KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fid‑9 ta’ Ottubru 2025 ( 1 )

Kawża C‑483/24

Procureur général près la Cour d’appel de Liège

vs

Aldi SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-saħħa pubblika – Iġjene tal-prodotti tal-ikel – Regolament (KE) Nru 852/2004 – Regolament (KE) Nru 178/2002 – Obbligi tal-operaturi tas-settur tal-ikel – Skoperta ta’ traċċi ta’ pesti fi ħwienet u mħażen – Konstatazzjoni ta’ ksur”

I. Introduzzjoni

1.

L-iskoperta ta’ traċċi ta’ pesti fil-ħwienet u fl-imħażen ta’ operatur fis-settur tal-ikel hija biżżejjed waħedha sabiex jiġi stabbilit ksur tar-regoli ta’ iġjene previsti mir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iġjene ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel ( 2 ), jew l-awtorità kompetenti għandha pjuttost tipproduċi provi li l-operatur tas-settur tal-ikel ikkonċernat ma jkunx osserva l-obbligi ta’ mezzi stipulati f’dan ir-regolament?

2.

Din hija d-domanda li l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Ir-Regolament bażiku dwar il-prodotti tal-ikel

3.

Ir-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel, li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba f’dan il-każ, jirreferi diversi drabi għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel ( 3 ).

4.

Il-premessa 30 tar-Regolament bażiku dwar il-prodotti tal-ikel hija fformulata kif ġej:

“Operatur ta’ negozju ta’ l-ikel qiegħed fl-aħjar pożizzjoni biex iħaddem sistema żgura għall-provvista ta’ ikel li tiżgura li l-ikel li jipprovdi jkun tajjeb; b’hekk, għandu jkollu responsabbiltà primarja legali li tiżgura s-sigurtà ta’ l-ikel. […]”

5.

L-Artikolu 17 (intitolat “Responsabbiltajiet”) tar-Regolament bażiku dwar il-prodotti tal-ikel jistabbilixxi li:

“1.   L-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel u l-għalf f’kull stadju tal-produzzjoni, ipproċessar, u tqassim fin-negozji taħt il-kontroll tagħhom għandhom jiżguraw li l-ikel u l-għalf ikunu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel li huma relevanti għall-attivitajiet tagħhom u għandhom jivverifikaw li dawk il-ħtiġijiet jitħarsu.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurzaw il-liġi dwar l-ikel, u jimmonitorjaw u jivverifikaw li l-ħtiġijiet relevanti tal-liġi dwar l-ikel jiġu mħarsa mill-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel u l-għalf fl-istadji kollha tal-produzzjoni, ipproċessar u tqassim.

Għal dak il-għan għandhom iżommu sistema ta’ kontrolli uffiċjali u attivitajiet oħra kif adattati fiċ-ċirkostanzi, inkluża komunikazzjoni pubblika dwar is-sigurtà u r-riskju ta’ l-ikel u l-għalf, sorveljanza dwar is-sigurtà ta’ l-ikel u l-għalf u attivitajiet oħra ta’ immonitorjar li jkunu jkopru l-istadji kollha tal-produzzjoni, ipproċessar u tqassim.

L-Istati Membri għandhom ukoll iniżżlu r-regoli dwar il-miżuri u penalitajiet applikabbli għall-ksur tal-liġi dwar l-ikel u l-għalf. Il-miżuri u l-penalitajiet ipprovduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

B.   Ir-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel

6.

Il-premessa 1 tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel tirreferi għar-Regolament bażiku dwar il-prodotti tal-ikel:

“It-tfittxija għal protezzjoni ta’ livell għoli tal-ħajja u s-saħħa umana hija waħda mill-għamijiet fundamentali tal-liġi dwar l-ikel, kif stabbilita fir-Regolament [bażiku dwar il-prodotti tal-ikel]. […]”

7.

Il-premessa 7 tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel tirreferi għall-għan ta’ dan ir-regolament:

“L-għan ewlieni ta’ dawn ir-regoli ġenerali u speċifiċi ġodda huwa li jassigura livell għoli tal-protezzjoni tal-konsumatur f’dak li jirrigwarja s-sigurtà ta’ l-ikel.”

8.

L-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel jistabbilixxi li:

“[Ir-]responsabbiltà primarja dwar is-sigurtà ta’ l-ikel hija ta’ l-operatur tan-negozju ta’ l-ikel.”

9.

