1983L0182 — MT — 01.01.2007 — 004.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
|
ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL tat-28 ta' Marzu 1983 dwar eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità għal ċerti mezzi ta' trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor (ĠU L 105, 23.4.1983, p.59) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
No |
page |
date |
||
|
L 363 |
129 |
20.12.2006 |
||
Emendat bi:
|
L 302 |
23 |
15.11.1985 |
||
|
C 241 |
21 |
29.8.1994 |
||
|
L 236 |
33 |
23.9.2003 |
ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL
tat-28 ta' Marzu 1983
dwar eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità għal ċerti mezzi ta' trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor
(83/182/KEE)
IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 99 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 2 ),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 3 ),
Billi l-moviment ħieles tar-residenti tal-Komunità ġewwa l-Komunità hu mxekkel bl-arranġamenti ta' tassazzjoni applikati għall-importazzjoni temporanja ta' ċerti mezzi ta' trasport għall-użu privat jew għall-kummerċ;
Billi t-tneħħija ta' l-ostakoli li jirriżultaw minn dawn l-arranġamenti ta' tassazzjoni hi b'mod partikolari meħtieġa jekk irid ikun stabbilit suq ekonomiku li jkollu l-karattersitiċi simili għal dawk ta' suq domestiku;
Billi għandu jkun possibbli f'ċerti każijiet li jkun stabbilit b'mod definittiv jekk huwiex minnu jew le li persuna tkun fil-fatt residenti f'xi Stat Membru partikolari;
Billi jidher mixtieq fl-ewwel stadju li jkun limitat l-għan ta' din id-Direttiva dwar ċerti mezzi ta' trasport għal dawk akkwistati jew importati skond il-kondizzjonijiet ġenerali ta' tassazzjoni fis-seħħ dwar is-suq domestiku ta' xi Stat Membru.
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Għan
1. L-Istati Membri għandhom, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti hawn taħt, jeżentaw importazzjonijiet temporanji minn Stat Membru ieħor ta' vetturi tat-triq bil-mutur (inklużi t-trejlers tagħhom), karavannijiet, dgħajjes għall-passatempi, ajruplani privati, biċikletti, trajsikils u żwiemel ta' l-irkib minn:
— turnover tax, taxxi tas-sisa u taxxi oħrajn fuq il-konsum,
— it-taxxi elenkati fl-Anness t'hawnhekk.
2. L-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tapplika wkoll għall-partijiet għall-bdil normali, aċċessorji u apparat importati permezz ta' dawn il-mezzi ta' trasport.
3. Vetturi kummerċjali għandhom ikunu esklużi mill-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1.
4.
(a) L-għan ta' din id-Direttiva m'għandux jestendi għall-importazzjoni temporanja ta' vetturi privati, karavannijiet, dgħajjes għall-passatempi, ajruplani privati, biċikletti u trajsikils għall-użu privat li ma jkunux ġew akkwistati jew importati skond il-kondizzjonijiet ġenerali ta' tassazzjoni fis-seħħ fis-suq domestiku ta' xi Stat Membru u/jew li jkunu suġġett minħabba l-esportazzjoni tagħhom għal xi eżenzjoni minn jew xi rifużjoni minn turnover tax, taxxa tas-sisa jew xi taxxa oħra fuq konsum.
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, mezzi ta' trasport akkwistati taħt il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15 (10) tad-Direttiva 77/388/KEE ( 4 ) għandhom jitqiesu li jkunu ssodisfaw il-kondizzjonijiet ġenerali ta' tassazzjoni fis-seħħ fis-suq domestiku ta' xi Stat Membru; iżda, l-Istati Membri jistgħu jqisu mezzi ta' trasport akkwistati taħt il-kondizzjonijiet imsemmija fit-tielet inċiż ta' l-imsemmi punt 10 li ma jkunux issodisfaw dawn il-kondizzjonijiet.
