Official Journal L 239 , 22/09/2000 P. 0417 - 0419
Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat-28 ta' April 1999 dwar prinċipji ġenerali li jirrigwardaw il-ħlas ta' l-infurmaturi (SCH/Com-ex (99)8 Rev. 2) IL-KUMITAT EŻEKUTTIV, Wara li kkunsidra l-Artikolu 132 tal-Ftehim li jimplimenta l-Konvenzjoni ta' Schengen, Wara li kkunsidra l-Artikoli 70 u 76 tal-Konvenzjoni hawn fuq imsemmija, IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ: Il-Kumitat Eżekuttiv qiegħed japprova d-Deċiżjoni tal-Grupp Ċentrali tat-22 ta' Marzu 1999 dwar il-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-ħlas ta' l-infurmaturi (SCH/C (99)25, SCH/Stup (98)72 Rev.). Lussemburgu, 28 ta' April 1999. Il-President C. H. Schapper -------------------------------------------------- SCH/Stup (98)72 Rev. 2 Suġġett: Prinċipji ġenerali li jirrigwardaw il-ħlas ta' l-infurmaturi 1. Daħla Il-kriminalità internazzjonali relatata mad-droga, forom oħra ta' kriminalità serja u l-kriminalità organizzata huma fenomenu li dejjem qiegħed jikber u li jaffettwa wkoll l-Istati Schengen. Il-kriminali, partikolarment dawk li huma involuti fit-traffikar illeċitu ta' drogi, qegħdin jadottaw strateġiji li dejjem qegħdin isiru iktar professjonali, u qegħdin jaddattaw bi flessibbilità għaċ-ċirkostanzi ġeopolitiċi, legali, ekonomiċi u teknoloġiċi ġodda, permezz ta' strutturi bħal dawk ta' l-intrapriżi u billi jinsġu transazzjonijiet kummerċjali illegali ma' attivitajiet kummerċjali leġittimi. Huma preparati wkoll li jaġixxu mingħajr ħniena sabiex jiksbu l-għanijiet tagħhom, billi jheddu jew jirrikorru għall-vjolenza kontra nies u proprjetà u billi jfittxu li jimmanipulaw politiċi, negozjanti u uffiċjali pubbliċi, u l-mottiv ewlieni tagħhom huwa dak li jimmassimizzaw il-profitti u li jakkwistaw il-poter. Il-modus operandi ta' sistemi kriminali interkonnessi involuti fid-droga huwa karatterizzat bi speċjalizzazzjoni, qsim tax-xogħol u kumpartimentalizzazzjoni. Il-qliegħ illegali jiġi "investit mill-ġdid" f'attivitajiet kriminali ġodda jew injettat f'attivitajiet kummerċjali leġittimi sabiex isiru influwenti u sabiex joħolqu monopolju kriminali. Anke metodi investigattivi speċjali qegħdin isiru dejjem iżjed ineffettivi. Għaldaqstant, metodi ta' teknika li qegħdin isiru dejjem iktar importanti sabiex tiġi identifikata u miġġielda l-kriminalità organizzata fil-qasam tad-drogi huma l-kisba ta' informazzjoni bil-moħbi u l-użu ta' metodi investigattivi operazzjonali bħall-evalwazzjoni sistematika. F'dan ir-rigward għandha tiġi ffokata attenzjoni partikolari fuq l-użu sistematiku, kordinat u mmirat ta' l-infurmaturi. Infurmaturi jridu jakkwistaw il-fiduċja tal-kriminali sabiex ikunu f'pożizzjoni li jitfgħu d-dawl fuq l-istruttura ta' organizzazzjonijiet u strutturi kriminali. Huwa għalhekk li l-Presidenza għamlet sondaġġ fl-Istati Schengen (ara d-Dok. SCH/Stup (98)25). Dok. SCH/Stup (98)60 Rev. li kien sussegwentement imqassam juri biċ-ċar ir-riżultati. Is-sondaġġ wera li l-liġi u, parzjalment, il-prattika legali fir-rigward tal-ħlas ta' l-infurmaturi