal-mira strateġika minn waħda orjentata fuq il-produzzjoni għal waħda orjentata lejn il-marketing;

ii) it-titjib ta' l-effiċjenza u l-effettività ta' l-amministrazzjoni tan-negozju tal-kumpanniji kif ukoll jiġi żgurat kontroll aħjar tal-bejgħ dirett;

iii) ir-reviżjoni, abbażi ta' konsiderazzjonijiet ekonomiċi sodi, ta' l-istrateġija ta' kumpanniji li joħorġu minnha u, fejn ikun il-każ, l-integrazzjoni mill-ġdid ta' servizzi fil-kumpannija prinċipali;

b) fil-każ ta' Huta Bankowa, l-implimentazzjoni tal-programm ta' tnaqqis tal-kost;

ċ) fil-każ ta' Huta Buczek, il-ksib tas-sostenn finanzjarju meħtieġ mingħand il-kredituri u l-istituzzjonijiet finanzjarji lokali u l-implimentazzjoni tal-programm ta' tnaqqis fil-kost, inkluż tnaqqis fil-kost ta' l-investiment billi jiġu adattati l-faċilitajiet eżistenti ta' produzzjoni;

d) fil-każ ta' Huta Łabędy, l-implimentazzjoni tal-programm ta' tnaqqis fil-kost u tnaqqis tad-dipendenza fuq l-industrija tal-minjieri;

e) fil-każ ta' Huta Pokój, il-ksib ta' standards ta' produttività internazzjonali fil-kumpanniji sussidjarji, l-implimentazzjoni ta' tnaqqis fil-konsum ta' l-energija u l-kanċellament ta' l-investiment propost fid-dipartiment ta' l-ipproċessar u l-kostruzzjoni;

f) fil-każ ta' Huta Batory, il-ksib ta' ftehim ma' kredituri u ma' istituzzjonijiet finanzjarji dwar l-iskedar mill-ġdid tad-djun u tas-self għall-investiment. Il-kumpannija għandha wkoll tiżgura tnaqqis sostanzjali addizzjonali fil-kost li għandu x'jaqsam mar-ristrutturar ta' l-impjiegi u rendimenti aħjar;

g) fil-każ ta' Huta Andrzej, il-kisba ta' bażi finanzjarja stabbli għall-iżvilupp tagħha billi jkun innegozjat ftehim bejn dawk li attwalment qed jisilfu lill-kumpannija, l-kredituri fit-tul, il-kredituri tan-negozju u l-istituzzjonijiet finanzjarji. Iridu jseħħu investimenti addizzjonali fil-funderija li tipproduċi tubi bis-sħana kif ukoll l-implimentazzjoni ta' programm għat-tnaqqis ta' l-impjegati;

h) fil-każ ta' Huta L.W., it-twettiq ta' l-investimenti fir-rigward tal-proġett tal-funderiji li jirrumblaw bis-sħana, tagħmir ta' l-irfigħ, u fis-sensibilizzazzjoni għall-kwistjonijiet dwar l-ambjent. Din il-kumpannija għandha wkoll tilħaq livelli ogħla ta' produttività, permezz tar-ristrutturar ta' l-impjegati u t-tnaqqis fil-kost għal servizzi esterni.

10. Kull bidla sussegwenti fil-pjan globali tar-ristrutturar u l-pjanijiet individwali għandu jkollha l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, u fejn ikun il-każ, tal-Kunsill.

11. L-implimentazzjoni tar-ristrutturar għandha sseħħ taħt kondizzjonijiet ta' trasparenza sħiħa u abbażi ta' prinċipji sodi ta' l-ekonomija tas-suq.

12. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jikkontrollaw mill-qrib l-implimentazzjoni tar-ristrutturar u l-adempjiment tal-kondizzjonijiet imniżżla f'dan it-Titolu rigward il-vijabilità, l-għajnuna mill-Istat u t-tnaqqis fil-kapaċità qabel u wara l- 1 ta' Mejju 2004, sa' l-aħħar tal-perijodu ta' ristrutturar, skond il-paragrafi 13 sa 18. Għal dan il-fini, l-Kummissjoni għandha tirraporta lill-Kunsill.