(b) Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu, qabel il-31 ta' Diċembru 1985, jadotta r-regoli tal-Komunità dwar l-għoti ta' eżenzjoni għall-mezzi ta' trasport imsemmija fl-ewwel paragrafu ta' (a) t'hawn fuq, waqt li jikkunsidra l-ħtieġa li jkunu evitati każijiet ta' tassazzjoni doppja u l-ħtieġa li tkun assigurata tassazzjoni normali u sħiħa ta' mezzi ta' trasport għall-użu privat.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-fini ta' din id-Direttiva:
(a) “vettura kummerċjali” tfisser kull vettura tat-triq li, minħabba d-disinn jew apparat tagħha, tkun xierqa għal u maħsuba għal trasport, kemm jekk bi ħlas jew le:
— aktar minn disa' persuni, inkluż is-sewwieq,
— oġġetti,
kif ukoll xi vettura tat-triq għall-użu speċjali minbarra trasport għalih innifsu;
(b) “vettura privata” tfisser kull vettura tat-triq, inkluż it-trejler tagħha, jekk ikun hemm, minbarra dawk imsemmija fis-subparagrafu (a);
(ċ) “użu kummerċjali” ta' xi mezz ta' trasport tfisser l-użu tiegħu fl-għemil dirett għal xi attività magħmula għal xi għan jew qligħ finanzjarju;
(d) “użu privat” tfisser kull użu minbarra użu kummerċjali.
Artikolu 3
Importazzjoni temporanja ta' ċerti mezzi tat-trasport għall-użu privat
Meta vettura privata, karavann, dgħajsa għall-passatempi, ajruplan privat, trajsikil jew biċikletti tkun importata temporanjament, l-oġġett importat għandu jkun eżentat mit-taxxi speċifikati fl-Artikolu 1 għal perjodu, kontinwu jew mod ieħor, ta' mhux aktar minn sitt xhur f'xi 12-il xahar, sakemm:
(a) l-individwu li jimporta dawk l-oġġetti:
(aa) jkollu r-residenza normali f'xi Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta' importazzjoni temporanja;
(bb) juża l-mezz ta' trasport involut għall-użu privat tiegħu;
(b) l-imsemmi mezz tat-trasport ma jkunx mogħti jew mikri fl-Istat Membru ta' importazzjoni temporanja jew misluf lil xi resident ta' dak l-Istat. Iżda, vetturi privati ta' kumpanija li tikri l-karozzi li jkollha l-uffiċċju prinċipali fil-Komunità jistgħu jerġgħu jinkrew lil dawk li mhumiex residenti bil-għan li jkunu ri-esportati, jekk dawn ikunu fil-pajjiż bħala riżultat ta' kuntratt tal-kiri li ntemm f'dak il-pajjiż. Dawn jistgħu jkunu ritornati wkoll minn xi impjegat tal-kumpanija li tikri l-karozzi lill-Istat Membru fejn dawn kienu oriġinalment mikrija, anke jekk dak l-impjegat ikun residenti fl-Istat Membru ta' importazzjoni temporanja.
Artikolu 4
Importazzjoni temporanja ta' vetturi privati għall-użu kummerċjali
1. Vettura privata importata temporanjament għall-użu kummerċjali għandha tkun eżentata mit-taxxi speċifikati fl-Artikolu 1, sakemm:
(a) l-individwu li jimporta l-vettura privata:
(aa) jkollu r-residenza normali tiegħu f'xi Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta' importazzjoni temporanja;
(bb) ma jużax il-vettura ġewwa l-Istat Membru ta' importazzjoni temporanja sabiex iġorr passiġġieri għall-kiri jew qligħ materjali ta' kull xorta, jew għat-trasport industrijali u/jew kummerċjali ta' l-oġġetti, kemm jekk bi qligħ jew kemm jekk le;
(b) il-vettura privata ma tkunx mogħtija, mikrija jew mislufa fl-Istat Membru ta' importazzjoni temporanja;
(ċ) il-vettura privata tkun ġiet akkwistata jew importata skond il-kondizzjonijiet ġenerali tat-tassazzjoni fis-seħħ fis-suq domestiku ta' l-Istat Membru tar-residenza normali ta' l-utent u ma tkunx suġġetta minħabba l-esportazzjoni tagħha għal xi eżenzjoni minn jew rifużjoni ta' turnover tax, taxxa tas-sisa u xi taxxa oħra fuq il-konsum.
