7.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 239/22


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1111

tas-6 ta’ Lulju 2021

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003 dwar ċerti restrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003 tas-7 ta’ Lulju 2003 dwar ċerti restrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 2465/96 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(b) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003 jelenka korpi pubbliċi, korporazzjonijiet u aġenziji u persuni fiżiċi u ġuridiċi, korpi u entitajiet tal-gvern preċedenti tal-Iraq koperti mill-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi li kienu jinsabu barra mill-Iraq nhar it-22 ta’ Mejju 2003, skont dan ir-Regolament.

(2)

Fit-30 ta’ Ġunju 2021, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda li jneħħi entità waħda mil-lista ta’ persuni u entitajiet li għalihom jenħtieġ li japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi.

(3)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003 huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President

Direttur Ġenerali

Id-Direttorat Ġenerali għall-Istabilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali


(1)   ĠU L 169, 8.7.2003, p. 6.


ANNESS

Fl-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003, titħassar l-annotazzjoni li ġejja:

“124.

STATE CONTRACTING WATER AND SEWAGE PROJECTS COMPANY (magħrufa wkoll bħala (a) STATE ORGANISATION FOR WATER AND SEWAGE, (b) GENERAL ESTABLISHMENT FOR WATER AND SEWAGE PROJECTS, (c) GENERAL ESTABLISHMENT FOR IMPLEMENTING WATER AND SEWERAGE PROJECTS, (d) GENERAL ESTABLISHMENT FOR OPERATION WATER AND SEWERAGE PROJECTS). L-indirizzi: (a) Street No. 52, Alwiya, P.O. Box 5738, Bagdad, l-Iraq; (b) P.O. Box 1011, Basil Square, Bagdad, l-Iraq; (c) P.O. Box 1011, Al Wathba Square, Bagdad, l-Iraq.”