13. Flimkien mal-kontroll ta' l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jissorveljaw il-benchmarks tar-ristrutturar stipulati fl-Anness 3 tal-Protokoll Nru 8 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003. Referenzi f'dak l-Anness għall-paragrafu 14 tal-Protokoll għandhom jinftehmu bħala li huma għall-paragrafu 14 ta' dan l-Artikolu.

14. Il-kontrolli għandhom jinkludu valutazzjoni independenti li għandha ssir fl-2003, 2004, 2005 u 2006. It-test tal-vijabiltà tal-Kummissjoni għandu jkun applikat u l-produttività għandha titkejjel bħala parti mill-valutazzjoni.

15. Il-Polonja għandha tikkopera bis-sħiħ ma' l-arranġamenti kollha tal-kontroll. B'mod partikolari:

a) Il-Polonja għandha tipprovdi lill-Kummissjoni b'rapporti kull sitt xhur rigward ir-ristrutturar tal-kumpanniji benefiċjarji, mhux aktar tard mill-15 ta' Marzu u mill-15 ta' Settembru ta' kull sena sa l-aħħar tal-perijodu ta' ristrutturar;

b) l-ewwel rapport għandu jasal għand il-Kummissjoni sal- 15 ta' Marzu 2003 u l-aħħar rapport sal- 15 ta' Marzu 2007, sakemm il-Kummissjoni ma tiddeċidix xort'oħra;

ċ) ir-rapporti għandu jkollhom l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-kontroll tal-proċess ta' ristrutturar, ta' l-għajnuna mill-Istat, tat-tnaqqis u l-użu tal-kapaċità u għandhom jipprovdu biżżejjed informazzjoni finanzjarja sabiex tkun tista' ssir stima ta' jekk ġewx imwettqa l-kondizzjonijiet u l-ħtiġiet ta' dan it-Titolu. Ir-rapporti għandu jkun fihom mill-inqas l-informazzjoni stipulata fl-Anness 4 tal-Protokoll Nru 8 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003, li l-Kummissjoni tirriserva d-dritt li tbiddel skond dak li tiltaqa' miegħu matul il-proċess ta' kontroll. Fl-Anness 4 tal-Protokoll Nru 8 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003 ir-referenza għall-paragrafu 14 tal-Protokoll għandha tinftiehem bħala li hi għall-paragrafu 14 ta' dan l-Artikolu. Flimkien mar-rapporti individwali tan-negozju tal-kumpanniji mniżżla fl-Anness 1, għandu jkun hemm ukoll rapport dwar is-sitwazzjoni globali tas-settur ta' l-azzar tal-Polonja, inklużi l-iżviluppi makroekonomiċi reċenti;

d) barra minn hekk kull informazzjoni addizzjonali meħtieġa għall-valutazzjoni indipendenti kif stipulat fil-paragrafu 14 għandha tkun ipprovduta mill-Polonja;

e) Il-Polonja għandha tobbliga lill-kumpanniji benefiċjarji biex jikxfu d-data rilevanti kollha li tista', taħt ċirkostanzi oħra, tiġi kkunsidrata bħala konfidenzjali. Fir-rapporti tagħha lill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tassigura li t-tagħrif konfidenzjali speċifiku għall-kumpanniji ma jinkixifx.

16. Fi kwalunkwe ħin il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tagħti mandat lil konsulent indipendenti biex jivvaluta r-riżultati tal-kontrolli, jagħmel kwalunkwe riċerka meħtieġa u jirrapporta lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

17. Jekk il-Kummissjoni tistabbilixxi, abbażi tal-kontrolli, li kien hemm devjazzjonijiet sostanzjali mid-data finanzjarja li fuqha tkun saret l-istima tal-vijabilità, tista' ġġiegħel lill-Polonja tieħu l-miżuri xierqa biex issaħħaħ jew timmodifika l-miżuri tar-ristrutturar tal-kumpanniji benefiċjarji kkonċernati.

18. Jekk il-kontroll juri li:

a) l-kondizzjonijiet għall-arranġamenti transitorji li hemm f'dan it-Titolu ma jkunux twettqu, jew:

b) l-impenji magħmula fil-qafas ta' l-estensjoni tal-perijodu li fih il-Polonja tista' b'mod eċċezzjonali tagħti għajnuna mill-Istat għar-ristrutturar ta' l-industrija ta' l-azzar tagħha taħt il-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Polonja, min-naħa l-oħra, ma ġewx imwettqa, jew

ċ) waqt il-perijodu ta' ristrutturar il-Polonja tat għajnuna oħra mill-Istat li hija inkompatibbli, lill-industrija ta' l-azzar u lill-kumpanniji benefiċjarji b'mod partikolari,

l-arranġamenti transitorji li jinsabu f'dan it-Titolu m'għandux ikollhom effett.

