|
6.3.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 68/96 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/468
tal-25 ta’ Novembru 2022
li temenda d-Deċiżjoni 2007/116/KE fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ numru riżervat addizzjonali li jibda b’116
(notifikata bid-dokument C(2022) 8407)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 93(8) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/116/KE (2) tistabbilixxi proċedura għar-riżervar tan-numri nazzjonali għal servizzi armonizzati ta’ valur soċjali. L-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni fih lista ta’ numri f’din il-firxa numerika u s-servizzi li għalihom huwa riżervat kull numru. |
|
(2) |
Il-Kummissjoni identifikat servizz ġdid — Linja għall-Għajnuna għall-Vittmi ta’ Vjolenza kontra n-Nisa - bħala servizz ta’ valur soċjali li jista’ jibbenefika minn numru armonizzat. Għal dawn ir-raġunijiet, jenħtieġ li l-Anness tad-Deċiżjoni 2007/116/KE jiġi emendat biex jintroduċi n-numru riżervat addizzjonali 116 016. |
|
(3) |
Għaldaqstant jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2007/116/KE tiġi emendata skont dan. |
|
(4) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Komunikazzjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness tad-Deċiżjoni 2007/116/KE huwa sostitwit bl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li mit-30 ta’ April 2023 l-Awtorità Regolatorja Nazzjonali kompetenti tkun tista’ tassenja n-numru li jiżdied mal-lista tan-numri riżervati għas-servizzi armonizzati ta’ valur soċjali fl-Anness.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2022.
Għall-Kummissjoni
Helena DALLI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/116/KE tal-15 ta’ Frar 2007 dwar l-irriżervar tal-firxa nazzjonali ta’ numri li jibdew b’116 għal numri armonizzati ta’ servizzi armonizzati ta’ valur soċjali (ĠU L 49, 17.2.2007, p. 30).
ANNESS
Lista ta’ numri riżervati għal servizzi armonizzati ta’ valur soċjali
|
Numru |
Servizz li għalih in-numru huwa riżervat |
Kundizzjonijiet speċifiċi marbuta mad-dritt ta’ użu ta’ dan in-numru |
|
116 000 |
Isem is-servizz: Hotline għat-tfal neqsin Deskrizzjoni: Is-servizz (a) jirċievi telefonati li jirrapportaw tfal neqsin u jgħaddihom lill-pulizija; (b) joffri gwida lill-persuni responsabbli għat-tfal neqsin u jappoġġahom; (c) jappoġġa l-investigazzjoni. |
Is-servizz huwa kontinwament disponibbli (jiġifieri 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa, mal-pajjiż kollu). |
|
116 006 |
Isem is-servizz: Linja tal-għajnuna għall-vittmi ta’ reat kriminali Deskrizzjoni: Is-servizz jippermetti li l-vittmi ta’ reat kriminali jsibu appoġġ emozzjonali fit-tali ċirkustanzi, ikunu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-modi kif jitolbu d-drittijiet tagħhom, u jiġu riferuti għall-organizzazzjonijiet rilevanti. B’mod partikolari, jipprovdi informazzjoni dwar (a) il-pulizija lokali u l-proċedimenti tal-ġustizzja kriminali; (b) possibbiltajiet ta’ kumpens u kwistjonijiet ta’ assigurazzjoni. Jipprovdi wkoll appoġġ fis-sejbien ta’ sorsi oħra ta’ għajnuna rilevanti għall-vittmi ta’ reat kriminali. |
Meta s-servizz ma jkunx kontinwament disponibbli (jiġifieri 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa, mal-pajjiż kollu), il-fornitur tas-servizz irid jiżgura li l-informazzjoni dwar id-disponibbiltà ssir disponibbli għall-pubbliku f’forma li tkun faċilment aċċessibbli, u li matul il-perjodi meta s-servizz ma jkunx disponibbli, dawk li jċemplu għas-servizz ikunu infurmati dwar meta s-servizz se jerġa’ jsir disponibbli. |
|
116 016 |
Isem is-servizz: Linja għall-għajnuna għall-vittmi ta’ vjolenza kontra n-nisa Deskrizzjoni: Is-servizz jippermetti li l-vittmi ta’ vjolenza kontra n-nisa jsibu assistenza u appoġġ, ikunu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-modi kif jitolbu d-drittijiet tagħhom, u jiġu riferuti għall-organizzazzjonijiet rilevanti. |
Meta s-servizz ma jkunx kontinwament disponibbli (jiġifieri 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa, mal-pajjiż kollu), il-fornitur tas-servizz irid jiżgura li l-informazzjoni dwar id-disponibbiltà ssir disponibbli għall-pubbliku f’forma li tkun faċilment aċċessibbli, u li matul il-perjodi meta s-servizz ma jkunx disponibbli, dawk li jċemplu għas-servizz ikunu infurmati dwar meta s-servizz se jerġa’ jsir disponibbli. |
|
116 111 |
Isem is-servizz: Linji għall-għajnuna għat-tfal Deskrizzjoni: Is-servizz jgħin lit-tfal li jeħtieġu l-kura u l-protezzjoni u jqabbadhom ma’ servizzi u riżorsi; jagħti l-opportunità lit-tfal li jesprimu t-tħassib tagħhom, li jitkellmu dwar kwistjonijiet li qed jaffettwawhom direttament u jikkuntattjaw lil xi ħadd f’sitwazzjoni ta’ emerġenza. |
Meta s-servizz ma jkunx kontinwament disponibbli (jiġifieri 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa, mal-pajjiż kollu), il-fornitur tas-servizz irid jiżgura li l-informazzjoni dwar id-disponibbiltà ssir disponibbli għall-pubbliku f’forma li tkun faċilment aċċessibbli, u li matul il-perjodi meta s-servizz ma jkunx disponibbli, dawk li jċemplu għas-servizz ikunu infurmati dwar meta s-servizz se jerġa’ jsir disponibbli. |
|
116 117 |
Isem is-servizz: Servizz tal-għassa medika għal każijiet mhux ta’ emerġenza Deskrizzjoni: Is-servizz jidderieġi lil dawk li jċemplu għall-assistenza medika xierqa għall-ħtiġijiet tagħhom, li jkunu urġenti imma mhux ta’ theddida għall-ħajja, speċjalment, imma mhux esklużivament, barra mill-ħinijiet normali tal-uffiċċju, matul tmiem il-ġimgħa u fil-vaganzi pubbliċi. Iqabbad lil min iċempel ma’ persuna kwalifikata u li tagħti l-appoġġ, jew iqabbad lil min iċempel direttament ma’ tabib jew ma’ min imexxi l-klinika kkwalifikati. |
Meta s-servizz ma jkunx kontinwament disponibbli (jiġifieri 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa, mal-pajjiż kollu), il-fornitur tas-servizz irid jiżgura li l-informazzjoni dwar id-disponibbiltà ssir disponibbli għall-pubbliku f’forma li tkun faċilment aċċessibbli, u li matul il-perjodi meta s-servizz ma jkunx disponibbli, dawk li jċemplu għas-servizz ikunu infurmati dwar meta s-servizz se jerġa’ jsir disponibbli. |
|
116 123 |
Isem is-servizz: Linji għas-sostenn emozzjonali Deskrizzjoni: Is-servizz jippermetti lil min iċempel li jibbenifika minn relazzjoni umana ġenwina msejsa fuq smigħ li huwa ħieles minn kull ġudizzju. Joffri sostenn emozzjonali lil dawk li jċemplu li jsofru mis-solitudni, fi stat ta’ kriżi psikoloġika jew li jkunu qed jikkontemplaw is-suwiċidju. |