02013R0099 — MT — 01.01.2018 — 002.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
REGOLAMENT (UE) Nru 99/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta’ Jannar 2013 dwar il-programm statistiku Ewropew tal-2013-2017 (Test b'relevanza għaż-ŻEE u għall-Isvizzera) (ĠU L 039 9.2.2013, p. 12) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
REGOLAMENT (UE) Nru 1383/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-17 ta' Diċembru 2013 |
L 354 |
84 |
28.12.2013 |
|
|
REGOLAMENT (UE) 2017/1951 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-25 ta' Ottubru 2017 |
L 284 |
1 |
31.10.2017 |
|
REGOLAMENT (UE) Nru 99/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-15 ta’ Jannar 2013
dwar il-programm statistiku Ewropew tal-2013-2017
(Test b'relevanza għaż-ŻEE u għall-Isvizzera)
Artikolu 1
L-Istabbiliment tal-programm statistiku Ewropew
Il-programm statistiku Ewropew għall-perjodu 2013 sal-2017 (“il-programm”) qiegħed jiġi stabbilit b’dan.
Il-programm għandu jiġi estiż biex ikopri l-perjodu mill-2018 sal-2020.
Artikolu 2
Valur miżjud
Il-programm jirrappreżenta l-valur miżjud tal-iżgurar li l-istatistika Ewropea tkun iffukata fuq l-informazzjoni meħtieġa għat-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-politiki tal-Unjoni. Barra minn hekk, dan jikkontribwixxi għall-użu effettiv tar-riżorsi billi jrawwem azzjonijiet li jipprovdu kontribut essenzjali lejn l-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid ta’ informazzjoni statistika armonizzata, paragunabbli, affidabbli, faċli li tintuża u aċċessibbli, abbażi ta’ standards uniformi u prinċipji komuni kif stabbilit fil-Kodiċi tal-Prattika Ewropew tal-Istatistika (“Kodiċi tal-Prattika”), kif adottat mill-Kumitat tas-Sistema Statistika Ewropea (KSSE), b’mod partikolari il-kriterji ta’ kwalità tar-relevanza, l-eżattezza u l-affidabilità, id-disponibilità fil-waqt u l-puntwalità, l-aċċessibilità u ċ-ċarezza u l-koerenza u l-komparabilità.
Artikolu 3
Kamp ta' applikazzjoni
Dan ir-Regolament jipprovdi l-qafas ta' programmazzjoni għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea, l-oqsma ewlenin u l-objettivi tal-azzjonijiet maħsuba għall-perjodu mill-2013 sal-2020, skont l-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.
Artikolu 4
Għanijiet
1. L-għan ġenerali tal-programm huwa li s-Sistema Statistika Ewropea (SSE) tibqa’ l-fornitur ewlieni ta’ statistika ta’ kwalità għolja dwar l-Ewropa.
2. Meta jitqiesu r-riżorsi disponibbli kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-Unjoni u l-piż tar-rispons, l-għanijiet speċifiċi li ġejjin għandhom jintlaħqu fl-azzjonijiet statistiċi mwettqa għall-implimentazzjoni tal-programm:
|
— |
Għan 1 : li jipprovdi informazzjoni statistika b’mod li jkun f’waqtu għall-appoġġ tal-iżvilupp, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki tal-Unjoni li jirriflettu tajjeb il-prijoritajiet filwaqt li jżomm bilanċ bejn l-oqsma ekonomiċi, soċjali u ambjentali u jaqdi l-ħtiġijiet tal-firxa wiesgħa ta’ utenti tal-istatistika Ewropea, inklużi entitajiet oħra li jieħdu d-deċiżjonijiet, riċerkaturi, negozji u ċittadini Ewropej b’mod ġenerali, b’mod effiċjenti meta mqabbel mal-ispiża, mingħajr duplikazzjoni mhux meħtieġa tal-isforzi; |
|
— |
Għan 2 : li jimplimenta metodi ġodda ta’ produzzjoni ta’ statistika Ewropea bl-għan li jsir gwadann fl-effiċjenza u tittejjeb il-kwalità; |
|
— |
Għan 3 : li jsaħħaħ is-sħubija fis-SSE u lil hinn minnha sabiex tittejjeb iżjed il-produttività tagħha u r-rwol ta’ tmexxija tagħha fl-istatistika uffiċjali madwar id-dinja kollha; u |
|
— |
Għan 4 : li jiżgura li din l-istatistika tibqa’ titwettaq b’mod konsistenti tul il-perjodu kollu tal-programm, sakemm dan ma jinterferixxix mal-mekkaniżmi ta’ twaqqif ta’ prijoritajiet tas-SSE. |
3. L-għanijiet ġenerali u speċifiċi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 huma elaborati iktar fl-Anness, flimkien mal-indikaturi użati għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-programm. Skont l-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, il-programm għandu jkun soġġett għal ippjanar annwali dettaljat li se jinkludi mekkaniżmu ta’ twaqqif ta’ prijoritajiet bħala parti integrali tal-proċess. L-għanijiet tal-programm għandhom jintlaħqu permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib u kkoordinata fis-SSE. Il-programm għandu jinkludi l-iżvilupp ta’ strumenti xierqa li jwasslu għal kwalità msaħħa u aktar flessibilità tas-SSE u ż-żieda fil-kapaċità li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-utenti b’mod li jkun f’waqtu. Huwa għandu jiftaħ ukoll it-triq għall-iżvilupp ta’ indikaturi affidabbli li jkunu jistgħu jilqgħu għall-isfidi tas-seklu 21, jiġifieri li jkejlu s-sostenibilità ambjentali, il-kwalità tal-ħajja u l-koeżjoni soċjali, u jirreġistraw l-attività ekonomika fis-settur terzjarju u fl-ekonomija soċjali.
Artikolu 5
Governanza, indipendenza, trasparenza u kwalità tal-istatistika
1. L-istatistika Ewropea għandha tiġi prodotta b’mod professjonalment indipendenti u trasparenti.
2. Il-programm għandu jiġi implimentat skont il-prinċipji tal-Kodiċi tal-Prattika bl-għan li tiġi prodotta u mxerrda statistika Ewropea ta’ kwalità għolja, armonizzata u paragunabbli skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, u li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-SSE b’mod ġenerali. L-istituti nazzjonali tal-istatistika u l-awtorità statistika tal-Unjoni (Kummissjoni (Eurostat)) għandhom jiżguraw, permezz tal-indipendenza professjonali tagħhom, li l-istatistika Ewropea tikkonforma mal-Kodiċi tal-Prattika.
3. L-istituti nazzjonali tal-istatistika u awtoritajiet nazzjonali oħra kif maħtura mill-Istati Membri, (kolletivament “awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika”), u l-Kummissjoni (Eurostat), li huma responsabbli għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea, għandhom:
— jimmiraw li jsaħħu ambjent istituzzjonali u organizzattiv li jippromovi l-koordinazzjoni, l-effikaċja u l-kredibilità tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika u l-Kummissjoni (Eurostat) li jipproduċu u jxerrdu statistika Ewropea;
— jagħmlu enfasi fuq il-prinċipji statistiċi stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 u l-ħtiġijiet tal-utenti;
— jaqdu l-ħtiġijiet tal-utenti istituzzjonali tal-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 u jfittxu li jiżviluppaw statistika li taqdi firxa wiesgħa ta’ utenti tal-istatistika Ewropea, inklużi entitajiet oħra li jieħdu d-deċiżjonijiet, riċerkaturi, negozji u ċittadini Ewropej b’mod ġenerali; u
— jikkooperaw mal-korpi tal-istatistika fil-livell internazzjonali biex jippromwovu l-użu ta’ kunċetti, klassifikazzjonijiet, metodi u standards oħra internazzjonali, b’mod partikolari, bl-għan li jiżguraw aktar koerenza u paraggunabilità aħjar fil-livell globali.
4. Kull Stat Membru għandu jagħmel ħiltu biex jiżgura li l-proċessi tiegħu ta’ produzzjoni tal-istatistika jkunu stabbiliti b’mod standardizzat u jkunu msaħħa, safejn ikun possibbli, b’mekkaniżmi ta’ awditjar.
5. Fl-interess tat-trasparenza, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha, fejn ikun xieraq, tiżvela pubblikament il-valutazzjoni tagħha tal-kwalità tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-istatistika Ewropea bħala parti mill-eżerċizzju ta’ rappurtar u monitoraġġ tal-konformità.
6. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tqis kif għandha tagħmel il-pubblikazzjonijiet tagħha, partikolarment dawk aċċessibbli permezz tal-websajt tagħha, aktar faċli biex jintużaw għal dawk li mhumiex professjonisti u għandha tippermetti aċċess faċli għal sensiliet ta’ data kompluta u għandha tinkludi grafiki komparattivi li jinftiehmu faċilment ħalli ċ-ċittadini jingħataw aktar valur miżjud. L-aġġornamenti perjodiċi tal-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jipprovdu, fejn ikun possibbli, informazzjoni dwar kull Stat Membru u għandhom joffru sensiliet ta’ data annwali, ta’ kull xahar u fit-tul, fejn ikun xieraq, u fejn il-benefiċċji jkunu akbar mill-ispejjeż tal-ġbir.
Artikolu 6
Stabbiliment tal-prijoritajiet statistiċi
1. Il-programm għandu jiżgura inizjattivi statistiċi li fuqhom ikunu msejsal-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ politiki attwali tal-Unjoni u għandhom jipprovdu appoġġ statistiku għal rekwiżiti importanti li jirriżultaw minn inizjattivi politiċi ġodda tal-Unjoni.
2. Il-Kummissjoni għandha, fit-tħejjija tal-programmi ta’ ħidma annwali msemmija fl-Artikolu 9, tiżgura stabbiliment xieraq ta’ prijoritajiet u rieżami annwali tal-prijoritajiet statistiċi kif ukoll rapport dwarhom. Il-programmi ta’ ħidma annwali b’hekk se jgħinu biex jiġi żgurat li l-istatistika Ewropea tkun tista’ tiġi prodotta fil-limiti tar-riżorsi disponibbli fil-livell nazzjonali u dak tal-Unjoni. Il-prijoritizzazzjoni għandha tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-ispejjeż u l-piżijiet għar-rekwiżiti statistiċi ġodda billi tnaqqas ir-rekwiżiti statistiċi f’setturi eżistenti ta’ statistika Ewropea u għandha tkun segwita f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.
3. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-iżvilupp u l-implimentazjoni ta’ strumenti biex jiġu rieżaminati annwalment il-prijoritajiet tal-attivitajiet statistiċi biex jingħata kontribut għat-tnaqqis tal-ispejjeż u l-piżijiet fuq il-fornituri tad-data u l-produtturi tal-istatistika.
4. Meta jiġu proposti azzjonijiet ġodda jew jiddaħħlu reviżjonijiet estensivi ta’ statistiki eżistenti, il-Kummissjoni għandha tiġġustifika kif xieraq tali azzjonijiet jew reviżjonijiet u tipprovdi informazzjoni b’kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri dwar il-piż tar-rispons u l-ispejjeż tal-produzzjoni skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.
Artikolu 7
Finanzjament
1. Il-pakkett finanzjarju tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-programm għall-2013 għandu jammonta għal EUR 57.3 miljun, kopert bil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007 sal-2013. Il-pakkett finanzjarju tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-programm għall-2014-2017 għandu jammonta għal EUR 234.8 miljuni, kopert bil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014 - 2020.
Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-programm għall-2018 sal-2020 għandu jammonta għal EUR 218,1 miljun, kopert bil-perjodu ta' programmazzjoni 2014 sal-2020.
2. Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni b’konformità mar-Regolament Finanzjarju.
3. Il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni tagħha dwar approprjazzjonijiet annwali b’konformità mal-prerogattivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Artikolu 8
Assistenza amministrattiva u teknika
L-allokazzjoni finanzjarja għall-programm tista’ tkopri l-ispejjeż li jagħmlu parti mill-attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, kontroll, awditjar u evalwazzjoni li huma meħtieġa għall-ġestjoni tal-programm u l-ilħiq tal-għanijiet tiegħu; b’mod partikolari, studji, laqgħat ta’ esperti, spejjeż konnessi mar-rimborż ta’ esperti tal-istatistika, azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, spejjeż konnessi man-netwerks tal-IT li jiffukaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju ta’ informazzjoni, flimkien mal-ispejjeż l-oħra kollha ta’ assistenza teknika u amministrattiva magħmula mill-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-programm. L-allokazzjoni tista’ tkopri wkoll l-assistenza teknika u l-għarfien espert forniti lill-Istati Membri li ma jistgħux jipproduċu ċerta statistika Ewropea jew statistika tal-kwalità meħtieġa minħabba ċirkostanzi speċifiċi.
Artikolu 9
Programmi ta' ħidma annwali
Sabiex timplimenta l-programm, il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta' ħidma annwali li għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 u li għandhom jistabbilixxu l-għanijiet li għandhom jintlaħqu u r-riżultati mistennija, f'konformità mal-objettivi ġenerali u speċifiċi msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li ssir enfasi xierqa fuq azzjonijiet li għandhom l-għan li jippromwovu l-konformità mal-Kodiċi ta' Prattika. Kull programm ta' ħidma annwali għandu jiġi kkomunikat lill-Parlament Ewropew għal skopijiet ta' informazzjoni.
Artikolu 10
Tipi ta’ interventi
Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji min-naħa tal-Unjoni jistgħu jieħdu l-forma ta’ għotjiet, ta’ kuntratti ta’ akkwist pubbliku jew kwalunkwe intervent ieħor meħtieġ għall-finijiet li jintlaħqu l-għanijiet ġenerali u speċifiċi msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2).
Artikolu 11
Azzjonijiet eliġibbli
1. Kontribuzzjoni finanzjarja min-naħa tal-Unjoni għandha tappoġġja l-azzjonijiet għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea għall-finijiet li jintlaħqu l-għanijiet ġenerali u speċifiċi msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2). Għandha tingħata prijorità lill-azzjonijiet b’valur miżjud għoli għall-Unjoni skont l-Artikolu 2.
2. Kontribuzzjoni finanzjarja għall-appoġġ tan-netwerks kollaborattivi, kif imsemmija fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, tista’ tingħata f’forma ta’ għotjiet għal azzjoni u tkopri sa 95 % tal-ispejjeż eliġibbli.
3. Fejn jkun xieraq, jistgħu jingħataw għotjiet li ma jaqbżux il-50 % tal-ispejjeż eleġibbli għall-funzjonament ta’ organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12(3).
4. Bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż magħmula mill-Istati Membri fit-twettiq ta’ azzjonijiet ibbażati fuq il-ġbir ta’ data, tista’ titħallas somma f’daqqa għal kull sett ta’ data, li għalih riżultati kompleti għandhom jiġu mgħoddija lill-Kummissjoni, sakemm jintlaħaq livell limitu definit għal kull ġbir ta’ data. L-ammont tas-somma f’daqqa għandu jiġi definit mill-Kummissjoni billi tiġi kkunsidrata kif xieraq il-kumplessità tal-ġbir tad-data.
Artikolu 12
Benefiċjarji eliġibbli għal għotjiet
1. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 128(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-għotjiet lill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika identifikati fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 jistgħu jingħataw mingħajr sejħa għal proposti.
2. In-netwerks kollaborattivi jistgħu jinvolvu l-benefiċjarji msemmija fil-paragrafu 1 u lil korpi oħra mingħajr sejħa għall-proposti skont l-Artikolu 128(1) ir-Regolament Finanzjarju.
3. L-għotjiet għall-operat imsemmija fl-Artikolu 11(3) jistgħu jingħataw lill-organizzazzjonijiet li jissodisfaw iż-żewġ kriterji li ġejjin:
(a) ma jkunux jagħmlu profitt, ikunu independenti mill-industrija u mill-interessi kummerċjali jew tan-negozju jew interessi kunfliġġenti oħra, u jkollhom bħala għanijiet u attivitajiet prinċipali tagħhom, il-promozzjoni u l-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi tal-Prattika u l-implimentazzjoni ta’ metodi ġodda ta’ produzzjoni ta’ statistika Ewropea li jimmiraw lejn żieda fl-effiċjenza u titjib fil-kwalità, fil-livell tal-Unjoni; u
(b) ikunu taw rendikont sodisfaċenti lill-Kummissjoni tas-sħubija tagħhom, tar-regoli interni u s-sorsi ta’ finanzjament.
Artikolu 13
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa sabiex tiżgura li, meta jiġu implimentati attivitajiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu mħarsa permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' kontrolli effikaċi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti li ma kellhomx jitħallsu u, fejn ikun xieraq, permezz ta' penali amministrattivi u finanzjarji effikaċi, proporzjonati u dissważivi.
2. Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa tal-awditjar, abbażi ta' dokumenti u ta' spezzjonijiet fuq il-post, fuq il-benefiċjarji kollha tal-għotjiet, il-kuntratturi u s-subkuntratturi li rċevew fondi tal-Unjoni skont il-programm.
3. L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 ( 2 ), bl-għan li jiġi stabbilit jekk tkunx twettqet frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'konnessjoni ma' ftehim ta' għotja jew deċiżjoni ta' għotja jew kuntratt iffinanzjat skont il-programm.
4. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta' għotja u deċiżjonijiet ta' għotja li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li b'mod espliċitu jagħtu setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF sabiex iwettqu t-tali awditi u investigazzjonijiet skont il-kompetenza rispettiva tagħhom.
5. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, meta l-implimentazzjoni ta' azzjoni tiġi esternalizzata jew sottodelegata, kollha kemm hi jew parzjalment, jew meta tkun teħtieġ l-għoti ta' kuntratt ta' akkwist jew appoġġ finanzjarju li jingħata lil parti terza, il-kuntratt, il-ftehim ta' għotja jew id-deċiżjoni ta' għotja għandhom jinkludu l-obbligu tal-kuntrattur jew tal-benefiċjarju li jimponi fuq kwalunkwe parti terza involuta l-aċċettazzjoni espliċita ta' dawk is-setgħat tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Awdituri u tal-OLAF.
Artikolu 14
Parteċipazzjoni fil-programm minn pajjiżi terzi
Il-parteċipazzjoni fil-programm għandha tkun miftuħa għal:
(a) il-pajjiżi taż-ŻEE/EFTA, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;
(b) l-Isvizzera, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim tas-26 ta’ Ottubru 2004 bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-istatistika ( 3 ); u
(c) il-pajjiżi li għalihom tapplika l-Politika Ewropea tal-Viċinat, il-pajjiżi li applikaw għal sħubija fl-Unjoni, il-pajjiżi kandidati u dawk aderenti, u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent inklużi fil-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehimiet bilaterali jew multilaterali rispettivi ma’ dawk il-pajjiżi li jistabbilixxu l-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi tal-Unjoni.
Artikolu 15
Evalwazzjoni u rieżami tal-programm
1. Il-Kummissjoni għandha, wara konsultazzjoni mal-KSSE, tissottometti rapport ta’ progress intermedju dwar l-implimentazzjoni tal-Programm lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill sat-30 ta’ Ġunju tal-2015.
2. Mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni, abbażi tar-rapport ta’ progress intermedju msemmi fil-paragrafu 1 u wara li tkun ikkonsultat lill-KSSE, tista’ tressaq proposta għall-estensjoni tal-programm għall-perijodu mill-2018 sal-2020 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, filwaqt li tikkonforma mal-QFP 2014 sa 2020.