Il-Kummissjoni għandha tieħu passi xierqa biex tesiġi li kwalunkwe kumpannija kkonċernata trodd lura kwalunkwe għajnuna mogħtija bi ksur tal-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan it-Titolu.

TITOLU IX

DISPOSIZZJONIJIET DWAR L-UNITAJIET 1 U 2 TA' L-IMPJANT TA' ENERĠIJA NUKLEARI TA' BOHUNICE V1 FIS-SLOVAKKJA

Artikolu 64

Is-Slovakkja intrabtet li tagħlaq l-Unità 1 ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Bohunice V1 sa mhux iktar tard mill- 31 ta' Diċembru 2006 u l-Unità 2 ta' dan l-impjant sa mhux iktar tard mill- 31 ta' Diċembru 2008 u, sussegwentement, tiddiżattiva dawn l-unitajiet.

Artikolu 65

1. Matul il-perijodu 2004-2006, l-Unjoni għandha tipprovdi lis-Slovakkja b'għajnuna finanzjarja biex issostni l-isforzi tagħha għad-diżattivazzjoni u biex tindirizza l-konsegwenzi ta' l-għeluq u d-diżattivazzjoni ta' l-Unitajiet 1 u 2 ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Bohunice V1 (minn issa 'l quddiem imsejjħa "l-Għajnuna").

2. L-Għajnuna għandħa tiġi deċiża u implimentata skond id-disposizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 3906/89 tat- 18 ta' Diċembru 1989 dwar għajnuna ekonomika lil ċerti pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant [26].

3. Għall-perijodu 2004-2006, l-Għajnuna għandha tammonta għal 90 miljun euro f'approprjazzjonijiet ta' impenn, li jkunu impenjati f'partijiet annwali ugwali.

4. L-Għajnuna jew partijiet minnha jistgħu jkunu disponibbli bħala kontribuzzjoni ta' l-Unjoni għall-Fond Internazzjonali ta' Għajnuna għad-Diżattivazzjoni ta' Bohunice, amministrat mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u Żvilupp.

Artikolu 66

L-Unjoni tirrikonoxxi li d-diżattivazzjoni ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Bohunice V1 irid ikompli wara l-Perspettiva Finanzjarja, kif imfissra fil-Ftehim Interistituzzjonali tas- 6 ta' Mejju 1999, u li dan l-isforz jirrappreżenta għall-Islovakkja piż finanzjarju sinifikanti. Id-deċiżjonijiet li ser jittieħdu dwar it-tkomplija ta' l-għajnuna mill-Unjoni f'dan il-qasam wara l-2006 għandhom iqisu s-sitwazzjoni.

Artikolu 67

Dan it-Titolu għandu japplika fid-dawl tad-Dikjarazzjoni dwar l-Unità 1 u l-Unità 2 ta' l-Impjant ta' Enerġija Nukleari ta' Bohunice V1 fl-Islovakkja li tinkludi, mingħajr ma jinbidel l-effett legali tagħhom, il-kliem użat fil-preambolu tal-Protokoll Nru. 9 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003.

TITOLU X

DISPOSIZZJONIJIET DWAR ĊIPRU

Artikolu 68

1. L-applikazzjoni ta' l-acquis tal-Komunità u ta' l-Unjoni għandha tiġi sospiża f'dawk iż-żoni tar-Repubblika ta' Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv.

2. Il-Kunsill, abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi dwar it-tneħħija tas-sospensjoni prevista fil-paragrafu 1. Għandu jaġixxi b'mod unanimu.

Artikolu 69

1. Il-Kunsill, abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddefinixxi l-kondizzjonijiet li taħthom id-disposizzjonijiet tad-dritt ta' l-Unjoni għandhom japplikaw fir-rigward tal-linja li taqsam dawk iż-żoni previsti fl-Artikolu 68 u ż-żoni li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru jeżerċita kontroll effettiv. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu.

