2010D0656 — MT — 22.12.2010 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/656/PESK

tad-29 ta’ Ottubru 2010

li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d’Ivoire

(ĠU L 285, 30.10.2010, p.28)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/801/PESK tat-22 ta’ Diċembru 2010

  L 341

45

23.12.2010




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/656/PESK

tad-29 ta’ Ottubru 2010

li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d’Ivoire



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-13 ta’ Diċembru 2004, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2004/852/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Kosta tal-Avorju ( 1 ) sabiex jiġu implimentati l-miżuri imposti kontra l-Côte d’Ivoire bir-Riżoluzzjoni 1572(2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (minn hawn ‘il quddiem “UNSCR”).

(2)

Fit-23 ta’ Jannar 2006, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2006/30/PESK ( 2 ) li ġġedded il-miżuri restrittivi imposti kontra l-Kosta tal-Ivorju bil-Pożizzjoni Komuni 2004/852/PESK għal perijodu ulterjuri ta’ tnax-il xahar, u li tissupplimentahom bil-miżuri restrittivi imposti bil-punt 6 tal-UNSCR 1643(2005).

(3)

Wara t-tiġdid tal-miżuri restrittivi kontra l-Côte d’Ivoire bil-UNSCR 1842 (2008), fit-18 ta’ Novembru 2008, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2008/873/PESK ( 3 ) li ġġedded ulterjorment il-miżuri restrittivi imposti kontra l-Côte d’Ivoire, b’effett mill-1 ta’ Novembru 2008.

(4)

Fil-15 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta l-UNSCR 1946 (2010) li ġeddet il-miżuri imposti kontra l-Côte d’Ivoire bil-UNSCR 1572(2004) u l-punt 6 tal-UNSCR 1643 (2005) sat-30 ta’ April 2011 u li emendat il-miżuri restrittivi fuq l-armi.

(5)

Il-miżuri restrittivi imposti kontra l-Côte d’Ivoire għandhom għalhekk jiġġeddu. Minbarra l-eżenzjonijiet għall-embargo fuq l-armi previsti fil-UNSCR 1946 (2010), hu adatt li jiġu emendati l-miżuri restrittivi sabiex jiġi eżent tagħmir ieħor inkluż awtonomament mill-Unjoni.

(6)

Il-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Unjoni huma mniżżla fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 174/2005 tal-31 ta’ Jannar 2005 li jimponi restrizzjonijiet dwar il-forniment ta’ assistenza relatata ma’ attivitajiet militari lill-Côte d’Ivoire ( 4 ), ir-Regolament (KE) Nru 560/2005 tat-12 ta’ April 2005 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet minħabba s-sitwazzjoni fil-Kosta tal-Avorju ( 5 ) u r-Regolament (KE) Nru 2368/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 li jimplimenta l-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process fil-kummerċ internazzjonali ta’ djamanti mhux maħduma ( 6 ),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI,



Artikolu 1

1.  Il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, inklużi armi u munizzjoni, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari u partijiet ta’ rikambju għal dawk imsemmija qabel, kif ukoll tagħmir li jista’ jintuża għal ripressjoni interna, lill-Côte d’Ivoire miċ-ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri jew bl-użu ta’ bastimenti jew inġenji tal-ajru tal-bandiera tal-Istati Membri għandhom ikunu ipprojbiti, irrispettivament minn jekk tali armi, materjal relatat u tagħmir joriġinawx fit-territorji tal-Istati Membri jew le.

2.  Għandhom ikunu pprojbiti wkoll:

(a) il-provvista, diretta jew indiretta, ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati mal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 jew relatati mal-provvista, il-manifatturar, il-manutenzjoni u l-użu ta’ tali oġġetti, lil kwalunkwe persuna fiżika jew legali, entità jew korp fi, jew għall-użu fil-Côte d’Ivoire;

(b) il-provvista, diretta jew indiretta, ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatata mal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1, inklużi b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tali oġġetti, jew għall-provvista ta’ assistenza teknika relatata, senserija jew servizzi oħra lil kwalunkwe persuna fiżika jew legali, entità jew korp fi, jew għall-użu fil-Côte d’Ivoire.