2a. Sal-31 ta' Diċembru 2019, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tippreżenta rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni tal-programm lill-ESSC. Dak ir-rapport għandu jinkludi l-fehma tal-Kummissjoni (Eurostat) dwar il-prospetti għall-programm fil-qafas finanzjarju pluriennali li jibda fl-2021. Dak ir-rapport għandu jiġi ppreżentat ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
3. Sal-31 ta' Diċembru 2021, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-ESSC u mal-Kumitat Konsultattiv Ewropew tal-Istatistika, għandha tippreżenta rapport ta' evalwazzjoni finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu, b'mod partikolari, jevalwa:
(a) l-eżitu tar-riprijoritizzazzjoni u l-evalwazzjoni tal-ispejjeż tal-prodotti statistiċi;
(b) l-azzjonijiet meħuda mis-Sistema Ewropea tal-Istatistika biex jitnaqqsu l-ispejjeż ta' produzzjoni u implimentazzjoni għall-Istati Membri u biex jiġi limitat il-piż globali li jirriżulta mill-proġetti u l-oqsma statistiċi koperti minn dan il-programm;
(c) il-progress fuq l-iffaċilitar u l-użu aktar faċli tal-aċċess għall-istatistika uffiċjali, inkluż il-forniment ta' data fuq is-sit web tal-Eurostat; u
(d) l-progress fuq it-titjib tad-disponibbiltà tad-data, inkluż dwar l-attivitajiet li jikkonċernaw l-ekonomija soċjali u dwar l-indikaturi ta' Ewropa 2020.
Artikolu 16
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2013.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS
Infrastruttura statistika u objettivi tal-programm statistiku Ewropew 2013 sal-2020
Introduzzjoni
L-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni tirrikjedi informazzjoni statistika ta' kwalità għolja, komparabbli u affidabbli dwar is-sitwazzjoni ekonomika, soċjali, territorjali u ambjentali fl-Unjoni u l-komponenti tagħha fil-livell nazzjonali u reġjonali. L-istatistika Ewropea hija indispensabbli għall-Unjoni ukoll, billi tippermetti lill-pubbliku ġenerali u liċ-ċittadini Ewropej jifhmu u jieħdu sehem fil-proċess demokratiku u fid-dibattitu dwar l-istat preżenti u dak futur tal-Unjoni.
Il-programm jipprevedi l-qafas leġiżlattiv għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta' statistika Ewropea matul il-perjodu mill-2013 sal-2020.
L-istatistika Ewropea tiġi żviluppata, prodotta u mxerrda taħt il-qafas leġislattiv permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib u kkoordinata fis-Sistema Statistika Ewropea (ESS).
L-istatistika żviluppata, prodotta u disseminata fil-qafas tal-programm tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, kif riflessi fit-TFUE Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin rispettivi tagħha, kif ukoll politiki oħra stabbiliti fil-prijoritajiet strateġiċi tal-Kummissjoni.
Billi l-programm huwa programm multiannwali li jkopri perjodu ta’ ħames snin u s-SSE għandha l-għan li tkun u żżomm ir-rwol tagħha bħala attur ewlieni fil-qasam statistiku, il-programm huwa ambizzjuż f’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni u għanijiet, iżda l-implimentazzjoni tal-programm se ssegwi approċċ ta’ pass wara pass. L-iżvilupp ta’ mekkaniżmu effikaċi għall-istabbiliment tal-prijoritajiet u għas-simplifikazzjoni se jkun għan tal-programm.
Infrastruttura statistika
Il-programm se jistinka biex jistabbilixxi infrastruttura ta’ informazzjoni statistika. Din l-informazzjoni għandha titħejja għall-użu wiesa’ u intensiv ta’ applikazzjonijiet varji.
It-tfassil tal-politika huwa l-mutur tad-deċiżjonijiet sabiex tiġi prodotta statistika Ewropea. Madankollu, din l-istatistika għandha tkun disponibbli u tkun faċilment aċċessibbli wkoll għal dawk l-oħra li jieħdu d-deċiżjonijiet, ir-riċerkaturi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej b’mod ġenerali billi huma jikkostitwixxu beni pubbliku u jitħallsu miċ-ċittadini u n-negozji Ewropej, li għandhom jibbenefikaw bl-istess mod mis-servizzi pprovduti. Sabiex l-infrastruttura tilħaq l-għan tar-rwol tagħha għandha titfassal skont qafas kunċettwali sod, li, min-naħa waħda, jiżgura l-adattezza għal firxa ta’ għanijiet u, min-naħa l-oħra, jippermetti adattament flessibbli għall-ħtiġijiet tal-utenti li se jevolvu fis-snin li ġejjin.
L-infrastruttura ta’ informazzjoni statistika hija ppreżentata hawn taħt:
INFRASTRUTTURA TAL-INFORMAZZJONI STATISTIKA
Didaskalija
Data :
informazzjoni kkompilata minn awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika, abbażi ta’ attivitajiet statistiċi tradizzjonali (stħarriġ ta’ kampjuni, ċensimenti, eċċ.) u data minn sorsi oħra, li tintuża mill-ġdid għal finijiet statistiċi. Din l-informazzjoni titfassal apposta sabiex isservi għall-ħtiġijiet f’oqsma speċifiċi ta’ politika, pereżempju s-suq tax-xogħol, il-migrazzjoni jew l-agrikoltura.
It-terminu jinkludi wkoll id-data miġbura għal finijiet amministrattivi iżda użata minn awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika għal finijiet statistiċi (is-soltu msejħa bħala data minn sorsi amministrattivi).
Sistemi ta’ kontabilità : kontijiet koerenti u integrati, karti tal-bilanċ u tabelli bbażati fuq grupp ta’ regoli li dwarhom ikun intlaħaq ftehim internazzjonali. Qafas ta’ kontabilità jiżgura profil għoli ta’ konsistenza u komparabbiltà; id-data statistika tista’ tiġi kkumpilata u ppreżentata f’format li jitfassal għall-finijiet ta’ analiżi u t-tfassil ta’ politika.
Indikaturi : indikatur huwa miżura sommarja relatata ma’ kwistjoni jew fenomenu ewlenin u li joriġinaw minn serje ta’ fatti osservati. L-indikaturi jistgħu jintużaw sabiex jiżvelaw pożizzjonijiet relattivi jew juru tibdil pożittiv jew negattiv. Ġeneralment, l-indikaturi huma input dirett fil-politiki tal-Unjoni u dawk globali. Fl-oqsma strateġiċi ta’ politika huma importanti sabiex jitwaqqfu miri u jiġi mmonitorjat l-ilħiq tagħhom.
F’din l-iskema globali, il-programm se jiddistingwi wkoll bejn tliet kolonni ta’ informazzjoni statistika: In-Negozju; l-Ewropa tal-Persuni; u Statistika Ġeospazjali, Ambjentali, Agrikola u Statistika Settorjali Oħra.
Il-politiki tal-Unjoni u dawk globali rilevanti huma l-istrumenti li jispeċifikaw ir-rekwiżiti tal-istatistika li għaliha se jirreaġixxi l-programm permezz tal-istruttura mfassla mill-ġdid u l-proċessi korrispondenti ta’ produzzjoni. Għalhekk, kull politika individwali tal-Unjoni u kull politika globali tiġi riflessa fil-komponenti differenti tal-infrastruttura statistika u koperta minn attivitajiet speċifiċi fil-programm. Il-politiki ġodda li jiġu identifikati fis-snin li ġejjin se jiġu koperti bit-twaqqif ta’ mogħdijiet ta’ derivazzjoni ġodda ta’ indikaturi/kontijiet ibbażati fuq id-data statistika prodotta fit-tliet kolonni.
INFORMAZZJONI STATISTIKA – STRUTTURA U DINAMIKI
Għanijiet
L-għan ġenerali tal-programm huwa li s-SSE tibqa’ l-fornitur ewlieni ta’ statistika ta’ kwalità għolja dwar l-Ewropa.
Meta jitqiesu r-riżorsi disponibbli kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-Unjoni u l-piż tar-rispons, l-għanijiet speċifiċi li ġejjin għandhom jintlaħqu fl-azzjonijiet statistiċi mwettqa għall-implimentazzjoni tal-programm:
— Għan 1: il-provvista ta' informazzjoni statistika, f'waqtu u b'mod kosteffiċjenti, mingħajr duplikazzjoni żejda tal-isforzi, għall-appoġġ tal-iżvilupp, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki tal-Unjoni li jirriflettu tajjeb il-prijoritajiet, filwaqt li jinżamm bilanċ bejn l-oqsma ekonomiċi, soċjali, territorjali u ambjentali u jiġu moqdija l-ħtiġijiet tal-firxa wiesgħa ta' utenti tal-istatistika Ewropea, inklużi entitajiet oħra li jieħdu d-deċiżjonijiet, riċerkaturi, negozji u ċittadini Ewropej b'mod ġenerali;
— Għan 2: jimplimenta metodi ġodda ta’ produzzjoni ta’ statistika Ewropea bil-mira li jkun hemm gwadann fl-effiċjenza u titjib tal-kwalità;
— Għan 3: isaħħaħ is-sħubija fis-SSE u lil hinn minnha sabiex tittejjeb iżjed il-produttività tagħha u r-rwol ta’ tmexxija tagħha fl-istatistika uffiċjali madwar id-dinja kollha; u
— Għan 4: jiżgura li din l-istatistika tibqa’ titwettaq b’mod konsistenti tul il-perjodu kollu tal-programm, sakemm dan ma jinterferixxix mal-mekkaniżmi ta’ twaqqif ta’ prijoritajiet tas-SSE.
Dawk l-għanijiet speċifiċi huma maqsuma fl-oqsma prijoritarji differenti deskritti hawn taħt. L-Għanijiet 1 u 4 huma kopert bi “I. Riżultati statistiċi”, l-Għan 2 bi “II. Metodi ta’ produzzjoni ta’ statistika Ewropea” u l-Għan 3 bi “III. Sħubija”.
I. RIŻULTATI STATISTIĊI
1. Indikaturi
1.1. Ewropa 2020
L-approvazzjoni ta' Ewropa 2020 sawret fil-parti l-kbira l-aġenda strateġika għall-Unjoni u l-politiki nazzjonali għas-snin li ġejjin. Fil-qafas ta' dik l-aġenda, ġew maqbula għadd ta' miri u inizjattivi li l-ESS trid tforni indikaturi statistiċi għalihom f'għadd ta' oqsma, bħal: titjib tal-kundizzjonijiet għall-innovazzjoni; riċerka u l-iżvilupp; promozzjoni ta' impjiegi deċenti; promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi; kisba tal-objettivi tal-Unjoni dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima; effiċjenza fir-riżorsi; titjib tal-livelli edukattivi, fosthom it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola; żieda fit-taħriġ vokazzjonali tul il-ħajja u l-mobbiltà tat-tagħlim; tixjiħ attiv u b'saħħtu; promozzjoni tal-inklużjoni soċjali; u tnaqqis tal-faqar. Meta jkun xieraq, tinħtieġ statistika diżaggregata skont is-sessi sabiex wieħed jifhem x'tinvolvi d-diskriminazzjoni sesswali, b'enfasi fuq il-vjolenza sessista.