L-Artikolu 3 tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel huwa fformulat kif ġej:

“L-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel għandhom jassiguraw li matul l-istadji kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni ta’ l-ikel taħt il-kontroll tagħhom ikunu jissodidfaw il-ħtiġiet ta’ l-iġjene kif stabbiliti f’dan ir-Regolament.”

10.

Skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 4 (intitolat “Ħtiġiet ġenerali u speċifiċi ta’ l-iġjene”) tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel, “[l]-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel li jwettqu kwalunkwe stadju tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni ta’ l-ikel […] għandhom ikunu konformi mal-ħtiġiet ta’ l-iġjene kif stabbiliti fl-Anness II […]”.

11.

Il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 5 (intitolat “Punti ta’ l-analiżi u l-kontroll kritiku tal-perikoli”) tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel jirreferu għall-prinċipji HACCP ( 4 ), li jistabbilixxu prattiki tajba ta’ iġjene.

12.

Il-punt 2(c) tal-Kapitolu I tal-Anness II tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel jipprevedi li:

“It-tqassim, id-disinn, il-kostruzzjoni, l-ippustjar u l-ħażna ta’ l-ikel fil-fondi għandhom:

[…]

(c)

jippermetti għall-prattiċi ta’ iġjene tajba ta’ l-ikel, inkluża l-protezzjoni kontra l-kontaminazzjoni u, partikolarment, il-kontroll tal-pesti”.

13.

Il-punt 1(a) tal-Kapitolu V tal-Anness II jistabbilixxi li:

“L-oġġetti, l-għodda u l-apparat kolha li jkunu f’kuntatt ma l-ikel għandhom:

(a)

ikunu effittivament imnaddfa u, meta meħtieġ, disinfettati. It-tindif u d-disinfettazzjoni għandhom iseħħu matul intervalli suffiċjenti sabiex ikun evitat ir-riskju ta’ kontaminazzjoni”.

14.

Il-punti 2, 3 u 4 tal-Kapitolu IX tal-Anness II huma fformulati kif ġej:

“2.

Materjali primi u l-ingredjenti kollha maħżuna fin-negozju ta’ l-ikel għandhom jinżammu f’kondizzjonijiet xierqa iddisinjati għall-prevenzjoni ta’ deterjorazzjoni perikoluża u li jkunu protetti mill-kontaminazzjoni.

3.

Fl-istadji kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni, l-ikel għandu jkun protett kontra xi kontaminazzjoni li aktars li tirrendih mhux tajjeb għall-konsum uman, ta’ ħsara għas-saħħa jew kontaminat b’tali mod li ma jkunx raġjonevolment mistenni li jkun ikkunsmat f’dak l-istat.

4.

Proċeduri adekwati għandhom ikunu fis-seħħ għall-kontroll tal-pesti. Proċeduri adekwati għandhom ukoll ikunu fis-seħħ sabiex jipprevjenu milli l-annimali domestiċi jkollhom aċċess lejn il-postijiet ta’ fejn l-ikel ikun ippreparat, maħżun jew imqandel (jew, meta l-awtorità kompetenti hekk tippermetti f’każi speċifiċi, li jipprevjenu milli tali aċċess ikun jirriżulta f’kontaminazzjoni).”

III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

15.

It-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq proċeduri kriminali mibdija mill-ministère public belge (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Belġjan) kontra l-impriża tas-settur tal-ikel Aldi SA.

16.

Matul il-kontrolli mwettqa bejn l‑2020 u l‑2022, l-Agence fédérale pour la sécurité de la chaîne alimentaire (l-Aġenzija Federali għas-Sigurtà tal-Katina Alimentari, il-Belġju, iktar ’il quddiem l-AFSKA) ikkonstatat diversi drabi irregolaritajiet f’diversi ħwienet u mħażen ta’ Aldi. Diversi mill-bini inkwistjoni ġew miżjura mill-ġdid f’intervalli ta’ diversi xhur u nstab li l-irregolaritajiet komplew jippersistu.

17.

Fuq il-post, ġew ikkonstatati, kemm fil-kurituri aċċessibbli għall-konsumaturi kif ukoll fl-imħażen, fost affarijiet oħra, ħmieġ, prodotti mimlija minn pesti, ikel imħammeġ b’materja fekali, bl-awrina u bix-xagħar, eskementi tal-pesti u kadavri tal-ġrieden.

18.

Barra minn hekk, l-AFSKA ikkritikat l-assenza ta’ sistema ta’ kontroll għar-riċezzjoni ta’ merkanzija f’ċertu bini, fatt li hija kienet diġà ddenunzjat fil-passat.

