31.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 99/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/462

tal-20 ta’ Frar 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, dwar l-iskambju ta’ informazzjoni biex jiġi evalwat l-impatt tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri li jemenda dak il-Ftehim

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(3), l-ewwel subparagrafu, u (4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (1) (minn hawn ’il quddiem, il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) ġie konkluż f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni 2000/204/KE, KEFA tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2000.

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2019/217 (3) tiegħu, il-Kunsill approva l-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (4) (minn hawn ’il quddiem, il-“Ftehim Emendatorju”), bil-għan li l-preferenzi tariffarji previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiġu estiżi għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 81 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, ġie stabbilit Kumitat ta’ Assoċjazzjoni, inkarigat li jieħu ħsieb il-ġestjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Taħt l-Artikolu 83 tal-istess Ftehim, il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni għandu s-setgħa li jieħu d-deċiżjonijiet għall-ġestjoni tal-Ftehim kif ukoll fl-oqsma li fihom il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jkun iddelegalu s-setgħat tiegħu.

(4)

Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni, sa mhux aktar tard minn xahrejn wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Emendatorju, għandu l-obbligu jadotta deċiżjoni dwar il-modalitajiet tal-evalwazzjoni tal-impatt tal-Ftehim Emendatorju, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli u speċjalment f’dak li jirrigwarda l-vantaġġi għall-popolazzjonijiet ikkonċernati u l-isfruttament tar-riżorsi naturali tas-Saħara tal-Punent.

(5)

Jenħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni billi d-deċiżjoni prevista tkun vinkolanti għall-Unjoni.

(6)

Sabiex jiġi żgurat segwitu għall-effetti tal-Ftehim Emendatorju fuq il-popolazzjonijiet ikkonċernati u fuq l-isfruttament tar-riżorsi naturali tat-territorji kkonċernati, il-Ftehim Emendatorju jipprevedi espliċitament qafas xieraq u proċedura xierqa li jippermettu lill-Partijiet li, permezz ta’ skambji regolari ta’ informazzjoni, jevalwaw l-impatt tiegħu matul l-implimentazzjoni tiegħu. L-Unjoni u r-Renju tal-Marokk qablu li reċiprokament jiskambjaw informazzjoni fil-qafas tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni mill-inqas darba fis-sena. Għalhekk jenħtieġ li jiġu determinati l-modalitajiet speċifiċi għal dan l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni bil-ħsieb tal-adozzjoni tagħhom mill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni.

(7)

L-għan tal-iskambju ta’ informazzjoni jikkorrispondi għall-għan tar-rapport tal-11 ta’ Ġunju 2018 imfassal mis-servizzi tal-Kummissjoni flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar il-benefiċċji għall-popolazzjoni tas-Saħara tal-Punent, u dwar il-konsultazzjoni ta’ dik il-popolazzjoni, tal-estensjoni ta’ preferenzi tariffarji għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent.

(8)

F’dak li jirrigwarda l-impatt fuq l-ekonomija tat-territorju, l-informazzjoni disponibbli sa issa tikkonċerna l-aktar lill-agrikoltura u lis-sajd, iżda l-preferenzi jikkonċernaw lill-prodotti kollha; id-data skambjata tista’ b’hekk tevolvi skont l-evoluzzjoni tal-attivitajiet fis-Saħara tal-Punent. Barra minn hekk, l-iskambju ta’ informazzjoni ma jiffokax esklussivament fuq l-aspetti ekonomiċi (il-benefiċċji fis-sens strett) iżda jrid jippermetti evalwazzjoni usa’, li tinkorpora aspetti tali bħall-iżvilupp sostenibbli u l-impatt fuq l-isfruttament tar-riżorsi naturali.

(9)

Ir-Renju tal-Marokk għalhekk aċċetta li jistabbilixxi, separatament, mekkaniżmu għall-ġbir ta’ data statistika dwar l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni ta’ prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent, u din id-data se titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni kif ukoll tas-servizzi doganali tal-Istati Membri fuq bażi ta’ kull xahar.