Il-provvista ta' informazzjoni statistika ta' kwalità għolja, li għandha tkun disponibbli b'mod li jkun f'waqtu għas-Semestru Ewropew, sabiex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni ta' Ewropa 2020. L-indikaturi l-ġodda għandhom, safejn possibbli, ikunu bbażati fuq data statistika disponibbli.
L-għan se jiġi implimentat permezz tad-disponibilità ta’:
— indikaturi ta’ mira ewlenin aġġornati għall-Ewropa 2020 (fil-qasam tal-impjiegi, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni, l-enerġija/it-tibdil fil-klima, l-edukazzjoni, l-ambjent, il-protezzjoni soċjali, l-inklużjoni soċjali u l-faqar) disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni (Eurostat);
— statistika disponibbli għall-appoġġ tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-inizjattivi ewlenin ta’ Ewropa 2020;
— indikaturi addizzjonali bħala input għall-evalwazzjonijiet ex ante u ex post ta’ kwalunkwepolitika ekonomika, soċjali u ambjentali tal-Unjoni; u
— indikaturi dwar l-impjiegi li jiddistingwu bejn xogħol part-time u xogħol full-time u bejn kuntratti ta' terminu fiss u kuntratti permanenti, kif ukoll indikaturi dwar il-qgħad li fihom jitqiesu l-persuni f'politiki ta' attivazzjoni bħat-taħriġ. Dawn l-indikaturi għandhom jinkludu wkoll data dwar id-distakk bejn is-sessi.
1.2. Governanza Ekonomika
Il-kriżi u t-tensjonijiet fis-swieq finanzjarji enfasizzaw il-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika tal-Unjoni. Diġà ttieħdu passi deċiżivi fil-governanza u l-koordinazzjoni ekonomika mill-Unjoni, u xi wħud minnhom se jkollhom implikazzjonijiet statistiċi kbar minbarra l-attivitajiet ta’ statistika li għaddejjin.
L-iżvilupp ta’ informazzjoni statistika ġdida u t-titjib ta’ dik eżistenti rilevanti għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-Unjoni u l-pubbliku ġenerali b’konnessjoni mal-governanza ekonomika msaħħa u integrata tal-Unjoni u ċ-ċiklu tas-sorveljanza li jintegra l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u l-politika ekonomika.
L-għan se jiġi implimentat permezz ta’:
— l-għoti ta’ input statistiku għat-tabella ta’ valutazzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi u l-analiżi sottostanti;
— il-provvista ta' input statistiku għal Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir imtejjeb immirat b'mod speċifiku lejn il-produzzjoni u l-provvediment ta' statistika ta' kwalità għolja dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern;
— l-għoti ta' input statistiku għal monitoraġġ effiċjenti tal-inugwaljanzi ekonomiċi;
— l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ grupp ta’ indikaturi għat-tkejjil tal-kompetittività; u
— l-implimentazzjoni ta’ ġestjoni tal-kwalità soda fil-katina tal-produzzjoni, li tkopri wkoll id-data tal-finanzi pubbliċi upstream u l-flussi tax-xogħol sottostanti fl-Istati Membri.
li l-persuni Ewropej li jieħdu d-deċiżjonijiet jiġu pprovduti bi statistika u indikaturi affidabbli għal finijiet amministrattivi u regolatorji u għall-monitoraġġ tal-impenji speċifiċi tal-politika tal-Unjoni.
L-għan se jiġi implimentat permezz ta’:
— id-definizzjoni tal-ambitu tal-istatistika għal finijiet amministrattivi u regolatorji definiti u li dwarha jkun intlaħaq ftehim mal-utenti; u
— id-definizzjoni, skont kif ikun f’loku, l-implimentazzjoni u l-ispjegazzjoni ta’ qafas sod tal-ġestjoni tal-kwalità għal dawk l-indikaturi.
1.3. Globalizzazzjoni Ekonomika
L-effetti soċjali u ekonomiċi u l-effetti l-oħrajn tal-kriżi finanzjarja, iż-żieda fil-flussi transkonfinali u l-frammentazzjoni tal-proċessi ta’ produzzjoni enfasizzaw il-ħtieġa għal qafas iżjed koerenti u kejl aħjar tal-produzzjoni globalizzata.
It-titjib tal-indikaturi u l-informazzjoni statistika disponibbli dwar il-globalizzazzjoni ekonomika u l-katini ta' valur globali għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Unjoni u għall-pubbliku. Dik l-informazzjoni għandha twassal biex jinftiehem aħjar l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-globalizzazzjoni.
L-għan se jiġi implimentat permezz ta’:
— l-aġġornament ta’ indikaturi eżistenti dwar il-globalizzazzjoni ekonomika disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni (Eurostat);
— l-iżvilupp ta’ indikaturi ġodda dwar il-katini ta’ valur globali, inklużi l-flussi tar-riżorsi naturali u d-dipendenza fuqhom;
— il-provvista ta' data li tippermetti analiżi tal-konsegwenzi pożittivi u negattivi għas-suq tal-Unjoni, b'mod partikolari s-suq tax-xogħol tal-Unjoni;
— l-analiżi tal-katini ta' valur globali, possibilment permezz ta' tabelli xierqa ta' input/riżultati, u l-istatistika dwar il-kummerċ u n-negozju barranin, inkluż il-ħolqien ta' konnessjonijiet ta' mikrodata; u l-koordinazzjoni tar-riżultati ta' din l-analiżi fl-inizjattivi internazzjonali ta' interess għall-Unjoni; u
— l-eżami tal-ħtieġa ta’ riforma tal-kalkolu u l-allokazzjoni ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni finanzjarja.
2. Oqfsa ta' kontabilità
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Awwissu 2009 intitolata “Il-PDG u lil hinn: Inkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel” (“Il-PDG u lil hinn”), u l-pubblikazzjoni tar-Rapport Stiglitz-Sen-Fitoussi dwar il-Kejl tal-Prestazzjoni Ekonomika u l-Progress Soċjali, taw impetu ġdid lill-isfida ewlenija għall-ESS, prinċipalment kif tista' tinkiseb statistika aħjar dwar kwistjonijiet trażversali u statistika iżjed integrata sabiex jiġu deskritti fenomeni soċjali, ambjentali u ekonomiċi kumplessi lil hinn mill-miżuri tradizzjonali tar-riżultati ekonomiċi. Il-ħidma fuq il-PDG u lil hinn fl-ESS tiffoka fuq tliet oqsma ta' prijorità: l-istatistika dwar is-settur tal-unitajiet domestiċi u l-istatistika li tkejjel id-distribuzzjoni tad-dħul, il-konsum u l-ġid; il-kejl tal-kwalità tal-ħajja b'mod multidimensjonali; u l-kejl tas-sostenibbiltà ambjentali. L-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli dinjija ġodda adottati fl-2015 jipprovdu aktar impetu. Is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali u Reġjonali (ESA) toffri qafas integrat u konsistenti għall-istatistika ekonomika kollha li għandha tiġi kkumplimentata minn indikaturi oħra sabiex tingħata informazzjoni iżjed komprensiva għat-tfassil tal-politika u t-teħid ta' deċiżjonijiet. L-implimentazzjoni sħiħa tal-ESA 2010 ser tkun appoġġjata minn valutazzjonijiet regolari tal-kwalità u tal-konformità, billi titqies l-iskadenza progressiva tad-derogi sal-2020, li twassal għal titjib ulterjuri fil-puntwalità u d-disponibbiltà tal-indikaturi.
2.1. Prestazzjoni ekonomika u soċjali
Il-kriżi ekonomika żiedet il-ħtieġa li jkun hemm indikaturi makroekonomiċi ta' kwalità għolja sabiex jiġu mifhuma u analizzati aħjar kemm iċ-ċaqliq ekonomiku kif ukoll sabiex jiġu mifhuma u analizzati aħjar l-evoluzzjoni ta' inugwaljanzi ekonomiċi u l-effetti tagħhom fuq is-soċjetà, biex b'hekk jiġi ffaċilitat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Peress li l-produzzjoni qiegħda ssir dejjem aktar globalizzata, jeħtieġ li jiġi żviluppat qafas konsistenti li jiffaċilita l-interpretazzjoni u l-integrazzjoni tal-istatistika minn oqsma differenti.
Il-kejl tal-prestazzjoni ekonomika jiġi ssupplimentat b’dimensjonijiet differenti tal-globalizzazzjoni, il-kwalità tal-ħajja, l-aċċess għall-beni u għas-servizzi, is-sostenibbiltà ambjentali, is-saħħa, il-benesseri, il-koeżjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali. L-iżvilupp ta’ qafas għall-analiżi tal-produzzjoni globalizzata.
