European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/829

2.5.2025

DEĊIŻJONI (UE) 2025/829 TAL-BORD UNIKU TA’ RIŻOLUZZJONI

tal-14 ta’ April 2025

dwar kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit u dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (“SRB”) għas-sena finanzjarja 2023 (SRB/PS/2025/06)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-BORD UNIKU TA’ RIŻOLUZZJONI,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 50(1) u 63(8) tar-Regolament SRM,

Wara li kkunsidra l-Artikoli 97, 98 u 99 tar-Regolament Finanzjarju SRB tas-17 ta’ Jannar 2020, kif emendat bid-Deċiżjoni li Temenda r-Regolament Finanzjarju SRB (SRB/PS/2025/02) tas-6 ta’ Frar 2025,

Wara li kkunsidra l-Programm ta’ Ħidma tal-SRB tal-2023 kif adottat fid-28 ta’ Settembru 2022 (il-“Programm ta’ Ħidma tal-2023”),

Wara li kkunsidra l-Kontijiet Annwali Finali tal-SRB għas-sena finanzjarja 2023, kif adottati fit-28 ta’ Ġunju 2024 (il-“Kontijiet Annwali Finali tal-2023”),

Wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-SRB għas-sena finanzjarja 2023 kif adottat fis-7 ta’ Ġunju 2024 (ir-“Rapport Annwali tal-2023”),

Wara li kkunsidra r-Rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2023, inkluż l- “Appendiċi għar-rapport annwali speċifiku tal-SRB, ir-rapportar dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti tal-SRM tal-SRB”, flimkien mat-tweġiba tal-SRB (ir- “Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri tal-2023”),

Wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Kontijiet Annwali Finali tal-2023 inklużi l-opinjonijiet tal-awditjar datati l-24 ta’ Ġunju 2024 ippreparati minn Mazars Réviseurs d’Enterprises (ir-“Rapport ta’ Mazars tal-Awditjar tal-2023”),

Wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Awditjar Intern tal-2023 datat it-12 ta’ Jannar 2024,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

1.   Jagħti l-kwittanza lill-President tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-SRB għas-sena finanzjarja 2023;

2.   Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-SRB għas-sena finanzjarja 2023,

3.   Jippreżenta l-kummenti tiegħu fil-mozzjoni t’hawn taħt;

4.   Jagħti struzzjonijiet lill-President tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni biex jinnotifika din id-Deċiżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L), u fuq is-sit web tal-SRB.

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tagħha.

Għall-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni,

Álvaro LÓPEZ BARCELÓ

Membru tal-Plenarja


(1)   ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/806/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/829/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)