Din il-kondizzjoni għandha titqies li tkun sodisfatta jekk il-vettura privata jkollha pjanċa standard ta' reġistrazzjoni ta' l-Istat Membru, bit-tipi kollha ta' pjanċi temporanji esklużi.
Iżda, fil-każ ta' vetturi privati reġistrati f'xi Stat Membru fejn il-ħruġ ta' pjanċi tar-reġistrazzjoni standard mhumiex taħt kondizzjoni li jikkonformaw mad-disposizzjonijet ġenerali tat-tassazzjoni fis-seħħ fis-suq domestiku, l-utenti huma meħtieġa li jipproduċu kull xhieda xierqa bħala prova ta' pagament tat-taxxi fuq il-konsum.
2. L-eżenzjoni li tinsab fil-paragrafu 1 tapplika għal perjodu, kemm jekk b'mod kontinwu jew le, ta':
— seba' xhur f'perjodu ta' 12-il xhar, fil-każ ta' vetturi privati importati minn wieħed mill-intermedjarji kummerċjali msemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 64/224/KEE ( 5 ),
— sitt xhur f'xi 12-il xhar fil-każijiet l-oħra kollha.
Artikolu 5
Każijiet speċifiċi ta' importazzjoni temporanja ta' vetturi privati
1. Vetturi privati importati temporanjament huma eżentati mit-taxxi msemmija fl-Artikolu 1 fil-każijiet li ġejjin:
(a) meta vettura privata reġistrata fil-pajjiż ta' residenza normali ta' l-utent tkun użata regolarment għall-vjaġġ mir-residenza tiegħu għall-post tax-xogħol tiegħu f'xi impriża fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, u viċi versa. Eżenzjonijiet f'din l-intestatura mhumiex suġġetti għal xi limitu ta' ħin;
(b) meta xi student juża xi vettura privata reġistrata fl-Istat Membru tar-residenza normali tiegħu fit-territorju ta' xi Stat Membru ieħor li fih l-istudent ikun joqgħod għall-fini biss ta' studju.
2. L-għoti ta' l-eżenzjonijiet mogħtija fil-paragrafu 1 għandu jkun suġġett għall-kondizzjoni ewlenija li d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(1)(a), (b) u (ċ) jkunu osservati.
Artikolu 6
Eżenzjoni minn importazzjoni temporanja ta' żwiemel ta' rkib għal eskursjonijiet ta' rkib fuq iż-żiemel
Żwiemel ta' rkib importati temporanjament ġewwa l-Istat Membru huma eżentati għal tliet xhur mit-taxxi speċifikati fl-Artikolu 1, sakemm:
(a) l-imsemmija żwiemel jidħlu fit-territorju ta' l-Istat Membru ta' importazzjoni temporanja għall-finijiet ta' u/jew fil-kors ta' eskursjonijiet ta' rkib fuq iż-żwiemel mir-rikkieba tagħhom. L-Istati Membri jistgħu jeskludu minn din l-eżenzjoni l-importazzjoni mir-residenti tagħhom ta' żwiemel imrikkba fuq mezzi ta' trasport;
(b) eżenzjoni hi meħtieġa mhux aktar tard miż-żmien tad-dħul fit-territorju ta' l-Istat Membru ta' importazzjoni temporanja. Meta eżenzjoni tkun meħtieġa qabel l-importazzjoni temporanja, ir-rikkieb jista' jkun eżentat mill-ħtieġa li jidħol fit-territorju ta' l-Istat Membru ta' importazzjoni temporanja minn post tal-fruntiera;
(ċ) l-imsemmija żwiemel mhumiex mikrija, mislufa, jew mogħtija lil terza parti fl-Istat Membru ta' importazzjoni temporanja, jew użati għall-finijiet minbarra dak ta' eskursjoni.