L-għan se jiġi implimentat permezz ta’:
— l-implimentazzjoni u l-kompilazzjoni ta’ kontijiet nazzjonali ta’ kull sena u ta’ kull tliet xhur, kif ukoll kontijiet reġjonali annwali skont is-SEK;
— il-produzzjoni ta' indikaturi dwar id-distribuzzjoni tal-introjtu, tal-konsum u tal-ġid fost l-unitajiet domestiċi, u r-rikonċiljazzjoni tal-aggregati tal-kontijiet nazzjonali mad-data tal-istħarriġ tal-unitajiet domestiċi jew mad-data amministrattiva;
— il-kompilazzjoni ta’ statistika puntwali u ta’ kwalità għolja dwar il-prezzijiet, prinċipalment l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet tal-konsumatur;
— it-tisħiħ ta' rabtiet mal-kontijiet nazzjonali fl-oqsma tal-protezzjoni soċjali, is-saħħa u l-edukazzjoni;
— l-iżvilupp ta' qafas għall-kejl tal-kwalità tal-ħajja, li jsaħħaħ il-perspettiva tal-unitajiet domestiċi fil-kontijiet nazzjonali;
— l-iżvilupp ta' indikaturi relatati mal-“PDG u lil hinn” li jkejlu s-sostenibbiltà ambjentali u l-effetti esterni b'perspettiva ta' kontabilità nazzjonali;
— il-ħolqien ta’ bażi ta’ data għall-kejl tat-tkabbir u l-produttività, b’kunsiderazzjoni tal-bidliet fil-produttività fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat;
— l-iżvilupp ulterjuri ta' indikaturi soċjali f'waqthom, inklużi tekniki avvanzati għal previżjoni immedjata (now-casting) u estimi immedjati;
— l-appoġġ għall-kondiviżjoni tad-data internazzjonali għal data makroekonomika biex jitnaqqas il-piż għall-produtturi tad-data u titjieb id-disponibbiltà ta' data komparabbli u konsistenti għall-utenti;
— l-iżvilupp u l-irfinar ta' indikaturi aggregati tad-dħul u ta' aspetti ta' inugwaljanza fil-ġid;
— il-kejl u l-analiżi tal-inugwaljanza bejn is-sessi, inkluża d-differenza fil-pagi;
— l-iżvilupp ta’ qafas kunċettwali għall-analiżi tal-produzzjoni globalizzata;
— l-iżvilupp ta’ qafas kunċettwali għall-kejl tal-kwalità tal-ħajja u l-benessri; u
— l-allinjament tal-kontabilità u l-kunċetti statistiċi korrispondenti safejn ikun possibbli.
Il-provvista ta’ indikaturi makroekonomiċi u soċjali ewlenin u Indikaturi Ekonomiċi Ewropej Prinċipali (IEEP) bħala grupp koerenti ta’ indikaturi li jindirizzaw ir-rekwiżiti tad-data statistika tal-Unjoni u dik globali u jaġġustaw l-IEEP sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet li qegħdin jevolvu tal-utenti.
L-għan se jiġi implimentat permezz ta’:
— l-iżvilupp ikkoordinat tat-tabelli tal-indikaturi ewlenin makroekonomiċi, soċjali u tal-iżvilupp sostenibbli;
— id-disponibilità ta’ metodoloġija armonizzata għal indikaturi makroekonomiċi u soċjali ewlenin u l-IEEP;
— it-titjib tal-komparabbiltà internazzjonali tal-indikaturi;
— il-forniment ta’ għodod imtejba għall-faċilitazzjoni tal-interpretazzjoni u l-komunikazzjoni tal-indikaturi; u
— id-disponibbiltà u l-estensjoni ta' statistika armonizzata dwar il-prezzijiet tad-djar għall-Istati Membri kollha.
2.2. Sostenibbiltà ambjentali
Il-ħarsien, il-preservazzjoni u t-titjib tal-ambjent għall-ġenerazzjonijiet tal-preżent u dawk tal-futur, kif ukoll il-ġlieda kontra l-effetti tat-tibdil fil-klima, għandhom post għoli ħafna fl-aġenda Ewropea u huma għanijiet tat-Trattati. Il-politika effiċjenti f’dawn l-isferi teħtieġ informazzjoni statistika f’ħafna oqsma.
Il-provvista ta’ kontijiet ambjentali, u statistika dwar it-tibdil fil-klima, b’kunsiderazzjoni tal-iżviluppi internazzjonali f’dan il-qasam.
L-għan ser jiġi implimentat permezz ta':
— l-iżvilupp ulterjuri ta' sistema koerenti ta' kontijiet ambjentali bħala “kontijiet satellita” tal-kontijiet nazzjonali ewlenin, li tipprovdi informazzjoni dwar l-emissjonijiet atmosferiċi, il-konsum tal-enerġija, il-flussi ta' riżorsi naturali, il-kummerċ fil-materja prima, it-tassazzjoni ambjentali u l-infiq fuq il-protezzjoni ambjentali, possibilment bl-inklużjoni tat-tkabbir/tal-akkwist ekoloġiku;
— l-iżvilupp ulterjuri ta' kontijiet sperimentali tal-ekosistemi li jippermettu l-użu ta' data eżistenti, inklużi dawk miġbura mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, bħala parti minn inizjattiva ta' integrazzjoni tad-data fit-tul;
— l-iżvilupp ulterjuri ta' ħidma biex isir użu aħjar minn ġabriet ta' data eżistenti għal statistika relatata mat-tibdil fil-klima; u
— l-iżvilupp ulterjuri ta' indikaturi li jkejlu l-“impronti” ambjentali abbażi ta' data eżistenti.
3. Data
3.1. Negozju
Numru kbir ta’ politiki tal-Unjoni qegħdin jiffukaw fuq impriżi Ewropej. Barra dan, huma responsabbli għall-għoti ta’ data bażika. Fid-dawl ta’ dan, hawn domanda kbira għal statistika kummerċjali f’sens wiesa’ sabiex jiġi appoġġjat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet iżda wkoll sabiex iċ-ċittadini u n-negozji Ewropej jifhmu l-impatt ta’ dawn il-politiki li jiddifferenzjaw bejn l-impriżi l-kbar, mid-caps u l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju li fir-rigward tagħhom tiker il-ħtieġa għal statistika dettaljata u armonizzata. Fl-istess ħin hemm ħtieġa li jitnaqqas il-piż amministrattiv u tar-rapportar.
Żieda tal-effiċjenza u l-effikaċja tal-proċessi ta' produzzjoni tal-istatistika. F'konformità mal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar, il-leġiżlazzjoni eżistenti relatata mal-pilastru tal-istatistika kummerċjali jeħtieġ tiġi simplifikata. F'dan il-kuntest, għandha tingħata konsiderazzjoni xierqa għar-riżorsi limitati disponibbli għall-produtturi u għall-piż globali fuq ir-rispondenti f'konformità mal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) tal-Kummissjoni. Il-provvista ta' statistika ta' kwalità għolja dwar oqsma ewlenin fejn l-impriżi huma ċ-ċentru tal-interess, bħal statistika kummerċjali, indikaturi fuq perjodu qasir, l-investiment tagħhom fil-kapital u l-ħiliet umani, it-tranżazzjonijiet internazzjonali, il-globalizzazzjoni, il-monitoraġġ tas-suq intern, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u t-turiżmu. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għad-disponibbiltà ta' data f'setturi industrijali u tas-servizzi ta' valur miżjud għoli, b'mod partikolari fl-ekonomija ekoloġika, diġitali, kollaborattiva, tas-saħħa, edukattiva u soċjali.
L-għan se jiġi implimentat permezz ta’:
— l-użu mill-ġdid ta' data disponibbli fis-sistema statistika jew fis-soċjetà, l-istabbiliment ta' bażi ġuridika komuni għall-istatistika kummerċjali u l-produzzjoni ta' infrastruttura komuni u ta' għodod komuni;
— l-għoti ta’ informazzjoni statistika u indikaturi dwar negozji fuq bażi annwali u infra-annwali;
— l-għoti ta’ informazzjoni statistika li tiddeskrivi l-pożizzjoni tal-Ewropa fid-dinja u r-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-bqija tad-dinja;
— l-għoti ta’ informazzjoni statistika għall-analiżi ta’ katini ta’ valur globali u l-iżvilupp ta’ Reġistru tal-Grupp tal-Euro bħala s-sinsla għall-ġbir ta’ informazzjoni minn sfera għall-oħra dwar il-globalizzazzjoni;
— l-ibbilanċjar mill-ġdid tal-ġbir tal-istatistika għall-kummerċ f’merkanzija u l-kummerċ f’servizzi b’disponibbiltà mtejba ta’ data dwar servizzi u azzjonijiet sabiex tiġi bbilanċjata mill-ġdid l-informazzjoni statistika dwar is-servizzi u l-beni;
— l-iżvilupp ta’ għodod ta’ monitoraġġ tas-suq intern, bħall-għodda għall-monitoraġġ tal-prezz tal-ikel u l-indikaturi relatati;
— l-għoti ta’ statistika dwar oqsma ewlenin tal-innovazzjoni u l-prestazzjoni tal-R&D permezz ta’ użu estiż ta’ reġistri tal-privattivi u riċerka estiża u użu statistiku ta’ mikrodata individwali;
— l-għoti ta’ statistika dwar il-provvista u d-domanda tat-turiżmu permezz ta’ ġbir ottimizzat ta’ data u data integrata aħjar mit-turiżmu ma’ sferi oħra; u
— l-għoti ta’ statistika dwar l-użu tar-riżorsi u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi abbażi, safejn ikun possibbli, ta’ ġabriet ta’ data eżistenti.
3.2. L-ewropa tal-persuni
Iċ-ċittadini Ewropej huma fil-qalba tal-politiki tal-Unjoni. Konsegwentement, hawn domanda kbira għall-istatistika soċjali fis-sens wiesa’ sabiex jiġi appoġġjat il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u jiġi mmonitorjat l-eżitu tal-politiki soċjali, iżda wkoll sabiex iċ-ċittadini Ewropej jiġu megħjuna jevalwaw l-impatt ta’ dawn il-politiki fuq ħajjithom u fuq il-benessri tagħhom.
Il-provvista ta' statistika dwar l-oqsma ewlenin ta' politika soċjali fejn iċ-ċittadin ikun iċ-ċentru tal-interess, bħal: il-benesseri; is-sostenibbiltà; il-koeżjoni soċjali; il-faqar; l-inugwaljanzi;, l-isfidi demografiċi b'mod partikolari t-tixjiħ tal-popolazzjoni, id-depopolazzjoni, it-tixrid tal-popolazzjoni u l-migrazzjoni; is-suq tax-xogħol; l-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi l-edukazzjoni tul it-tfulija, it-tagħlim tal-adulti, it-taħriġ vokazzjonali u l-mobbiltà tat-tagħlim taż-żgħażagħ; il-kultura; l-attività fiżika; il-kwalità tal-ħajja; is-sikurezza; is-saħħa; id-diżabbiltà; il-konsum; il-moviment ħieles u s-suq intern; il-mobbiltà taż-żgħażagħ; l-innovazzjoni teknoloġika u għażliet ta' stili ġodda ta' ħajja. Fejn ikun xieraq, dik l-istatistika għandha tiġi diżaggregata skont is-sess, għal gruppi li jkunu ta' interess speċjali għal dawk li jfasslu l-politika soċjali. Il-prijoritajiet għandhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 6. F'konformità mal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar, il-leġiżlazzjoni eżistenti relatata mal-pilastru tal-istatistika soċjali jeħtieġ tiġi simplifikata. F'dan il-kuntest, jenħtieġ li tingħata konsiderazzjoni xierqa għar-riżorsi — limitati — disponibbli għall-produtturi u għall-piż globali fuq ir-rispondenti f'konformità mar- REFIT.
