European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1836

27.7.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/1836

tal-24 ta’ Lulju 2026

li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (1).

(2)

F’konformità mal-Artikoli 26(1) u (3) tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK, il-Kunsill eżamina mill-ġdid il-lista ta’ persuni u entitajiet iddeżinjati li tinsab fl-Anness II ta’ dik id-Deċiżjoni.

(3)

Il-Kunsill ikkonkluda li jenħtieġ li l-entrati li jikkonċernaw tliet persuni ddeżinjati fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK jitneħħew minn dak l-Anness. Jenħtieġ li l-miżuri restrittivi kontra l-persuni u l-entitajiet l-oħra kollha ddeżinjati fl-Anness II jinżammu u jenħtieġ li entrata waħda dwar entità inkluża fih tiġi aġġornata.

(4)

Għalhekk jenħtieġ, li d-Deċiżjoni 2010/413/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

T. BYRNE


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, 27.7.2010, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/413/oj).


ANNESS

L-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK huwa emendat kif ġej:

(1)

taħt l-intestatura “I. Persuni u entitajiet involuti fl-attivitajiet nukleari jew tal-missili ballistiċi u persuni u entitajiet li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran.”, is-subintestatura “B. Entitajiet”, l-entrata 92 hija sostitwita b’dan li ġej:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“92.

Research Centre for Explosion and Impact (magħruf ukoll bħala METFAZ)

44, 180th Street West, Tehran, 16539-75751

Ir-Research Centre for Explosion and Impact (METFAZ) huwa sussidjarja tal-Organisation of Defensive Innovation and Research (SPND) elenkata mill-UE, li hija parti mill-Ministeru tad-Difiża għal-Loġistika tal-Forzi Armati (MODAFL). L-attivitajiet tal-METFAZ jiffukaw fuq it-teknoloġija tad-detonazzjoni, u b’hekk jappoġġaw l-iżvilupp ta’ testati nukleari.

Għalhekk, METFAZ huwa involut f’attivitajiet nukleari tal-Iran li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni, u jipprovdi appoġġ għal dawn l-attivitajiet.

1.12.2011.”;

(2)

taħt l-intestatura “II. Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC)”, is-subintestatura “A. Persuni”, jitħassru l-entrati li ġejjin:

9.

Mohammad PAKPUR;

11.

Hossein SALAMI;

19.

Brigadier Ġeneral tal-IRGC Amir Ali Haji ZADEH.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1836/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)