European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/908

20.3.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/908

tas-17 ta’ Jannar 2024

li jemenda r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 fir-rigward tal-għadd u l-ismijiet tal-Bordijiet Xjentifiċi permanenti tal-Awtorità Ewropea tas-Sigurtà fl-Ikel

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistipula l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 28(4), it-tieni subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistabbilixxi għaxar bordijiet xjentifiċi responsabbli biex jipprovdu l-opinjonijiet xjentifiċi tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”), kull wieħed bl-isferi tiegħu ta’ kompetenza. Dawk il-bordijiet jinkludu, fost l-oħrajn, il-Bord dwar il-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel, l-enzimi u l-għajnuna għall-ipproċessar.

(2)

Minħabba żviluppi tekniċi u xjentifiċi kontinwi li jżidu l-kumplessità tal-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju flimkien mal-ħtieġa li jiġi adottat għadd kbir ta’ opinjonijiet xjentifiċi kull sena, il-Bord dwar il-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel, l-enzimi u l-għajnuna għall-ipproċessar jiffaċċja diffikultajiet fil-ġestjoni tax-xogħol tiegħu, anke fir-rigward tal-għarfien espert meħtieġ.

(3)

Għalhekk, fl-1 ta’ Awwissu 2023, l-Awtorità ppreżentat talba lill-Kummissjoni biex taqsam il-Bord dwar il-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel, l-enzimi u l-għajnuna għall-ipproċessar f’żewġ bordijiet ġodda. L-objettiv ta’ dan il-qsim hu li jiġu indirizzati t-talbiet pendenti għall-għoti ta’ opinjonijiet xjentifiċi fil-qasam tal-enzimi tal-ikel fid-dawl taż-żieda fix-xogħol kif ukoll tal-kumplessità xjentifika u teknika tal-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju, għall-finijiet, fost l-oħrajn, tal-appoġġ għax-xogħol tal-Kummissjoni fl-istabbiliment tal-lista tal-Unjoni ta’ enzimi tal-ikel awtorizzati, filwaqt li jkompli x-xogħol marbut ma’ kwistjonijiet rigward il-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel.

(4)

Huwa mistenni li l-ħolqien ta’ dawn iż-żewġ bordijiet ġodda jtejjeb l-effiċjenza operattiva u l-effettività tax-xogħol xjentifiku tal-Awtorità, pari passu mal-iżviluppi tekniċi u xjentifiċi fl-oqsma rispettivi. Ix-xogħol tal-bordijiet il-ġodda jenħtieġ li jsir immirat lejn l-oqsma tal-enzimi tal-ikel u tal-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel, u dan jeħtieġ għarfien espert iktar fil-fond rigward il-kompożizzjoni tal-bordijiet filwaqt li jappoġġa d-distribuzzjoni effiċjenti tax-xogħol.

(5)

Għalhekk, jixraq u huwa meħtieġ li l-Bord dwar il-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel, l-enzimi u l-għajnuna għall-ipproċessar jinqasam f’żewġ bordijiet ġodda, imsejħa rispettivament “il-Bord dwar l-enzimi tal-ikel” u “l-Bord dwar il-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel”. Il-valutazzjoni tal-għajnuna għall-ipproċessar tista’ taqa’ taħt ir-responsabbiltà taż-żewġ bordijiet ġodda, skont il-karattru tal-għajnuna għall-ipproċessar li tkun qed tiġi kkunsidrata u l-użu maħsub tagħha. Għalhekk, mhuwiex meħtieġ li tiġi inkluża speċifikament ir-referenza għall-għajnuna għall-ipproċessar fit-titoli tal-bordijiet ġodda, sabiex tiġi żgurata l-flessibbiltà biex il-valutazzjoni tagħhom tiġi assenjata lill-iktar bord rilevanti.

(6)

Il-mandat attwali tal-Bord dwar il-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel, l-enzimi u l-għajnuna għall-ipproċessar għandu jintemm fit-30 ta’ Ġunju 2024. Iż-żewġ bordijiet ġodda jenħtieġ li jibdew jiffunzjonaw mill-1 ta’ Lulju 2024. Għaldaqstant jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Lulju 2024.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 178/2002 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 28(4) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, l-ewwel subparagrafu huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt (j) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(j)

il-Bord dwar l-enzimi tal-ikel;”

(2)

jiżdied il-punt (k) ġdid li ġej:

“(k)

il-Bord dwar il-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Jannar 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/178/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/908/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)