19.

Waqt waħda minn dawn l-ispezzjonijiet, li matulha kienu nstabu eskrementi ta’ rodituri u kadavri tal-ġrieden, kien sar kontroll eżatt qabel minn impriża għall-kontroll tal-pesti.

20.

Konsegwentement, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Belġjan akkuża lil Aldi li kisret l-Artikolu 4 tal-Anness II tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel kif ukoll l-Artikolu 9(3) tal-arrêté royal du 22 février 2001 organisant les contrôles effectués par l’Agence fédérale pour la sécurité de la chaîne alimentaire et modifiant diverses dispositions légales (id-Digriet Irjali tat‑22 ta’ Frar 2001 li Jorganizza l-Kontrolli Mwettqa mill-Aġenzija Federali għas-Sigurtà tal-Katina Alimentari u li Jemenda Diversi Dispożizzjonijiet Legali).

21.

It-tribunal correctionnel de Luxembourg, division Neufchâteau (il-Qorti Kriminali tal-Lussemburgu, Sezzjoni Neufchâteau, il-Belġju) illiberat lil Aldi mill-akkużi kollha kontriha fis-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Marzu 2023. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Belġjan ippreżenta appell minn din is-sentenza.

22.

Madankollu, il-Cour d’appel de Liège (il-Qorti tal-Appell ta’ Liège, il-Belġju) ikkonfermat is-sentenza tal-ewwel istanza. Fil-fehma tagħha, ir-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel jimponi biss obbligi ta’ mezzi fuq l-operaturi tas-settur tal-ikel. Is-sempliċi preżenza ta’ traċċi u ta’ eskrementi ta’ pesti ma tikkostitwixxix fiha nnifisha ksur ta’ dan ir-regolament. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Belġjan ippreżenta appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza.

23.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-[Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel] kif ukoll fl-Anness II ta’ dan ir-regolament u b’mod iktar speċifiku fil-punti 2(c) tal-Kapitolu I, 1(a) tal-Kapitolu V, 2, 3 u 4 tal-Kapitolu IX, jimponu fuq l-operaturi tas-settur tal-ikel bl-ingrossa u bl-imnut obbligu ta’ riżultat, b’tali mod li l-konstatazzjoni ta’ traċċi jew ta’ ħmieġ minn pesti fi ħwienet u fi mħażen huwa biżżejjed, ħlief f’każijiet ta’ forza maġġuri, kawża estranja jew żball li ma setgħax jiġi evitat, sabiex jiġi stabbilit il-ksur tal-imsemmi regolament, jew l-operaturi tas-settur tal-ikel huma marbuta biss b’obbligu ta’ mezzi, jiġifieri li tagħmel dak kollu li huwa possibbli sabiex tiġi evitata l-preżenza ta’ pesti, b’tali mod li s-sempliċi konstatazzjoni, mill-awtorità amministrattiva nazzjonali, ta’ traċċi u ta’ ħmieġ minn pesti fil-ħwienet u fl-imħażen ma tkunx biżżejjed sabiex jiġi stabbilit il-ksur ta’ dan ir-regolament?”

24.

Aldi, il-Gvern Belġjan, Grieg, Franċiż, Lussemburgiż, tal-Pajjiżi l-Baxxi, Pollakk u l-Irlanda, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub dwar din il-kwistjoni fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-istess partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Lussemburgiż, tal-Pajjiżi l-Baxxi u Pollakk, kienu wkoll irrappreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Ġunju 2025.

IV. Evalwazzjoni ġuridika

A.   Fuq l-ammissibbiltà

25.

Aldi ssostni li d-domanda preliminari hija parzjalment inammissibbli. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda parzjalment id-dispożizzjonijiet tal-Anness II tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel li ma humiex is-suġġett tal-proċeduri kriminali kontriha fil-Belġju. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex rilevanti għall-kawża prinċipali.

26.

Skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għaldaqstant, sa fejn id-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija marbuta li tagħti deċiżjoni, ħlief meta ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija domanda ( 5 ).

27.

Issa, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Kif ser nuri iktar ’il quddiem, id-diversi regoli ta’ iġjene li jinsabu fl-Anness II tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel huma kollha relatati peress li dawn iservu sabiex jintlaħaq l-għan komuni li tiġi ggrantita s-sigurtà tal-ikel. Għaldaqstant, dawn għandhom jiġu interpretati fil-kuntest tagħhom.