Artikolu 7
Regoli ġenerali biex tkun stabbilita residenza
1. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, “residenza normali” tfisser il-post fejn xi persuna tgħix normalment, jiġifieri għal mill-inqas 185 jum f'kull sena kalendarja, minħabba xi rbit personali u tax-xogħol, jew, fil-każ ta' xi persuna li ma jkollhiex irbit tax-xogħol minħabba rbit personali li juru rabtiet mill-qrib bejn dik il-persuna u l-post fejn qed jgħix.
Iżda, ir-residenza normali ta' xi persuna li l-irbit tax-xogħol tagħha jkun f'post differenti minn dak ta' l-irbit personali u li jgħix konsegwentement f'postijiet differenti sitwati f'żewġ Stati Membri jew aktar għandu jitqies li jkun il-post ta' l-irbit personali tagħha, sakemm dik il-persuna tirritorna hemmhekk regolarment. Din l-aħħar kondizzjoni ma teħtieġx li tkun sodisfatta meta l-persuna tkun tgħix f'xi Stat Membru sabiex tagħmel xogħol ta' tul definit. Attendenza f'xi università jew skola ma timplikax trasferiment tar-residenza normali.
2. Individwi għandhom jagħtu prova tal-post tagħhom ta' residenza normali b'xi mezzi xierqa, bħall-karta ta' l-identità jew xi dokument ieħor validu.
3. Meta l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' importazzjoni jkollhom dubbji dwar il-validità ta' xi dikjarazzjoni dwar residenza normali magħmula skond il-paragrafu 2, jew għall-fini ta' ċerti kontrolli speċifiċi, dawn jistgħu jitolbu xi informazzjoni jew evidenza addizzjonali.
Artikolu 8
Regoli supplimentari biex tiġi stabbilita residenza fil-każ ta' użu kummerċjali ta' xi vettura privata
F'każijiet eċċezzjonali fejn, minkejja l-għoti ta' l-informazzjoni addizzjonali msemmija fl-Artikolu 7(3) lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' importazzjoni, jibqgħu dubbji serji, importazzjoni temporanja ta' xi vettura privata għall-użu kummerċjali tista' tkun magħmula taħt il-kondizzjoni ta' ħlas ta' garanzija.
Iżda, meta l-utent tal-vettura jipproduċi xiehda li hu jkollu r-residenza normali tiegħu f'xi Stati Membru ieħor, l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru ta' l-importazzjoni temporanja għandhom jirrifondu l-garanzija fi żmien xahrejn wara d-data li fiha x-xiehda tkun mogħtija.
Artikolu 9
Arranġamenti speċjali
1. L-Istati Membri jistgħu jżommu u/jew jintroduċu arranġamenti aktar liberali minn dawk provuduti f'din id-Direttiva. B'mod partikolari, dawn jistgħu, fuq talba ta' l-importatur, jippermettu importazzjoni temporanja għal perjodu itwal minn dawk imsemmija fl-Artikoli 3 u 4 (2). Fil-każ ta' l-aħħar, l-Istati Membri jistgħu jitolbu t-taxxi msemmija fl-Anness għal perjodi li jeċċedu dawk stabbiliti permezz ta' din id-Direttiva. L-Istati Membri jistgħu jippermettu wkoll li l-vetturi privati msemmija fit-tieni sentenza ta' l-Artikolu 3(b) jkunu mikrija mill-ġdid lil resident ta' l-Istat Membru ta' importazzjoni bil-għan li jkunu riesportati.
2. L-Istati Membri ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanzi japplikaw, bis-saħħa ta' din id-Direttiva, eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità li huma inqas favorevoli minn dawk li huma jistgħġu jagħtu għar-rigward tal-mezzi ta' trasport li joriġinaw f'xi pajjiż mhux membru.