Artikolu 2

L-Artikolu 1 m’għandux japplika għal:

(a) il-provvisti u l-assistenza teknika maħsubin unikament għas-sostenn ta’ jew l-użu mill-Operazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Côte d’Ivoire u l-forzi Franċiżi li jappoġġawhom;

(b) dan li ġej, kif approvat bil-quddiem mill-Kumitat stabbilit bil-paragrafu 14 tal-UNSCR 1572 (2004) (minn hawn ‘il quddiem “Kumitat tas-Sanzjonijiet”):

(i) il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir militari mhux letali maħsub unikament għal użu umanitarju jew protettiv, inkluż tali tagħmir maħsub għall-operazzjonijiet ta’ maniġġar ta’ kriżijiet tal-Unjoni, in-NU, l-Unjoni Afrikana u l-ECOWAS,

(ii) il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir mhux letali maħsub unikament sabiex il-forzi ta’ sigurtà tal-Côte d’Ivoire jkunu jistgħu jużaw biss forza adatta u proporzjonata fiż-żamma tal-ordni pubblika,

(iii) il-provvista ta’ finanzjament u assistenza finanzjarja relatati mat-tagħmir imsemmi fil-punti (i) u (ii),

(iv) il-provvista ta’ assistenza teknika u taħriġ relatati mat-tagħmir imsemmi fil-punti (i) u (ii);

(ċ) il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ ilbies protettiv, inklużi ġkieket għall-flak u elmi militari, esportati temporanjament lejn il-Côte d’Ivoire minn persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, mill-persunal tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, minn rappreżentanti tal-midja u ħaddiema umanitarji u ħaddiema impjegati fl-iżvilupp u l-persunal assoċjat għall-użu personali tagħhom biss;

(d) bejgħ jew provvisti trasferiti jew esportati temporanjament lejn il-Côte d’Ivoire lill-forzi ta’ Stat li jkun qed jieħu azzjoni, f’konformità mad-dritt internazzjonali, unikament u direttament biex jiffaċilita l-evakwazzjoni taċ-ċittadini tiegħu u ta’ dawk li lejhom għandu responsabbiltà konsulari fil-Côte d’Ivoire, kif notifikat bil-quddiem lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;

(e) il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ armi u materjal relatat u taħriġ u assistenza teknika maħsuba unikament għas-sostenn jew ta’, jew għall-użu fil-proċess ta’ ristrutturar ta’ forzi ta’ difiża u ta’ sigurtà skont il-paragrafu 3, subparagrafu (f) tal-Ftehim Linas-Marcoussis, kif approvat minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;

(f) il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir mhux letali li jista’ jintuża għar-ripressjoni interna u li hu maħsub unikament biex il-forzi ta’ sigurtà tal-Côte d’Ivoire jkunu jistgħu jużaw biss forza adatta u proporzjonata fiż-żamma tal-ordni pubblika, kif ukoll il-forniment ta’ finanzjament, assistenza finanzjarja jew assistenza teknika u taħriġ relatati ma’ tali tagħmir.

Artikolu 3

L-importazzjoni diretta jew indiretta tad-djamanti kollha mhux maħduma mill-Côte d’Ivoire għall-Unjoni, kemm jekk tali djamanti oriġinaw mill-Côte d’Ivoire jew le, għandha tkun projbita f’konformità mal-UNSCR 1643 (2005).

▼M1

Artikolu 4

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni tad-dħul jew it-transitu fit-territorji tagħhom:

(a) tal-persuni msemmija fl-Anness I, maħtura mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li jikkostitwixxu theddida għall-proċess ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali fil-Côte d’Ivoire, b’mod partikolari dawk li jostakolaw l-applikazzjoni tal-Ftehimiet Linas-Marcoussis u Accra III, ta’ kull persuna oħra li hija rikonoxxuta bħala responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali fil-Côte d'Ivoire abbażi tal-informazzjoni rilevanti, ta’ kwalunkwe persuna oħra li pubblikament tinċita l-mibegħda u l-vjolenza, kif ukoll ta' kwalunkwe persuna oħra li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun iddetermina li qed tikser il-miżuri stabbiliti mill-paragrafu 7 tar-Riżoluzzjoni 1572 (2004) tal-KSNU.