28.

Aldi ssostni wkoll li l-qorti tar-rinviju fir-realtà ma titlobx l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda li d-domanda tagħha tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt kriminali Belġjan fir-rigward tas-sanzjonijiet li ġew imposti fuqha.

29.

Madankollu, din l-oġġezzjoni hija wkoll infondata, peress li d-domanda preliminari tirrigwarda b’mod ċar l-interpretazzjoni tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel, li min-naħa tiegħu jirreferi għar-Regolament bażiku dwar il-prodotti tal-ikel. Dan tal-aħħar jipprovdi fl-Artikolu 17(2) tiegħu li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-miżuri u s-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel, li għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Għalhekk, ma hemm l-ebda dubju li din il-kawża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, anki jekk il-kawża prinċipali tikkonċerna s-sanzjoni imposta fuq Aldi.

30.

L-oġġezzjonijiet kontra l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari mqajma minn Aldi għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

B.   Fuq il-mertu

31.

Fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għad-distinzjoni bejn obbligu ta’ riżultat u obbligu ta’ mezzi, li hija magħrufa sew fil-parti l-kbira tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri u li diġà ntużat mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 6 ). Din id-distinzjoni hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk id-destinatarju ta’ obbligu għandux jilħaq riżultat speċifiku jew jekk huwiex biżżejjed li huwa jimplimenta l-mezzi kollha disponibbli sabiex jilħaq riżultat, mingħajr ma jkun responsabbli għat-twettiq effettiv ta’ dak ir-riżultat.

32.

Ir-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel innifsu ma jużax it-termini “obbligu ta’ riżultat” jew “obbligu ta’ mezzi”. Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni proposta mill-qorti tar-rinviju tad-dispożizzjonijiet imsemmija fid-domanda preliminari skont kategorija waħda jew oħra ma hijiex possibbli b’mod preċiż, peress li dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu kemm rekwiżiti ta’ azzjoni kif ukoll ta’ riżultat.

33.

Il-qorti tar-rinviju tuża din id-distinzjoni peress li, kif tindika hija stess fid-domanda preliminari tagħha, hija tixtieq tkun taf jekk il-konstatazzjoni ta’ traċċi ta’ pesti fi ħwienet u mħażen hijiex biżżejjed, ħlief fil-każ ta’ forza maġġuri, kawża estranja jew żball li ma setax jiġi evitat, sabiex tikkostitwixxi prova ta’ ksur tar-regoli ta’ iġjene previsti fl-Artikolu 4(2), moqri flimkien mal-Anness II tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel.

34.

Fil-fatt, l-istanzi preċedenti kienu ddeċidew li dan ma kienx il-każ. Id-dispożizzjonijiet ikkontestati jistabbilixxu biss regoli ta’ kondotta li l-operaturi tas-settur tal-ikel huma obbligati josservaw. Għaldaqstant, is-sempliċi skoperta ta’ traċċi ta’ pesti ma tistax tkun biżżejjed sabiex jiġi stabbilit ksur.

35.

Għalhekk jidher li d-domanda preliminari tirrigwarda essenzjalment il-kwistjoni dwar jekk awtorità ta’ kontroll tal-ikel tistax tikkonkludi, abbażi tal-preżenza ta’ traċċi ta’ pesti, li r-regoli ta’ iġjene kontenzjużi ma ġewx osservati, jew fi kwalunkwe każ ma ġewx osservati biżżejjed, b’tali mod li hija tista’ tikkonstata ksur ta’ dawn ir-regoli fuq din il-bażi biss.

36.

Fl-ewwel lok, ser neżamina f’liema ċirkustanzi l-iskoperta ta’ traċċi ta’ pesti twassal għall-konklużjoni ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ iġjene applikabbli (1). Fit-tieni lok, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom ir-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel għandu jiġi interpretat b’tali mod li, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, għandu jiġi konkluż li hemm ksur (2).

37.

Qabel ma nindirizza dawn l-aspetti, għandu jiġi ppreċiżat li l-qorti tar-rinviju qiegħda titlob speċifikament l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Anness II tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel. Madankollu, fil-qafas tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Meta tagħmel dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha ( 7 ).

38.

Il-fatt li, fuq livell formali, il-qorti tar-rinviju indikat, fid-domandi tagħha, ċerti dispożizzjonijiet partikolari tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali, billi tislet mill-elementi kollha pprovduti minn dik il-qorti, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima ( 8 ).