(10)

Ir-Renju tal-Marokk se jkun jista’ jitlob lill-Unjoni għal informazzjoni dwar il-produzzjoni u l-kummerċ ta’ kategoriji ta’ prodotti speċifiċi ta’ interess għar-Renju tal-Marokk, abbażi tas-sistemi tal-informazzjoni li diġà jeżistu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Renju tal-Marokk, stabbilit permezz tal-Artikolu 81 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-imsemmi Kumitat ta’ Assoċjazzjoni li jinsab mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Frar 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

B. DIVJAK


(1)   ĠU L 70, 18.3.2000, p. 2.

(2)  Id-Deċiżjoni 2000/204/KE, KEFA tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Jannar 2000 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU L 70, 18.3.2000, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/217 tat-28 ta’ Jannar 2019 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal- Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r- Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU L 34, 6.2.2019, p. 1).

(4)   ĠU L 34, 6.2.2019, p. 4.


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru ../.....

TAL-KUMITAT TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-RENJU TAL-MAROKK

ta’...

dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk bil-għan li jiġi evalwat l-impatt tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra

IL-KUMITAT TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-RENJU TAL-MAROKK,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju tas-26 ta’ Frar 1996 li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 83 tiegħu

Wara li kkunsidra l-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk tal-25 ta’ Ottubru 2018 dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra,

Billi:

(1)

Il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem, il-“Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri”), daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Lulju 2019.

(2)

Dan il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri ġie konkluż mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet rispettivi tal-Unjoni Ewropea dwar l-istatus tas-Saħara tal-Punent u r-Renju tal-Marokk fuq l-imsemmi reġjun.

(3)

Permezz ta’ dan il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri, il-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent li huma soġġetti għall-kontroll tal-awtoritajiet doganali tar-Renju tal-Marokk jibbenefikaw mill-istess preferenzi kummerċjali bħal dawk mogħtija mill-Unjoni Ewropea għall-prodotti koperti mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem, il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”).

(4)

Fi spirtu ta’ sħubija u sabiex il-Partijiet ikunu jistgħu jevalwaw l-impatt tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri, b’mod partikolari fuq l-iżvilupp sostenibbli, speċjalment fir-rigward tal-vantaġġi għall-popolazzjonijiet ikkonċernati u l-isfruttament tar-riżorsi naturali tat-territorji kkonċernati, l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk qablu li jiskambjaw informazzjoni fil-qafas tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni mill-inqas darba fis-sena.

(5)

Il-modalitajiet speċifiċi ta’ dan l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni jridu jiġu adottati mill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Fi spirtu ta’ sħubija u sabiex il-Partijiet ikunu jistgħu jevalwaw l-impatt tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri matul l-applikazzjoni tiegħu f’perspettiva ta’ żvilupp sostenibbli, l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk qablu li jiskambjaw reċiprokament informazzjoni fil-qafas tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fuq il-bażi ta’ kull sena.

2.   L-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk għandhom jiskambjaw id-data meqjusa bħala pertinenti fis-setturi ta’ attività ewlenin ikkonċernati kif ukoll informazzjoni statistika, ekonomika, soċjali u ambjentali, b’mod partikolari fir-rigward tal-vantaġġi li jġib il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri għall-popolazzjonijiet ikkonċernati u l-isfruttament tar-riżorsi naturali tat-territorji kkonċernati. Fl-anness ta’ din id-Deċiżjoni tinsab lista’ ta’ informazzjoni pertinenti.

Dan l-iskambju se jsir abbażi ta’ komunikazzjoni bil-miktub, trażmessa minn qabel, mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Marzu ta’ kull sena; din il-komunikazzjoni tista’ tiġi segwita minn talbiet għal kjarifiki u minn kwistjonijiet supplementari, fl-ambitu tat-temi stabbiliti f’din id-Deċiżjoni. Ir-risposti għandhom jingħataw mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Ġunju ta’ kull sena.

3.   Barra minn hekk, il-Partijiet qablu wkoll, fi spirtu ta’ sħubija u sabiex il-Partijiet ikunu jistgħu jevalwaw l-impatt tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri, li r-Renju tal-Marokk jista’ jitlob lill-Unjoni Ewropea għal informazzjoni dwar il-produzzjoni u l-kummerċ ta’ kategoriji ta’ prodotti speċifiċi ta’ interess partikolari għar-Renju tal-Marokk, abbażi tas-sistemi ta’ informazzjoni li diġà jeżistu.