L-għan se jiġi implimentat permezz ta’:
— it-tħaddim ta’ infrastruttura bażika kkonsolidata għall-Istatistika Soċjali Ewropea, inklużi stħarriġ u l-ġbir ta’ data bbażat fuq l-amministrazzjoni u sett komuni ta’ varjanti ewlenin;
— l-iżvilupp ta’ servejs soċjali ewlenin li jipprovdu data (inkluż mikrodata) dwar persuni u unitajiet domestiċi simplifikata u kkumplimentata b’ġabriet addizzjonali u inqas frekwenti ta’ data;
— l-iżvilupp ta’ statistika pprovduta dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi razzjonalizzazzjoni u modernizzazzjoni tal-Istħarriġ dwar l-Edukazzjoni tal-Adulti;
— il-provvista ta' statistika dwar l-inugwaljanzi tal-introjtu, b'indikaturi bħall-koeffiċjent Gini u l-evoluzzjoni tad-deċili superjuri tad-distribuzzjoni tal-introjtu, li tipprovdi indikatur ewlieni nazzjonali paragunabbli, kif ukoll data dwar l-inugwaljanzi tal-aċċess għal beni u servizzi bażiċi;
— ħidma metodoloġika statistika dwar l-attività fiżika u l-kultura;
— il-provvista ta’ statistika dwar is-sigurtà mill-kriminalità; is-saħħa, kif maqbul skont ir-Regolament qafas (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol ( 4 ); u d-diżabbiltà;
— l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet tal-programm ta' ħidma dwar l-integrazzjoni tal-istatistika dwar il-migrazzjoni billi jitqiesu l-isfidi ġodda, b'mod partikolari l-iżviluppi internazzjonali;
— il-forniment ta' projezzjonijiet tal-popolazzjoni u tal-aġġornamenti annwali tagħhom;
— l-iżvilupp ta' indikaturi komprensivi dwar is-sitwazzjoni tal-migranti fl-Unjoni;
— kooperazzjoni ulterjuri ma' aġenziji u organiżżazzjonijiet speċjalizzati dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati;
— l-iżvilupp ta' metodoloġija għal stħarriġ fuq bażi volontarja dwar il-vjolenza ta' natura sessista, f'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji Ewropej li jaħdmu f'dan il-qasam;
— it-twaqqif ta' bażi ġuridika komuni għall-istatistika soċjali u l-produzzjoni ta' infrastruttura u għodod komuni;
— il-forniment ta’ indikaturi tal-kwalità tal-ħajja sabiex jitkejjel il-progress tas-soċjetajiet; u
— il-bidu tal-preparazzjonijiet tar-rawnd li jmiss taċ-ċensiment (skedat għall-2021).
3.3. Statistika ġeospazjali, ambjentali, agrikola u statistika settorjali oħra
Il-kombinazzjoni ta’ statistika ma’ data b’referenzi spazjali u analiżi ġeospazjali se toffri opportunitajiet ġodda li s-SSE se tkompli tesplora. Jeħtieġ li kwistjonijiet speċifiċi, bħall-kunfidenzjalità u l-validità statistika ta’ stimi ta’ erjas żgħar, jingħataw attenzjoni partikolari.
L-istatistika dwar l-enerġija u t-trasport għall-appoġġ ta’ Ewropa 2020 u l-politika dwar it-tibdil fil-klima se jkunu ta’ importanza kbira fil-futur.
L-agrikoltura se tibqa' qasam ta' politika importanti tal-Unjoni. Il-Politika Agrikola Komuni tenfasiżża l-ħtieġa għal produzzjoni vijabbli tal-ikel, għal ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-azzjoni dwar il-klima u għal żvilupp territorjali bbilanċjat, li huma l-għanijiet prinċipali ta' dik il-politika. L-enfasi ser ikun fuq id-dimensjonijiet ambjentali, dawk relatati mal-bijodiversità/l-ekosistema, dawk ekonomiċi, tas-saħħa u s-sikurezza tal-bnedmin u dawk soċjali.
L-appoġġ għat-tfassil ta' politika abbażi tal-evidenza b'użu iżjed flessibbli u użu akbar ta' informazzjoni spazjali kkombinata ma' informazzjoni statistika soċjali, territorjali, ekonomika u ambjentali għal reġjuni, tipoloġiji reġjonali, bliet u l-grad tal-urbanizzazzjoni.
L-għan se jiġi implimentat permezz ta’:
— l-iżvilupp ulterjuri, il-manutenzjoni u t-tħaddim tal-Infrastruttura għall-Informazzjoni Spazjali fil-Komunità Ewropea (INSPIRE), stabbilita bid-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropw u tal-Kunsill ( 5 ), u b’mod partikolari permezz tal-ġeoportal tal-Unjoni;
— id-disponibbiltà ta’ firxa ta’ informazzjoni ġeografika permezz ta’ kooperazzjoni mal-programmi tal-Unjoni għall-istħarriġ dwar l-użu tal-art u t-telerilevament; u
— l-integrazzjoni ta’ data statistika meta tkun rilevanti, u b’hekk tinħoloq infrastruttura flessibbli ta’ ħafna sorsi għall-għoti ta’ analiżi spazjotemporali mmirata;
— l-implimentazzjoni tal-użu tal-istatistika dwar l-użu tal-artijiet u l-kopertura tal-artijiet; u
— il-koordinazzjoni ta' data statistika għal reġjuni, bliet u tipoloġiji territorjali.
Il-provvista ta’ statistika ambjentali għall-appoġġ tal-proċess tat-tfassil tal-politika tal-Unjoni.
L-għan se jiġi implimentat permezz ta’:
— Grupp ta’ statistika ambjentali ewlenija dwar riżorsi, bħal dawk dwar l-iskart u r-riċiklaġġ, l-ilma, id-depożiti tal-materji primi, is-servizzi tal-ekosistemi u l-bijodiversità fuq livell nazzjonali u, fejn possibbli, dak reġjonali, u grupp ta’ statistika ewlenija relatata mat-tibdil fil-klima għall-appoġġ tal-azzjonijiet u l-politiki ta’ mitigazzjoni u adattament fil-livelli rilevanti kollha, minn dak lokali għal-livell tal-Unjoni.
Il-provvista ta’ statistika dwar l-enerġija u t-trasport għall-appoġġ tal-politiki tal-Unjoni.
F'konformità mal-prijorità tal-“Unjoni Ewropea tal-Enerġija” tal-Kummissjoni, u kemm jista' jkun abbażi tad-data eżistenti, se ssir enfasi partikolari fuq l-istatistika relatata mal-konsum tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika, is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, id-dipendenza enerġetika, l-aspetti relatati mal-faqar enerġetiku u s-sigurtà tal-provvista u l-ekonomija ċirkolari. Barra minn hekk, l-istatistika dwar l-enerġija jeħtieġ li tappoġġja l-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 li għandu l-għan li jagħmel is-sistema tal-ekonomija u tal-enerġija tal-Unjoni aktar kompetittiva, sigura u sostenibbli.
L-għan se jiġi implimentat permezz tal-produzzjoni u t-tixrid ta’ statistika dwar:
— l-enerġija rinnovabbli;
— it-tnaqqis fil-konsum enerġetiku/l-effiċjenza enerġetika; u
— is-sikurezza tat-trasport, il-mobilità tal-passiġġieri, il-kejl tat-traffiku fit-toroq u t-trasport intermodali tal-merkanzija; u
— id-dipendenza enerġetika u s-sigurtà tal-provvista.
Il-provvista ta' statistika dwar l-agrikoltura, l-industrija tas-sajd u l-forestrija għall-iżvilupp u l-monitoraġġ tal-Politiki Komuni dwar l-Agrikoltura u s-Sajd, li tirrifletti l-objettivi strateġiċi ewlenin tal-Unjoni relatati mas-sostenibbiltà, kif ukoll mal-iżvilupp rurali, bit-twettiq ta' attivitajiet regolari relatati mal-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika. F'konformità mal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar, il-leġiżlazzjoni eżistenti relatata mal-pilastru tal-istatistika agrikola jeħtieġ tiġi simplifikata. F'dan il-kuntest, għandha tingħata konsiderazzjoni xierqa għar-riżorsi limitati għall-produtturi u għall-piż globali fuq ir-rispondenti f'konformità mar-REFIT.
L-għan se jiġi implimentat permezz ta’:
— l-analiżi u s-simplifikazzjoni tal-ġbir ta’ data dwar l-agrikoltura b’konformità mal-analiżi tal-Politika Agrikola Komuni ta’ wara l-2013;
— it-tfassil mill-ġdid ta’ proċessi tal-ġbir ta’ data dwar l-agrikoltura, b’mod partikolari bl-għan li jittejbu l-kwalità u l-puntwalità tad-data mogħtija;
— l-analiżi komprensiva tas-sistema tal-ġestjoni tad-data dwar l-użu/kopertura tal-art u l-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ sistema ġdida fuq dik il-bażi;
— l-implimentazzjoni ta’ sistema tal-ġbir tad-data għal infdikaturi agroambjentali koerenti, fejn possibbli abbażi ta’ data eżistenti;
— il-provvista ta’ analiżi statistika adegwata skont ir-reġjun; u
— l-implimentazzjoni u d-disseminazzjoni ta’ ġabra ta’ data ewlenija dwar il-forestrija minn Kontabilità Ambjentali u Ekonomika Integrata għall-Forestrija, bħall-erja tal-foresta, il-volum u l-valur tas-siġar wieqfa u kontijiet ekonomiċi għall-forestrija u t-tqattigħ tal-injam;
— it-tħejjija u l-implimentazzjoni taċ-ċensiment agrikolu previst għall-2020; u
— lit-twaqqif ta' bażi ġuridika komuni għall-istatistika relatata mal-agrikolatura u l-produzzjoni ta' infrastruttura u għodod komuni.