1. L-iskoperta ta’ traċċi ta’ pesti bħala prova tan-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-iġjene applikabbli

39.

Fid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għar-regoli ta’ iġjene stabbiliti fil-punt 2(c) tal-Kapitolu I, fil-punt 1(a) tal-Kapitolu V u fil-punti 2, 3 u 4 tal-Kapitolu IX tal-Anness II tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel, li l-operaturi tas-settur tal-ikel huma obbligati josservaw skont l-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament.

40.

Dawn id-dispożizzjonijiet jimponu mill-bidu nett fuq l-operaturi tas-settur tal-ikel obbligi fir-rigward tal-ippjanar tal-bini, ta’ tindif u ta’ diżinfezzjoni tal-oġġetti li jiġu f’kuntatt mal-ikel, tal-ħżin adegwat u tal-protezzjoni tal-prodotti tal-ikel mill-kontaminazzjoni, kif ukoll tal-kontroll tal-pesti. Fl-istess ħin, huma jistabbilixxu l-għan li għandu jintlaħaq. Dan l-għan huwa li jiġi żgurat li l-prodotti tal-ikel ikunu protetti fl-istadji kollha minn kontaminazzjoni minn pesti li jagħmluhom mhux tajbin għall-konsum mill-bniedem jew ta’ ħsara għas-saħħa.

41.

Kif sostnew diversi partijiet fil-proċedura, ir-regoli ta’ iġjene li jinsabu fl-Anness II tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel għandhom jiġu interpretati skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament u l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku dwar il-prodotti tal-ikel. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-operaturi tas-settur tal-ikel għandhom jiżguraw li r-regoli ta’ iġjene applikabbli jiġu osservati fl-istadji kollha tal-immaniġġjar tal-prodotti tal-ikel taħt il-kontroll tagħhom, sabiex jiġi żgurat li l-prodotti tal-ikel ikunu tajbin għall-konsum mill-bniedem ( 9 ). Barra minn hekk, huma għandhom jivverifikaw l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti.

42.

Il-kwistjoni dwar jekk il-preżenza ta’ traċċi ta’ pesti tikkostitwixxix prova ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi tal-operaturi tas-settur tal-ikel u, konsegwentement, indirettament, tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi tal-Anness II tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel tiddependi mill-portata tat-traċċi kkonstatati. Hija l-qorti kompetenti li għandha tevalwa dan l-element fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ.

43.

Għalhekk, pereżempju, l-iskoperta puntwali ta’ ġurdien wieħed jew ta’ traċċa iżolata ta’ pesti f’maħżen inaċċessibbli għall-konsumaturi ma hijiex suffiċjenti sabiex tikkostitwixxi prova li l-operatur tas-settur tal-ikel ikkonċernat naqas mill-obbligu tiegħu li jiżgura u li jikkontrolla l-osservanza tar-regoli ta’ iġjene applikabbli. Fil-fatt, l-intrużjoni ta’ pesti hija riskju kważi inevitabbli waqt l-operat ta’ impriżi tas-settur tal-ikel. Huwa preċiżament għal din ir-raġuni li r-regoli ta’ iġjene kontenzjużi jipprovdu li l-protezzjoni kontra l-kontaminazzjoni minn pesti u l-kontroll tagħhom għandhom jiġu ggarantiti.

44.

Il-preżenza unika u iżolata ta’ traċċi ta’ pesti għalhekk ma tippermettix li jiġi konkluż li kien hemm ksur tal-obbligi ta’ iġjene preskritti. F’każ bħal dan, għandhom pjuttost jitwettqu kontrolli ta’ segwitu sabiex jiġi ddeterminat jekk l-operatur tas-settur tal-ikel ikkonċernat ikunx ħa l-miżuri xierqa sabiex jirrimedja l-irregolaritajiet.

45.

Is-sitwazzjoni hija differenti ħafna f’każ bħal dak inkwistjoni, fejn, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, kontrolli repetuti mwettqa f’intervalli ta’ diversi xhur f’diversi fergħat żvelaw kontaminazzjoni massiva minn traċċi ta’ pesti fi, fuq u fil-viċinanza immedjata ta’ prodotti tal-ikel, li l-parti l-kbira tagħhom kienu diġà jinsabu fl-istadju tat-tqegħid fis-suq ( 10 ), jiġifieri aċċessibbli għall-konsumaturi.

46.