(b) tal-persuni msemmija fl-Anness II, li mhumiex inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness I u li jostakolaw il-proċess ta' paċi u rikonċiljazzjoni nazzjonali u b'mod partikolari dawk li jheddu l-eżitu adatt tal-proċess elettorali.

2.  Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 m'għandhomx jobbligaw Stat Membru li jirrifjuta d-dħul taċ-ċittadini tiegħu stess fit-territorju tiegħu.

3.  Il-paragrafu 1(a) m'għandux japplika jekk il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jiddetermina:

a) li vjaġġ ikun ġustifikat għal raġunijiet umanitarji urġenti, inklużi l-obbligi reliġjużi;

b) li eżenzjoni tippromwovi t-twettiq tal-objettivi tar-Riżoluzzjonijiet tal-KSNU, jiġifieri l-paċi u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali fil-Côte d’Ivoire u l-istabbiltà fir-reġjun.

4.  Il-paragrafu 1 għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru ikun marbut b'obbligu ta' dritt internazzjonali, jiġifieri:

(i) bħala pajjiż li jospita organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

(ii) bħala pajjiż li jospita konferenza internazzjonali mlaqqa' min-Nazzjonijiet Uniti, jew li ssir taħt l-awspiċi tagħhom;

(iii) skont ftehim multilaterali li jagħti privileġġi u immunitajiet;

(iv) skont it-Trattat ta’ Konċiljazzjoni (il-Patt tal-Lateran) konkluż fl-1929 bejn is-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.

5.  Il-paragrafu 4 għandu jitqies bħala applikabbli anki f’każijiet fejn Stat Membru huwa pajjiż li jospita l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

6.  Il-Kunsill għandu jkun debitament infurmat bil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skont il-paragrafu 4 jew 5.

7.  L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjoni mill-miżuri stabbiliti fil-paragrafu 1(b) meta ċ-ċaqliq ta' persuna jkun ġustifikat għal raġunijiet umanitarji urġenti, jew meta l-persuna tiċċaqlaq biex tattendi laqgħat intergovernattivi, inklużi laqgħat organizzati mill-Unjoni Ewropea, jew laqgħat ospitati minn Stat Membru li jkollu l-presidenza tal-OSKE f'dak iż-żmien, meta jsir djalogu politiku li jippromwovi direttament id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-Istat tad-Dritt fil-Côte d'Ivoire.

8.  Stat Membru li jixtieq jagħti eżenzjonijiet skont il-paragrafu 7 għandu jinnotifika lill-Kunsill b'dan bil-miktub. L-eżenzjoni titqies bħala mogħtija bil-kondizzjoni li Membru wieħed jew aktar tal-Kunsill ma jopponix bil-miktub fil-jumejn ta' xogħol wara li tiġi rċevuta n-notifika inkwistjoni. Jekk Membru tal-Kunsill wieħed jew aktar jopponi, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.

9.  Meta, skont il-paragrafi 4, 5 u 7, Stat Membru jawtorizza d-dħul jew it-transitu fit-territorju tiegħu tal-persuni elenkati fl-Anness I jew II, din l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-objettiv li għalih tingħata u għall-persuni li tikkonċerna.

▼B

Artikolu 5

▼M1

1.  Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma fil-pussess ta’ jew ikkontrollati direttament jew indirettament minn persuni jew entitajiet li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun identifika f'konformità mal-Artikolu 4(1)(a) jew li huma miżmuma minn entitajiet li huma fil-pussess ta’ jew ikkontrollati direttament jew indirettament minnhom jew minn kwalunkwe persuna li qiegħda taġixxi f’isimhom jew taħt l-ordnijiet tagħhom, kif indentifikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, għandhom jiġu ffriżati.