2. Il-konfini bejn iż-Żona ta' Bażi Sovrana tal-Lvant u ż-żoni previsti fl-Artikolu 68 għandu jkunu trattat bħala parti mill-konfini esterni taż-Żoni ta' Bażi Sovrana għall-iskop tal-Parti Erbgħa ta' l-Anness tal-Protokoll Nru. 3 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003 dwar iż-Żoni ta' Bażi Sovrana tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f'Ċipru pendenti ż-żmien tas-sospensjoni ta' l-applikazzjoni ta' l-acquis tal-Komunità u l-Unjoni skond l-Artikolu 68.

Artikolu 70

1. Xejn f'dan it-Titolu ma għandu jipprekludi l-adozzjoni ta' miżuri maħsuba biex jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku taż-żoni previsti fl-Artikolu 68.

2. Dawn il-miżuri ma għandhomx jolqtu l-applikazzjoni ta' l-acquis tal-Komunità u ta' l-Unjoni taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dan il-Protokoll f'kull parti oħra tar-Repubblika ta' Ċipru.

Artikolu 71

F'każ ta' ftehim dwar il-problema ta' Ċipru, l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi dwar l-adattamenti għall-kondizzjonijiet li jikkonċernaw l-adeżjoni ta' Ċipru ma' l-Unjoni Ewropea, li jkun jaqbel li jsiru biex tingħata konsiderazzjoni lill-Komunità Ċiprijotta-Torka. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu.

Artikolu 72

Dan it-Titolu għandu japplika fid-dawl tad-dikjarazzjoni dwar Ċipru li tinkludi, mingħajr ma jinbidel l-effett legali tagħhom, il-kliem użat fil-preambolu tal-Protokoll Nru. 10 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003.

IT-TIELET PARTI

DISPOSIZZJONIJIET DWAR L-ANNESSI TA' L-ATT TA' L-ADEŻJONI TAS- 16 TA' APRIL 2003

Artikolu 73

L-Anness I u l-Annessi III sa XVII ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003, l-appendiċi tagħhom, u l-Annessi tal-Protokolli 2, 3 u 8 tal l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003 [27] huma parti integrali ta' dan il-Protokoll.

Artikolu 74

1. Ir-referenzi għat-"Trattat ta' Adeżjoni" magħmula fl-Annessi previsti fl-Artikolu 73 ta' dan il-Protokoll għandhom jinftehmu li huma għat-Trattat previst fl-Artikolu IV-437(2)(e) tal-Kostituzzjoni, u dawk magħmula għad-data jew il-ħin ta' l-iffirmar ta' dak it-Trattat għandhom jinftehmu li huma għas- 16 ta' April 2003 u dawk magħmula għad-data ta' l-adeżjoni għandhom jinfthiemu li huma għall- 1 ta' Mejju 2004.

2. Bla ħsara għat-tieni subparagrafu, r-referenzi għal "dan l-Att" magħmula fl-Annessi previsti fl-Artikolu 73 ta' dan il-Protokoll għandhom jinftehmu li huma magħmula għall-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003.

Ir-referenzi magħmula għad-disposizzjonijiet ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003 fl-Annessi previsti fl-Artikolu 73 ta' dan il-Protokoll għandhom jinftehmu li huma magħmula għal dan il-Protokoll, skond it-tabella ta' ekwivalenza li ġejja:

L-Att ta' l-Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003 | Protokoll |

Artikolu 21 | Artikolu 12 |

Artikolu 22 | Artikolu 13 |

Artikolu 24 | Artikolu 15 |

Artikolu 32 | Artikolu 21 |

Artikolu 37 | Artikolu 26 |

Artikolu 52 | Artikolu 32 |

3. L-espressjonijiet, li jidhru fl-Annessi msemmija fl-Artikolu 73, għandhom jinftehmu li għandhom it-tifsira moghtija lilhom fit-tabella ta' ekwivalenza li ġejja, sakemm ma jirreferux esklużivament għal sitwazzjonijiet legali li jippreċedu d-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa.