L-iskoperta ta’ traċċi ta’ pesti bħal dawn tippermetti fil-fatt li jiġi konkluż li, fl-impriża tal-ikel ikkonċernata, teżisti problema strutturali u permanenti għal dak li jirrigwarda l-osservanza tar-regoli ta’ iġjene applikabbli u l-kontroll ta’ din l-osservanza. Huwa għalhekk iġġustifikat, f’tali ċirkustanzi, li jiġi konkluż li kien hemm ksur tar-regoli ta’ iġjene kontenzjużi (u, jekk ikun il-każ, ta’ regoli oħra) li jinsabu fl-Anness II tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel, moqri flimkien mal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament u mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku dwar il-prodotti tal-ikel.

47.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti, sa fejn dan japplika għal kull waħda mir-regoli ta’ dan l-Anness II li hija invokat. Għalhekk, is-sempliċi skoperta ta’ traċċi ta’ pesti ma tippermettix, bħala prinċipju, li jiġi konkluż b’mod ġenerali li kien hemm ksur tal-obbligu ta’ ppjanar tal-bini b’mod li jippermetti l-implimentazzjoni ta’ prattiki tajba ta’ iġjene, b’mod partikolari l-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni u b’mod partikolari l-kontroll tal-pesti ( 11 ). F’dan il-każ, tali ksur jista’ madankollu jiġi kkonstatat, b’mod partikolari għaliex, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, l-awtoritajiet Belġjani ddenunzjaw, diversi drabi, l-assenza ta’ sistema ta’ kontroll wara li jkunu rċevew il-merkanzija, tal-inqas f’ċerti fergħat ikkonċernati ( 12 ).

48.

Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit li jgħid li l-kontaminazzjoni għandha tiġi evitata permezz tat-tindif u, jekk ikun il-każ, tad-diżinfezzjoni tal-oġġetti li jiġu f’kuntatt mal-prodotti tal-ikel, u dan bi frekwenza suffiċjenti sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ kontaminazzjoni ( 13 ), huwa fformulat bħala obbligu ta’ riżultat. F’dan il-każ, bla ħsara għal konferma mill-qorti tar-rinviju, il-ksur huwa manifest, peress li ma kienx hemm biss riskju ta’ kontaminazzjoni, iżda l-kontaminazzjoni saħansitra seħħet.

49.

L-istess japplika għar-rekwiżiti dwar il-ħżin tal-prodotti tal-ikel f’kundizzjonijiet xierqa sabiex jiġi evitat kull deterjorament perikoluż u sabiex ikunu protetti minn kwalunkwe kontaminazzjoni, għall-protezzjoni tal-prodotti tal-ikel minn kontaminazzjoni li tista’ tagħmilhom mhux tajbin għall-konsum mill-bniedem, perikolużi għas-saħħa jew ikkontaminati b’tali mod li ma jistgħux raġonevolment jitqiesu tajbin għall-konsum kif inhuma, kif ukoll għall-iżvilupp ta’ metodi adegwati għall-kontroll tal-pesti ( 14 ).

50.

Barra minn hekk, kif isostnu diversi partijiet fil-proċedura, jidher ukoll li, f’dan il-każ, hemm ksur tal-obbligu li l-bini li minnu jiċċirkolaw il-prodotti tal-ikel jinżamm nadif u f’kundizzjoni tajba ( 15 ).

51.

Ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel jista’ l-iktar l-iktar jiġi eskluż fil-każijiet ta’ forza maġġuri, ta’ kawża estranja jew ta’ żball li ma setax jiġi evitat msemmija mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri f’ċirkustanzi estranji għal dak li jinvokahom ( 16 ). F’tali każijiet, huwa l-operatur tas-settur tal-ikel ikkonċernat li għandu juri l-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi u li jipproduċi provi li l-kontaminazzjoni mill-pesti ma setgħetx tiġi evitata minkejja l-osservanza tar-regoli ta’ iġjene applikabbli. Tali ċirkustanzi ma humiex apparenti f’dan il-każ, bla ħsara għal stħarriġ mill-qorti tar-rinviju.

52.