3. Ir-Renju tad-Danimarka hu awtorizzat li jżomm ir-regoli li japplikaw f'dak il-pajjiż dwar residenza normali li dwarhom xi persuna, inkluż xi student, għar-rigward tal-każ imsemmi fl-Artikolu 5(1)(b), ikun meqjus li jkollu residenza normali fid-Danimarka jekk dan jgħix hemm għal sena jew 365 jum f'perjodu ta' 24 xahar.
Iżda, sabiex tkun evitata tassazzjoni doppja:
— billi, bħala riżultat ta' l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli, persuna hi kkunsidrata li jkollha żewġ residenzi, ir-residenza normali ta' dik il-persuna tinsab fejn il-konjuġi u t-tfal tiegħu jgħixu,
— f'każijiet simili, ir-Renju tad-Danimarka għandu jikkonsulta ma' l-Istat Membru l-ieħor interessat biex jiddeċiedi liema miż-żewġ residenzi għandha tkun użata għall-finijiet ta' tassazzjoni.
Qabel jiskadi l-perjodu ta' tliet snin, il-Kunsill, fuq il-bażi ta' rapport mill-Kummissjoni, għandu jeżamina mill-ġdid id-deroga li tinsab f'dan il-paragrafu u, jekk meħtieġ, għandu jadotta miżuri, fuq proposta mill-Kummissjoni bażata fuq l-Artikolu 99 tat-Trattat, biex jassigura t-tneħħija tad-deroga.
4. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 fl-istess ħin li dawn jaderixxu ma' l-obbligazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10. Il-Kummissjoni għandha sussegwentement tikkomunika dawn l-arranġamenti lill-Istati Membri l-oħra.
Artikolu 10
Disposizzjonijiet finali
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-1 ta' Jannar 1984. Dawn għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.
2. Billi l-applikazzjoni prattika ta' din id-Direttiva tagħti lok għal diffikultajiet, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri interessati għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa permezz ta' ftehim reċiproku, b'mod partikolari fid-dawl tal-Konvenzjonijiet u d-Direttivi tal-Komunità dwar assistenza reċiproka.
3. L-Istati Membri għandhom jaraw li jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-disposizzjonijiet prinċipali sussegwenti tal-liġi nazzjonali li dawn jadottaw fil-qasam regolat b'din id-Direttiva.
4. Kull sentejn il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri, tagħti lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew rapport dwar it-tħaddim ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri, b'referenza partikolari għall-kunċett ta' “residenza normali”, u għandha tipproponi d-disposizzjonijiet meħtieġa tal-Komunità biex titwaqqaf sistema uniformi fl-Istati Membri kollha.
Artikolu 11
Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.
ANNESS
Lista ta' taxxi previsti fit-tieni paragarfu ta' l-Artikolu 1 (1)
IL-BELĠJU
— Taxe de circulation sur les véhicules automobiles (Arrêté royal du 23 novembre 1965 portant codification des dispositions légales relatives aux taxes assimilées aux impôts sur les revenus — Moniteur belge du 18 janvier 1966)
— Verkeersbelasting op de autovörtuigen (Koninklijk Besluit van 23 november 1965 houdende codificatie van de wettelijke bepalingen betreffende de met de inkomstenbelastingen gelijkgestelde belastingen — Belgisch Staatsblad van 18 januari 1966)
ID-DANIMARKA
— Vaegtafgift af motorköretöjer (LovbeKEndtgörelse nr. 163 af 31. marts 1993)