fl-Istati Schengen kienu jvarjaw konsiderevolment. Fil-laqgħa tiegħu tal-21 ta' Ottubru 1998, il-Grupp ta Ħidma dwar Drogi għaldaqstant ftiehem li jabbozza direttivi li ma jorbtux dwar il-ħlas ta' l-infurmaturi u dwar kif dawn jistgħu jingħataw benefiċċji mhux materjali. Il-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-ħlas ta' l-infurmaturi għandhom jintużaw bħala direttivi mhux obbligatorji fi ħdan iż-żona ta' Schengen u huma maħsuba li jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp ulterjuri tal-koperazzjoni bejn id-dwana u l-pulizija f'din l-isfera sensittiva. Għandhom iservu wkoll bħala indikazzjonijiet għal dawk l-Istati Schengen li presentament qegħdin jabbozzaw jew jamplifikaw regolamenti simili. 2. Ġenerali Il-mottivi ta' l-infurmaturi biex jikkoperaw mal-pulizija jew ma' l-awtoritajiet doganali huma spiss finanzjarji. Għaldaqstant għandhom jingħataw inċentivi finanzjarji li jqisu r-realtajiet tas-suq u li jikkorrispondu maċ-ċirkostanzi personali tagħhom, li jirriflettu l-kapaċitajiet meħtieġa għall-operazzjoni u huma proporzjonati mar-riskju involut u ma' l-eżitu ta' l-investigazzjoni.. Konsiderazzjonijiet ekonomiċi huma fattur ieħor, billi l-użu ta' infurmaturi spiss jirriżulta irħas. Jekk ikun assigurat li jitħarsu d-direttivi li ġejjin fiż-żona ta' Schengen kollha, dan għandu b'mod partikolari jippermetti konformità mal-ħtiġijiet tattiċi u legali li japplikaw għall-investigazzjonijiet dwar drogi, waqt li fl-istess ħin jitqiesu l-karatteristiċi bilaterali u reġjonali speċifiċi u l-karattru partikolari tar-reat. Dan għandu b'mod inċidentali jipprevjeni li jkun hemm "turiżmu ta' infurmaturi", jiġifieri li l-forzi tal-pulizija u l-awtoritajiet doganali li jħaddmu lill-infurmaturi jibdew jikkompetu bejniethom fuq livell bilaterali jew ma' servizzi oħrajn fiż-żona ta' Schengen. 3. Prinċipji Dawn il-prinċipji għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali. Ħlasijiet magħmula lill-infurmaturi għandhom ikunu raġonevolment proporzjonati ma' l-eżitu ta' l-investigazzjoni miksuba b'risultat tal-prosekuzzjoni kriminali u/jew il-periklu li jiġi evitat permezz ta' l-użu ta' infurmatur minn naħa waħda, u l-involviment ta' riskju personali ffaċjat mill-infurmatur min-naħa l-oħra. L-inċentiv finanzjarju m'għandux iħajjar lill-persuna li tagħti l-informazzjoni sabiex tikkommetti reat. Il-kriterji partikolari huma kif ġejjin: - Il-kwantità ta' informazzjoni u r-riżultati li din tipproduċi, per eżempju l-valur u l-importanza tad-droga maqbuda, in-numru u l-kalibru tal-kriminali arrestati u/jew il-valur ta' l-assi konfiskati. - Il-kwalità ta' l-informazzjoni, per eżempju informazzjoni li hija strateġikament jew tattikament utli dwar metodi, strateġiji loġistiċi wżati mill-kriminali, dwar l-għanijiet ta' l-organizzazzjoni kriminali, u dwar il-mod kif din tirrispondi għall-miżuri meħuda mill-awtoritajiet ta' ġustizzja kriminali. - Il-karatteristiċi personali tal-persuna li tagħti l-informazzjoni, per eżempju l-grad ta' involviment fl-operazzjoni, diffikultajiet partikolari, riskji u perikli, affidabbilità