L-espressjonijiet użati fl-Annessi previsti fl-Artikolu 73 | Tifsira |

It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea | Kostituzzjoni |

Trattat dwar l-Unjoni Ewropea | Kostituzzjoni |

Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea | Kostituzzjoni |

Komunità Ewropea | Unjoni |

Komunità Mkabbra | Unjoni |

Komunità | Unjoni |

UE | Unjoni |

Unjoni Mkabbra jew UE Mkabbra | Unjoni |

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, t-tifsira tal-frażi "Komunitarja" fejn hi użata biex tikkwalifika it-termini "preferenzi" u "sajd" m'għandhiex tinbidel.

4. Ir-referenzi magħmula għal partijiet jew għal disposizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea magħmula fl-Annessi previsti fl-Artikolu 73 ta' dan il-Protokoll għandhom jinftehmu li huma magħmula għal partijiet jew għal disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni, skond it-tabella ta' ekwivalenza li ġejja.

Trattat tal-KE | Kostituzzjoni |

Parti III, Titolu I | Parti III, Titolu III, Kapitolu I, Sezzjoni 3 |

Parti III, Titolu I, Kapitolu 1 | Parti III, Titolu III, Kapitolu I, Sezzjoni 3, sotto-sezzjoni 1 |

Parti III, Titolu II | Parti III, Titolu III, Kapitolu III, Sezzjoni 4 |

Parti III, Titolu III | Parti III, Titolu III, Kapitolu I, Sezzjonijiet 2 u 4 |

Parti III, Titolu VI, Kapitolu 1 | Parti III, Titolu III, Kapitolu I, Sezzjoni 5 |

Artikolu 31 | Artikolu III-155 |

Artikolu 39 | Artikolu III-133 |

Artikolu 49 | Artikolu III-144 |

Artikolu 58 | Artikolu III-158 |

Artikolu 87 | Artikolu III-167 |

Artikolu 88 | Artikolu III-168 |

Artikolu 226 | Artikolu III-360 |

Anness I | Anness I |

5. Fejn l-Annessi msemmija fl-Artikolu 73 ta' dan il-Protokoll jipprevedu li l-Kunsill jew il-Kummissjoni għandhom jadottaw atti legali, dawk l-atti għandhom jieħdu l-forma ta' regolamenti jew deċiżjonijiet Ewropej.

[1] ĠU L 1, tat-3.1.1994, p. 3.

[2] ĠU L 253, tas-7.10.2000, p. 42.

[3] ĠU L 79, tat-22.3.2002, p. 42.

[4] Iregolament (KEE) Nru. 3906/89 (ĠU L 375 tat-23.12.1989, p. 11).

[5] Iregolament (KE) Nru. 2760/98 (ĠU L 345, tad-19.12.1998, p. 49).

[6] Iregolament (KE) Nru. 555/2000 (ĠU L 68, tas-16.3.2000, p. 3).

[7] Iregolament (KE) Nru. 1267/1999 (ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 73).

[8] Iregolament (KE) Nru. 1268/1999 (ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 87).

[9] Il-Ftehim Interistituzzjonali tas- 6 ta' Mejju 1999, bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina fil-budget u t-titjib fil-proċedura tal-budget (ĠU Ċ 172, tat-18.6.1999, p. 1).

[10] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 103.

[11] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 80.

[12] ĠU L 232, tat-2.9.1999, p. 34.

[13] Kif stipulat fil-Linji Gwida tal-Phare (SEC (1999) 1596, aġġornat fis- 6.9.2002 minn Ċ 3303/02).

[14] ĠU L 56, ta' l-4.3.1968, p. 1.

[15] ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 1.

[16] ĠU L 375, tal-31.12.1989, p. 11.

[17] Iregolament (KE, Euratom) Nru. 1605/2002 (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).

[18] ĠU L 178, tat-30.6.2001, p. 1.

[19] ĠU L 360, tal-31.12.1994, p. 2.

[20] ĠU L 257, tal-31.12.1994, p. 26.

[21] ĠU L 360, tal-31.12.1994, p. 2.

[22] ĠU L 149, tal-5.7.1971, p. 2.

[23] ĠU L 375, tat-23.12.1989, p. 11.

[24] ĠU L 99, tas-17.4.2003, p. 8.

[25] ĠU L 348, tal-31.12.1993, p. 2.

[26] ĠU L 375, tat-23.12.1989, p. 11.

[27] ĠU L 236, tat-23.9.2003, p. 33.

--------------------------------------------------