II. METODI TA’ PRODUZZJONI TAL-ISTATISTIKA EWROPEA
Attwalment l-ESS qiegħda tiffaċċja numru ta' sfidi. L-aspettattivi dwar il-kamp ta' applikazzjoni, il-kwalità u l-komparabbiltà tal-istatistika Ewropea qed jiżdiedu. Bil-globalizzazzjoni, ħarġet realtà kumplessa li jeħtieġ li tiġi riflessa fl-istatistika uffiċjali u tqajjem sfidi metodoloġiċi. Id-disponibbiltà dejjem tiżdied tad-data minn fornituri privati u pubbliċi toffri l-potenzjal għal titjib fil-puntwalità u r-rilevanza tal-istatistika uffiċjali kif ukoll biex jitnaqqas il-piż tar-rispons. Biex tiffaċċja dawn l-isfidi, fl-istess waqt li qed taffronta restrizzjonijiet fuq ir-riżorsi, l-ESS b'mod gradwali ser timplimenta l-għanijiet strateġiċi definiti fil-Viżjoni 2020 tal-ESS, billi tibni fuq approċċ olistiku biex tikseb titjib fil-kwalità u fl-effiċjenza:
— biex tinvolvi ruħha b'mod proattiv fi djalogu regolari mal-utenti biex tifhem b'mod aktar profond il-ħtiġijiet tagħhom, filwaqt li tirrikonoxxi li gruppi ta' utenti differenti għandhom ħtiġijiet differenti li jeħtieġ li jiġu indirizzati b'mod korrett;
— biex tipprovdi prodotti u servizzi ta' kwalità għolja u tapplika approċċ ta' kwalità għall-ġestjoni, l-organizzazzjoni, u l-governanza tal-ESS;
— biex tibbaża prodotti u servizzi tal-istatistika kemm fuq stħarriġ tradizzjonali kif ukoll fuq sorsi oħra, fosthom data amministrattiva, ġeospazjali u, fejn possibbli, big data;
— biex tikseb aċċess għal sorsi tad-data ġodda, toħloq metodi u ssib teknoloġija xierqa sabiex tuża dawn is-sorsi tad-data biex tipproduċi statistika Ewropea b'mod affidabbli;
— biex ittejjeb l-effiċjenza tal-produzzjoni statistika billi tintensifika aktar il-kondiviżjoni tal-għarfien, l-esperjenzi u l-metodoloġiji iżda wkoll billi tikkondividi l-għodod, id-data, is-servizzi u r-riżorsi fejn xieraq u debitament ġustifikat. Il-kollaborazzjoni ser tkun ibbażata fuq standards maqbula u elementi komuni ta' infrastruttura teknoloġika u tal-istatistika;
— biex timplimenta strateġija ta' disseminazzjoni u komunikazzjoni għall-istatistika Ewropea li tkun flessibbli biżżejjed biex tadatta għal teknoloġiji emerġenti, tagħti gwida f'dinja ta' rivoluzzjoni tad-data u sservi ta' pilastru affidabbli għad-demokrazija.
1. Ġestjoni tal-kwalità tas-SSE
L-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità fis-SSE ibbażata fuq il-Kodiċi tal-Prattika,
It-tisħiħ tal-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba fl-implimentazzjoni tal-Kodiċi tal-Prattika u l-iżgurar li r-rapportar ta’ kwalità jkollu fil-mira tiegħu ħtiġijiet differenti tal-utenti.
L-għan se jiġi implimentat permezz ta’:
— l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ta' assigurazzjoni tal-kwalità ġdid, integrat, effettiv u adatt għall-iskop ibbażat fuq il-Kodiċi ta' Prattika u l-Qafas tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità tas-ESS;
— il-valutazzjoni tal-konformità mal-Kodiċi ta' Prattika;
— l-allinjament tal-oqfsa tal-garanzija tal-kwalità tas-SSE u tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (ESCB);
— il-qadi tal-ħtiġijiet tal-utenti għal rappurtar ta’ kwalità; u
— l-istandardizzazzjoni ta’ rapporti ta’ kwalità f’diversi oqsma ta’ statistika fil-livell tal-Unjoni.
2. It-twaqqif ta’ prijoritajiet u s-simplifikazzjoni
Is-SSE qiegħda tħabbat wiċċha ma’ sfida kbira: kif tipprovdi statistika Ewropea ta’ kwalità għolja għas-sodisfazzjoni ta’ ħtiġijiet għal statistika li dejjem qiegħda tikber f’kuntest ta’ baġits tal-Istati Membri mnaqqsa b’mod sostanzjali u politika tar-riżorsi umani ta’ tkabbir żero fil-Kummissjoni u fl-Istati Membri li, għal xi korpi, se twassal għal tnaqqis reali fir-riżorsi umani. B’kunsiderazzjoni ta’ dawn il-limiti ta’ riżorsi fuq livell Ewropew u dak nazzjonali, huwa importanti li l-miżuri ta’ twaqqif ta’ prijoritajiet u simplifikazzjoni jissaħħu, u għal dan jeħtieġ l-impenn tas-sħab kollha tas-SSE. Ġie introdott mekkaniżmu ta’ twaqqif ta’ prijoritajiet bħala parti integrata tal-preparazzjoni ta’ Programmi ta’ Ħidma Annwali u se jiġi implimentat matul il-perjodu kollu tal-programm. Dan jinvolvi, fost affarijiet oħra, analiżi annwali tar-rekwiżiti statistiċi eżistenti, li toriġina minn inizjattivi proposti mill-Kummissjoni għat-tnaqqis tar-rekwiżiti ta’ statistika b’kunsiderazzjoni tal-interessi tal-utenti, il-produtturi u r-rispondenti. Il-proċess għandu jitwettaqf’kooperazzjoni mill-qrib kemm mal-utenti kif ukoll ma’ min jipproduċi l-istatistika Ewropea.
L-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ twaqqif ta’ prijoritajiet għas-SSE sabiex jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti ta’ rapportar sabiex isir aġġustament għal ħtiġijiet ġodda għal statistika waqt li jiġu kkunsidrati l-limiti tal-produtturi u l-piż tar-rispons u l-ħtiġijiet tal-utenti.
L-għan se jiġi implimentat permezz ta’:
— id-definizzjoni ta’ prijoritajiet u l-allokazzjoni ta’ riżorsi skont dawk il-prijoritajiet;
— id-definizzjoni ta’ prijoritajiet għas-SSE bħala parti mill-programm ta’ ħidma annwali msemmi fl-Artikolu 9;
— il-qies tar-riżultati tal-konsultazjzonijiet tal-utenti u tal-produtturi fil-programm ta’ ħidma annwali; u
— il-komunikazzjoni, lill-utenti, tal-oqsma tal-istatistika li għandhom jiġu ssimplifikati u l-ġbir ta’ data li għandu jitnaqqas/jinġieb fi tmiemu.
3. Statistika ta’ ħafna għanijiet u gwadann fl-effiċjenza fil-produzzjoni
L-implimentazzjoni gradwali, b’kont meħud tal-ispejjeż ġenerati fis-SSE mill-implimentazzjoni, ta’ arkitettura ta’ negozju tas-SSE li tippermetti produzzjoni iżjed integrata tal-istatistika Ewropea; l-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni ta’ metodi ta’ produzzjoni ta’ statistika u metadata; it-titjib tal-integrazzjoni orizzontali (mal-isferi statistiċi kollha) u vertikali (mal-imsieħba tas-SSE kollha) tal-proċessi ta’ produzzjoni statistika fis-SSE rigward il-prinċipju tas-sussidjarjetà; l-użu u l-integrazzjoni ta’ sorsi multipli ta’ data; il-produzzjoni ta’ statistiċi għal ħafna għanijiet. Sejra tingħata attenzjoni partikolari għal kwestjonijiet ta’ kunfidenzjalità li se jqumu b’aktar użu, riutilizzazzjoni u skambju ta’ mikrodata u reġistri amministrattivi.
L-għan se jiġi implimentat permezz ta’:
— iktar użu ta’ data amministrattiva xierqa fl-oqsma statistiċi kollha;
— l-identifikazzjoni u l-użu ta’ sorsi ġodda ta’ data għal statistika Ewropea;
— iżjed involviment tal-Kummissjoni (Eurostat) u ta’ awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika fit-tfassil tar-rekords amministrattivi;
— użu usa’ ta’ tqabbil statistiku u tekniki għall-konnessjoni ta’ data sabiex tiżdied l-offerta tal-istatistika Ewropea;
— l-użu tal-approċċ Ewropew għall-istatistika għal rispons ta’ politika rapidu f’każijiet speċifiċi u debitament ġustifikati;
— iżjed integrazzjoni ta’ proċessi ta’ produzzjoni ta’ statistika Ewropea permezz ta’ azzjonijiet ikkoordinati tas-SSE;
— iżjed armonizzazzjoni ta’ kunċetti statistiċi f’oqsma differenti tal-istatistika;
— l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ infrastruttura ta’ referenza flessibbli tal-IT u standards tekniċi għat-titjib tal-interoperabilità, il-kondiviżjoni ta’ data u metadata, u mmudellar komuni ta’ data;
— l-użu ta’ għodod standard tal-IT matul il-proċessi statistiċi ta’ negozju;
— l-iżvilupp ta’ standards metodoloġiċi sabiex jiżdied l-użu u d-disponibbiltà ta’ metodoloġiji armonizzati (inklużi approċċi ta’ moduli mħallta għall-ġbir ta’ data) u metadata armonizzata;
— it-tisħiħ tar-rwol tar-reġistri statistiċi ta’ negozju bħala l-post fejn l-unitajiet statistiċi għall-istatistika kollha relatati man-negozju jinżammu u jintużaw bħala sors għal kontijiet nazzjonali; u
— it-titjib tal-provvista tal-metadata, jiġifieri informazzjoni ta’ sfond dwar kif id-data tinġabar, il-kwalità tad-data u dwar kif id-data ssir tinftiehem aktar faċilment mill-utenti.
L-iżgurar tal-funzjonament tajjeb u l-koerenza tas-SSE permezz ta’ kollaborazzjoni u komunikazzjoni effikaċi.