u motivazzjoni. - L-importanza tal-ġerarkija/organizzazzjoni kriminali, jew l-investigazzjoni ta' l-attività kriminali tal-membri, l-influwenza tagħhom fi ħdan il-qalba kriminali, il-grad ta' infiltrazzjoni fil-ħajja pubblika, il-ħsara attwali jew potenzjali kkawżata, ir-relevanza soċjali tal-każ u l-grad ta' kemm hija msejjsa fl-ambjent kriminali lokali, l-għanijiet strateġiċi li għalihom tista' tintuża wkoll l-informazzjoni. Il-ħlas għall-koperazzjoni hu ġeneralment speċifiku skond il-każ partikolari. Ebda tentattiv m'għandu jsir sabiex l-infurmatur jingħata spejjeż ta' l-għixien għal perjodu indefinit. L-infurmaturi jistgħu jibbenefikaw ukoll minn miżuri speċjali protettivi jew ta' wara l-operazzjoni (l-hekk imsejjħa protezzjoni tax-xhieda) u jistgħu jsiru arranġamenti sabiex tingħata protezzjoni soċjali. Tista' tingħata rifużjoni tal-ħlasijiet li jsiru mill-infurmatur (spejjeż) f'każijiet speċifiċi. Il-ħlas għandu jsir wara li jitlesta l-inkarigu. Ħlasijiet parzjali jistgħu jsiru wara li jkunu tlestew partijiet mill-inkarigu. M'għandux ikun hemm ħlas bil-quddiem. Id-dħul ta' l-infurmatur huwa xorta waħda soġġett għat-taxxa nazzjonali u għar-regolamenti ta' sigurtà soċjali. B'mod ġenerali, l-ispejjeż ta' l-użu ta' infurmatur għandhom jaqgħu fuq il-pulizija jew fuq l-awtorità doganali. Jekk tkun se ssir investigazzjoni konġunta minn diversi organi ta' Schengen, għandu jintlaħaq ftehim fi stadju bikri dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż. Il-kontribuzzjonijiet minn partijiet terzi m'għandhomx bħala regola jiġu inklużi fil-ħlas li jsir lill-infurmatur. Benefiċċji mhux materjali jistgħu jingħataw ukoll, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali fis-seħħ fid-diversi Stati ta' Schengen, u jistgħu jingħaddu bħala kontribuzzjonijiet materjali. In-natura tal-benefiċċju, l-importanza tiegħu għall-infurmatur u l-ispejjeż li jrid jagħmel l-Istat biex jagħtih huma l-fatturi li jridu jitqiesu f'dan ir-rigward. Il-protezzjoni ta' l-infurmatur f'sitwazzjonijiet perikolużi, tħaffif tar-reġim ta' detenzjoni u remissjoni totali jew parzjali ta' sentenza b'mod konformi mal-liġi nazzjonali jaqgħu wkoll taħt il-kategorija ta' benefiċċji mhux materjali. Jekk infurmatur jġib ruħu b'mod mhux xieraq, per eżempju billi ma jirrispettax il-ftehim, billi jikkommetti reat kriminali f'każ partikolari, billi konxjement jew bi traskuraġni jagħti informazzjoni falza, billi kolpevolment jonqos milli jsegwi struzzjonijiet li jkun irċieva jew billi jiżvija volontarjament minn direttivi tattiċi, il-ħlasijiet jistgħu jitnaqqsu, jinżammu jew rkuprati fit-totalità tagħhom, skond is-serjetà ta' l-imġieba ħażina ta' l-infurmatur. Jekk żewġ Stati Schengen jew iżjed jiġu affettwati jew jistgħu jiġu affettwati f'sitwazzjoni bħal din, l-aġenziji nazzjonali relevanti għandhom jagħtu notifika kemm jista' jkun malar. L-awtoritajiet kompetenti ċentrali għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar kriterji preżenti għall-ħlasijiet fl-Istati differenti. --------------------------------------------------