11.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 270/5


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-9 ta’ Ottubru 2013

dwar miżura meħuda mill-Finlandja skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ trasportaturi elikojdali għall-karotti u l-ġdur

(notifikata bid-dokument C(2013) 6392)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/494/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha,

Billi:

(1)

F’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2006/42/KE, l-awtoritajiet Finlandiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra miżura fir-rigward ta’ trasportaturi elikojdali għall-karotti u l-ġdur tat-tip TSF 350 mmanifatturat minn Cabinplant A/S, Foresbjergvej 9, 5683 Haarby, id-Danimarka. Il-makkinarju kellu l-marka CE u kien akkumpanjat minn dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE.

(2)

Il-miżura kienet motivata minn nuqqas ta’ konformità tal-makkinarju mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza li ġejjin tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE:

—

1.3.7 - Riskji li għandhom x’jaqsmu mal-partijiet li jiċċaqilqu

—

1.3.8 - L-għażla tal-protezzjoni kontra r-riskji li ġejjin mill-partijiet li jiċċaqilqu

—

1.4.2.2 - Mezzi ta’ lqugħ li jistgħu jiġu mċaqilqa u li jillokkjaw ma’ xulxin

—

2.1.1 (d) u (e) - Makkinarju tal-ikel u – tindif

(3)

Il-miżura saret wara aċċident li seħħ matul it-tindif tal-makkinarju meta l-operatur daħħal idu fil-pajp tat-trasportatur biex inaddfu mill-ħaxix li kien qed isoddu waqt li kien għaddej l-iskrun, u spiċċa darab subgħajħ. L-għatu li jipprevjeni l-aċċess għall-pajp tad-drenaġġ kien ilqugħ protettiv fiss. Peress li jkollha tinfetaħ diversi drabi kuljum għat-tindif, l-awtoritajiet Finlandiżi kkunsidraw li missha jitwaħħal ilqugħ protettiv mobbli li jinqafel. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Finlandiżi nnutaw li l-magna ma setgħetx titnaddaf effettivament waqt li mitfija, kif speċifikat fl-istruzzjonijiet.

(4)

Skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2006/42/KE, il-Kummissjoni talbet lill-manifattur Cabinplant A/S jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-miżura. Il-manifattur wieġeb li t-trasportaturi elikojdali tat-tip TSF 350 tfasslu u ġew manifatturati minn fornitur u mixtrija minn Cabinplant A/S għall-immuntar f’sistema integrata. Stqarr li jekk jinxtraw trasportaturi elikojdali ta’ dan it-tip fil-futur, jiżgura illi jkunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2006/42/KE.

(5)

L-istħarriġ tal-evidenza pprovduta mill-awtoritajiet Finlandiżi u l-osservazzjonijiet ikkomunikati mill-manifattur jikkonfermaw li t-trasportaturi elikojdali tat-tip TSF 350 mhux mgħammra b’ilqugħ protettiv mobbli li jinqafel biex jipprevjeni l-aċċess għall-pajp filwaqt li jkun għadu għaddej l-iskrun jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali ta’ saħħa u sikurezza tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE u li dan in-nuqqas ta’ konformità jwassal għal riskju serju ta’ ħsara lill-operaturi,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura meħuda mill-awtoritajiet Finlandiżi li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ trasportaturi bi skrun tat-tip TSF 350 mhux mgħammra b’ilqugħ protettiv mobbli li jinqafel biex jipprevjeni l-aċċess għall-pajp filwaqt li jkun għadu għaddej l-iskrun hija ġustifikata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)   ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.