Il-lista tal-persuni msemmija fl-ewwel subparagrafu huma mniżżla fl-Anness I.

▼B

2.  L-ebda fond, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju tal-persuni jew l-entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1.

3.  L-Isati Membri jistgħu jippermettu eżenzjonijiet mill-miżuri msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 fir-rigward ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi li huma:

(a) meħtieġa għal spejjeż bażiċi, inklużi ħlasijiet għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u kura medika, taxxi, poloz ta’ assigurazzjoni, u ħlasijiet għall-użu ta’ servizzi pubbliċi;

(b) maħsubin esklużivament għall-ħlas ta’ drittijiet professjonali raġonevoli u għar-rimborż ta’ spejjeż li huma assoċjati mal-provvista ta’ servizzi legali;

(ċ) maħsubin esklużivament għall-ħlas ta’ onorarji jew kontijiet għal servizz, skont il-liġijiet nazzjonali, għal servizzi ta’ rutina fiż-żamma jew il-manteniment ta’ fondi ffriżati, jew riżorsi ekonomiċi;

(d) meħtieġa għal spejjeż straordinarji, wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u b’approvazzjoni minn dan tal-aħħar;

(e) is-soġġett ta’ sentenza jew garanzija ġuridika, amministrattiva jew arbitrali, li f’tali każ il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi jistgħu jintużaw biex jissodisfaw dik il-garanzija jew sentenza sakemm il-garanzija jew is-sentenza kienet iskritta qabel ma l-Kumitat tas-Sanzjonijiet indika lill-persuna jew l-entità kkonċernata, u mhijiex għall-benefiċċju ta’ persuna jew entità msemmijin f’dan l-Artikolu, wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

L-eżenzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 3 jistgħu jsiru wara notifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet mill-Istat Membru kkonċernat tal-intenzjoni tiegħu li jawtorizza, fejn adatt, aċċess għal tali fondi, u riżorsi ekonomiċi, u fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fi żmien jumejn ta’ ħidma minn tali notifika.

4.  Il-paragrafu 2 m’għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta’:

(a) imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

(b) ħlasijiet dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li kienu konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri restrittivi skont il-Pożizzjoni Komuni 2004/852/PESK jew din id-Deċiżjoni,

dment li tali imgħax, dħul u ħlasijiet oħra jkomplu jkunu soġġetti għall-paragrafu 1.

▼M1

Artikolu 6

1.  Il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-lista mniżżla fl-Anness I u jemendaha f'konformità mad-deċiżjonijiet meħudin mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

2.  Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandu jistabbilixxi l-lista li tidher fl-Anness II u jemendaha.

Artikolu 7

1.  Meta l-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jaħtar persuna jew entità, il-Kunsill għandu jinkludi din il-persuna jew entità fil-lista mniżżla fl-Anness I.

2.  Meta l-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna jew entità għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 4(1)(b), huwa għandu jemenda l-Anness II kif meħtieġ.

3.  Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu lill-persuna jew l-entità kkonċernata, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar tagħha fil-lista, direttament, jekk l-indirizz tagħha huwa magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ notifika, li tipprovdilha l-possibbiltà li tippreżenta kummenti.

4.  Jekk jiġu fformulati kummenti jew jekk jiġu ppreżentati elementi ġodda ta' prova sostanzjali, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew l-entità kif meħtieġ.

Artikolu 8

1.  L-Annessi I u II għandhom jindikaw ir-raġunijiet għall-elenkar fil-lista tal-persuni u l-entitajiet, li huma pprovduti mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fir-rigward tal-Anness I.

2.  L-Annessi I u II għandu jkun fihom ukoll, jekk tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-persuni jew tal-entitajiet ikkonċernati li hija pprovduta mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fir-rigward tal-Anness I. Fir-rigward tal-persuni, din l-informazzjoni tista’ tinkludi l-isem u l-kunjom, inklużi l-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità, in-numru tal-passaport u dak tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk magħruf, il-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-entitajiet, din l-informazzjoni tista' tinkludi l-isem, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-indirizz professjonali. L-Anness I għandu jsemmi wkoll id-data tal-ħatra mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

▼B

Artikolu 9

Il-Pożizzjonijiet Komuni 2004/852/PESK u 2006/30/PESK huma b’dan imħassrin.