IL-ĠERMANJA
— Kraftfahrzeugsteuer (Kraftfahrzeugsteuergesetz — 1979)
— Kraftfahrzeugsteuer (Durchfuehrungsverordnung — 1979)
IL-GREĊJA
— Τέλη κυκλoφoρίας (N.2367/53 όπως ισχύει σήμερα)
SPANJA
— Tributos Locales sobre circulación de vehículos automóviles (establkeido en base a la Ley 41/1979, de 19 de noviembre, de Bases de Régimen Local y al Real DECreto 3250/1976, de 30 de diciembre)
FRANZA
— Taxe différentielle sur les véhicules à moteur (Loi no 77-1467 du 30 décembre 1977)
— Taxe sur les véhicules d'une puissance fiscale supérieure à 16 CV immatriculés dans la catégorie des voitures particulières (Loi de finances 1979 — Article 1007 du code général des impôts)
L-IRLANDA
— Motor vehicle excise duties (Finance (Excise duties) (Vehicles) Act 1952 kif emendat, u SECtion 94, Finance Act 1973 kif emendat)
L-ITALJA
— Tassa sulla circolazione degli autoveicoli (TU delle leggi sulle tasse automobilistiche approvato con DPR N. 39 del 5 febbraio 1993 e successive modificazioni)
IL-LUSSEMBURGU
— Taxe sur les véhicules automoteurs (Loi allemande du 23 mars 1935 (Kraftfahrzeugsteuergesetz) maintenue en vigueur par l'arrêté grand-ducal du 26 octobre 1944, modifiée par la loi du 4 août 1975 et les règlements grand-ducaux du 15 septembre 1975 et du 31 octobre 1975 et du 31 octobre 1975)
L-OLANDA
— Motorrijtuigenbelasting (wet op de motorrijtuigenbelasting 21 juli 1966, Stb 332 — wet van 18 december 1969/Stb 548)
L-AWSTRIJA
— Kraftfahrzeugsteuer (BGBl. Nr. 449/1992)
IL-PORTUGALL
— Imposto sobre veículos (DECreto-Lei no 143/78, de 12 de Junho)
— Imposto de compensaç-o (DECreto-Lei no 354-A/82, de 9 de Setembro)
IL-FINLANDJA
— Mottoriajoneuvovero/motorfordonsskatt (Laki mottoriajoneuvoverosta/Lag om skatt paa motorfordon 722/66)
L-ISVEZJA
— Fordonsskatt (Fordonsskattelagen 1988:327)
IR-RENJU UNIT
— Vehicle excise duty (Vehicles (Excise) Act 1971).
IR-REPUBBLIKA ĊEKA
— Silniční daň
ĊIPRU
— Ο περί Τελωνειακών Δασμών και Φόρων Καταναλώσεως Νόμος
— Ο περί Μηχανοκινήτων Οχημάτων και Τροχαίας Κινήσεως Νόμος του 1972, όπως τροποποιήθηκε
— Οι περί Μηχανοκινήτων Οχημάτων και Τροχαίας Κινήσεως Κανονισμοί του 1984, όπως τροποποιήθηκαν
IL-LATVJA
— akcīzes nodoklis (likums “Par akcīzes nodokli”, pieņemts 1999. gada 25. novembrī)
— transportlīdzekļu ikgadējā nodeva (likums “Par transportlīdzekļu ikgadējo nodevu”, pieņemts 2001. gada 22. novembrī)
IL-LITWANJA
— Prekių apyvartos mokestis ((Žin., 2002, Nr. 56-2229).
MALTA
— Dazju tas-Sisa fuq Vetturi bil-Mutur (Att dwar Taxxa tar-Registrazzjoni tal-Vetturi bil-Mutur, Kap. 368)
IS-SLOVENJA
— Davki od prometa motornih vozil (Zakon o davkih na motorna vozila, Ur.l. RS, št. 52/99)
IS-SLOVAKKJA
— Zákon o cestnej dani
IL-BULGARIJA
— данък върху превозните средства
IR-RUMANIJA
— taxa asupra mijloacelor de transport (Codul Fiscal — art. 261-265)
— accize pentru autoturisme și autoturisme de teren inclusive rulate (Codul Fiscal — art. 208, alin. 5 și art. 210, alin 1(b)).
( 1 ) ĠU C 267, tal-21.11.1975, p. 8.
( 2 ) ĠU C 53, tat-8.3.1976, p. 37.
( 3 ) ĠU C 131, tat-12.6.1976, p. 50.
( 4 ) ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1.
( 5 ) ĠU 56, ta' l-4.4.1964, p. 869/64.