Għal dan il-għan, ir-Renju tal-Marokk jittrażmetti t-talba tiegħu bil-miktub lill-Unjoni Ewropea mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Marzu ta’ kull sena; din il-komunikazzjoni tista’ tiġi segwita minn talbiet għal kjarifiki u minn kwistjonijiet supplementari. Ir-risposti għandhom jingħataw mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Ġunju ta’ kull sena.

4.   Il-Partijiet għandhom jieħdu nota ta’ dawn l-iskambji fil-qafas tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni darba kull sena.

5.   Il-Partijiet għandhom jaqblu, matul ix-xahar ta’ wara l-laqgħa, dwar il-minuti li jinkludu l-konklużjonijiet tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni.

Artikolu 2

L-Anness huwa parti integrali minn din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi ..., ... 2020

Għall-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE - Renju tal-Marokk


ANNESS

INFORMAZZJONI PERTINENTI FIL-QAFAS TAL-ISKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI PREVIST FIL-FTEHIM FIL-FORMA TA’ SKAMBJU TA’ ITTRI

L-informazzjoni skambjata għandha tippermetti l-aġġornament tar-rapport imfassal mis-servizzi tal-Kummissjoni flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tal-11 ta’ Ġunju 2018  (1). L-iskambju ta’ informazzjoni għandu b’hekk jinkorpora l-informazzjoni dettaljata li tippermetti li ssir l-evalwazzjoni tal-impatt tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri waqt li jkun qiegħed jiġi implimentat, inkluża informazzjoni ġenerali dwar it-territorji u l-popolazzjonijiet ikkonċernati. Din l-informazzjoni hija maħsuba biss għal finijiet ta’ evalwazzjoni u għat-tfassil tal-aġġornamenti tar-rapport imsemmi mis-servizzi tal-Kummissjoni u mis-SEAE. Bħala indikazzjoni, dawn li ġejjin huma eżempji ta’ informazzjoni pertinenti:

1.

Informazzjoni pprovduta mir-Renju tal-Marokk:

(a)

Informazzjoni ġenerali:

*

statistika soċjo-ekonomika u statistika ambjentali.

(b)

Informazzjoni dwar is-setturi ekonomiċi ewlenin tal-esportazzjoni

*

il-produzzjoni skont it-tip ta’ prodott;

*

is-superfiċji sfruttata u l-volumi tal-ħsad;

*

l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni Ewropea skont il-volum u skont il-valur;

*

l-attivitajiet ekonomiċi tal-operaturi lokali relatati mas-setturi koperti mill-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri u l-impjiegi ġġenerati;

*

il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi;

*

l-istabbilimenti ta’ produzzjoni.

2.

Informazzjoni pprovduta mill-UE:

Informazzjoni dwar il-kummerċ fi prodotti esportati lejn ir-Renju tal-Marokk skont il-kodiċi doganali, skont il-volum u skont il-valur, kif ukoll, sa fejn din l-istatistika tkun disponibbli, dwar il-produzzjoni ta’ prodotti speċifiċi.

3.

Informazzjoni pertinenti oħra:

Kif previst fil-korrispondenza skambjata bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Missjoni tar-Renju tal-Marokk għall-Unjoni Ewropea fis-6 ta’ Diċembru 2018, ir-Renju tal-Marokk se jistabbilixxi mekkaniżmu għall-ġbir tal-informazzjoni dwar l-esportazzjonijiet koperti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kif emendat permezz tal-Iskambju ta’ Ittri, li jipprovdi b’mod sistematiku u regolari, u kull xahar jagħmel disponibbli, data preċiża li tippermetti lill-Unjoni Ewropea jkollha informazzjoni trasparenti u affidabbli dwar l-oriġini ta’ dawn l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, skont ir-reġjun (2). Il-Kummissjoni Ewropea għandha jkollha aċċess dirett għal din id-data li hija għandha taqsam mal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Min-naħa tiegħu, ir-Renju tal-Marokk se jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu informazzjoni statistika trasparenti u affidabbli dwar l-esportazzjonijiet mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Renju tal-Marokk.


(1)   “Rapport dwar il-benefiċċji għall-popolazzjoni tas-Saħara tal-Punent, u dwar il-konsultazzjoni ta’ din il-popolazzjoni, tal-estensjoni ta’ preferenzi tariffarji għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent” tal-11 ta’ Ġunju 2018 (SWD/2018/346 final).

(2)  NB: dan il-mekkaniżmu ilu operattiv mill-1 ta’ Ottubru 2019.