▼M1

Artikolu 10

1.  Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

2.  Għandha tiġi riveduta, emendata jew imħassra, kif ikun xieraq, f’konformità mad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

3.  Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) għandhom jiġu riveduti f'intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar. Huma m'għandhomx jibqgħu japplikaw fir-rigward tal-persuni u l-entitajiet ikkonċernati jekk il-Kunsill jistabbilixxi, f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(2) li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tagħhom m'għadhomx jiġu sodisfatti.

▼B




►M1  ANNESS I ◄



Lista tal-persuni msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) u l-Artikolu 5

 

Isem (u psewdonomi possibbli)

Informazzjoni għall-identifikazzjoni (data u post tat-twelid (d.t.t. u p.t.t.), numru tal-passaport (Pass.)/karta tal-identità eċċ.)

Raġunijiet għall-indikazzjoni

Data tal-indikazzjoni min-NU

1.

BLÉ GOUDÉ, Charles (psewdonomu Général; Génie de kpo, Gbapé Zadi)

d.t.t.: 1.1.1972

Ċittadinanza: Ivorjana

P.: 04LE66241 République de Côte d’Ivoire Maħruġ fi: 10.11.2005 validu sal-9.11.2008

PD.: AE/088 DH 12 République de Côte d’Ivoire maħruġ fil-20.12.2002 validu sal-11.12.2005

P.:98LC39292 République de Côte d’Ivoire maħruġ fil-24.11.2000 validu sal-23.11.2003

Post tat-twelid: Guibéroua (Gagnoa) jew Niagbrahio/Guiberoua jew Guiberoua

Indirizz magħruf fl-2001: Yopougon Selmer, Bloc P 170; ukoll Hotel Ivoire

Indirizz iddikjarat fid-dokument tal-ivvjaġġar n. C2310421 maħruġ mill-Isvizzera fil-15.11.2005 u validu sal-31.12.2005: Abidjan, Cocody

Mexxej tal-COJEP (“Patrijotti Żgħażagħ”) Dikjarazzjonijiet pubbliċi ripetuti li jħeġġu l-vjolenza kontra l-installazzjonijiet u l-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti u kontra l-barranin; direzzjoni ta’ u parteċipazzjoni f’atti ta’ vjolenza minn milizja tat-toroq, inklużi swat, stupri u eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji intimidazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Grupp ta’ Ħidma Internazzjoanli (IWG), l-oppożizzjoni politika u l-istampa indipendenti; sabotaġġ tal-istazzjonijiet tar-radju internazzjonali; ostakolu għall-azzjoni tal-IWG, l-Operazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Côte d’Ivoire (UNOCI), il-Forzi Franċiżi u l-proċess ta’ paċi kif definit bir-Riżoluzzjoni1643 (2005).

fis-7 ta’ Frar 2006.

2.

DJUÉ, Eugène N’goran Kouadio

d.t.t.: 1.1.1966 jew 20.12.1969

Ċittadinanza: Ivorjana

P.: 04 LE 017521 maħruġ fl-10 ta’ Frar 2005 u validu sal-10 ta’ Frar 2008

Mexxejj tal-Union des Patriotes pour la Libération Totale de la Côte d’Ivoire (UPLTCI). Dikjarazzjonijiet pubbliċi ripetuti li jħeġġu l-vjolenza kontra l-installazzjonijiet u l-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti u kontra l-barranin; direzzjoni ta’ u parteċipazzjoni f’atti ta’ vjolenza minn milizja tat-toroq, inklużi swat, stupri u eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji, ostakolu għall-azzjoni tal-IWG l-UNOCI, il-forzi Franċiżi u l-proċess ta’ paċi kif definit bir-Riżoluzzjoni 1643 (2005).

fis-7 ta’ Frar2006.