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, waqt l-istħarriġ ta’ ksur tal-Anness II tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel, il-prinċipji HACCP imsemmija fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, li jistabbilixxu l-proċeduri ta’ prattiki tajba u ta’ kontroll fil-qasam tal-iġjene u li għalihom irreferew Aldi u l-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali, ma għandhomx jiġu mċaħħda mill-effett utli tagħhom. Għalhekk, huwa xieraq li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri meħuda minn operatur skont dawn id-dispożizzjonijiet sabiex jiġu evitati r-riskji ta’ kontaminazzjoni ( 17 ). Madankollu, fil-proċedura inkwistjoni, is-suġġett tat-tilwima kien riskju astratt ta’ kontaminazzjoni. F’dan il-każ, mill‐banda l‐oħra, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li diġà seħħew kontaminazzjonijiet massivi u fuq perijodu twil.

53.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun kuntrarju għall-implimentazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel jekk l-awtorità ta’ kontroll kompetenti jkollha turi, sabiex tikkonstata ksur tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel, li l-operatur tas-settur tal-ikel ikkonċernat ma jkunx osserva r-regoli ta’ iġjene applikabbli.

2. Ir-responsabbiltà tal-operatur tas-settur tal-ikel

54.

Skont l-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel, ir-responsabbiltà primarja fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti tal-ikel taqa’ fuq l-operatur tas-settur tal-ikel. Kif tindika l-premessa 30 tar-Regolament bażiku dwar il-prodotti tal-ikel, dan jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiżgura li l-prodotti tal-ikel li jipprovdi jkunu sikuri.

55.

Sabiex jintlaħaq l-għan tal-leġiżlazzjoni dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel, jiġifieri livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tal-konsumaturi ( 18 ), l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku dwar il-prodotti tal-ikel jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tal-ikel li huma perikolużi. Skont il-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni, huma b’mod partikolari kkunsidrati bħala perikolużi l-prodotti tal-ikel li huma ta’ ħsara għas-saħħa jew li ma humiex tajbin għall-konsum mill-bniedem minħabba kontaminazzjoni ( 19 ).

56.

Bla ħsara għal stħarriġ mill-qorti tar-rinviju, il-prodotti tal-ikel ikkontaminati bit-traċċi ta’ pesti skoperti f’dan il-każ saru mhux tajbin għall-konsum mill-bniedem minħabba din il-kontaminazzjoni u fil-parti l-kbira kienu diġà fl-istadju li jitqiegħdu fis-suq.

57.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fir-rigward tal-għan li ma jitqegħdux fis-suq prodotti tal-ikel hekk ikkontaminati, l-operaturi tas-settur tal-ikel għandhom obbligu ta’ riżultat ( 20 ).

58.

Kif ikkonstatat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, minn dan jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni lanqas ma jipprekludi sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva tal-operaturi tas-settur tal-ikel. F’dik il-kawża, tali operatur kien is-suġġett ta’ prosekuzzjoni kriminali talli kien qiegħed fis-suq ikel ikkontaminat, minkejja li dan kien ġie prodott u ppakkjat taħt vakwu minn impriża oħra ( 21 ).

59.

Minn dan isegwi li, f’każ bħal dak inkwistjoni, fejn, bla ħsara għal stħarriġ mill-qorti tar-rinviju, prodotti tal-ikel perikolużi tqiegħdu fis-suq minħabba ksur tar-regoli ta’ iġjene applikabbli, attestat minn traċċi massivi u persistenti ta’ pesti, huwa iktar u iktar iġġustifikat li l-operatur tas-settur tal-ikel ikun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni kriminali f’dan ir-rigward, mingħajr ma l-awtorità jkollha barra minn hekk tipproduċi prova li r-regoli ta’ iġjene rilevanti ma jkunux ġew osservati.

60.

Hija l-qorti kompetenti li għandha tevalwa, fid-dawl tan-natura u tal-gravità tas-sanzjoni imposta konkretament f’dan il-każ, jekk din hijiex effettiva, proporzjonata u dissważiva, kif jeżiġi l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku dwar il-prodotti tal-ikel. Huwa f’dan l-istadju (u mhux waqt il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur) li hija tista’, jekk ikun il-każ, tieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri ta’ kontroll tal-parassiti meħuda minn Aldi u invokati għad-difiża tagħha.

