1.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/44


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/707

tat-30 ta' April 2015

dwar in-nuqqas ta' approvazzjoni tal-estratt tal-għerq Rheum officinale bħala sustanza bażika skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(5) flimkien mal-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fis-26 ta' April 2013 il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni mill-Institut Technique de l'Agriculture Biologique għall-approvazzjoni tal-estratt tal-għerq Rheum officinale bħala sustanza bażika. Ma' din l-applikazzjoni ntbagħtet l-informazzjoni meħtieġa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3).

(2)

Il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Awtorità”) għal assistenza xjentifika. Fit-12 ta' Ġunju 2014 (2), l-Awtorità ppreżentat Rapport Tekniku lill-Kummissjoni dwar is-sustanza inkwistjoni. Fl-20 ta' Marzu 2015, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta' analiżi (3) u l-abbozz ta' dan ir-Regolament dwar in-nuqqas ta' approvazzjoni tal-estratt tal-għerq Rheum officinale lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

(3)

Id-dokumentazzjoni mogħtija mill-applikant turi li l-estratt tal-għerq Rheum officinale ma jissodisfax il-kriterji ta' oġġett tal-ikel kif iddefiniti fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 (4).

(4)

Fir-Rapport Tekniku ġie identifikat xi tħassib speċifiku dwar ir-riskju għall-operaturi, il-ħaddiema, il-persuni fil-qrib, il-konsumaturi u l-organiżmi mhux fil-mira.

(5)

Il-Kummissjoni stiednet lill-applikant iressaq il-kummenti tiegħu dwar l-eżami tal-Awtorità u dwar l-abbozz tar-rapport ta' analiżi. L-applikant ressaq il-kummenti tiegħu, u dawn ġew eżaminati bir-reqqa.

(6)

Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa mill-applikant, it-tħassib relatat mas-sustanza ma jistax jiġi eliminat.

(7)

B'hekk, għall-użijiet li ġew eżaminati u speċifikati fir-rapport ta' analiżi tal-Kummissjoni, ma ġiex stabbilit li r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati. Għalhekk, huwa xieraq li l-estratt tal-għerq Rheum officinale ma jiġix approvat bħala sustanza bażika.

(8)

Dan ir-Regolament ma jippreġudikax is-sottomissjoni ta' applikazzjoni oħra għall-approvazzjoni tal-estratt tal-għerq Rheum officinale bħala sustanza bażika skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(9)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

In-nuqqas ta' approvazzjoni bħala sustanza bażika

L-estratt tal-għerq tas-sustanza Rheum officinale mhuwiex approvat bħala sustanza bażika.

Artikolu 2

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' April 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-riżultat tal-konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-EFSA dwar l-applikazzjoni għas-sustanza bażika Rheum officinale u l-konklużjonijiet misluta mill-EFSA dwar il-punti speċifiċi mqajma. 2014:EN-617. 31 paġna.

(3)  http://ec.europa.eu/sanco_pesticides/public/?event=activesubstance.selection&language=MT.

(4)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).