3.

FOFIE, Martin Kouakou

d.t.t.: 1.1.1968

Ċittadinanza: Ivorjana

Post tat-twelid: BOHI, Cote d’Ivoire

Burkina Faso Numru tal-Karta tal-Identità: 2096927 maħruġa fis-17 ta’ Marzu 2005

Burkina Faso Ċerifikat ta’ Ċittadinanza: CNB N.076 (17 ta’ Frar 2003)

Isem il-missier: Yao Koffi FOFIE

Isem l-omm: Ama Krouama KOSSONOU

Numru tal-Karta tal-Identità tal-Côte d’Ivoire: 970860100249 maħruġa fil-5 ta’ Awwissu 1997 valida sal-5 ta’ Awwissu 2007

Chief Corporal New Force Commandant, Korhogo Sector. Forzi taħt il-kmand tiegħu impenjati fir-reklutaġġ ta’ suldati tfal, ħtif, impożizzjoni ta’-xogħol infurzat, abbuż sesswali tan-nisa, arresti arbitrarji u eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjali, kontra l-konvezjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali: ostaklu għall-azzjoni tal-IWG, l-UNOCI, il-forzi Franċiżi u l-proċess ta’ paċi kif definit bir-Riżoluzzjoni 1643 (2005).

fis-7 ta’ Frar2006.

▼M1




ANNESS II



Lista tal-persuni msemmija fl-Artikolu 4(1)(b)

 

Isem

(u psewdonomi possibbli)

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

1.

Is-Sur Pascal Affi N’Guessan

Imwieled fl-1 ta' Jannar 1953, f'Bouadikro;

numru tal-passaport: PD-AE 09DD00013.

Segretarju ġenerali tal-Front Populaire Ivoirien (FPI), ex-Prim Ministru

Pożizzjoni radikali u diżinformazzjoni attiva.

Inċitament għall-vjolenza.

2.

Tenent-Kurunell Nathanaël Ahouman Brouha

Imwieled fis-6 ta' Ġunju 1960.

Kmandant tal-Groupement de Sécurité de la Présidence de la République (GSPR).

Implikat fir-repressjoni tal-25 ta' Marzu 2004.

Membru tal-Escadrons de la mort.

3.

Is-Sur Gilbert Marie Aké N'Gbo

Imwieled fit-8 ta' Ottubru 1955 f'Abidjan

Numru tal-passaport: 08 AA 61107

Preżunt Prim Ministru u Ministru għall-Ippjanar u l-Iżvilupp

4.

Is-Sur Pierre Israël Amessan Brou

 

Direttur Ġenerali tar-Radio Télévision Ivoirienne (RTI).

Responsabbli mill-kampanja ta' diżinformazzjoni.

5.

Is-Sur Frank Anderson Kouassi

 

President tal-Conseil National de la Communication Audiovisuelle (CNCA).

Kompliċità attiva fil-kampanja ta' diżinformazzjoni.

6.

Is-Sinjura Nadiana Bamba

Imwielda fit-13 ta' Ġunju 1974 f'Abidjan

Numru tal-passaport: PD - AE 061 FP 04

Direttriċi tal-grupp editorjali: Le temps Notre voie.

Responsabbli mill-kampanja ta' diżinformazzjoni u inċitament għal mibegħda u vjolenza interkomunitarja.

7.

Is-Sur Kadet Bertin

Imwieled qrib l-1957 f'Mama.

Kunsillier tas-Sur Gbagbo b'rigward għas-sigurtà.

Responsabbli mit-traffikar ta' armi għall-“Presidenza”.

8.

Général Dogbo Blé

Imwieled fit-2 ta' Frar 1959 f'Daloa.

Kap tal-korp tal-Gwardja repubblikana.

Parteċipazzjoni fl-offensiva tal-4-6 ta' Novembru 2004 u fl-avvenimenti tal-jiem segwenti f'Abidjan. Membru tal-Escadrons de la mort.

Implikat fir-repressjoni tal-movimenti popolari.

9.