V. Konklużjoni

61.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju):

L-Artikolu 4(2) u l-punt 2(c) tal-Kapitolu I, il-punt 1(a) tal-Kapitolu V u l-punti 2, 3 u 4 tal-Kapitolu IX tal-Anness II, moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel, kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/382 tat‑3 ta’ Marzu 2021, kif ukoll kif ukoll l-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel, kif emendat l-aħħar bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/908 tas‑17 ta’ Jannar 2024,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li

kontaminazzjoni minn pesti kkonstatata diversi drabi matul diversi xhur, li tirrendi l-prodotti tal-ikel mhux tajbin għall-konsum mill-bniedem, fi, fuq u fil-viċinanza immedjata ta’ prodotti tal-ikel li jinsabu fl-istadju li jitqiegħdu fis-suq, hija ta’ natura li tikkostitwixxi prova li operatur tas-settur tal-ikel ikun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ir-regoli tal-iġjene previsti mill-leġiżlazzjoni dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 319), kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/382 tat‑3 ta’ Marzu 2021 (ĠU 2021, L 74, p. 3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel”).

( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifiki fil-ĠU 2014, L 327, p. 9 u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5), kif emendat l-aħħar bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/908 tas‑17 ta’ Jannar 2024 (ĠU 2024, L 908, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku dwar il-prodotti tal-ikel”).

( 4 ) Dan l-akronimu jirreferi għall-prinċipji ta’ analiżi tal-perikoli u tal-punti kritiċi ta’ kontroll (“Hazard Analysis and Critical Control Points principles”, ara https://food.ec.europa.eu/food-safety/biological-safety/food-hygiene/legislation_en).

( 5 ) Sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 1968, De Cicco (19/68, EU:C:1968:56, Ġabra 1968, p. 689, 698); tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 59 sa 61), u tad‑19 ta’ Ġunju 2025, Lubreczlik (C‑396/24, EU:C:2025:460, punt 47).

( 6 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2019, A et (C‑347/17, EU:C:2019:720, punti 53 et seq.), u tas‑16 ta’ Marzu 2023, Beobank (C‑351/21, EU:C:2023:215, punti 53 et seq.).

( 7 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli (C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 8 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli (C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Skont l-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel, l-espressjoni “iġjene ta’ l-ikel” tfisser “il-miżuri u l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-kontroll tal-perikoli u sabiex jassiguraw il-bontà għall-konsum uman ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel billi jkun meqjus l-użu ntiż tagħhom”.

( 10 ) Skont il-punt 8 tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku dwar il-prodotti tal-ikel, “tqegħid fis-suq” tfisser “iż-żamma ta’ ikel jew għalf għall-għanijiet ta’ bejgħ, inkluża l-offerta għall-bejgħ jew xi forma oħra ta’ trasferiment, sew jekk bi ħlas sew jekk le, u l-bejgħ, tqassim u xi forma oħra tat-trasferiment innifsu”.

( 11 ) Punt 2(c) tal-Kapitolu I tal-Anness II tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel.

( 12 ) Ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 13 ) Punt 1(a) tal-Kapitolu V tal-Anness II tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel.

( 14 ) Punti 2, 3 u 4 tal-Kapitolu IX tal-Anness II tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel.

( 15 ) Punt 1 tal-Kapitolu I tal-Anness II tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel.

( 16 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Vilkas (C‑640/15, EU:C:2017:39, punt 53).

( 17 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2011, Albrecht et (C‑382/10, EU:C:2011:639, punti 21 et seq.).

( 18 ) Ara l-premessi 1 u 7 tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel.

( 19 ) Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku dwar il-prodotti tal-ikel, “[b]iex jiġi stabbilit jekk l-ikel ikunx tajjeb għall-konsum uman, għandu jingħata kont ta’ jekk l-ikel ikunx aċċettabbli jew le għall-konsum uman skond l-użu maħsub tiegħu, minħabba raġunijiet ta’ kontaminazzjoni, sew b’materjal estraneju jew mod ieħor, jew minħabba putrifikazzjoni, deterjorament jew tħassir”. Skont l-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel, “kontaminazzjoni” tfisser “il-preżenza jew l-introduzzjoni ta’ periklu”. Skont il-punt 14 tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku dwar il-prodotti tal-ikel, “perikolu” tfisser “aġent bijoloġiku, kimiku jew fiżiku fi, jew kondizzjoni ta’, ikel jew għalf bil-potenzjal li joħloq effetti kuntrarji fuq is-saħħa”.

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2014, Reindl u MPREIS Warenvertriebs (C‑443/13, EU:C:2014:2370, punt 28), u tat‑12 ta’ Settembru 2019, A et (C‑347/17, EU:C:2019:720, punti 58 sa 60).

( 21 ) Sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Reindl u MPREIS Warenvertriebs (C‑443/13, EU:C:2014:2370, punti 18, u 34 sa 43). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2012, Urbán (C‑210/10, EU:C:2012:64, punti 47 u 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).