L-għan se jiġi implimentat permezz ta’:
— appoġġ effikaċi u effiċjenti għal sħubija fis-SSE;
— id-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proċessi għall-kondiviżjoni tal-piżijiet u tax-xogħol fis-SSE; u
— l-iżvilupp ulterjuri ta’ netwerks kollaborattivi u li dawn isiru operattivi.
4. Tixrid u komunikazzjoni
Iċ-ċittadini Ewropej għandhom ikunu jistgħu jiksbu faċilment u mingħajr xkiel statistika Ewropea sabiex ikunu jistgħu jużaw din id-data għall-edukazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom. Dan l-objettiv se jiġi implimentat permezz tat-tisħiħ tal-faċilità tal-użu tal-istatistika Ewropea u billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għad-data. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-irkuprabilità u l-konvertibbiltà faċli tad-data statistika għall-użu prattiku, inkluż permezz ta' graffs u mapep. Iżjed ċittadini għandhom jibbenefikaw mill-istatistika Ewropea u b'hekk jingħata kontribut effikaċi għat-tisħiħ tad-disseminazzjoni ta' informazzjoni statistika fis-soċjetà kollha.
Li s-SSE ssir l-ewwel sors ta’ data dwar l-istatistika Ewropea għall-utenti kollha u, b’mod partikolari, għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fis-settur pubbliku u dak privat, bil-provvista ta’ servizz ta’ informazzjoni statistika ta’ kwalità bbażat fuq il-prinċipji ta’ aċċess ħieles u faċli għal statistika Ewropea.
L-intesifikazzjoni u l-estensjoni tad-djalogu bejn l-utenti u l-produtturi ta’ statistika sabiex jinqdew il-ħtiġijiet tal-utenti għal statistika ta’ kwalità. L-involviment bikri tal-utenti fl-iżviluppi l-ġodda huwa fattur ewlieni sabiex jittejbu l-effikaċja u l-effiċjenza tas-SSE.
L-estensjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-firxa ta’ prodotti ta’ tixrid sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-utenti li jkunu qegħdin jużaw teknoloġiji ġodda.
It-twaqqif ta’ infrastruttura effiċjenti meta mqabbla mal-ispiża, integrata u sigura fi ħdan l-SSE għal aċċess għal data kunfidenzjali ta’ statistika uffiċjali għall-finijiet xjentifiċi.
L-għan se jiġi implimentat permezz ta’:
— ir-rikonoxximent tas-SSE bħala l-ewwel punt ta’ referenza għall-utenti ta’ statistika Ewropea;
— l-implimentazzjoni ta’ infrastruttura sigura integrata għall-aċċess għall-mikrodata tal-Unjoni;
— l-implimentazzjoni ta’ sistema li tindirizza t-talbiet tal-utenti għal aċċess immedjat u parir fl-interpretazzjoni ta’ informazzjoni statistika;
— l-aġġustament ta’ prodotti ta’ disseminazzjoni għall-ħtiġijiet tal-utenti bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda;
— numru ikbar ta’ riżultati statistiċi dwar kwistjonijiet trażversali;
— l-użu akbar ta’ teknoloġiji ġodda ta’ komunikazzjoni u tixrid (eż. dawk ibbażati fuq SDMX);
— offerta akbar ta’ ġabriet ta’ mikrodata għall-finijiet ta’ riċerka statistika f’ konformita’ mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar il-kunfidenzjalita tad-data; u
— it-tħejjija ta’ ġabriet tad-data biex jiffaċilitaw l-użu ta’ data statistika għal finijiet edukattivi u ta’ riċerka; u
— l-identifikazzjoni ta' rekwiżiti tad-data attwali u futuri biex jiġu offruti prodotti u servizzi tad-data bi skop multiplu u mfassla apposta għall-utent finali.
5. Taħriġ, innovazzjoni u riċerka
Is-sodisfazzjon ta’ ħtiġijiet ta’ tagħlim u żvilupp fis-SSE bbażati fuq kombinazzjoni ta’ korsijiet ta’ taħriġ u opportunitajiet ta’ tagħlim u żvilupp.
It-titjib tal-kollaborazzjoni bejn il-membri tas-SSE għat-trasferiment ta’ għarfien u l-kondiviżjoni u l-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki u approċċi innovattivi komuni fil-produzzjoni tal-istatistika.
L-organizzazzjoni tal-attivitajiet, il-parteċipazzjoni u l-kontribuzzjoni tal-komunitajiet ta’ riċerka fit-titjib tal-linji ta’ produzzjoni statistika u tal-kwalità tal-informazzjoni statistika uffiċjali.
L-għan se jiġi implimentat permezz ta’:
— l-iżvilupp ta’ lawrja postgradwatorja (eż. Masters fl-Istatistika Uffiċjali);
— il-provvista ta’ programmi ta’ taħriġ li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-utenti u ta’ ċittadini oħra;
— l-applikazzjoni usa’ ta’ riżultati ta’ proġetti ta’ riċerka dwar il-produzzjoni u t-tixrid ta’ statistika;
— l-analiżi tal-ħtiġijiet għal ħiliet ġodda relatati max-xjenza tad-data u l-integrazzjoni tagħhom fi programmi ta' taħriġ;
— ir-rikonoxximent tas-SSE bħala punt ta’ referenza għall-komunitajiet tar-riċerka statistika;
— l-involviment estensiv tal-komunitajiet ta’ riċerka f’attivitajiet ta’ riċerka fi statistika uffiċjali; u
— l-impliemtazzjoni ta’ strumenti adegwati għall-iskambju ta’ prattiki u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet komuni fis-SSE.
III. SĦUBIJA
1. Sħubija fis-SSE u lil hinn minnha
Fl-ispirtu ta ‘sħubija, l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika u l-Kummissjoni (Eurostat) huma responsabbli għall-iżvilupp, produzzjoni u tixrid ta’ statistika Ewropea.
L-implimentazzjoni tal-qafas imtejjeb tal-governanza tas-SSE.
L-għan se jiġi implimentat permezz tal-implimentazzjoni tar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 u tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/504/UE tas-17 ta’ Settembru 2012 dwar l-Eurostat ( 6 );
It-titjib tar-rwol ta’ koordinazzjoni tal-Kummissjoni (Eurostat) bħala l-Uffiċċju Statistiku tal-Unjoni Ewropea.
L-għan se jiġi implimentat permezz ta’:
— l-assoċjazzjoni tal-Kummissjoni (Eurostat) mal-inizjattivi kollha tal-Kummissjoni rigward l-aspetti statistiċi fi stadju bikri; u
— l-organizzazzjoni ta’ djalogi regolari bejn il-partijiet interessati fl-ogħla livell ta’ maniġment.
It-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-ESCB u mal-organizzazzjonijiet Ewropej u dawk internazzjonali involuti fil-produzzjoni ta’ data għall-finijiet statistiċi jew amministrattivi permezz ta’ proġetti komuni u żviluppi kkoordinati. L-iżgurar ta’ konsistenza bejn l-istandards Ewropej u dawk internazzjonali.
L-għan se jiġi implimentat permezz ta’:
— l-implimentazzjoni ta’ qafas ta’ kwalità komuni għas-SSE u l-ESCB;
— iktar involviment tal-Kummissjoni (Eurostat) fi gruppi konsultattivi internazzjonali;
— id-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ modi ġodda ta’ kooperazzjoni bil-għan li jkun żgurat li żviluppi statistiċi jkunu kkoordinati tajjeb bejn organizzazzjonijiet internazzjonali u li x-xogħol ikun allokat b’mod effiċjenti; u
— l-implimentazzjoni tal-manwali tas-Sistema tal-Kontijiet Nazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-ESA, tas-Sistema tal-Kontijiet Ambjentali u Ekonomiċi tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Kontijiet Ambjentali u Ekonomiċi Ewropej, u tal-Bilanċi tal-Pagamenti.
Il-promozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet ta’ konsulenza statistika u ta’ assistenza statistika f’pajjiżi barra l-Unjoni b’konformità mal-prijoritajiet tal-politika barranija tal-Unjoni, b’enfasi partikolari fuq it-tkabbir u l-Politika Ewropea tal-Viċinat.
L-għan se jiġi implimentat permezz ta’:
— l-eżerċitar ta’ rwol mexxej tas-SSE fl-arena internazzjonali;
— il-provvista ta’ data ta’ kwalità għall-finijiet tal-politika barranija tal-Unjoni;
— l-appoġġ għas-servizzi tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ żvilupp u ta’ kooperazzjoni internazzjonali, fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u fi kwistjonijiet ta’ interess statistiku komuni ma’ reġjuni ta’ pajjiżi terzi jew ma’ pajjiżi terzi;
— id-disseminazzjoni ta’ data statistika rilevanti għall-appoġġ tal-proċess u n-negozjati ta’ tkabbir;
— iż-żieda fl-għarfien taċ-ċittadini Ewropej dwar l-importanza ta' statistika uffiċjali u l-komunikazzjoni ta' din l-istatistika lill-partijiet interessati kollha billi jiġi ċċelebrat il-Jum Ewropew tal-Istatistika fl-20 ta' Ottubru ta' kull sena;
— id-disseminazzjoni ta' data statistika rilevanti biex tappoġġja l-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni rispettivi;
— il-promozzjoni ta' valuri u inizjattivi Ewropej bħall-Kodiċi ta' Prattika, l-Oqfsa tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità tal-ESS, u l-approċċi ta' standardizzazzjoni u armonizzazzjoni għar-reġjuni u l-pajjiżi terzi;
— il-minimizzazzjoni ta’ talbiet għal derogi minn Stati Membri ġodda li jwasslu għal nuqqas ta’ disponibbiltà tad-data;
— l-istabbiliment ta’ ftehimiet u Memoranda ta’ Ftehim ma’ pajjiżi terzi;
— it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ kooperazzjoni teknika;
— assistenza teknika ffukata fuq l-armonizzazzjoni u l-provvista tad-data; u
— it-titjib ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni fost il-membri tas-SSE.
( 1 ) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
( 2 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).
( 3 ) ĠU L 90, 28.3.2006, p. 2.
( 4 ) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 70.
( 5 ) ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1.
( 6 ) ĠU L 251, 18.9.2012, p. 49.