Is-Sur Paul Antoine Bohoun Bouabré

Imwieled fid-9 ta' Frar 1957, f'Issia

Numru tal-passaport: PD AE 015 FO 02

Ex Ministru tal-Ippjanar u l-Iżvilupp.

10.

Uffiċjal distrettwali Oulaï Delefosse

 

Ex uffiċjal ta' kollegament fil-forza Lima.

Responsabbli mill-Union patriotique pour la résistance du Grand Ouest (UPRGO).

Responsabbli għat-theddid kontra s-suldati tal-forza LICORNE.

Implikat fir-reklutaġġ ta' merċenarji Liberjani.

Kap tal-milizja pro-Gbagbo.

Implikat f'abbużi.

11.

Ammiral Vagba Faussignau

Imwieled fil-31 ta' Diċembru 1954 - f'Bobia.

Kmandant tal-Marina Ivorjana - sotto kap tal-Persunal militari.

12.

Pasteur Gammi

 

Kap tal-Mouvement ivoirien pour la libération de l'Ouest de la Côte d'Ivoire (MILOCI).

Implikat fl-attakk ta' Logoualé (28 ta' Frar 2005).

Implikat fl-abbużi kontra il-popolazzjonijiet mhux indiġeni jew ta' minoranza etnika fil-Punent f'Novembru u Diċembru 2010.

13.

Is-Sur Laurent Gbagbo

Imwieled fil-31 ta' Mejju 1945 f'Gagnoa

Preżunt President tar-Repubblika

14.

Is-Sinjura Simone Gbagbo

Imwielda fl-20 ta' Ġunju 1949 f'Moossou

Il-konjuġi tas-Sur Gbagbo.

President tal-grupp tal-Front Populaire Ivoirien (FPI) fl-Assemblea Ġenerali. Suspettata li żżomm netwerks paralleli politiko-reliġjużi li jopponu r-riżoluzzjonijiet internazzjonali.

15.

Ġeneral Guiai Bi Poin

Imwieled fil-31 ta' Diċembru 1954 f'Gounela.

Kap tas-Centre de Commandement des Opérations de Sécurité (CECOS).

Implikat fir-repressjoni ta' Marzu 2004.

Implikat fl-avenimenti ta' Hôtel Ivoire (Novembru 2004).

Implikat fir-repressjoni tal-movimenti popolari ta' Frar, Novembru u Diċembru 2010.

16.

Is-Sur Denis Maho Glofiei

Imwieled f'Val de Marne

Responsabbli mill-Front de libération du Grand Ouest (FLGO).

Kap tal-milizja pro-Gbagbo.

Implikat f'abbużi.

17.

Kaptan Anselme Séka Yapo

Imwieled fit-2 ta' Mejju 1973 f'Adzopé

Gwardja tal-korp tas-Sinjura Gbagbo.

Membru tal-Escadrons de la mort. Implikat f'abbużi u qtil.

18.

Is-Sur Désiré Tagro

Imwieled fis-27 ta' Jannar 1959 f'Issia

Numru tal-passaport: PD - AE 065FH08.

Preżunt Ministru tal-Intern, Segretarju ġenerali tal-“Presidenza”.

Implikat fir-repressjonijiet vjolenti tal-movimenti popolari ta' Frar, Novembru u Diċembru 2010.

19.

Is-Sur Paul Yao N'Dré

Imwieled fid-29 ta' Diċembru 1956.

President tal-Kunsill Kostituzzjonali.

Ivvalida b'mod konxju riżultati foloz tal-elezzjoni presidenzjali tal-31 ta' Ottubru u t-28 ta' Novembru 2010



( 1 ) ĠU L 368, 15.12.2004, p. 50.

( 2 ) ĠU L 19, 24.1.2006, p. 36.

( 3 ) ĠU L 308, 19.11.2008, p. 52.

( 4 ) ĠU L 29, 2.2.2005, p. 5.

( 5 ) ĠU L 95, 14.4.2005, p. 1.

( 6 ) ĠU L 358, 31.12.2002, p. 28.